Il-Kenn Tagħhom—Gidba
“Għamilna gidba l-kenn tagħna u fil-qerq inħbejna.”—ISAIJA 28:15.
1, 2 (a) Liema organizzazzjoni llum għandha tieħu nota taʼ dak li ġara lis-saltna antika taʼ Ġuda? (b) Ġuda kellu liema fiduċja spostata?
JAPPLIKAW dawk il-kelmiet għall-Kristjaneżmu tal-lum bħalma applikaw għas-saltna tal-qedem taż-żewg tribujiet taʼ Ġuda? Żgur li japplikaw! U dak ix-xebh huwa sinjal ħażin għall-Kristjaneżmu modern. Ifisser li katastrofi dalwaqt se tiġi fuq dik l-organizzazzjoni reliġjuża apostata.
2 Lejn it-Tramuntana taʼ Ġuda kien hemm is-saltna tal-għaxar tribujiet taʼ Iżrael. Meta s-saltna taʼ Iżrael uriet li ma kellhiex fidi, Jehovah ippermetta li tiġi mirbuħa mill-Assirja fis-sena 740 Q.E.K. Oħtha s-saltna taʼ Ġuda rat b’għajnejha lil din il-ġrajja traġika imma jidher ċar li hi ħasset li ħaġa bħal din qatt ma kellha tiġri lilha. ‘Mur ara,’ ftaħru l-mexxejja tagħha, ‘it-tempju taʼ Jehovah m’għadux jopera f’Ġerusalemm? M’aħniex aħna l-poplu favorit t’Alla? Il-qassisin u l-profeti tagħna mhux f’isem Jehovah qed jitkellmu?’ (Qabbel Ġeremija 7:4, 8-11.) Dawk il-mexxejja reliġjużi kienu kunfidenti li kellhom jiġu protetti. Imma kienu żballjati! Huma kienu neqsin mill-fidi daqs ħuthom tat-Tramuntana. Mela, dak li ġara lis-Samarija kellu jiġri wkoll lil Ġerusalemm.
3. Il-Kristjaneżmu għala jħossu fiduċjuż dwar il-futur, imma hemm raġuni tajba għall-fiduċja tiegħu?
3 B’mod simili, il-Kristjaneżmu jippretendi li għandu relazzjoni speċjali m’Alla. ‘Mur ara,’ jiftaħar hu, ‘għandna għaxriet taʼ eluf taʼ knejjes u kleru professjonali, kif ukoll mijiet taʼ miljuni taʼ membri. Għandna wkoll il-Bibbja, u nużaw l-isem taʼ Ġesù fil-qima tagħna. Żgur li aħna ffavoriti minn Alla!’ Imma dak li ġara lil Ġerusalemm tal-qedem jikkostitwixxi twissija serja. Minkejja l-iżviluppi politiċi straordinarji taʼ dan l-aħħar, nafu li Jehovah dalwaqt se jaġixxi b’mod deċiżiv kontra l-Kristjaneżmu u r-reliġjonijiet foloz l-oħra kollha.
“Patt mal-Mewt”
4. Ġuda ħaseb li kien għamel liema patt?
4 Fi żmien l-antik, Ġerusalemm mhix leali rċeviet ħafna twissijiet permezz tal-profeti veri t’Alla, imma hi m’emmnithomx. Minflok, hi ftaħret li l-mewt qatt ma kienet se tniżżilha ġo Xeol, il-qabar, bħalma kienet ħadet lis-saltna tat-Tramuntana taʼ Iżrael. Isaija l-profeta kien imnebbaħ biex igħid lil Ġuda: “Għalhekk isimgħu l-kelma taʼ Jehovah, intom li żżebilħu, intom il-ħakkiema taʼ dal-poplu li qegħdin f’Ġerusalemm: Għaliex intom għedtu: ‘Ikkonkludejna patt mal-Mewt; u maʼ Xeol għamilna viżjoni; il-għarqa ħesrem li tfur, f’każ li tgħaddi minn hawn, ma tiġix għalina, għax għamilna gidba l-kenn tagħna u fil-qerq inħbejna.”’—Isaija 28:14, 15.
5. (a) X’kien it-taparsi patt taʼ Ġuda mal-mewt? (b) Ġuda kien nesa liema twissija mogħtija lis-Sultan Asa?
5 Iva, il-mexxejja taʼ Ġerusalemm ħasbu li kellhom ftehim, bħal li kieku, mal-mewt u Xeol biex il-belt tagħhom tiġi ppreservata. Imma kien it-taparsi patt taʼ Ġerusalemm mal-mewt ifisser li kienet nidmet minn dnubietha u li issa kienet tafda f’Jehovah għal salvazzjoni? (Ġeremija 8:6,7) Lanqas xejn! Minflok, hi daret lejn mexxejja politiċi umani għall-għajnuna. Imma s-serħan tagħha fuq l-alleanzi dinjin kien fieragħ, gidba. Il-ħbieb dinjin li lilhom fdat ma setgħux isalvawha. U peress li hi abbandunat lil Jehovah, Jehovah abbanduna lil Ġerusalemm. Ġara sewwa sew bħalma l-profeta Ażarija kien wissa lis-Sultan Asa: “Jehovah qiegħed magħkom sakemm turu li qegħdin miegħu; u jekk tfittxuh, hu se jħalli lilu nnifsu jinstab minnkom, imma jekk titilquh hu se jitlaqkom.”−2 Kronaki 15:2.
6, 7. Ġuda liema passi ħa biex jassigura s-sigurtà tiegħu, imma b’liema riżultat finali?
6 Kunfidenti fl-alleanzi politiċi tagħhom, il-mexxejja taʼ Ġerusalemm kienu ċerti li l-ebda “għarqa ħesrem li tfur” taʼ armati li jinvadu ma kellha tiġi qrib tagħhom biex tiddisturba l-paċi u s-sigurtà tagħhom. Meta ġie mhedded minn alleanza taʼ Iżrael u s-Sirja, Ġuda dar lejn l-Assirja għall-għajnuna. (2 Slaten 16:5-9) Iktar tard, meta l-forzi militari taʼ Babilonja ġew kontra tagħha, hu talab lill-Eġittu għal appoġġ u Farawni wieġeb, billi bagħat armata biex tgħin.—Ġeremija 37:5-8; Eżekjel 17:11-15.
7 Imma l-armati taʼ Babilonja kienu b’saħħithom wisq, u t-truppi tal-Eġittu kellhom jirtiraw. Il-fiduċja taʼ Ġerusalemm fl-Eġittu wriet li kienet żball, u fis-sena 607 Q.E.K., Jehovah abbandunaha għall-qerda li kien bassar. Mela l-mexxejja u l-qassisin taʼ Ġerusalemm kienu żballjati! Il-fiduċja tagħhom f’alleanzi dinjin għal paċi u sigurtà kienet “gidba” li ġiet imgħarrqa ħesrem mill-armati taʼ Babilonja.
Jiċħdu lill-“Ġebla Pprovata”
8. Il-Kristjaneżmu kif ħa pożizzjoni li tixbah ferm lil dik taʼ Ġuda tal-qedem?
8 Hemm xi sitwazzjoni bħal din illum? Iva, hemm! Il-kleru tal-Kristjaneżmu wkoll iħoss li l-ebda gwaj ma se jiġi fuqhom. Fil-fatt, huma jgħidu bħalma bassar Isaija: “Ikkonkludejna patt mal-Mewt; u maʼ Xeol għamilna viżjoni; il-għarqa ħesrem li tfur, f’każ li tgħaddi minn hawn, ma tiġix għalina, għax għamilna gidba l-kenn tagħna u fil-qerq inħbejna.” (Isaija 28:15) Bhal Ġerusalemm tal-qedem, il-Kristjaneżmu jdur lejn alleanzi dinjin għal sigurtà, u l-kleru tiegħu jirrifjuta li jieħu l-kenn f’Jehovah. Heqq, huma lanqas biss iridu jużaw ismu, u jwaqqgħu għaċ-ċajt u jippersegwitaw lil dawk li jonoraw lil dak l-isem. Il-kleru tal-Kristjaneżmu għamlu sewwa sew bħalma għamlu l-qassisin ewlenin Lhud fl-ewwel seklu meta ċaħdu lil Kristu. Huma qalu, effettivament: “M’għandna l-ebda sultan ħlief lil Ċesri.”—Ġwann 19:15.
9. (a) Min qed iwissi lill-Kristjaneżmu llum bl-istess mod kif Isaija wissa lil Ġuda? (b) Il-Kristjaneżmu għandu jdur lejn min?
9 Illum, ix-Xhieda taʼ Jehovah iwissu li dulluvju taʼ armati ezekuzzjonali dalwaqt se jgħarrqu lill-Kristjaneżmu. Iktar minn hekk, huma jippuntaw lejn il-post veru taʼ kenn minn dak id-dulluvju. Huma jikkwotaw Isaija 28:16, li jgħid: “Dan hu dak li qal il-Mulej Sovran Jehovah: ‘Hawn qed inqiegħed bħala pedament f’Sijon ġebla, ġebla pprovata, ir-rokna prezzjuża taʼ pedament fiż-żgur. Ebda wieħed li qed jeżerċita fidi ma se jippanikkja.”ˈ Min hu dan il-‘ġebla tar-rokna prezzjuża’? L-appostlu Pietru kkwota dan il-kliem u applikah għal Ġesù Kristu. (1 Pietru 2:6) Kieku l-Kristjaneżmu fittex il-paċi mas-Sultan taʼ Jehovah, Ġesù Kristu, kieku kien jevita l-għarqa ħesrem li ġejja.—Qabbel Luqa 19:42-44.
10. Il-Kristjaneżmu kkultiva liema involvimenti?
10 Madankollu, hu m’għamilx hekk. Minflok, fit-tfittxija tiegħu għal paċi u sigurtà, hu jdeffes lilu nnifsu fil-favur tal-mexxejja politiċi tal-ġnus—dan minkejja t-twissija tal-Bibbja li ħbiberija mad-dinja hija għadwa m’Alla. (Ġakbu 4:4) Iktar minn hekk, fl-1919 hu qabeż bis-saħħa għal-Lega tan-Nazzjonijiet bħala li hi l-aħjar tama tal-bniedem għall-paċi. Mill-1945 ’il quddiem hu poġġa t-tama tiegħu fil-Ġnus Magħquda. (Qabbel Rivelazzjoni 17:3, 11.) Kemm hu estensiv l-involviment tiegħu maʼ din l-organizzazzjoni?
11. Ir-reliġjon liema rappreżentazzjoni għandha fil-ĠM?
11 Ktieb li ħareġ dan l-aħħar jagħti idea meta jistqarr: “Xejn inqas minn erbgħa u għoxrin organizzazzjoni Kattoliċi huma rrappreżentati fil-ĠM. Diversi mexxejja reliġjużi tad-dinja żaru lill-organizzazzjoni internazzjonali. L-iktar memorabbli kienu ż-żjajjar tal-Qdusija Tiegħu Papa Pawlu VI matul l-Assemblea Ġenerali fl-1965 u taʼ Papa Ġwanni Pawlu II fl-1979. Bosta reliġjonijiet għandhom invokazzjonijiet, talb, in-nijiet u servizzi speċjali għall-Ġnus Magħquda. L-iktar ezempji importanti huma dawk tal-Kattoliċi, tal-Universalisti Unitarjani tal-Battisti u tal-fidi Bahai.”
Tamiet Għalxejn għall-Paċi
12, 13. Minkejja tamiet imferrxin maʼ kullimkien li l-paċi qiegħda fuq ix-xefaq, ix-Xhieda taʼ Jehovah għala huma fiduċjużi li t-twissijiet tagħhom huma veri?
12 Wieħed mill-mexxejja politiċi l-iktar setgħana tad-dinja kien qed jidwi t-tamiet taʼ ħafna meta qal: “Din il-ġenerazzjoni taʼ nies fuq l-art tistaʼ tara b’għajnejha l-miġja taʼ perijodu rriversibbli taʼ paċi fl-istorja taċ-ċivilizzazzjoni.” Qal sewwa? Ifissru l-iżviluppi taʼ dan l-aħħar li t-twissijiet li taw ix-Xhieda taʼ Jehovah dwar l-ezekuzzjoni taʼ ġudizzju taʼ Jehovah fuq il-ġnus m’humiex se jseħħu? Huma x-Xhieda taʼ Jehovah żballjati?
13 Le, m’humiex żballjati. Huma jafu li qed igħidu l-verità għaliex ipoġġu l-fiduċja tagħhom f’Jehovah u fil-Bibbja, li hi l-Kelma tal-verità t’Alla nnifsu. Titus 1:2 igħid: “Alla ... ma jistax jigdeb.” Mela għandhom fiduċja sħiħa li meta xi profezija tal-Bibbja tgħid li t-tali ħaġa se sseħħ, imbagħad se sseħħ mingħajr ma tfalli. Jehovah innifsu jistqarr: “Hekk il-kelma tiegħi li toħroġ minn fommi se turi li tkun. Mhux se terġaʼ lura għandi mingħajr riżultati, imma ċertament li se tagħmel dak li fih jien sibt il-għaxqa.”—Isaija 55:11.
14, 15. (a) Il-mexxejja taʼ Ġuda liema ħaġa kienu qed jipproklamaw ftit qabel il-qerda taʼ Ġerusalemm fis-sena 607 Q.E.K.? (b) Pawlu bassar li kellha tiġi pproklamata liema ħaġa qabel qerda f’daqqa kellha tiġi fuq din id-dinja? (c) X’nistgħu nistennew fil-quċċata tal-proklamazzjoni profetizzata fl-1 Tessalonkin 5:3?
14 Fis-snin taʼ qabel il-qerda taʼ Ġerusalemm fis-sena 607 Q.E.K., Ġeremija rrapporta li l-mexxejja kienu qed jgħajtu, “Hemm il-paċi! Hemm il-paċi!” (Ġeremija 8:11) Madankollu, dik kienet gidba. Ġerusalemm ġiet meqruda bi twettieq tat-twissijiet imnebbħin tal-profeti veri taʼ Jehovah. L-appostlu Pawlu wissa li xi ħaġa simili kellha tiġri fi żmienna. Hu qal li rġiel se jkunu qed igħajtu ‘Paċi u sigurtà!” Imma mbagħad, hu qal, “qerda f’daqqa” se tiġi “minnufih fuqhom.”—1 Tessalonkin 5:3.
15 Hekk kif dħalna fis-snin disgħin, gazzetti u rivisti kullimkien kienu qed igħidu li l-Gwerra Bierda għaddiet u li paċi dinjija fl-aħħar tidher. Imma mbagħad faqqgħet gwerra taʼ sparar fil-Lvant Nofsani. Madankollu, fl-aħħar mill-aħħar is-sitwazzjoni tad-dinja se tiżżviluppa sal-punt meta l-għajta taʼ “Paċi u sigurtà!” pprofetizzata fl-1 Tessalonkin 5:2, 3 se tiżdied sakemm tilħaq quċċata. Bit-tamiet tagħna ankrati sewwa fil-Kelma t’Alla, aħna nafu li, malli tintlaħaq dik il-quċċata, il-ġudizzji t’Alla se jiġu esegwiti bil-ħeffa u mingħajr żball. Ebda pronunzji mraqqgħin taʼ paċi u sigurtà m’għandhom iġagħluna naħsbu li qerda mbassra minn Alla mhix se tiġi. Il-gudiżzji taʼ Jehovah huma miktubin bla ma jinbidlu fil-Kelma tiegħu l-Bibbja. Il-Kristjaneżmu, flimkien mar-reliġjon falza l-oħra kollha, se jiġi meqrud. U mbagħad il-ġudizzji taʼ qerda taʼ Jehovah se jiġu espressi kontra l-bqija tad-dinja taʼ Satana. (2 Tessalonkin 1:6-8; 2:8; Rivelazzjoni 18:21; 19:19-21) Ladarba x-Xhieda taʼ Jehovah huma fiduċjużi li Jehovah se jwettaq il-kelma tiegħu, huma jkomplu joqogħdu għassa taħt il-gwida tal-klassi tal-irsir fidil u diskret u bir-reqqa josservaw kif se jiżżvolġu l-ġrajjiet dinjin. (Mattew 24:45-47) Ċertament, ebda sforzi tal-bniedem biex iġib il-paċi m’għandhom iġagħluna naħsbu li Jehovah abbanduna l-iskop tiegħu li jġib għarqa ħesrem taʼ qerda fuq il-Kristjaneżmu minħabba d-dnubiet tiegħu.
‘Alla Hu l-Kenn Tagħna’
16, 17. Ix-Xhieda taʼ Jehovah kif iwieġbu jekk xi ħadd jieħu għalih bil-mod kif huma jxandru l-messaġġ tagħhom bil-miftuħ?
16 Xi wliud jistgħu jieħdu għalihom għall-mod kif ix-Xhieda taʼ Jehovah jipproklamaw dan bil-miftuħ. Madankollu, meta huma jgħidu li l-mexxejja reliġjużi tal-Kristjaneżmu stkennew f’arranġament giddieb, huma sempliċement qed jirrakkontaw dak li tgħid il-Bibbja. Meta jgħidu li l-Kristjaneżmu haqqu kastig għaliex sar parti mid-dinja, huma sempliċement qed jirrapportaw dak li Alla nnifsu jgħid fil-Bibbja. (Filippin 3:18, 19) Iktar minn hekk, għaliex il-Kristjaneżmu poġġa l-fiduċja tiegħu fl-iskemi proposti minn din id-dinja, hu attwalment qed jappoggja lill-alla taʼ din id-dinja, Satana x-Xitan, li Ġesù qal li hu missier il-gidba. —Ġwann 8:44; 2 Korintin 4:4.
17 Għalhekk, ix-Xhieda taʼ Jehovah jiddikjaraw: Inkwantu għalina, ma ninkuraġġux tamiet foloz taʼ paċi dinjija minħabba x-xena politika li qed tinbidel. Minflok, aħna nlissnu l-kliem tas-salmista: “Alla hu kenn għalina....Ulied il-bniedem tal-art huma nifs, ulied l-umanità huma gidba. Meta jitqiegħdu fuq il-miżien huma lkoll flimkien eħfef minn nifs.” (Salm 62:8, 9) Proċeduri umani biex iġibu ’l quddiem u jippreservaw lill-Kristjaneżmu u lill-bqija taʼ din is-sistema taʼ affarijiet huma ingann, gidba! Ilkoll kemm huma flimkien m’għandhomx iktar qawwa biex jilħqu l-iskopijiet taʼ Jehovah milli għandu nifs taʼ arja sħuna!
18. Liema twissija tas-salmista hi xierqa llum?
18 Ix-Xhieda taʼ Jehovah jikkwotaw ukoll Salm 33, versi 17 sa 19, li jiddikjara: “Iż-żiemel [tal-Eġittu, li jissimbolizza l-gwerra] huwa qerq għas-salvazzjoni, u bl-abbundanza tal-enerġija vitali tiegħu ma jaffordjax ħarba. Ħares! Il-għajn taʼ Jehovah hija lejn dawk li qed jibżgħu minnu, lejn dawk li qed jistennew il-qalb tajba bl-imħabba tiegħu, biex jeħles lir-ruħ tagħhom mill-mewt infisha, u biex iżommhom ħajjin fil-ġuħ.” Illum, Kristjani veri jafdaw f’Jehovah u fis-Saltna tiegħu tas-sema, l-uniku arranġament li jistaʼ jġib paċi permanenti.
Il-Kristjaneżmu “Post tal-Irfis”
19. Għala hi illużjoni li wieħed jiddependi fuq organizzazzjonijiet politiċi biex iġib paċi dinjija?
19 Li tafda lil xi sostitut magħmul mill-bniedem għas-Saltna t’Alla jagħmel lil dak is-sostitut xbiha oġġett taʼ qima. (Rivelazzjoni 13:14, 15) B’hekk, li tinkuraġġixxi l-fiduċja f’istituzzjonijiet politiċi, bħalma huma l-Ġnus Magħquda, għal paċi u sigurtà hija illużjoni, gidba. Rigward oġġetti bħal dawn taʼ tamiet foloz, Ġeremija jgħid: “Ix-xbiha mdewba tiegħu hija qerq, u m’hemm ebda spirtu fihom. Huma frugħa, xogħol taʼ twaqqiegħ għaċ-ċajt. Fiż-żmien meta jingħataw attenzjoni huma se jgħibu.” (Ġeremija 10:14,15) Għalhekk, iż-żwiemel tal-gwerra tal-Eġittu antitipiku, jiġifieri, l-qawwa militari u politika tal-ġnus illum, mhux se jipproteġu lill-qasam reliġjuz tal-Kristjaneżmu fil-jum tal-kriżi tiegħu. L-alleanza tar-reliġjonijiet tal-Kristjaneżmu maʼ din id-dinja żgur li mhux se jirnexxilha tipproteġihom.
20, 21. (a) Xi ġralha l-Lega tan-Nazzjonijiet, u l-Ġnus Magħquda għala mhix se jkollha ritultat aħjar? (b) Isaija kif wera li l-alleanzi tal-Kristjaneżmu mad-dinja m’humiex se jsalvawh?
20 Il-Kristjaneżmu tefaʼ t-tamiet tiegħu fil-Lega tan-Nazzjonijiet, imma din ġiet megħluba saħansitra mingħajr il-wasla taʼ Armageddon. Issa hu ttrasferixxa l-alleanza tiegħu għall-Ġnus Magħquda. Imma dalwaqt se jkollu jiffaċċja “il-gwerra tal-jum il-kbir t’Alla li Jistaʼ Kollox,” u mhux se jibqaʼ ħaj. (Rivelazzjoni 16:14) Saħansitra ĠM mogħtija l-ħajja mill-ġdid qatt ma tistaʼ ġġib paċi u sigurtà. Il-Kelma profetika t’Alla turi li l-organizzazzjoni tal-Ġnus Magħquda flimkien mal-ġnus membri tagħha “se jitqabdu mal-Ħaruf [Kristu fil-qawwa tas-Saltna], imma, minħabba li hu Mulej tal-mulejiet u Sultan tas-slaten, il-Ħaruf se jikkonkwistahom.”−Rivelazzjoni 17:14.
21 Ix-Xhieda taʼ Jehovah b’fiduċja jgħidu li m’hemmx salvazzjoni għall-Kristjaneżmu fl-alleanzi tiegħu mad-dinja taʼ Satana. U meta jgħidu dan, huma sempliċement qed jippuntaw lejn dak li l-Bibbja nfisha tgħid. Isaija 28:17,18 jikkwota lil Jehovah bħala li qed igħid: “Se nagħmel lill-ġustizzja l-linja taʼ kejl u lit-tjieba l-istrument taʼ livellar; u s-silġ irid jiknes ’il hemm il-kenn taʼ gidba, u l-ilmijiet infushom se jgħarrqu lill-istess post taʼ ħabi. U l-patt tagħkom mal-mewt ċertament se jinħall, u dik il-viżjoni tagħkom maʼ Xeol mhix se tibqaʼ wieqfa. Il-għarqa ħesrem li qed tfur, meta tgħaddi minn hemm ġew—intom tridu wkoll issiru għaliha post tal-irfis.”
22. Meta l-ġustizzja perfetta tiġi applikata għall-Kristjaneżmu, x’se jirriżulta?
22 Meta d-deċiżjoni ġudizzjarja taʼ Jehovah tiġi mwettqa, se jkun skond il-ġustizzja perfetta. U l-bażi għal fiduċja tal-Kristjaneżmu, ‘il-patt tiegħu mal-Mewt,’ se jkun miknus kompletament bħal li kieku b’għarqa ħesrem. Isaija jissokta jgħid: “Għodwa wara għodwa se tgħaddi minn hemm ġew, matul il-jum u matul il-lejl; u ma trid issir xejn ħlief raġuni għal theżhiż biex tagħmel lil oħrajn jifhmu dak li nstemaʼ.” (Isaija 28:19) Kemm se jkun tal-biżaʼ għal dawk l-osservaturi li jkunu xhieda tal-qawwa kollha tal-ġudizzju taʼ Jehovah! Xi skantament se jkun għall-kleru tal-Kristjaneżmu u s-segwaċi tagħhom li jsibu, tard wisq, li huma poġġew il-fiduċja tagllhom f’gidba!
L-Isem taʼ Jehovah “Torri b’Saħħtu”
23, 24. Minflok ma jfitixu s-sigurtà f’din id-dinja, ix-Xhieda taʼ Jehovah x’se jagħmlu?
23 Imma xi ngħidu għax-Xhieda taʼ Jehovah? Saħansitra għalkemm iffaċċjati minn mibgħeda u persekuzzjoni internazzjonali, huma jippersistu f’li jibqgħu separati mid-dinja. Qatt ma jinsew li Ġesù qal dwar is-segwaċi tiegħu: “Ma huma ebda parti mid-dinja, sewwa sew bħalma jien ma jien ebda parti mid-dinja.” (Ġwann 17:16) Matul dawn l-aħħar jiem, huma poġġew il-fiduċja tagħhom fis-Saltna taʼ Jehovah, mhux fi skemi umani. Għalhekk, il-gwaj tal-Kristjanezmu mhux se jwerwer lix-Xhieda taʼ Jehovah. Bħalma bassar Isaija: “Ebda wieħed li qed jeżerċita fidi ma se jippanikkja.”−Isaija 28:16.
24 Proverbji 18:10 igħid: “Isem Jehovah hu torri b’saħħtu. Ġo fih it-twajjeb jidħol jiġri u jingħata protezzjoni.” Aħna għalhekk nistiednu lill-persuni kollha bħal ngħaġ biex isibu kenn f’Jehovah u fis-Saltna tiegħu bi Kristu. Bħala post taʼ moħba, Jehovah ma fih ebda qerq! Is-Saltna tiegħu bi Kristu mhix gidba! Il-kenn tal-Kristjaneżmu huwa gidba, imma l-kenn taʼ Kristjani veri huwa l-verità.
Tistaʼ Tispjega?
◻ Ġuda tal-qedem kif stkenn f’gidba?
◻ Il-Krisjaneżmu b’liema mod ipprova jaħbi lilu nnifsu fil-qerq?
◻ Isaija kif wissa lil Ġuda, u x-Xhieda taʼ Jehovah kif ilissnu twissija simili llum?
◻ Il-Kristjaneżmu kif se jsib li l-fiduċja tiegħu hi spostata?
◻ B’kuntrast mal-Kristjaneżmu, ix-Xhieda taʼ Jehovah liema waqfa jżommu?
[Kaxxa f’paġna 9]
TAMIET GHOLJIN IMLISSNA GĦALL-ĠNUS MAGĦQUDA
“Għall-ewwel darba mit-II Gwerra Dinjija ’l hawn il-komunità internazzionali hi magħquda. It-tmexxija tal-Ġnus Magħquda, li darba kienet hiss ideal ittamat, qiegħda issa tikkonferma l-viżjoni tal-fundaturi tagħha....Id-dinja tistaʼ għalhekk taħtaf din l-opportunità biex twettaq il-wegħda li ilha żmien twil taʼ ordni dinjija ġdida.”
—Il-President Bush tal-lstati Uniti fil-messaġġ tiegħu “State of the Union” lin-nazzjon, 29 taʼ Jannar, 1991