Kif Tistaʼ Turi l-Ħniena?
“Ħa nagħmlu t-tajjeb maʼ kulħadd, imma speċjalment maʼ min jiġi minna fil-fidi.”—GALATIN 6:10.
1, 2. Il-parabbola dwar is-Samaritan it-tajjeb x’tgħallimna dwar il-ħniena?
WAQT li kien qed ikellem lil Ġesù, raġel li kien jaf il-Liġi sew staqsieh: “Min tassew hu l-proxxmu tiegħi?” Biex iwieġbu, Ġesù qal din il-parabbola: “Wieħed raġel kien nieżel minn Ġerusalemm lejn Ġeriko u waqaʼ f’idejn il-ħallelin, li neżżgħuh, sawtuh u telqu, u ħallewh nofsu mejjet. Issa, b’kumbinazzjoni, minn dik it-triq kien nieżel qassis, imma, meta rah, qasam għan-naħa l-oħra. Bl-istess mod, wieħed Levita wkoll, meta wasal fuq il-post u rah, qasam għan-naħa l-oħra. Imma wieħed Samaritan li kien għaddej minn dik it-triq wasal ħdejh u, malli rah, tħassru. Għalhekk, resaq lejh u nfaxxalu l-ġrieħi, wara li ferraʼ ż-żejt u l-inbid fuqhom. Imbagħad tellgħu fuq il-bhima tiegħu, ħadu f’lukanda, u ħa ħsiebu. U l-għada ħareġ żewġ dinari, tahom lil tal-lukanda, u qallu, ‘Ħu ħsiebu, u dak li tonfoq minbarra dan, irroddhulek meta nerġaʼ niġi hawnhekk.’” Imbagħad Ġesù qal lis-semmiegħ tiegħu: “Minn dawn it-tlieta, min jidhirlek int li għamilha taʼ proxxmu għar-raġel li waqaʼ f’idejn il-ħallelin?” Ir-raġel wieġbu: “Dak li aġixxa bil-ħniena miegħu.”—Luqa 10:25, 29-37a.
2 Kemm naraw ċar x’inhi l-ħniena vera mill-mod kif is-Samaritan ittratta lir-raġel imweġġaʼ! Imqanqal minn sentiment taʼ ħasra, jew mogħdrija, is-Samaritan aġixxa b’tali mod li ġab serħan lill-vittma. Iktar minn hekk, ir-raġel fil-bżonn kien stranġier għas-Samaritan. Il-ħniena m’għandhiex ostakli min-nazzjonalità, ir-reliġjon, jew il-kultura. Wara li qal it-tixbiha rigward is-Samaritan it-tajjeb, Ġesù ta dan il-parir lis-semmiegħ tiegħu: “Mur u agħmel l-istess int ukoll.” (Luqa 10:37b) Aħna nistgħu nagħtu kas din it-twissija u nistinkaw biex nuru l-ħniena lejn oħrajn. Imma kif? B’liema modi nistgħu aħna nipprattikaw il-ħniena fil-ħajja tagħna taʼ kuljum?
‘Jekk Ħu M’Għandux X’Jilbes’
3, 4. Għala għandna nkunu speċjalment konċernati dwar li nuru l-ħniena fil-kongregazzjoni Kristjana?
3 L-appostlu Pawlu qal: “Dment li għandna ż-żmien favorevoli għal dan, ħa nagħmlu t-tajjeb maʼ kulħadd, imma speċjalment maʼ min jiġi minna fil-fidi.” (Galatin 6:10) Mela ejja l-ewwel nikkunsidraw kif nistgħu nwettqu ħafna għemejjel taʼ ħniena lejn dawk li jiġu minna fil-fidi.
4 Meta kien qed iħeġġeġ lill-Kristjani veri biex juru l-ħniena lejn xulxin, id-dixxiplu Ġakbu kiteb: “Min ma jipprattikax il-ħniena se jiġi ġudikat mingħajr ħniena.” (Ġakbu 2:13) Il-kuntest taʼ dan il-kliem ispirat jurina xi modi kif nistgħu nuru l-ħniena regolarment. Per eżempju, f’Ġakbu 1:27 naqraw: “Ir-reliġjon li hi nadifa u bla tinġis mill-ħarsa t’Alla tagħna u Missierna hi din: li tieħu ħsieb l-iltiema u r-romol fit-tribulazzjoni tagħhom, u li żżomm ruħek mingħajr tebgħa mid-dinja.” Ġakbu 2:15, 16 jgħid: “Jekk ħu jew oħt m’għandhomx x’jilbsu u huma neqsin mill-ikel taʼ kuljum, u madankollu wieħed minnkom jgħidilhom: ‘Morru fil-paċi, isħnu u ixbgħu,’ imma ma tagħtuhomx il-bżonnijiet għal ġisimhom, x’jiswa?”
5, 6. Kif nistgħu nwettqu ħafna għemejjel taʼ ħniena fis-sħubija tagħna mal-kongregazzjoni lokali?
5 Il-fatt li nieħdu ħsieb u ngħinu lil dawk fil-bżonn hija karatteristika tar-reliġjon vera. Minħabba r-reliġjon li nħaddnu ma nistgħux sempliċement nixtiequ lil ħaddieħor bil-kliem li kollox imurlu sew. Minflok, sentiment teneru taʼ mogħdrija jqanqalna biex naġixxu għan-nom taʼ dawk li jinsabu tassew fil-bżonn. (1 Ġwanni 3:17, 18) Iva, fost il-ħafna għemejjel taʼ ħniena li għandna nwettqu hemm li nippreparaw ikla għal xi ħadd marid, ngħinu lil xi ħadd imdaħħal fiż-żmien fil-qadi tiegħu, nipprovdu trasport għal-laqgħat Kristjani meta jkun neċessarju, u ma nkunux xħaħ maʼ min jistħoqqlu l-ħniena.—Dewteronomju 15:7-10.
6 Għalkemm huwa importanti li nagħtu għajnuna materjali lill-membri tal-kongregazzjoni Kristjana li dejjem tikber, huwa saħansitra iktar importanti li ngħinuhom spiritwalment. Aħna niġu mħeġġin biex ‘nikkonslaw lid-dipressi, inwieżnu lid-dgħajfin.’ (1 Tessalonikin 5:14) “In-nisa mdaħħlin fiż-żmien” huma inkuraġġiti biex “ikunu għalliema taʼ dak li hu tajjeb.” (Titu 2:3) Rigward l-indokraturi Kristjani, il-Bibbja tgħid: “Kull wieħed ikun bħal post taʼ kenn mir-riħ u lqugħ mill-maltempata tax-xita.”—Isaija 32:2.
7. X’nitgħallmu dwar kif nuru l-ħniena mid-dixxipli f’Antjokja tas-Sirja?
7 Minbarra li ħadu ħsieb ir-romol, l-orfni, u lil dawk li għandhom bżonn l-għajnuna u l-inkuraġġiment lokalment, il-kongregazzjonijiet taʼ l-ewwel seklu kultant bagħtu provvisti biex tingħata għajnuna lil dawk li kienu jemmnu f’postijiet oħrajn. Per eżempju, meta l-profeta Agabu bassar “li dalwaqt kien se jaqaʼ ġuħ kbir fuq l-art abitata kollha,” id-dixxipli f’Antjokja tas-Sirja “ddeċidew li jibagħtu l-għajnuna, kull wieħed skond ma kien jistaʼ, lill-aħwa li kienu joqogħdu l-Lhudija.” Din intbagħtet lill-anzjani f’dan il-post “permezz taʼ Barnaba u Sawlu.” (Atti 11:28-30) Xi ngħidu għalina llum? “L-ilsir leali u għaqli” organizza kumitati li jagħtu l-għajnuna u jieħdu ħsieb lil ħutna li forsi ġew effettwati minn diżastri naturali, bħal uragani, terremoti, jew xi tsunami. (Mattew 24:45) Il-fatt li nagħtu mill-ħin, l-isforzi, u r-riżorsi tagħna minn jeddna biex nikkooperaw maʼ dan l-arranġament hu mod mill-aqwa kif nuru l-ħniena.
“Jekk Tkomplu Tħarsu Lejn l-Uċuħ”
8. Il-favoritiżmu kif jaħdem kontra l-ħniena?
8 Meta kien qed iwissi dwar karatteristika li taħdem kontra l-ħniena u “l-liġi sovrana” taʼ l-imħabba, Ġakbu kiteb: “Jekk tkomplu tħarsu lejn l-uċuħ, tkunu qed tidinbu, għax qed tiġu mwiddbin mil-liġi talli qed tiksruha.” (Ġakbu 2:8, 9) Jekk nuru l-preferenzi lejn dawk li huma għonja materjalment jew lejn dawk li huma prominenti nistgħu nsiru inqas sensittivi “għall-għajta tal-fqir.” (Proverbji 21:13) Il-favoritiżmu jtellef l-ispirtu taʼ ħniena. Aħna nipprattikaw il-ħniena billi nittrattaw lil oħrajn b’mod imparzjali.
9. Għala m’huwiex ħażin li nuru konsiderazzjoni speċjali lejn min jistħoqqlu?
9 Ifisser il-fatt li nkunu imparzjali li qatt m’għandna nuru konsiderazzjoni speċjali lejn xi ħadd? Dażgur li le! Rigward sieħbu fil-ħidma Epafroditu, l-appostlu Pawlu kiteb lill-Kristjani ġewwa Filippi: “Nies bħalu ibqgħu għożżuhom.” Għala? “Għax minħabba x-xogħol tal-Mulej hu kien għoddu miet, billi poġġa ruħu fil-periklu, sabiex ipatti bis-sħiħ għalikom għax m’intomx hawn biex taqduni.” (Filippin 2:25, 29, 30) Is-servizz leali li ta Epafroditu kien jistħoqqlu konsiderazzjoni speċjali. Iktar minn hekk, fl-1 Timotju 5:17, naqraw: “L-anzjani li jippresiedu bl-aħjar mod ħa jitqiesu li huma denji t’unur doppju, speċjalment dawk li jaħdmu iebes biex jitkellmu u jgħallmu.” Kwalitajiet spiritwali tajbin ukoll jistħoqqilhom jiġu rikonoxxuti. Konsiderazzjoni bħal din m’hijiex favoritiżmu.
“L-Għerf li Ġej minn Fuq Hu . . . Mimli Ħniena”
10. Għala għandna nikkontrollaw ilsienna?
10 Rigward l-ilsien, Ġakbu qal: “Ma jitrażżanx, u mimli velenu li jġib il-mewt. Bih inbierku lil Ġeħova, il-Missier, u madankollu bih nisħtu lill-bnedmin li nħolqu ‘fix-xebh t’Alla.’ Mill-istess fomm joħorġu l-barka u s-saħta.” F’dan il-kuntest, Ġakbu żied: “Jekk fi qlubkom għandkom għira kollha mrar u spirtu ġellied, tiftaħrux u tigdbux kontra l-verità. Dan m’huwiex l-għerf li ġej minn fuq, imma hu taʼ l-art, taʼ l-annimali, tad-demonji. Għax fejn hemm l-għira u l-ġlied, hemm id-diżordni u kull ħaġa vili. Imma l-għerf li ġej minn fuq hu l-ewwelnett safi, imbagħad iġib il-paċi, hu raġunevoli, lest li jobdi, mimli ħniena u frott tajjeb, ma jagħmilx distinzjonijiet parzjali, mhux ipokrita.”—Ġakbu 3:8-10a, 14-17.
11. Kif nistgħu nuru l-ħniena fil-mod kif nużaw ilsienna?
11 Għalhekk, il-mod kif nużaw ilsienna huwa indikazzjoni taʼ jekk għandniex l-għerf li hu “mimli ħniena.” Xi ngħidu jekk minħabba l-għira jew il-ġlied kellna niftaħru, nigdbu, jew inxerrdu seksik li jagħmel il-ħsara? Salm 94:4 jgħid: “Kull min jagħmel il-ħażen jiftaħar.” U l-kliem ġellied kemm jistaʼ jagħmel ħsara malajr lir-reputazzjoni tajba taʼ xi ħadd innoċenti! (Salm 64:3-5 [64:2-4, NW]) Iktar minn hekk, aħseb dwar il-ħsara li tistaʼ ssir minn ‘xhud qarrieq li jgħid il-gideb.’ (Proverbji 14:5; 1 Slaten 21:7-13) Wara li jiddiskuti l-użu ħażin taʼ l-ilsien, Ġakbu jgħid: “Mhux xieraq, ħuti, li dawn l-affarijiet ikomplu sejrin hekk.” (Ġakbu 3:10b) Il-ħniena vera teħtieġ li nużaw ilsienna b’mod safi, li jġib il-paċi, u raġunevoli. Ġesù qal: “Ngħidilkom li kull ħaġa bla siwi li jgħidu l-bnedmin iridu jagħtu kont tagħha f’Jum il-Ġudizzju.” (Mattew 12:36) Kemm hu importanti li nuru l-ħniena fil-mod kif nużaw ilsienna!
“Aħfru lill-Bnedmin in-Nuqqasijiet Tagħhom”
12, 13. (a) X’nitgħallmu dwar il-ħniena mill-parabbola taʼ l-ilsir li kellu somma flus kbira bħala dejn maʼ sidu? (b) Xi jfisser li naħfru lil ħuna “sa sebgħa u sebgħin darba”?
12 Il-parabbola taʼ Ġesù dwar l-ilsir li kellu dejn taʼ 60,000,000 dinar maʼ sidu, li kien sultan, turina mod ieħor kif nistgħu nuru l-ħniena. Minħabba li ma kellu ebda mezz kif iħallas id-dejn, l-ilsir talbu bil-ħrara biex iħenn għalih. Minħabba li “tħassru,” is-sid taʼ l-ilsir ħafirlu d-dejn. Imma l-ilsir ħareġ u sab lil ilsir sieħbu li kellu dejn miegħu taʼ mitt dinar biss u bla ħniena tefgħu l-ħabs. Meta s-sid semaʼ b’dak li kien ġara, hu sejjaħ lill-ilsir li lilu ħafirlu d-dejn u qallu: “Ilsir mill-agħar, jien ħfirtlek dak id-dejn kollu meta tlabtni bil-ħrara. Ma messikx int, mill-banda l-oħra, ġietek ħniena mill-ilsir sieħbek, bħalma jien ukoll ġietni ħniena minnek?” U mbagħad is-sid bagħtu għand il-kalzriera. Ġesù kkonkluda din il-parabbola billi qal: “Hekk ukoll jagħmlilkom Missieri tas-sema jekk ma taħfrux minn qalbkom kull wieħed lil ħuh.”—Mattew 18:23-35.
13 Kemm turi b’mod ċar din il-parabbola li semmejna li l-ħniena tinkludi li nkunu lesti li naħfru! Ġeħova ħafrilna dejn kbir tad-dnub. M’għandniex aħna wkoll ‘naħfru lill-bnedmin in-nuqqasijiet tagħhom’? (Mattew 6:14, 15) Qabel ma Ġesù qal il-parabbola dwar l-ilsir bla ħniena, Pietru staqsieh: “Mulej, kemm-il darba jistaʼ ħija jidneb kontrija u naħfirlu? Sa sebaʼ darbiet?” Ġesù wieġbu: “Ma ngħidlikx, Sa sebaʼ darbiet, imma, Sa sebgħa u sebgħin darba.” (Mattew 18:21, 22) Iva, individwu ħanin hu lest li jaħfer “sa sebgħa u sebgħin darba,” jiġifieri, bla limitu.
14. Skond Mattew 7:1-4, kif nistgħu nipprattikaw il-ħniena kuljum?
14 Billi wriena mod ieħor kif nuru l-ħniena, Ġesù qal fil-Priedka taʼ fuq il-Muntanja: “Tibqgħux tiġġudikaw biex ma tiġux ġudikati; għax bl-istess ġudizzju li tiġġudikaw, tiġu ġudikati . . . Għala, mela, tħares lejn it-tibna f’għajn ħuk, imma ma tqisx it-travu li għandek f’għajnek? Jew kif tistaʼ tgħid lil ħuk, ‘Ħallini nneħħilek it-tibna minn għajnek’; meta, ara, int għandek travu f’għajnek?” (Mattew 7:1-4) Għalhekk, nistgħu nipprattikaw il-ħniena billi nittolleraw id-dgħjufijiet t’oħrajn mingħajr ma niġġudikawhom jew nikkritikawhom iżżejjed.
‘Agħmlu t-Tajjeb maʼ Kulħadd’
15. L-għemejjel taʼ ħniena għala m’humiex limitati għal sħabna fit-twemmin biss?
15 Waqt li l-ktieb Bibliku taʼ Ġakbu jenfasizza l-ħniena fost dawk li jemmnu, dan ma jfissirx li l-għemejjel taʼ ħniena huma limitati għal dawk li jinsabu fil-kongregazzjoni Kristjana. “Twajjeb maʼ kulħadd il-Mulej, [“ħnientu,” NW] fuq kull ma għamel,” jgħid Salm 145:9. Aħna niġu mħeġġin biex ‘nimitaw lil Alla’ u biex “nagħmlu t-tajjeb maʼ kulħadd.” (Efesin 5;1; Galatin 6:10) Waqt li ma nħobbux “id-dinja u lanqas dak li hemm fid-dinja,” aħna m’aħniex indifferenti għall-bżonnijiet taʼ dawk li huma fid-dinja.—1 Ġwanni 2:15.
16. Liema fatturi jeffettwaw il-mod kif nuru l-ħniena lejn oħrajn?
16 Bħala Kristjani, aħna ma noqogħdux lura milli nipprovdu kwalunkwe għajnuna li nistgħu lil vittmi taż-“żmien u ċ-ċirkustanzi” jew lil dawk li jinsabu f’sitwazzjonijiet diffiċli ħafna. (Koħèlet 9:11) M’għandniex xi ngħidu, jiddependi miċ-ċirkustanzi tagħna x’nistgħu u kemm nistgħu nagħmlu. (Proverbji 3:27) Meta nipprovdu għajnuna materjali lil oħrajn, aħna rridu noqogħdu attenti li għemil li jidher li hu tajjeb ma jinkuraġġixxix l-għażż. (Proverbji 20:1, 4; 2 Tessalonikin 3:10-12) Għalhekk, għemil taʼ ħniena vera jiġbor flimkien sentiment teneru taʼ mogħdrija jew simpatija flimkien maʼ rraġunar f’loku.
17. Liema hu l-aqwa mod kif nuru l-ħniena lejn dawk li huma barra l-kongregazzjoni?
17 Mod mill-aqwa kif nuru l-ħniena lejn dawk li huma barra l-kongregazzjoni Kristjana hu billi naqsmu magħhom il-verità tal-Bibbja. Għala? Għaliex il-maġġuranza taʼ l-umanità llum qed itteftef fi dlam spiritwali. Minħabba li m’għandhomx mod kif ikampaw mal-problemi li jiffaċċjaw u lanqas m’għandhom tama vera għall-futur, ħafna nies huma “mqaxxrin u mferrxin bħal nagħaġ mingħajr ragħaj.” (Mattew 9:36) Il-messaġġ tal-Kelma t’Alla jistaʼ jkun ‘fanal għal riġlejhom,’ billi jgħinhom ikampaw mal-problemi tal-ħajja. Jistaʼ jipprovdilhom ukoll ‘dawl fil-mogħdija tagħhom’ minħabba li l-Bibbja tbassar l-iskop t’Alla għall-futur, billi tagħtihom bażi għal tama sabiħa. (Salm 119:105) Xi privileġġ għandna li nġorru l-messaġġ meraviljuż taʼ verità lil dawk li tassew għandhom bżonnu! Minħabba li t-“tribulazzjoni kbira” tinsab fil-qrib, issa huwa ż-żmien li nieħdu sehem biż-żelu fix-xogħol taʼ l-ippridkar tas-Saltna u taʼ li nagħmlu dixxipli. (Mattew 24:3-8, 21, 22, 36-41; 28:19, 20) Ebda għemil ieħor taʼ ħniena ma hu daqshekk importanti.
Agħtu “Dak li Hu minn Ġewwa”
18, 19. Għala għandna naħdmu biex inżidu l-influwenza li l-ħniena għandha f’ħajjitna?
18 “Agħtu bħala għotjiet taʼ ħniena dak li hu minn ġewwa,” qal Ġesù. (Luqa 11:41) Biex għemil tajjeb ikun att taʼ ħniena vera, dan irid ikun għotja li tiġi minn ġewwa—minn qalb li tħobb u li trid tagħti. (2 Korintin 9:7) F’dinja fejn il-ħruxija, l-egoiżmu, u n-nuqqas taʼ interess fit-tbatija u l-problemi t’oħrajn huma komuni, kemm iġġib serħan ħniena bħal din!
19 Mela, ejja naħdmu biex inħallu l-ħniena tinfluwenza iktar lil ħajjitna. Iktar ma nuru l-ħniena, iktar insiru bħal Alla. Dan jgħinna biex ikollna ħajja tassew mimlija skop u sodisfaċenti.—Mattew 5:7.
X’Tgħallimt?
• Għala huwa speċjalment importanti li nuru l-ħniena lejn sħabna fit-twemmin?
• Kif nistgħu nipprattikaw il-ħniena fil-kongregazzjoni Kristjana?
• Kif nistgħu nagħmlu t-tajjeb maʼ dawk barra l-kongregazzjoni?
[Stampa f’paġna 26]
Is-Samaritan aġixxa bil-ħniena
[Stampi f’paġna 27]
Il-Kristjani jagħmlu ħafna għemejjel taʼ ħniena
[Stampa f’paġna 30]
L-aqwa mod kif turi l-ħniena lejn dawk barra l-kongregazzjoni hu billi taqsam magħhom il-verità tal-Bibbja