Jum il-Vendetta t’Alla
BĦALMA rajna fl-artiklu taʼ qabel, hemm bosta raġunijiet għala huwa ħażin li nagħmlu vendetta. Huwa ħażin għax fl-aħħar mill-aħħar, ma ssolvi xejn. Huwa ħażin għax inħarrxu l-mibgħeda minflok ma nibnu pontijiet taʼ ħbiberija. U huwa ħażin għax huwa taʼ dannu għal dak li jżomm ġo fih ħsibijiet taʼ vendetta.
L-iktar raġuni importanti, madankollu, għala l-vendetta tal-bniedem hija ħażina tidher mill-kliem taʼ Mosè lill-Iżrael: “Jehovah Alla tiegħek huwa Alla mimli ħniena.” (Dewteronomju 4:31) Ladarba Alla huwa mimli ħniena, għandna nkunu mimlijin bil-ħniena bħalu. Ġesù qal lis-segwaċi tiegħu: “Komplu siru mimlijin ħniena, bħalma Missierkom hu mimli ħniena.”−Luqa 6:36.
Minkejja dan, il-Bibbja tiddeskrivi wkoll lil Jehovah bħala “Alla taʼ atti taʼ vendetta.” (Salm 94:1) Il-profeta Isaija jitkellem dwar “is-sena taʼ rieda tajba min-naħa taʼ Jehovah” u wkoll dwar “jum il-vendetta min-naħa t’Alla tagħna.” (Isaija 61:2) Kif jistaʼ Alla jkun kemm ħanin kif ukoll li jagħmel vendetta? U jekk aħna rridu nimitaw il-ħniena t’Alla, għala ma nistgħux nimitawh f’li nagħmlu vendetta?
Biex inwieġbu l-ewwel mistoqsija, Alla huwa ħanin minħabba li hu jħobb lill-umanità, u hu jaħfer kemm jistaʼ u jdum kemm jistaʼ sabiex jagħti lill-bnedmin l-opportunità biex jirranġaw mogħdijiethom. Ħafna, bħall-appostlu Pawlu, ħadu vantaġġ minn din il-ħniena. Imma Alla se jagħmel ukoll vendetta—fis-sens taʼ li jesiġi l-ġustizzja—għaliex ħniena bħal din għandha l-limitu. Meta xi wħud ikunu wrew li huma qatt ma se jibdlu mogħdijiethom, Alla se jesegwixxi l-ġudizzju f’dak li hu msejjaħ jum il-vendetta tiegħu.
Bi tweġiba għat-tieni mistoqsija, le, m’aħniex iġġustifikati f’li nagħmlu vendetta minħabba li Alla jesiġi vendetta. Jehovah huwa perfett fil-ġustizzja. Il-bnedmin m’humiex. Alla jħares lejn kwistjoni minn kull aspett u dejjem jieħu deċiżjoni taʼ tjieba. Aħna ma nistgħux niġu fdati biex nagħmlu hekk. Għalhekk Pawlu ta l-parir: “Tivvendikawx erwieħkom, maħbubin, imma ċedu għall-korla; għax hu miktub: ‘Il-vendetta hi tiegħi; jien se nħallas lura, igħid Jehovah.’” (Rumani 12:19) Għall-ġid tagħna stess, irridu nħallu l-vendetta f’idejn Jehovah.
Għala Jum taʼ Vendetta?
Minkejja dan, il-Bibbja f’ħafna bnadi tagħraf il-ħtieġa għal kont maʼ dawk li jagħmlu l-ħażen imma ma jindmux. Per eżempju, l-appostlu Pawlu bassar li Alla, permezz taʼ Ġesù, kellu jġib “vendetta fuq dawk li ma jafux lil Alla u dawk li ma jobdux l-aħbar tajba dwar il-Mulej tagħna Ġesù.” (2 Tessalonkin 1:8) Aħna għandna raġunijiet tajbin biex nieħdu dawk il-kelmiet bis-serjetà. Għala?
L-ewwelnett, peress li l-maġġoranza llum jippersistu f’li jisfidaw is-sovranità tal-Ħallieq, huma ma jikkalkolawx il-liġijiet taʼ tjieba tiegħu. Kemm jekk isostnu li jemmnu b’Alla jew le, il-kondotta tagħhom turi ċar li huma ma jħossux li jridu jagħtu kont lil Alla. Il-kliem tas-salmista japplika għal uħud bħal dawn: “Għala hu li l-wieħed mill-agħar wera diżrispett lejn Alla? Hu qal f’qalbu: ‘Int m’intix se titlob kont.’” (Salm 10:13) Żgur li Jehovah mhux se jħalli għal dejjem lilu nnifsu jiġi ttantat b’dan il-mod. Għalkemm huwa Alla taʼ mħabba, huwa wkoll Alla taʼ ġustizzja. Hu se jismaʼ l-għajjat taʼ dawk li verament huma kkonċernati bil-ġustizzja: “Qum, O Jehovah. O Alla, erfaʼ idek. Tinsiehomx lill-milqutin.”—Salm 10:12.
Barra minn hekk, nies li jħobbu jisfidaw il-liġi qed jeqirdu lill-istess art li qed ingħixu fuqha. Huma jħassru l-arja, l-art, u l-ilma; jimlew l-art bl-inġustizzji u l-krudeltà. U huma jiġimgħu biżżejjed armamenti kimiċi, nukleari, u oħrajn daqstant qattiela biex iheddu s-salvazzjoni tal-umanità. Intervent divin huwa imperattiv sabiex jiġi żgurat futur fiż-żgur għall-umanità ubbidjenti. (Rivelazzjoni 11:18) Dan l-intervent hu dak li rrefera għalih Isaija bħala jum il-vendetta.
Jum il-Vendetta t’Alla x’Se Jwettaq?
Skond Vine’s Expository Dictionary of Old and New Testament Words, fl-Iskrittura Griega, il-kelma għal vendetta, meta tiġi wżata f’konnessjoni maʼ Alla, litteralment tfisser “‘dak li joħroġ mill-ġustizzja,’ mhux, kif taʼ spiss bil-vendetta umana, minħabba sens taʼ ħsara jew sempliċement għax wieħed ikun ħa għalih.” B’hekk, il-vendetta t’Alla kontra l-egħdewwa tiegħu mhix se tkun żmien taʼ tixrid taʼ demm bla kontroll, bħal xi vendetta persunali. “Jehovah jaf kif jeħles lil nies taʼ devozzjoni lejn Alla ’l barra mit-tiġrib, imma jirriserva lil nies taʼ mingħajr tjieba għal jum il-ġudizzju biex jiġu maqtugħin,” tgħidilna l-Bibbja.—2 Pietru 2:9.
Il-qaddejja t’Alla jħarsu ’l quddiem lejn jum il-vendetta t’Alla bħala żmien meta kondotta tajba se tiġi vvindikata u t-twajjeb se jiġi meħlus mill-oppressjoni tal-wieħed mill-agħar. Dan ma jfissirx li huma malizzjużi jew vendikattivi. “Dak li jifraħ bid-diżastru taʼ ħaddieħor mhux se jkun ħieles mill-kastig,” twissi l-Bibbja. (Proverbji 17:5) Għall-kuntrarju, huma jikkultivaw il-ħniena u l-mogħdrija, billi jħallu kull deċiżjoni taʼ vendetta f’idejn Alla.
Veru, mhux faċli għal individwi rrabjati li jaġixxu b’dan il-mod. Imma huwa possibbli, u ħafna hekk għamlu. Per eżempju, Pedro ma kellux tfulija ferriħija u kien taʼ spiss jiġi msawwat minn ħuh il-kbir. Għalhekk hu kiber u sar vjolenti, dejjem fl-inkwiet mal-pulizija u r-rabja li kellu għal ħuh kien jiżżvogaha fuq martu u wliedu. Fl-aħħar, hu samaʼ minn wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah u iktar tard beda studju tal-Bibbja. “Bil-għajnuna taʼ Jehovah,” hu jirrakkonta, “jien inbdilt, u issa, minflok ma niġġieled man-nies, ingħinhom bħala anzjan Kristjan.” Bil-għajnuna tal-Bibbja u tal-ispirtu qaddis, uħud bla għadd oħra bl-istess mod tbiddlu minn uħud li jħobbu jpattu u vendikattivi għal uħud li juru mħabba u paċenzja lejn oħrajn.
Int x’Se Tagħmel?
Li nżommu f’moħħna jum il-vendetta t’Alla se jgħinna nieħdu vantaġġ mill-paċenzja taʼ Jehovah. Imma l-opportunità biex nagħmlu dan m’hijiex bla limitu. Dalwaqt jasal dak il-jum. L-appostlu Pietru wera għala għadu ma ġiex: “Jehovah ma jeħodhiex bil-lajma rigward il-wegħda tiegħu, bħalma xi nies jikkunsidraw il-lajma, imma hu paċenzjuż magħkom għaliex ma jixtieqx li xi ħadd jinqered imma jixtieq li kulħadd jasal għall-indiema.”−2 Pietru 3:9.
Huwa urġenti, allura, li nippreparaw issa għall-jum taʼ kontijiet t’Alla billi nistudjaw l-Iskrittura u napplikaw il-pariri tagħha. Dan se jgħinna biex insegwu l-kelmiet tas-salmista: “Ħalli r-rabja waħedha u itlaq id-dagħdigħa; turix ruħek sħun biss biex tagħmel il-ħażen. Għax dawk li jagħmlu l-ħażen infushom se jiġu maqtugħin, imma dawk li qegħdin jittamaw f’Jehovah huma dawk li se jkollhom pussess tal-art.”−Salm 37:8, 9.
[Stampa f’paġna 7]
Wara jum il-vendetta t’Alla, ‘dawk li qegħdin jittamaw f’Jehovah se jkollhom pussess tal-art’.