LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w92 2/1 pp. 3-5
  • Hija l-Vendetta Ħaġa Ħażina?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Hija l-Vendetta Ħaġa Ħażina?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Attitudni Vendikattiva Tweġġaʼ
  • Kastig—Minn Min?
  • Il-​Vendetta—Minn Min?
  • Jum il-Vendetta t’Alla
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
  • Meta Tħossok Offiż
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2010
  • Mistoqsijiet mill-Qarrejja
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
  • “Żommu l-Paċi mal-Bnedmin Kollha”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
w92 2/1 pp. 3-5

Hija l-Vendetta Ħaġa Ħażina?

Fi triq prinċipali fl-​Istati Uniti, karozza ħaditha bil-​lajma biex tipparkja u tħalli lil oħra tgħaddi. Ix-​xufier tat-​tieni karozza rritalja billi spara fuq il-​karozza l-​oħra, u qatel passiġġier innoċenti.

Tfajla tilfet parti f’reċta tal-​iskola għax ħaditha tfajla oħra. Hi pattitielha billi qalet lill-​għarus tagħha li hi kienet qed toħroġ maʼ ġuvni fi skola oħra. B’hekk hi rrovinat ir-​relazzjoni taʼ din it-​tfajla mal-​għarus tagħha.

ĦAFNA nies iħossuhom iġġustifikati f’li jirritaljaw meta jaħsbu li xi ħadd għamlilhom xi ħaġa ħażina. B’xi mod jew ieħor, huma jsegwu l-​motto: “Tinkorlax, pattiha.” Illum, l-​imħabba tal-​proxxmu hija nieqsa ferm, u l-​ispirtu taʼ vendetta qed jiżdied.—Mattew 24:12.

Inti, iżda, kif tqisha l-​vendetta? Jekk temmen fil-​Bibbja, forsi tħoss li fil-​prinċipju l-​vendetta hija ħaġa ħażina. Imma billi qed ingħixu f’dinja taʼ mingħajr Alla, forsi tħoss li l-​maħfra, l-​oppost tal-​vendetta, hija taʼ spiss xi ħaġa mhix realistika. Kif kont tirreaġixxi li kieku qarrqu bik jew ħabtu għalik? Issir vendikattiv jekk xi ħadd jinjorak jew jinfamak maʼ oħrajn? Int tħobb tieħu vendetta jew taħfer?

Attitudni Vendikattiva Tweġġaʼ

M’għandniex xi ngħidu, hemm gradi taʼ offiża. Imma l-​maġġoranza tan-​nies li jridu jpattuha lil xi ħadd ma jagħmlux dan għax ħabtu għalihom jew ġew attakkati b’mod kriminali. L-​“offiżi” kkwotati fil-​bidu taʼ dan l-​artiklu kienu x’aktarx insinjifikanti, għalkemm dehru kbar f’imħuħ dawk li ddeċidew li jpattuha.

Il-Bibbja tgħid li m’għandniex nikkultivaw attitudni taʼ vendetta. Proverbji 24:29 jagħti parir: “Tgħidx: ‘Kif għamel lili, hekk se nagħmel lilu.’” Għala le? L-​ewwelnett, attitudni bħal din hija taʼ ħsara kemm emozzjonalment kif ukoll fiżikament. Ħsibijiet vendikattivi jneħħu l-​paċi tal-​moħħ u jfixklu r-​raġunar tajjeb. Ikkunsidra dan ir-​rapport tal-​aħbarijiet: “Żewġ bdiewa sparaw mit-​trakkijiet tagħhom u qatlu lil xulxin f’post fejn jipparkjaw il-​karozzi, u b’hekk temmew ġlieda taʼ 40 sena li kienet bdiet meta kienu għadhom tfal.” Immaġina, tul ħajjithom il-​ħsieb taʼ dawn iż-​żewġt irġiel kien ivvelenat minn spirtu li jherri u vendikattiv!—Proverbji 14:29, 30.

Raġuni oħra biex ma jiġix ikkultivat spirtu taʼ vendetta hi li wħud li jiżżballjaw—saħansitra wħud li jiżżballjaw serjament—jistgħu jinbidlu. L-​appostlu Pawlu, per eżempju, fi żmienu kien ‘approva l-​qtil’ tad-​dixxiplu Stiefnu u kien b’“nifsu kollu theddid u qtil kontra d-​dixxipli tal-​Mulej.” Imma hu nbidel. Snin wara l-​appostlu Pietru—li ħajtu kienet fil-​periklu minħabba Pawlu matul dak iż-​żmien iktar bikri—sejjaħlu “l-​maħbub ħuna Pawlu.” (Atti 8:1; 9:1; 2 Pietru 3:15) Il-​Kristjani setgħu pprovaw jagħmlu vendetta minn Pawlu, speċjalment meta hu kien qed jistenna, għami, f’Damasku. (Atti 9:3-16) Xi żball traġiku kien ikun dak!

Pawlu kien f’qagħda tajba li jagħti l-​parir, għalhekk, f’​Rumani 12:20: “Jekk il-​għadu tiegħek hu bil-​ġuħ, itimgħu; jekk inhu bil-​għatx, agħtih xi ħaġa x’jixrob.” Għala? Għaliex jekk aħna nivvendikaw erwieħna minn xi għadu, inħarrxu l-​attitudni tiegħu u nissodaw il-​mibgħeda taʼ bejnietna. Imma jekk nagħmlu l-​ġid lil xi ħadd li joffendina jew iweġġagħna, nistgħu nrattbu l-​attitudni tiegħu u dak li qabel kien għadu jsir ħabib.

Li nirrikonoxxu d-​djufijiet tagħna wkoll igħin f’li nirbħu l-​imrar li jwassal għal xewqa biex nivvendikaw erwieħna. Is-​salmista staqsa: “Kieku l-​iżballji kienu dak li tgħasses, O Jah, O Jehovah, min jistaʼ jżomm wieqaf?” (Salm 130:3) Kollha kemm aħna weġġajna jew offendejna lil xi ħadd. Ma konniex kuntenti talli huma ma pprovawx ipattuhielna? M’għandniex aħna, allura, naġixxu bl-​istess mod billi nżommu lura? Ġesù ta parir: “L-​affarijiet kollha, għalhekk, li tridu lill-​bnedmin jagħmlu lilkom, intom ukoll tridu tagħmluhom bl-​istess mod lilhom.”−Mattew 7:12.

Veru, il-​Bibbja tgħid: “Obogħdu dak li hu ħażin.” (Salm 97:10; Amos 5:15) Imma ma tgħidilniex biex nobogħdu lil dak li jagħmel il-​ħażin. Fil-​fatt, Ġesù kkmandana: “Komplu ħobbu lill-​egħdewwa tagħkom u itolbu għal dawk li qed jippersegwitawkom.” (Mattew 5:44) Jekk inpattu ħsara bi ħsara, aħna nimitaw l-​ispirtu taʼ dak il-​ħażin. Il-​proverbju antik igħid: “Tgħidx: ‘Se nħallas lura d-​deni!’ Ittama f’Jehovah, u hu se jsalvak.” (Proverbji 20:22) X’attitudni għaqlija! Kemm hu aħjar li nuru lilna nfusna rebbiħin billi nirreżistu t-​tentazzjoni li nimitaw lil dawk li jagħmlu l-​ħażin.—Ġwann 16:33; Rumani 12:17, 21.

Kastig—Minn Min?

M’għandhiex xi ngħidu, xi atti huma iktar serji minn offiżi u weġgħat persunali. Xi ngħidu jekk aħna vittmi taʼ xi att kriminali? Naturalment, inħossu li f’ġieh il-​ġustizzja, irid isir xi ħaġa. Imma liema ħaġa? F’xi soċjetajiet ma kinetx tkun xi ħaġa li mhix tas-​soltu li wieħed jieħu l-​liġi f’idejh u jagħmel vendetta. Imma soċjetajiet bħal dawn taʼ spiss spiċċaw imfarrkin minħabba ġlied imdemmi. Illum, la l-​liġijiet t’Alla u f’ħafna każi lanqas tal-​bniedem ma jħallu individwi jagħmlu vendetta persunali għal atti kriminali, u dan bir-​raġun. Vjolenza persunali bħal din tiġġenera biss iktar vjolenza.

Allura, vittma taʼ att kriminali toqgħod hekk mingħajr ma tagħmel xejn u tilqaʼ l-​abbuż? Mhux neċessarjament. Meta l-​persuna u l-​propjetà tagħna jiġu vvjolentati, hemm awtoritajiet li nistgħu nduru lejhom. Forsi tixtieq iċċempel lill-​pulizija. Fuq ix-​xogħol, mur għand min jikkmanda. Fl-​iskola, tistaʼ tmur għand is-​sinjora jew is-​surmast. Din hi raġuni waħda għala qegħdin hemm—biex jaraw li ssir ġustizzja. Il-​Bibbja tgħidilna li l-​awtoritajiet governattivi huma “l-​ministru t’Alla, wieħed li jpattiha biex jesprimi l-​għadab fuq dak li qed jipprattika dak li hu ħażin.” (Rumani 13:4) Il-​ġustizzja tirrikjedi li l-​gvern jeżerċita l-​awtorità tiegħu, iwaqqaf l-​egħmil ħażin, u jikkastiga lil dawk li jagħmlu l-​ħażin.

Veru, xi drabi l-​ġustizzja ddum biex tasal. Ċertu kittieb li jaf x’tagħti d-​dinja qal: “Il-​ġustizzja qisha ferrovija li kważi dejjem tittardja.” Xi drabi, tabilħaqq, il-​ferrovija ma tasal qatt. Dawk li jagħmlu l-​inġustizzji jistgħu tant ikollhom qawwa li l-​awtoritajiet ma jistgħux jikkontrollawhom. Xorta waħda, il-​korsa għaqlija hi li tikkontrolla lilek innifsek. “L-​ispirtu kollu tiegħu huwa dak li wieħed stupidu joħroġ minnu stess, imma dak li hu għaref iżommu kalm sal-​aħħar, tgħid il-​Bibbja.—Proverbji 29:11.

Il-​Vendetta—Minn Min?

Li nżommu lilna nfusna lura mill-​vendetta b’hekk se jġibilna benefiċċji, u nistgħu nistennew bil-​kalma kollha, billi nafu li jekk trid issir il-​ġustizzja, Alla se jagħmel dan fiż-​żmien xieraq. Jehovah jaf li l-​ħażin, jekk ma jiġix ikkontrollat, se jwassal għal inġustizzja kbira. (Ekkleżjasti 8:11) Hu mhux se jħalli lill-​ħżiena taʼ qalbhom iebsa jgħakksu lill-​umanità għal dejjem. Dan hu għala l-​appostlu Pawlu ta l-​parir: “Tivvendikawx erwieħkom, maħbubin, imma ċedu għall-​korla; għax hu miktub: ‘Il-​vendetta hi tiegħi; jien se nħallas lura, igħid Jehovah.’” (Rumani 12:19) Tabilħaqq, il-​Bibbja titkellem dwar jum taʼ vendetta min-​naħa tal-​Ħallieq. Dan il-​jum taʼ vendetta x’se jkun? U min huma dawk li se jkunu l-​oġġetti taʼ vendetta? Se niddiskutu dan fl-​artiklu li jmiss.

[Kaxxa f’paġna 4]

Biex tikkontrolla sentimenti taʼ vendetta, ftakar illi

□ Alla jimportah mill-​ġustizzja

□ li żżomm ġo fik attitudni vendikattiva huwa taʼ ħsara

□ li tkun qalbek tajba spiss inaqqas il-​problemi maʼ oħrajn

□ ħafna min-​nuqqasijiet tagħna ġew injorati

□ wħud li jiżżballjaw jistgħu jinbidlu

□ aħna nikkonkwistaw lid-​dinja billi nirreżistu l-​modi tagħha

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja