Is-Sakranazzi Spiritwali—Min Huma?
“Gwaj għall-kuruna eminenti tas-sakranazzi taʼ Efraim.”—ISAIJA 28:1
1. Ħafna liema ottimiżmu ħassew, imma se jiġu mwettqin it-tamiet tagħhom?
QED ingħixu fi żminijiet kommoventi. Ħafna nies ġew imqanqlin minn bidliet politiċi drammatiċi madwar id-dinja u minn li jaraw iktar involviment mill-Ġnus Magħquda. F’Diċembru tal-1989 id-Detroit Free Press qal: “Hekk kif il-pjaneta tidħol fis-snin disgħin, faqqgħet il-paċi.” Rivista Sovjetika annunzjat: “Qed inħejju biex naħdmu sjufna f’sikek tal-moħriet,” fil-waqt li s-segretarju ġenerali tal-Ġnus Magħquda ddikjara: “Ma għadniex iktar fil-gwerra bierda.” Iva, it-tamiet kibru, u bla dubju, ix-xena tad-dinja qiegħda titbiddel. Iktar riċenti, il-gwerra tal-Golf uriet kemm il-bidliet jistgħu jseħħu b’mod imgħaġġel. Imma din id-dinja preżenti qatt se tidħol fi żmien taʼ paċi u sigurtà veri, bil-benefiċċji kollha li jiġu magħhom? It-tweġiba hija le. Fil-fatt, kriżi serja ħafna qed tifforma wara l-kwinti, kriżi li se theżhez lil did-dinja mill-pedamenti tagħha! Hija kriżi li fiha r-reliġjon hija involuta fil-fond.
2. Is-sitwazzjoni tal-lum kif kellha xebh f’Iżrael u Ġuda tal-qedem?
2 Din il-kriżi ngħatat stampa tagħha bil-quddiem bil-ġrajjiet f’Iżrael u f’Ġuda tal-qedem matul it-tminn u s-sebaʼ sekli Q.E.K. Lura f’dak iż-żmien, ukoll, in-nies ħasbu li forsi kisbu l-paċi. Imma Alla, permezz tal-profeta tiegħu Isaija, wissa li t-tama tagħhom għall-paċi kienet biss fantasija li malajr kienet se tinkixef. B’mod simili llum, Jehovah, permezz tax-Xhieda tiegħu, qiegħed issa jwissi lill-bnedmin li huma mqarrqin jekk jittamaw li jiksbu paċi dejjiema permezz tal-isforzi umani. Ejjew naqraw it-twissija profetika taʼ Jehovah u naraw kif tapplika llum. Tinsab f’kapitlu 28 taʼ Isaija u nkitbet qabel is-sena 740 Q.E.K., x’aktarx matul ir-renju tas-Sultan mill-agħar Peka taʼ Iżrael u tas-Sultan b’rasu iebsa Aħaż taʼ Ġuda.
“Is-Sakranazzi taʼ Efraim”
3. Isaija lissen liema denunzja li taħsdek?
3 Fl-ewwel vers taʼ kapitlu 28, niġu mheżhża bi stqarrija li taħsdek: “Gwaj għall-kuruna eminenti tas-sakranazzi taʼ Efraim, u għall-blanzun li qed jidbiel tat-tiżjin taʼ ġmiel tiegħu li qiegħed fuq ras il-wied fertili taʼ dawk li huma megħlubin mill-inbid!” Min jaf x’ħasda ħadu l-Iżraeliti meta semgħu dik il-kundanna vigoruża! Min kienu dawn is-“sakranazzi taʼ Efraim”? X’kienet il-“kuruna eminenti” tagħhom? U x’inhi “ras il-wied fertili”? Iktar importanti, dawn il-kelmiet x’jimplikaw għalina llum?
4. (a) X’kienu Efraim u ras il-wied fertili? (b) Iżrael għala ħass li kien fis-sigurtà?
4 Ladarba Efraim kien l-akbar wieħed mill-għaxar tribujiet taʼ Iżrael, it-terminu “Efraim” xi drabi kien jirreferi għas-saltna kollha tat-Tramuntana. Mela s-“sakranazzi taʼ Efraim” kienu fil-fatt is-sakranazzi taʼ Iżrael. Il-belt kapitali taʼ Iżrael kienet is-Samarija, li kienet fuq għolja prominenti fir-ras taʼ wied fertili. Mela l-espressjoni “ras il-wied fertili” tirreferi għas-Samarija. Meta nkitbu dawn il-kelmiet, is-saltna taʼ Iżrael kienet korrotta ħafna f’sens reliġjuż. Barra minn hekk, kienet daħlet f’alleanza politika mas-Sirja kontra Ġuda u issa ħassitha fis-sigurtà. (Isaija 7:1-9) Dan kien wasal biex jitbiddel. Kienet qiegħda toqrob kriżi, u dan kien għala Jehovah ippronunzja “gwaj għall-kuruna eminenti tas-sakranazzi taʼ Efraim.”
5. (a) X’kienet il-kuruna eminenti taʼ Iżrael? (b) Min kienu s-sakranazzi taʼ Efraim?
5 X’kienet il-“kuruna eminenti”? Kuruna hija simbolu taʼ awtorità rjali. Jidher li l-“kuruna eminenti” kienet il-pożizzjoni taʼ Iżrael bħala saltna separata, indipendenti minn Ġjuda. Kienet se tiġri xi ħaġa li kienet se teqred l-indipendenza rjali taʼ Iżrael. Min allura, kienu s-“sakranazzi taʼ Efraim”? Bla dubju, kien hemm sakranazzi litterali f’Iżrael, ladarba s-Samarija kienet ix-xena taʼ qima pagana bla rażan. Iżda, I-Bibbja titkellem dwar tip agħar taʼ sokor. F’Isaija 29:9, naqraw: “Saru xurbana imma mĦux bl-inbid; tħarrku mxenglin, imma mhux minħabba xorb li jsakkar.” Dan kien sokor spiritwali, sakra maħmuġa li ġġib il-mewt. Il-mexxejja taʼ Iżrael—b’mod partikulari l-mexxejja reliġjużi tiegħu—kienu jsofru preċiż minn din is-sakra spiritwali.
6. X’kien li sakkar lil Iżrael tal-qedem?
6 X’kienet il-kawża tas-sakra spiritwali taʼ Iżrael tal-qedem? Bażikament, kienet l-alleanza tiegħu mas-Sirja kontra Ġuda, li ġagħlet lill-mexxejja tal-ġens iħossuhom tajjeb u fis-sigurtà. Din is-sakra spiritwali poġġiet lil Iżrael ’il barra mir-realtà. Bħal sakranazz litterali, hu wera ottimiżmu għalkemm ma kienx hemm raġuni għal dan. Barra minn dan, Iżrael libes l-alleanza xurbana tiegħu mas-Sirja bi kburija, bħal girlanda taʼ ġmiel. Imma, kif igħid Isaija, din kienet ġirlanda li qed tidbiel li ma kinetx se ddum wisq iktar.
7, 8. Minkejja s-sentimenti tajbin tiegħu, Iżrael tal-qedem x’kien se jġarrab?
7 Isaija jenfasizza dan f’kapitlu 28, vers 2: “Ħares! Jehovah għandu lil xi ħadd b’saħħtu u vigoruż. Bħal maltempata bir-ragħad u s-silġ, tempesta qerrieda, bħal maltempata bir-ragħad taʼ ilmijiet qawwijin taʼ għargħar, hu ċertament li se jsabbat mal-art bil-forza.” Min kien dan ix-“xi ħadd b’saħħtu u vigoruż“? Fi żmien Iżrael tal-qedem, kien l-Imperu setgħan Assirjan. Din il-qawwa dinjija krudili u bla qalb kellha tiġi fuq Iżrael bħal maltempata bir-ragħad taʼ ilmijiet qawwijin taʼ għargħar. B’liema riżultat?
8 Isaija jissokta jgħid: “Bis-saqajn il-kuruni eminenti tas-sakranazzi taʼ Efraim se jgħaffġu fuqhom. U l-fjura li qed tidbiel tat-tiżjin taʼ ġmiel tiegħu, li qiegħda fuq ras il-wied fertili, trid issir bħat-tina bikrija qabel is-sajf, li, meta dak li jara jaraha, waqt li għadha fil-pala t’idu, jiblagħha.” (Isaija 28:3, 4) Il-belt kapitali taʼ Iżrael, is-Samarija kienet bħal tina misjura għall-Assirja, lesta biex tinqataʼ u tinbala’. L-alleanza bħal girlanda taʼ Iżrael mas-Sirja kienet se tiġi mirfusa. Ma kellha ebda valur meta ġie jum ir-rendikont. Saħansitra agħar, il-glorja taʼ indipendenza tiegħu bħal kuruna kellha titgħaffeġ taħt is-saqajn tal-għadu Assirjan. X’katastrofi!
‘Qassis u Profeta Jitilfu t-Triq’
9. Ġuda għala setaʼ stenna messaġġ aħjar mingħand Jehovah milli ħa Iżrael tal-qedem?
9 Iva, rendikont tal-biżaʼ kien qed jistenna lil Iżrael, u sewwa sew bħalma Alla Jehovah kien wissa, dak ir-rendikont ġie fis-sena 740 Q.E.K. meta s-Samarija inqerdet mill-Assirja u s-saltna tat-Tramuntana ma baqgħetx teżisti bħala ġens indipendenti. Dak li ġara lil Iżrael tal-qedem qiegħed hemm bħala twissija ħarxa għar-reliġjon falza u mhux leali tal-lum, kif se naraw. Imma xi ngħidu dwar Ġuda, is-saltna qariba taʼ Iżrael, lejn in-Nofs in-Nhar? Fi żmien Isaija t-tempju taʼ Jehovah kien għadu jiffunzjona f’Ġerusalemm, il-belt kapitali taʼ Ġuda. Is-saċerdozju kien għadu jopera hemm, u profeti bħal Isaija, Hosea, u Mikea tkellmu f’isem Jehovah. Allura, Jehovah x’messaġġ kellu għal Ġuda?
10, 11. Liema sitwazzjoni moqżieża kienet teżisti f’Ġuda?
10 Isaija jissokta jgħidilna: “Dawn ukoll [jiġifieri, il-qassisin u l-profeti taʼ Ġerusalemm]—minħabba l-inbid tilfu t-triq u minħabba xorb li jsakkar marru ’l hawn u ’l hemm. Qassis u profeta—tilfu t-triq minħabba xorb li jsakkar.” (Isaija 28:7a) Milli jidher, il-mexxejja reliġjużi taʼ Ġuda kienu wkoll fis-sakra. X’aktarx, bħal fil-każ taʼ Iżrael, xi wħud kienu sakranazzi f’sens litterali, u jekk inhu hekk, din kienet ħaġa taʼ diżunur terribbli. Il-Liġi t’Alla b’mod speċifiku pprojbiet lill-qassisin milli jieħdu xorb qawwi meta kienu jaqdu fit-tempju. (Levitiku 10:8-11) Sokor litterali fid-dar t’Alla kien ikun ksur li jaħsdek tal-Liġi t’Alla.
11 Iktar serju minn hekk, iżda, kien hemm sokor spiritwali f’Ġuda. Sewwa sew bħalma Iżrael kien intrabat f’alleanza mas-Sirja kontra Ġuda, hekk Ġuda fittex is-sigurtà permezz taʼ alleanzi mal-Assirja. (2 Slaten 16:5-9) Minkejja l-preżenza tat-tempju t’Alla u tal-profeti tiegħu, Ġuda poġġa l-fidi tiegħu fil-bnedmin meta hu suppost li fada f’Jehovah. Barra minn dan, billi ffurmaw din l-alleanza mhux għaqlija, il-mexxejja tiegħu ħassewhom ħielsa mir-responsabbiltà bħall-ġirien tagħhom fis-sakra spiritwalment lejn it-Tramuntana. L-attitudni irresponsabbli tagħhom kienet diżgustanti għal Jehovah.
12. X’kellu jirriżulta mis-sokor spiritwali taʼ Ġuda?
12 Isaija jissokta jgħid: “Saru mħawdin b’riżultat tal-inbid, marru ’l hawn u ’l hemm b’riżultat tax-xorb li jsakkar; tilfu t-triq f’li jaraw, ixxenglu dwar deċiżjoni. Għax l-imwejjed infushom ilkoll saru mimlijin remettar maħmuġ—m’hemm ebda post mingħajru.” (Isaija 28:7b, 8) Wisq probabbli, fl-istat taʼ sakra tagħhom, xi wħud litteralment irremettew fit-tempju. Imma saħansitra iktar agħar, il-qassisin u l-profeti li suppost taw gwida reliġjuża kienu qed jirremettu ’l barra ħmieġ spiritwali. Iktar minn hekk, bl-eċċezzjoni taʼ xi ftit li baqgħu leali, il-ġudizzji tal-profeti kienu mgħawġin, u huma raw bil-quddiem affarijiet foloz għall-ġens. Jehovah kien se jikkastiga lil Ġuda għal dan in-nuqqas taʼ ndafa spiritwali.
Sakranazzi Spiritwali Llum
13. Liema xebh għas-sitwazzjoni f’Iżrael u Ġuda kienet teżisti fl-ewwel seklu E.K., u liema xebh jeżisti llum?
13 Kienu l-profeziji taʼ Isaija mwettqin biss fuq Iżrael u Ġuda tal-qedem? Xejn affattu. Kemm Ġesù kif ukoll l-appostlu Pawlu kkwotaw kliemu dwar sokor spiritwali u applikawh għall-mexxejja reliġjużi taʼ żmienhom. (Isaija 29:10, 13; Mattew 15:8,9; Rumani 11:8) Illum, ukoll, qamet sitwazzjoni bħal dik fi żmien Isaija—din id-darba fil-Kristjaneżmu, organizzazzjoni reliġjuża dinjija li tistqarr li tirrappreżenta lil Alla. Minflok ma jieħu waqfa soda għall-verità u jistrieħ fuq Jehovah, il-Kristjaneżmu, Kattoliku u Protestant, ipoġġi l-fidi tiegħu fid-dinja. Huwa b’hekk jixxengel ’l hawn u ’l ħinn bħas-sakranazzi taʼ Iżrael u Ġuda. Is-sakranazzi spiritwali taʼ dawk il-ġnus tal-qedem jiffiguraw tajjeb lill-mexxejja spiritwali tal-Kristjaneżmu llum. Ejjew naraw eżatt kif.
14. Il-mexxejja reliġjużi tal-Kristjaneżmu kif inhuma fis-sakra daqs kemm kienu l-mexxejja taʼ Samarija u Ġerusalemm tal-qedem?
14 Bhas-Samarija u Ġerusalemm, il-Kristjaneżmu xorob fil-fond mill-inbid tal-alleanzi politiċi. Fl-1919 hu kien fost dawk li minn taʼ quddiem avvanzaw lil-Lega tan-Nazzjonijiet. Fil-waqt li Ġesù qal li l-Kristjani ma kellhom ikunu ebda parti mid-dinja, il-mexxejja tal-Kristjaneżmu jikkultivaw relazzjonijiet maʼ mexxejja politiċi. (Ġwann 17:14-16) L-inbid simboliku taʼ din l-attività huwa stimulanti għall-kleru. (Qabbel Rivelazzjoni 17:4.) Huma jieħdu gost jiġu kkonsultati minn politikanti u li jassoċjaw mal-kbarat taʼ din id-dinja. Bħala riżultat, ma għandhom l-ebda gwida spiritwali x’jagħtu. Huma jirremettu n-nuqqas taʼ ndafa minflok ma jitkellmu l-messaġġ pur tal-verità. (Sofonija 3:9) Bil-vista tagħhom imċajpra u mħawda, m’humiex gwidi taʼ min joqgħod fuqhom għall-umanità.—Mattew 15:14.
“Kmand Wara Kmand”
15, 16. In-nies taʼ żmien Isaija kif wieġbu għat-twissijiet tiegħu?
15 Fit-tminn seklu Q.E.K., Isaija kixef il-korsa ħażina tal-mexxejja spiritwali taʼ Ġuda b’mod partikulari. Huma kif wieġbu? Ma ħamlux! Meta Isaija ppersista f’li jxandar it-twissijiet t’Alla, il-mexxejja reliġjużi wieġbu bil-herra: “Wieħed lil min se jgħallem fil-għarfien, u wieħed lil min se jagħmlu jifhem dak li nstamaʼ? Lil dawk li ġew miftumin mill-ħalib, lil dawk imwarrbin mill-isdra?” (Isaija 28:9) Iva, ħaseb Isaija li kien qed ikellem lit-trabi ċkejknin? Il-mexxejja reliġjużi taʼ Ġerusalemm kienu jikkunsidraw lilhom infushom bħala rġiel kbar, kapaċi għalkollox li jieħdu deċiżjonijiet għalihom infushom. Huma ma kellhomx bżonn jisimgħu t-tfakkiriet ripetuti taʼ Isaija.
16 Dawk ir-reliġjonisti saħansitra vvintaw ċajta dwar ix-xogħol tal-ippridkar taʼ Isaija. Kienu jirrepetulu kantaliena: “Għax hu ‘kmand wara kmand, kmand wara kmand, linja taʼ kejl wara linja taʼ kejl, linja taʼ kejl wara linja taʼ kejl, hawn ftit, hemm ftit.’” (Isaija 28:10) ‘Isaija joqgħod jirrepeti l-istess ħaġa,’ qalu huma. ‘Joqgħod igħid: “Dan hu li Jehovah ikkmanda! Dan hu li Jehovah ikkmanda! Dan hu l-livell taʼ Jehovah! Dan hu l-livell taʼ Jehovah!”’ Fl-Ebrajk oriġinali, Isaija 28:10 huwa rima ripetituża, pjuttost bħal kantaliena tat-tfal. U hekk hu kif deher il-profeta għall-mexxejja reliġjużi, jirrepeti ruħu u bħat-tfal.
17. Ħafna llum kif jirreaġixxu għall-messaġġ taʼ twissija pproklamat mix-Xhieda taʼ Jehovah?
17 Fl-ewwel seklu E.K., l-ippridkar taʼ Ġesù u tad-dixxipli tiegħu nstemaʼ bl-istess mod ripetituż u mhux sofistikat. Dawk li segwew lil Ġesù kienu meqjusin mill-mexxejja reliġjużi Lhud bħala xi nies misħutin u taʼ wara l-muntanji, irġiel bla skola u ordinarji. (Ġwann 7:47-49; Atti 4:13) Ix-Xhieda taʼ Jehovah illum taʼ spiss jiġu meqjusin bl-istess mod. M’attendewx is-seminarji tal-Kristjaneżmu, u ma jużawx titli bombastiċi jew terminoloġija teoloġika bħall-kleru. Mela l-kbarat tal-Kristjaneżmu jarawhom dubbien, billi jaħsbu li dawn għandhom jagħrfu posthom u jagħtu lil dawn il-mexxejja reliġjużi iżjed rispett.
18. Mexxejja reliġjużi llum liema ħaġa jinjoraw?
18 Madankollu, hemm xi ħaġa li dawk il-mexxejja reliġjużi qed jinjoraw. Għalkemm il-kbarat taʼ żmien Isaija ċaħdu l-messaġġ tiegħu, hu kien qed igħid il-verità, u t-twissijiet tiegħu verament twettqu! B’mod simili, it-twissijiet li x-Xhieda taʼ Jehovah ilissnu llum huma veri, ibbażati b’mod sod fuq il-Kelma t’Alla taʼ verità, il-Bibbja. (Ġwann 17:17) B’hekk, dawn se jitwettqu.
Ir-Rendikont
19. Ġuda kif ġie sfurzat biex jagħti kas xi barranin li kienu jitkellmu lingwa bit-temtim?
19 F’Isaija 28:11, naqraw: “Għax b’dawk li jtemtmu b’xofftejhom u bi lsien barrani hu se jkellem lil dal-poplu.” It-tagħlim taʼ Isaija nstemaʼ bħal tpaċpiċ b’lingwa stranġiera għal Ġuda. Għalkemm Ġuda skansa l-minaċċa Assirjana li kienet għelbet lil Iżrael, maż-żmien Jehovah ittratta maʼ Ġuda permezz taʼ stranġier ieħor, Nebukadneżżar. (Ġeremija 5:15-17) Il-lingwa Babilonjana kienet tinstemaʼ ħarxa u li ttemtem għal dawk l-Ebrej. Imma ġew imġegħlin jisimgħuha meta Ġerusalemm u t-tempju tagħha ġew meqrudin fis-sena 607 Q.E.K. u l-abitanti ġew imkaxkrin lejn l-eżilju Babilonjan. Bl-istess mod illum, il-Kristjaneżmu dalwaqt se jkollu jsofri għaliex, bħal Ġuda tal-qedem, hu jinjora l-eżortazzjonijiet taʼ Jehovah.
20, 21. Ix-Xhieda taʼ Jehovah liema ħaġa jipproklamaw bla waqfien, imma l-mexxejja tal-Kristjanezmu liema ħaġa jirrifjutaw li jagħmlu?
20 Il-profezija tgħid dwar uħud bħal dawn: “Dawk li lilhom qal: ‘Dan hu l-post tal-mistrieħ. Agħtu serħan lill-għajjien. U dan hu l-post tas-serħan,’ imma li ma kinux lesti jisimgħu. U għalihom il-kelma taʼ Jehovah ċertament li se ssir ‘kmand wara kmand, kmand wara kmand, linja taʼ kejl wara linja taʼ kejl, linja taʼ kejl wara linja taʼ kejl, hawn ftit, hemm ftit,’ sabiex jistgħu jmorru u ċertament jieħdu gambetta lura u attwalment jitkissru u jidħlu f’nassa u jinqabdu.”—Isaija 28:12,13.
21 Bla heda, sewwa sew bħalma Isaija tkellem il-messaġġ t’Alla, ix-Xhieda taʼ Jehovah igħidu lill-Kristjaneżmu li għandu jpoġġi t-tama tiegħu fil-kelma taʼ Jehovah. Imma hu jirrifjuta li jismaʼ. Għalih, ix-Xhieda qishom qed ipaċpċu b’ilsien stranġier. Huma jitkellmu lingwa li hu ma jistax jifhimha. Il-Kristjaneżmu jirrifjuta li jagħti mistrieħ lill-għajjien billi jgħidlu dwar is-Saltna t’Alla u d-dinja ġdida li ġejja. Minflok, hu fis-sakra bl-inbid tar-relazzjoni tiegħu maʼ did-dinja. Jippreferi jagħti appoġġ lil soluzzjonijiet politiċi għall-problemi tal-umanità. Bħal-Lhud taʼ żmien Ġesù, ma fittixx il-post taʼ mistrieħ tas-Saltna għalih innifsu u mhux se jgħid lil oħrajn dwaru.—Mattew 23:13.
22. Jehovah jiġbed l-attenzjoni tal-mexxejja tal-Kristjaneżmu lejn liema ħaġa?
22 B’hekk, il-kliem profetiku taʼ Isaija qed javża lill-kleru li Jehovah mhux se jitkellem dejjem permezz tax-Xhieda inoffensivi Tiegħu. Dalwaqt, Jehovah se jwettaq b’effett il-“kmand wara kmand, linja taʼ kejl wara linja taʼ kejl” tiegħu, u r-riżultat se jkun katastrofiku għall-Kristjaneżmu. Il-mexxejja reliġjużi tiegħu u l-merħliet tagħhom se “jitkissru u jidħlu f’nassa u jinqabdu.” Iva bħal Ġerusalemm tal-qedem, is-sistemi reliġjużi tal-Kristjaneżmu se jinqerdu għalkollox. Xi żvilupp allarmanti u mhux mistenni se jkun dak! U x’riżultat tal-biżaʼ talli l-kleru jippreferu sokor spiritwali milli t-tfakkiriet taʼ Jehovah!
Tistaʼ Tispjega?
◻ Min kienu s-sakranazzi taʼ Efraim, u x’kien li sakkarhom?
◻ Il-kuruni eminati tas-sakranazzi taʼ Efraim kif kienu mgħaffġin taħt is-saqajn?
◻ Isaija kixef liema sitwazzjoni taʼ għajb f’Ġuda?
◻ Fejn illum naraw sokor spiritwali?
◻ Il-Krisjaneżmu għala għandu jagħti kas dak li ġara lill-ġens taʼ Ġuda tal-qedem?