Se Tibbenefika Int Minn Territorju Persunali?
1. X’inhu territorju persunali?
1 X’inhu territorju persunali? Dan huwa territorju li jkun tiegħek stess, forsi wieħed fejn tgħix int, u hu disponibbli f’kongregazzjonijiet li għandhom ħafna territorju. Il-ktieb Organizzati f’paġna 103 jispjega: “Meta jkollok territorju persunali f’post konvenjenti tkun tistaʼ tuża b’mod effettiv il-ħin li tistaʼ tiddedika għas-servizz taʼ l-għalqa. Ukoll, tistaʼ tistieden pubblikatur ieħor biex jaħdem miegħek fit-territorju persunali tiegħek.”
2. Territorju persunali kif jistaʼ jintuża biex jissupplimenta l-għoti taʼ xhieda bħala grupp?
2 Biex Jissupplimenta l-Għoti taʼ Xhieda Bħala Grupp: Jekk tikseb territorju persunali viċin l-impjieg tiegħek, tkun tistaʼ tieħu sehem fil-ministeru matul il-brejk jew qabel ma tmur lura d-dar, forsi maʼ xi pubblikatur ieħor li jaħdem fil-viċinanzi. Jekk tikseb territorju viċin taʼ fejn toqgħod, jistaʼ jkun konvenjenti għalik u għall-familja tiegħek biex tagħtu xhieda filgħaxijiet. Naturalment, jekk ma tmurx għal-laqgħa tas-servizz tal-għalqa, ikun xieraq li titlob għad-direzzjoni taʼ Ġeħova qabel tibda tipprietka. (Flp. 4:6) Barra minn hekk, għandek tibbilanċja l-ħin li tqattaʼ fit-territorju persunali mal-ħin li tappoġġa l-arranġamenti tal-kongregazzjoni tal-għoti taʼ xhieda bħala grupp. Speċjalment fi tmiem il-ġimgħa, meta ħafna jiltaqgħu għas-servizz tal-għalqa, ġeneralment ikun aħjar li tappoġġa l-grupp tas-servizz tal-għalqa tiegħek.
3. X’inhuma l-benefiċċji taʼ li jkollok territorju persunali?
3 Benefiċċji: Jekk ikollok territorju persunali, se jkollok xi mkien fejn tipprietka kull meta tippermettilek l-iskeda tiegħek. B’hekk, tkun tistaʼ tiddedika iktar ħin biex tipprietka u inqas ħin biex tivvjaġġa. Dan l-arranġament iktar flessibbli jippermetti lil xi wħud biex jaqdu bħala pijunieri awżiljarji jew regulari. Ladarba l-inkwilini li juru interess ikunu joqogħdu fl-inħawi tiegħek, ikun iktar faċli li tmur lura u tikkonduċi studji tal-Bibbja. Ħafna jibbenefikaw meta jippritkaw f’territorju persunali għax jgħinhom isiru jafu lill-inkwilini u dawn jibdew jafdawhom iktar, speċjalment jekk it-territorju jinħadem iktar minn darba qabel ma jingħata lura biex ikunu jistgħu jiħduh oħrajn. Territorju persunali jistaʼ jkun t’għajnuna għalik u għall-familja tiegħek biex twettqu l-ministeru tagħkom iktar bis-sħiħ.—2 Tim. 4:5.