LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w07 9/15 pp. 21-25
  • ‘Missierkom Iħenn’

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • ‘Missierkom Iħenn’
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Tintwera Ħniena maʼ Dawk fil-​Bżonn
  • Tintwera Ħniena mal-​Midinbin
  • Alla taʼ Ħniena u Ġustizzja
  • Għala Għandna Nuru l-​Ħniena?
  • “Henjin Dawk li Jħennu”
  • Aħna Naqdu lil Alla li Juri Ħafna Ħniena
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2021
  • Kif Tistaʼ Turi l-Ħniena?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Henjin Dawk li Jħennu!
    Għannu lil Ġeħova
  • Henjin, Dawk li Juru Ħniena!
    Għannu Tifħir lil Jehovah
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
w07 9/15 pp. 21-25

‘Missierkom Iħenn’

“Komplu ħennu bħalma jħenn Missierkom.”—LUQA 6:36.

1, 2. Il-​kliem taʼ Ġesù lill-​iskribi u l-​Fariżej u lis-​segwaċi tiegħu kif juri li l-​ħniena hija kwalità taʼ min jixtieqha?

IL-​LIĠI li ngħatat permezz taʼ Mosè kien fiha xi 600 liġi u kmand. Għalkemm kien neċessarju li jobdu l-​obbligi tal-​Liġi Mosajka, kien ukoll tassew importanti li juru l-​ħniena. Ikkunsidra dak li qal Ġesù lill-​Fariżej, li ma wrewx il-​ħniena m’oħrajn. F’żewġ okkażjonijiet hu ċanfarhom, billi enfasizzalhom dak li kkmanda Alla: “Ħniena rrid, u mhux sagrifiċċju.” (Mattew 9:​10-13; 12:​1-7; Hosegħa 6:6) Lejn l-​aħħar tal-​ministeru tiegħu, Ġesù qal: “Gwaj għalikom, skribi u Fariżej, ipokriti! Għax tagħtu l-​għexur min-​nagħniegħ u l-​bużbież u l-​kemmun, imma injorajtu l-​affarijiet li huma iktar importanti fil-​Liġi, jiġifieri, il-​ġustizzja u l-​ħniena u l-​fedeltà.”—Mattew 23:23.

2 M’għandna ebda dubju li Ġesù taha importanza kbira l-​ħniena. Hu qal lis-​segwaċi tiegħu: “Komplu ħennu bħalma jħenn Missierkom.” (Luqa 6:36) Madankollu, biex ‘nimitaw lil Alla’ f’dan ir-​rigward aħna rridu nkunu nafu x’inhi l-​ħniena vera. (Efesin 5:1) Iktar minn hekk, jekk napprezzaw il-​benefiċċji tal-​ħniena se niġu mqanqlin biex nuru din il-​kwalità iktar bis-​sħiħ f’ħajjitna.

Tintwera Ħniena maʼ Dawk fil-​Bżonn

3. Għala għandna nħarsu lejn Ġeħova biex insiru nafu x’inhi l-​ħniena vera?

3 Is-​salmista kanta: “Twajjeb u ħanin il-​Mulej, idum biex jagħdab u kollu tjieba. Twajjeb maʼ kulħadd il-​Mulej, [“ħnientu,” Saydon] fuq kull ma għamel.” (Salm 145:​8, 9) Ġeħova hu “l-​Missier taʼ kull ħniena tenera u l-​Alla taʼ kull faraġ.” (2 Korintin 1:3) Il-​ħniena tintwera meta nittrattaw lil xi ħadd b’mogħdrija. Dan huwa aspett prinċipali tal-​personalità t’Alla. L-​eżempju tiegħu u l-​istruzzjonijiet li jagħtina jistgħu jgħallmuna x’inhi l-​ħniena vera.

4. Isaija 49:15 x’jgħallimna dwar il-​ħniena?

4 Bħalma hu mniżżel f’Isaija 49:​15, Ġeħova jgħid: “Tistaʼ mara tinsa t-​tarbija tagħha, u ma tħennx għal bin ġufha?” Kliem Ebrajk li huwa simili ħafna għall-​kelma li hawnhekk ġiet tradotta bħala “tħenn,” jew “titħassar” (NW), jintużaw b’konnessjoni mal-​ħniena f’Salm 145:​8, 9 li kkwotajna qabel. L-​emozzjoni li tqanqal lil Ġeħova biex ikun ħanin tiġi mqabbla mas-​sentiment taʼ mħabba li omm li treddaʼ normalment ikollha lejn it-​tarbija tagħha. Forsi t-​tarbija tkun bil-​ġuħ jew ikollha xi bżonn ieħor. Imqanqla mis-​sentimenti taʼ mogħdrija jew simpatija li tħoss minn ġewwa, l-​omm tieħu ħsieb il-​bżonnijiet tat-​tarbija tagħha. Ġeħova għandu sentimenti bħal dawn lejn dawk li jurihom il-​ħniena.

5. Ġeħova kif wera li hu “għani fil-​ħniena” maʼ Iżrael?

5 Hemm differenza bejn li tħoss il-​mogħdrija u li taġixxi għall-​benefiċċju taʼ dawk li huma fil-​bżonn. Ikkunsidra kif wieġeb Ġeħova meta l-​aduraturi tiegħu kienu fil-​jasar fl-​Eġittu xi 3,500 sena ilu. Hu qal lil Mosè: “Jien ħarist u rajt it-​tbatija tal-​poplu tiegħi fl-​Eġittu. U jien smajt il-​karba tagħhom minħabba fl-​argużini tagħhom u għaraft l-​uġigħ tagħhom. Issa nżilt biex neħlishom minn idejn l-​Eġizzjani u biex intellagħhom minn dik l-​art u neħodhom f’art tajba u wiesgħa, f’art tnixxi ħalib u għasel.” (Eżodu 3:​7, 8) Xi 500 sena wara li l-​Iżraelin inħelsu mill-​Eġittu, Ġeħova fakkarhom: “Jien tellajt lil Iżrael mill-​Eġittu, u ħlistkom minn id l-​Eġizzjani, u minn id is-​slaten kollha li ħaqrukom.” (1 Samwel 10:18) Minħabba li ma baqgħux jimxu skond il-​livelli ġusti t’Alla, l-​Iżraelin spiss spiċċaw f’inkwiet kbir. Madankollu, Ġeħova ħass il-​mogħdrija għalihom u salvahom għal darba wara l-​oħra. (Mħallfin 2:​11-16; 2 Kronaki 36:15) Dan jurina kif l-​Alla li jħobb, jaġixxi għan-​nom taʼ dawk li huma fil-​bżonn, fil-​periklu, jew li jinsabu f’diffikultà. Ġeħova hu “għani fil-​ħniena.”—Efesin 2:4.

6. Ġesù Kristu kif imita lil Missieru f’li juri l-​ħniena?

6 Meta kien fuq l-​art, Ġesù Kristu imita lil Missieru perfettament f’li juri l-​ħniena. Kif wieġeb Ġesù meta żewġt irġiel għomja talbuh bil-​ħrara u qalulu: “Mulej, ikollok ħniena minna, Bin David”? Huma kienu qed jitolbu lil Ġesù bil-​ħrara biex jerġaʼ jagħtihom il-​vista b’mod mirakoluż. Ġesù għamel dan, imma hu ma wettaqx il-​miraklu qisu xejn m’hu xejn. “Ġesù tħassarhom, messilhom għajnejhom, u minnufih ħadu d-​dawl u marru warajh,” tgħid il-​Bibbja. (Mattew 20:​30-34) Ġesù ġie mqanqal biex iwettaq ħafna mirakli li ġabu serħan lill-​għomja, lil dawk li kienu maħkumin mid-​demonji, lill-​imġiddmin, u lill-​ġenituri taʼ tfal morda minħabba li tħassarhom.—Mattew 9:27; 15:22; 17:15; Marku 5:​18, 19; Luqa 17:​12, 13.

7. L-​eżempji t’Alla Ġeħova u taʼ Ibnu x’jgħallmuna dwar il-​ħniena?

7 L-​eżempji t’Alla Ġeħova u Ġesù Kristu juru li l-​ħniena għandha żewġ aspetti—sentimenti taʼ mogħdrija, simpatija, jew ħasra lejn min hu żvantaġġat u azzjoni biex tgħin lil dawn l-​uħud. Biex nuru l-​ħniena jrid ikollna ż-​żewġ aspetti. Fl-​Iskrittura, il-​ħniena spiss tirreferi għal espressjoni pożittiva taʼ konsiderazzjoni b’qalb tajba lejn min hu fil-​bżonn. Però, kif tistaʼ tintwera l-​ħniena f’każ taʼ ġudizzju? Tistaʼ din tinvolvi wkoll dik li tistaʼ titqies bħala azzjoni negattiva, bħal li jinżamm lura kastig?

Tintwera Ħniena mal-​Midinbin

8, 9.X’kienet tinvolvi l-​ħniena li ntwera David wara d-​dnub tiegħu maʼ Batseba?

8 Ikkunsidra x’ġara wara li Natan il-​profeta ffaċċja lis-​Sultan David taʼ Iżrael tal-​qedem dwar ir-​relazzjoni adulteruża taʼ David maʼ Batseba. In-​niedem David talab: “Ikollok ħniena minni, o Alla, fi tjubitek; fil-​kobor tal-​ħniena tiegħek ħassar ħtijieti. Aħsilni kollni mill-​ħtija tiegħi; naddafni mid-​dnub tiegħi. Għax jien nagħrafhom ħtijieti; id-​dnub tiegħi dejjem quddiemi. Kontrik biss jiena dnibt, u dak li hu ħażin f’għajnejk għamilt.”—Salm 51:​3-6 (51:​1-4, NW).

9 David ħassu dispjaċut għall-​aħħar. Ġeħova ħafer id-​dnub tiegħu u l-​ġudizzju tiegħu fuqu u fuq Batseba ma kienx qawwi daqs kemm kien jistħoqqilhom. Skond il-​Liġi Mosajka, kemm David kif ukoll Batseba suppost kellhom jinqatlu. (Dewteronomju 22:22) Għalkemm ma ħelsux mill-​konsegwenzi kollha tad-​dnub tagħhom, huma tħallew jgħixu. (2 Samwel 12:13) Il-​mod kif Alla jeżerċita l-​ħniena jinvolvi l-​maħfra tad-​dnubiet. Madankollu, hu ma jżommx lura milli jagħti kastig xieraq.

10. Għalkemm Ġeħova jħenn meta jagħmel ġudizzju, għala m’għandniex nipprofittaw ruħna mill-​ħniena tiegħu?

10 Ladarba “permezz taʼ bniedem wieħed [Adam] id-​dnub daħal fid-​dinja” u “l-​ħlas li jagħti d-​dnub hu l-​mewt,” il-​bnedmin kollha jistħoqqilhom il-​mewt. (Rumani 5:12; 6:23) Kemm nistgħu nkunu grati li Ġeħova juri l-​ħniena meta jagħmel ġudizzju! Madankollu, irridu noqogħdu attenti li ma nipprofittawx ruħna mill-​ħniena t’Alla. “Ilkoll ġusti t-​triqat [taʼ Ġeħova],” jgħid Dewteronomju 32:4. Meta juri l-​ħniena, Alla ma jinjorax il-​livelli perfetti tal-​ġustizzja tiegħu.

11. Ġeħova kif wera ġustizzja xierqa meta ttratta mad-​dnub taʼ David maʼ Batseba?

11 Fil-​każ taʼ David u Batseba, qabel ma l-​kastig tal-​mewt setaʼ jittaffa, kien hemm bżonn taʼ maħfra għad-​dnub tagħhom. L-​imħallfin Iżraelin ma kellhomx awtorità biex jagħmlu dan. Kieku l-​każ tħalla f’idejhom, huma ma kien ikollhom ebda għażla ħlief li jaqtgħu s-​sentenza tal-​mewt. Il-​Liġi hekk kienet titlob. Madankollu, minħabba l-​patt li għamel maʼ David, Ġeħova ried jara jekk kien hemmx bażi biex jaħfer id-​dnub taʼ David. (2 Samwel 7:​12-16) Għalhekk, Alla Ġeħova, “l-​imħallef taʼ l-​art kollha,” li ‘jgħarbel il-​qalb,’ għażel li jieħu ħsieb il-​każ hu nnifsu. (Ġenesi 18:25; 1 Kronaki 29:17) Alla setaʼ jara x’hemm tassew f’qalb David, jiżen kemm kienet ġenwina l-​indiema, u jagħti maħfra.

12. Kif jistgħu l-​bnedmin midinbin jibbenefikaw mill-​ħniena t’Alla?

12 Il-​ħniena li jurina Ġeħova billi jagħmilhielna possibbli li niġu meħlusin mill-​mewt minħabba d-​dnub li writna hija fi qbil mal-​ġustizzja tiegħu. Biex ikun possibbli għalina li jinħafrulna dnubietna mingħajr ma jinkiser il-​livell tal-​ġustizzja, Ġeħova pprovda s-​sagrifiċċju bħala fidwa taʼ Ibnu, Ġesù Kristu—l-​akbar espressjoni taʼ ħniena li qatt intweriet. (Mattew 20:28; Rumani 6:​22, 23) Biex nibbenefikaw mill-​ħniena t’Alla, li tistaʼ teħlisna milli nirċievu kastig għad-​dnub li writna, aħna rridu ‘neżerċitaw il-​fidi fl-​Iben.’—Ġwanni 3:​16, 36.

Alla taʼ Ħniena u Ġustizzja

13, 14. Il-​ħniena t’Alla ddgħajjef il-​ġustizzja tiegħu? Spjega.

13 Għalkemm il-​ħniena taʼ Ġeħova ma tiksirx il-​livell tiegħu tal-​ġustizzja, teffettwa din b’xi mod il-​ġustizzja tiegħu? Il-​ħniena tnaqqas l-​effett tal-​ġustizzja divina billi ddgħajjifha? Le, dan m’huwiex il-​każ.

14 Permezz tal-​profeta Hosegħa, Ġeħova qal lill-​Iżraelin: “Għal dejjem ngħarrsek miegħi, ngħarrsek miegħi fis-​sewwa u l-​ħaqq, fl-​imħabba u l-​ħniena.” (Hosegħa 2:21 [2:​19, NW]) Dan il-​kliem juri ċar li meta Ġeħova jeżerċita l-​ħniena dan ikun dejjem fi qbil maʼ l-​attributi tiegħu l-​oħrajn kollha, inkluż il-​ħaqq, jew il-​ġustizzja. Ġeħova hu “Alla li jagħder u jħenn; . . . jaħfer il-​ħażen, id-​dnub u l-​ħtija; imma ma jħalli xejn għaddej.” (Eżodu 34:​6, 7) Ġeħova hu Alla taʼ ħniena u ġustizzja. Dwaru l-​Bibbja tgħid: “Hu l-​Blata tagħna; perfett għemilu; u lkoll ġusti t-​triqat tiegħu.” (Dewteronomju 32:4) Il-​ġustizzja t’Alla hi perfetta, bħalma hi l-​ħniena tiegħu. Ebda waħda minn dawn il-​kwalitajiet m’hi superjuri għall-​oħra, u waħda m’għandhiex bżonn l-​oħra biex jibbilanċjaw lil xulxin. Minflok, iż-​żewġ kwalitajiet jaħdmu f’armonija perfetta flimkien.

15, 16. (a) X’juri li l-​ġustizzja divina m’hijiex ħarxa? (b) Meta Ġeħova jesegwixxi l-​ġudizzju tiegħu fuq din is-​sistema mill-​agħar, l-​aduraturi tiegħu dwar liema ħaġa jistgħu jkunu ċerti?

15 Il-​ġustizzja taʼ Ġeħova m’hijiex ħarxa. Il-​ġustizzja kważi dejjem hija konnessa m’affarijiet legali, u l-​ġudizzju ġeneralment jeħtieġ li jingħata l-​kastig mistħoqq lil min jagħmel il-​ħażen. Madankollu, il-​ġustizzja t’Alla tistaʼ tinvolvi wkoll is-​salvazzjoni taʼ wħud li jistħoqqilhom. Per eżempju, meta l-​bliet mill-​agħar taʼ Sodoma u Gomorra nqerdu, il-​patrijarka Lot u ż-​żewġt ibniet tiegħu ġew salvati.—Ġenesi 19:​12-26.

16 Aħna nistgħu nkunu fiduċjużi li meta Ġeħova jesegwixxi l-​ġudizzju tiegħu fuq din is-​sistema mill-​agħar, il-​“folla kbira” t’aduraturi veri, li “ħaslu lbieshom u għamluhom bojod fid-​demm tal-​Ħaruf,” se jinħelsu. Għalhekk, huma se ‘joħorġu mit-​tribulazzjoni l-​kbira.’—Rivelazzjoni 7:​9-14.

Għala Għandna Nuru l-​Ħniena?

17. X’inhi raġuni fundamentali għala għandna nuru l-​ħniena?

17 Tabilħaqq, l-​eżempji taʼ Ġeħova u Ġesù Kristu jgħallmuna x’inhi l-​ħniena vera. Raġuni fundamentali għala għandna nuru l-​ħniena tinsab fi Proverbji 19:17 fejn naqraw: “Min iħenn għall-​fqir ikun qed jislef lill-​Mulej, u hu jroddhulu bi ħlas tajjeb.” Ġeħova jitgħaxxaq meta nimitaw lilu u lil Ibnu billi nuru l-​ħniena meta nittrattaw maʼ xulxin. (1 Korintin 11:1) U oħrajn jiġu inkuraġġiti biex juru l-​ħniena, għaliex il-​ħniena tqanqal il-​ħniena.—Luqa 6:38.

18. Għala għandna nistinkaw biex nuru l-​ħniena?

18 Il-​ħniena hija ġabra taʼ ħafna kwalitajiet tajbin. Din tinvolvi l-​ħlewwa, l-​imħabba, l-​qalb tajba, u t-​tjubija. Sentimenti teneri taʼ mogħdrija jew simpatija huma l-​għerq taʼ l-​għemejjel taʼ ħniena. Filwaqt li l-​ħniena t’Alla ma tagħmilx kompromess fejn tidħol il-​ġustizzja, Ġeħova jdum biex jagħdab u bil-​paċenzja jagħti biżżejjed żmien lil min jagħmel il-​ħażen biex jikseb l-​indiema. (2 Pietru 3:​9, 10) Għalhekk, il-​ħniena hija konnessa mal-​paċenzja u s-​sabar fit-​tul. Ladarba att taʼ ħniena jiġbor flimkien ħafna kwalitajiet sbieħ—inkluż id-​diversi aspetti tal-​frott taʼ l-​ispirtu t’Alla—dan jagħtina l-​opportunità biex nikkultivaw dawn il-​kwalitajiet. (Galatin 5:​22, 23) Kemm hu vitali li nistinkaw biex nuru l-​ħniena!

“Henjin Dawk li Jħennu”

19, 20. Il-​ħniena b’liema mod tifraħ bir-​rebħa tagħha fuq il-​ġudizzju?

19 Id-​dixxiplu Ġakbu jgħidilna għala għandna dejjem nittrattaw lil oħrajn bil-​ħniena. Hu kiteb: “Il-​ħniena tifraħ bir-​rebħa fuq il-​ġudizzju.” (Ġakbu 2:13b) Ġakbu kien qed jitkellem dwar il-​ħniena li aduratur taʼ Ġeħova juri lejn oħrajn. Din tifraħ bir-​rebħa tagħha fuq il-​ġudizzju minħabba li meta jasal iż-​żmien għal individwu biex “jagħti kont tiegħu nnifsu lil Alla,” Ġeħova jikkunsidra l-​għemejjel taʼ ħniena tiegħu u jaħfirlu fuq il-​bażi tas-​sagrifiċċju tal-​fidwa taʼ Ibnu. (Rumani 14:12) M’hemm ebda dubju li waħda mir-​raġunijiet għala David intwera ħniena għad-​dnub tiegħu maʼ Batseba kienet minħabba li hu nnifsu kien raġel ħanin. (1 Samwel 24:​4-7) Mill-​banda l-​oħra, “min ma jipprattikax il-​ħniena se jiġi ġudikat mingħajr ħniena.” (Ġakbu 2:13a) Mhux taʼ b’xejn li dawk li huma “bla ħniena” jinsabu fost l-​uħud li Alla jarahom bħala li “jistħoqqilhom il-​mewt”!—Rumani 1:​31, 32.

20 Fil-​Priedka tiegħu taʼ fuq il-​Muntanja, Ġesù qal: “Henjin dawk li jħennu, għax għad jintwerew ħniena.” (Mattew 5:7) Kemm jenfasizza b’mod ċar dan li min ifittex il-​ħniena t’Alla għandu juri ħniena hu stess! L-​artiklu li jmiss se jiddiskuti kif nistgħu nipprattikaw il-​ħniena fil-​ħajja tagħna taʼ kuljum.

X’Tgħallimt?

• X’inhi l-​ħniena?

• Il-​ħniena b’liema modi tintwera?

• Ġeħova b’liema mod hu Alla taʼ ħniena u ġustizzja?

• Għala għandna nuru l-​ħniena?

[Stampa f’paġna 21]

Is-​sentiment teneru taʼ Ġeħova lejn dawk li jinsabu fil-​bżonn hu bħal dak t’omm lejn it-​tarbija tagħha

[Stampa f’paġna 23]

X’nitgħallmu dwar il-​ħniena mill-​mirakli taʼ Ġesù?

[Stampa f’paġna 24]

Kiser Ġeħova l-​livell tiegħu tal-​ġustizzja meta wera l-​ħniena maʼ David?

[Stampa f’paġna 25]

Il-​ħniena t’Alla lejn il-​bnedmin midinbin hija fi qbil mal-​ġustizzja tiegħu

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja