ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 41
Aħna Naqdu lil Alla li Juri Ħafna Ħniena
“Ġeħova hu tajjeb maʼ kulħadd, u l-ħniniet tiegħu huma fuq xogħlijietu kollha.”—SALM 145:9.
GĦANJA 44 Talba taʼ min ikun imnikket
ĦARSA BIL-QUDDIEMa
1. X’jistaʼ jiġina f’moħħna meta naħsbu dwar persuna li turi l-ħniena?
META naħsbu dwar persuna li turi ħniena, forsi jiġina f’moħħna xi ħadd li hu dħuli, qalbu tajba, iħoss għal dak li jkun, u ġeneruż. Jaf niftakru wkoll l-istorja li qal Ġesù dwar is-Samaritan it-tajjeb. Dan ir-raġel “aġixxa bil-ħniena” maʼ Lhudi li kien misruq u msawwat mill-ħallelin. Is-Samaritan “tħassru” u bi mħabba ħa ħsiebu. (Lq. 10:29-37) Minn din l-istorja nistgħu nitgħallmu ħafna dwar il-ħniena—kwalità sabiħa li għandu Alla. Alla jħobbna, u għalhekk hu juri l-ħniena magħna b’diversi modi kuljum.
2. X’inhu mod ieħor kif persuna turi l-ħniena?
2 X’tistaʼ tagħmel ukoll persuna li turi l-ħniena? Hi tistaʼ tagħżel li ma tagħtix il-kastig lil xi ħadd li jkun żbalja. Ġeħova hekk jagħmel magħna. Is-salmista jgħid li Ġeħova “m’għamlilniex skond dnubietna.” (Salm 103:10) Imma xi kultant, Ġeħova jkollu bżonn jiddixxiplina lil persuna li tkun għamlet dnub serju.
3. Liema mistoqsijiet ser inwieġbu?
3 F’dan l-artiklu ser inwieġbu tliet mistoqsijiet: Ġeħova għala juri l-ħniena? Huwa possibbli li tiddixxiplina lil xi ħadd u fl-istess ħin turi l-ħniena miegħu? U x’jistaʼ jgħinna nuru din il-kwalità? Ejja naraw kif il-Kelma t’Alla twieġeb dawn il-mistoqsijiet.
ĠEĦOVA GĦALA JURI L-ĦNIENA?
4. Ġeħova għala juri l-ħniena?
4 Ġeħova jħobb juri l-ħniena. L-appostlu Pawlu kiteb li Alla hu “għani fil-ħniena.” Hawnhekk, Pawlu kien qed jispjega li Alla wera l-ħniena mal-midlukin, għax minkejja li huma imperfetti, tahom it-tama li jgħixu fis-sema. (Efes. 2:4-7) Imma Ġeħova ma jurix ħniena mal-midlukin biss. David kiteb: “Ġeħova hu tajjeb maʼ kulħadd, u l-ħniniet tiegħu huma fuq xogħlijietu kollha.” (Salm 145:9) Minħabba li Ġeħova jħobb lin-nies, hu jieħu kull opportunità biex juri l-ħniena magħhom.
5. Ġesù kif tgħallem dwar il-ħniena taʼ Ġeħova?
5 L-iktar wieħed li jaf kemm Ġeħova jħobb juri l-ħniena hu Ġesù. Qabel Ġesù ġie fuq l-art, kien ilu eluf taʼ snin maʼ Ġeħova fis-sema. (Prov. 8:30, 31) Ġesù ra lil Missieru juri l-ħniena għal ħafna drabi maʼ bnedmin imperfetti. (Salm 78:37-42) U meta għallem, Ġesù spiss tkellem dwar din il-kwalità sabiħa li għandu Missieru.
Il-missier ma ġegħelx lit-tifel tiegħu jħossu skomdu; hu laqgħu lura (Ara paragrafu 6)c
6. Ġesù kif għenna nifhmu l-ħniena li juri Ġeħova?
6 Kif semmejna fl-artiklu taʼ qabel dan, Ġesù rrakkonta l-istorja tal-iben il-ħali biex jgħinna nifhmu kemm Ġeħova jħobb juri ħniena. It-tifel kien telaq mid-dar u “berbaq ġidu billi għex ħajja sfrattata.” (Lq. 15:13) Iktar tard, hu vera ddispjaċieh għall-ħażen li kien għamel, u reġaʼ mar lura d-dar. Missieru kif aġixxa? Ġesù qal: “Waqt li kien għadu ’l bogħod, missieru lemħu u ħassu mqanqal u tħassru, u telaq jiġri u għannqu u biesu b’tenerezza.” Il-missier ma ġegħlux iħossu skomdu lit-tifel tiegħu. Minflok, urieh ħniena u ħafirlu u reġaʼ laqgħu lura. Minkejja l-ħażen kollu li għamel, għax hu vera ddispjaċieh, missieru ħafirlu. Dan il-missier li wera l-ħniena mat-tifel tiegħu jirrappreżenta lil Ġeħova. Permezz taʼ din l-istorja li tmiss il-qalb, Ġesù qed jurina li Ġeħova jaħfer lil dawk kollha li vera jiddispjaċihom għal dak li jkunu għamlu.—Lq. 15:17-24.
7. Mill-mod kif Ġeħova juri l-ħniena, kif juri li hu għaref ħafna?
7 Ġeħova juri l-ħniena għax hu għaref ħafna. Id-deċiżjonijiet li jieħu Ġeħova huma dejjem taʼ ġid għalina. Il-Bibbja tgħid li “l-għerf li ġej minn fuq” hu “mimli ħniena u frott tajjeb.” (Ġak. 3:17) Bħal ġenitur li jħobb, Ġeħova jaf li meta juri ħniena mal-qaddejja tiegħu tkun għall-ġid tagħhom. (Salm 103:13; Is. 49:15) Grazzi għall-ħniena taʼ Ġeħova, aħna għandna tama sabiħa għall-futur minkejja li aħna imperfetti. U għax l-għerf taʼ Ġeħova hu bla limitu, hu juri l-ħniena meta jara li hemm raġuni biex jagħmel dan. Però ma jfissirx li għax Ġeħova juri l-ħniena, jagħlaq għajnejh għall-ħażen.
8. Xi kultant xi jkun hemm bżonn li jsir, u għala?
8 Ejja ngħidu li Xhud jibda jgħix ħajja li ma togħġobx lil Ġeħova. Aħna x’għandna nagħmlu? Ġeħova qal lil Pawlu biex jikteb: “Tibqgħux tagħmluha” miegħu. (1 Kor. 5:11) Meta xi ħadd ma jiddispjaċihx għall-ħażin li jkun qed jagħmel, jiġi maqtugħ mis-sħubija. Dan huwa importanti biex l-aħwa jkunu protetti u nuru li naċċettaw il-livelli taʼ Ġeħova. Imma xi wħud jaħsbu li meta xi ħadd jiġi maqtugħ mis-sħubija, Alla ma jkunx wera ħniena miegħu. Huwa veru dan? Ejja naraw.
META XI ĦADD JIĠI MAQTUGĦ MIS-SĦUBIJA, TKUN INTWERIET ĦNIENA?
Meta nagħġa tkun marida, ir-ragħaj jifridha minn mal-merħla, imma xorta jibqaʼ jieħu ħsiebha (Ara paragrafi 9-11)
9-10. Skont Ebrej 12:5, 6, għala meta xi ħadd jiġi maqtugħ mis-sħubija tkun intweriet il-ħniena? Agħti eżempju.
9 Meta nisimgħu avviż li xi ħadd li nafu u nħobbu “m’għadux wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova,” aħna nħossuna mdejqin ħafna. Forsi naħsbu li ma kellux għalfejn jiġi maqtugħ mis-sħubija. Meta jiġri hekk, tkun intweriet ħniena mal-persuna? Iva. Jekk xi ħadd li għamel dnub ma jiġix iddixxiplinat meta jkun hemm bżonn, hu ma jkunx qed jintwera l-għerf, il-ħniena, u l-imħabba. (Prov. 13:24) Meta xi ħadd jiġi maqtugħ mis-sħubija, jistaʼ mbagħad jiddispjaċih għal dak li għamel u jinbidel? Iva. Ħafna aħwa li kienu qegħdin jagħmlu dnubiet serji qalu li meta ġew maqtugħin mis-sħubija, dan għenhom biex jindunaw kemm kien serju d-dnub li għamlu, jiġu f’sensihom, ibiddlu l-mod taʼ kif jgħixu ħajjithom, u jerġgħu lura għand Ġeħova.—Aqra Ebrej 12:5, 6.
10 Ejja nġibu eżempju. Ragħaj induna li waħda min-nagħaġ hi marida. Hu jaf li biex ifejjaq lil din in-nagħġa għandu jifridha minn mal-merħla. In-nagħaġ jieħdu pjaċir ikunu flimkien, u jibżgħu ħafna meta jkunu weħidhom. Imma meta r-ragħaj jifred in-nagħġa minn mal-merħla, ifisser li hu kattiv? Dażgur li le. Hu jaf li jekk in-nagħġa se tibqaʼ mal-merħla, in-nagħaġ l-oħrajn se jimirdu wkoll. Billi jneħħiha minn magħhom, hu jkun qed jipproteġi l-merħla kollha.—Qabbel Levitiku 13:3, 4.
11. (a) Xi ħadd li jkun ġie maqtugħ mis-sħubija, kif nistgħu nqabbluh maʼ nagħġa marida? (b) Xi ħadd li hu maqtugħ mis-sħubija x’jistaʼ jagħmel, u x’għajnuna jistaʼ jirċievi?
11 Nistgħu nqabblu lil Kristjan li ġie maqtugħ mis-sħubija maʼ nagħġa marida. Hu marid spiritwalment għax għamel il-ħsara lill-ħbiberija tiegħu maʼ Ġeħova. (Ġak. 5:14) Issa, bħalma xi ħadd marid jistaʼ jmarrad lil oħrajn, xi ħadd li għamel il-ħsara lill-ħbiberija tiegħu maʼ Ġeħova jistaʼ jaffettwa ħażin lill-aħwa. Għalhekk, f’ċerti każi jkun hemm bżonn li l-persuna tiġi maqtugħa mis-sħubija. Din id-dixxiplina turi li Ġeħova jħobb lill-aħwa leali fil-kongregazzjoni, u tistaʼ tgħin lil dak li jkun għamel id-dnub biex jinduna bil-ħażen li għamel u jiddispjaċih. Waqt li jkun maqtugħ mis-sħubija, hu jistaʼ jattendi l-laqgħat biex jirċievi l-ikel spiritwali u jerġaʼ jsaħħaħ il-fidi tiegħu. Hu jistaʼ wkoll jaqra l-letteratura u jara l-JW Broadcasting®. U meta l-anzjani jaraw li qed jagħmel il-bidliet, minn żmien għal żmien jistgħu jtuh pariri biex jgħinuh jirranġa l-ħbiberija tiegħu maʼ Ġeħova. B’hekk ikun jistaʼ jerġaʼ jiġi aċċettat lura bħala wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova.b
12. L-anzjani kif jistgħu juru l-imħabba u l-ħniena maʼ persuna li ma jkunx iddispjaċieha għal dak li għamlet?
12 Huwa importanti li niftakru li dawk biss li ma jiddispjaċihomx għad-dnub li għamlu jiġu maqtugħin mis-sħubija. L-anzjani jafu li jridu joqogħdu attenti ħafna qabel jiddeċiedu li jaqtgħu lil xi ħadd mis-sħubija. Huma jafu li Ġeħova jiddixxiplina lil persuna ‘kemm ikun jistħoqqilha,’ u hu jridhom jagħmlu l-istess. (Ġer. 30:11) Huma jħobbuhom lill-aħwa, u żgur li ma jkunux iridu jagħmlu xi ħaġa li tagħmel il-ħsara lill-ħbiberija tal-aħwa maʼ Ġeħova. Imma xi kultant, l-uniku mod kif juru l-imħabba u l-ħniena hu billi jaqtgħu mis-sħubija għal perjodu taʼ żmien lil persuna li tkun għamlet id-dnub.
13. Kristjan f’Korintu għala kellu jiġi maqtugħ mis-sħubija?
13 Aħseb dwar dak li għamel l-appostlu Pawlu lil xi ħadd li mhux vera ddispjaċieh għal dak li għamel. Kristjan f’Korintu kien qed jgħix ħajja immorali mal-mara taʼ missieru. Din kienet xi ħaġa diżgustanti! Pawlu kien jaf li Ġeħova qal lill-Iżraelin: “Raġel li jimtedd maʼ mart missieru jkun kixef l-għera taʼ missieru. It-tnejn li huma żgur li għandhom jingħataw il-mewt.” (Lev. 20:11) Ovvjament, Pawlu ma setax jgħid lill-kongregazzjoni li dan il-Kristjan għandu jiġi maqtul. Imma hu qal lill-Korintin biex jaqtgħuh mis-sħubija. Il-ħażen li beda jagħmel dan ir-raġel beda jaffettwa lil oħrajn fil-kongregazzjoni. Fil-fatt, xi wħud fil-kongregazzjoni ħasbu li ma kien qed jagħmel xejn ħażin.—1 Kor. 5:1, 2, 13.
14. Pawlu kif wera ħniena mar-raġel li ġie maqtugħ mis-sħubija f’Korintu, u għala? (2 Korintin 2:5-8, 11)
14 Iktar tard, Pawlu sar jaf li dan ir-raġel għamel bidliet kbar. Hu kien vera ddispjaċieh għal dak li għamel! Għalkemm dan ir-raġel ġab tmaqdir fuq il-kongregazzjoni, Pawlu qal lill-anzjani li hu ma riedx ikun “aħrax wisq.” Hu qalilhom: “Għandkom taħfrulu b’qalb tajba u tfarrġuh.” Pawlu qalilhom hekk biex “ma jmurx dan jinbelaʼ għax ikun sewwed qalbu żżejjed.” Pawlu tħassru lil dan ir-raġel li vera ddispjaċieh għal dak li għamel. Għalhekk, hu ma riedx jara lil dan ir-raġel jaqtaʼ qalbu tant li ma jkomplix jirranġa l-ħbiberija tiegħu maʼ Ġeħova.—Aqra t-2 Korintin 2:5-8, 11.
15. L-anzjani kif jiddixxiplinaw u fl-istess ħin juru l-ħniena?
15 Bħal Ġeħova, l-anzjani jħobbu juru l-ħniena. Jekk ikun hemm bżonn, huma jiddixxiplinaw b’mod sod lil dak li jkun għamel id-dnub, imma fejn hu possibbli juru wkoll il-ħniena. Jekk l-anzjani ma jagħmlux hekk, ma jkunux qed juru ħniena, anzi jkunu qed jagħlqu għajnejhom għall-ħażin li jkun qed jagħmel. Imma, l-anzjani biss għandhom juru l-ħniena?
X’JISTAʼ JGĦINNA BIEX NURU L-ĦNIENA?
16. Skont Proverbji 21:13, Ġeħova x’jagħmel maʼ dawk li ma jurux ħniena?
16 Bħal Ġeħova, il-Kristjani kollha għandhom juru l-ħniena. Għala? Raġuni waħda hi minħabba li Ġeħova mhux se jismaʼ lil dawk li ma jurux ħniena m’oħrajn. (Aqra Proverbji 21:13.) Aħna żgur nixtiequ li Ġeħova jismaʼ t-talb tagħna. Għalhekk, għandna dejjem nuru l-ħniena. Aħna għandna nkunu dejjem lesti li nisimgħu lil ħu jew oħt li tkun qiegħda tbati. Għandna nagħmlu l-almu tagħna biex napplikaw il-lezzjoni li nsibu f’dan il-vers: “Min ma jipprattikax il-ħniena se jiġi ġudikat mingħajr ħniena.” (Ġak. 2:13) Jekk aħna naċċettaw li għandna bżonn nintwerew il-ħniena, x’aktarx li se nuru l-ħniena wkoll. Aħna għandna nuru l-ħniena speċjalment maʼ ħu jew oħt li tkun reġgħet ġiet aċċettata lura fil-kongregazzjoni.
17. Is-Sultan David kif wera l-ħniena?
17 Fil-Bibbja nsibu eżempji li jgħinuna kif nuru l-ħniena u ma nkunux ħorox. Pereżempju, aħseb dwar is-Sultan David. Hu wera l-ħniena ħafna drabi. Minkejja li Sawl ried joqtlu, David wera l-ħniena mas-sultan li Ġeħova kien għażel. Hu qatt ma prova jpattihielu jew jagħmillu l-ħsara.—1 Sam. 24:9-12, 18, 19.
18-19. F’liema żewġ okkażjonijiet David ma weriex ħniena?
18 Però, David mhux dejjem wera l-ħniena. Pereżempju, Nabal vera kien raġel aħrax. Darba waħda, hu beda jgħajjar lil David u ma riedx jagħti ikel lilu u lis-suldati tiegħu. Għalhekk, David irrabja ħafna u ddeċieda li joqtol lil Nabal u lill-irġiel li jgħixu fid-dar tiegħu. Imma l-mara taʼ Nabal, Abigajl, kienet qalbha tajba u paċenzjuża, u hi tat l-ikel lil David. Għalhekk, David ma qatilx lil Nabal u l-irġiel tiegħu.—1 Sam. 25:9-22, 32-35.
19 F’okkażjoni oħra, il-profeta Natan qal storja lil David dwar raġel sinjur li seraq l-unika nagħġa li kellu raġel fqir. Malli semaʼ dan, David irrabja ħafna u qal: “Daqskemm hu ħaj Ġeħova, ir-raġel li għamel dan jistħoqqlu jmut!” (2 Sam. 12:1-6) David kien jaf li l-Liġi Mosajka tgħid li min jisraq nagħġa għandu jagħti lura erbgħa. (Eżo. 22:1) Allura, David kien vera aħrax meta qal li dak li seraq in-nagħġa kien ħaqqu l-mewt. Natan kien qed jgħid l-istorja lil David biex jgħinu jifhem li dak li għamel hu kien ħafna agħar! U Ġeħova ma kienx aħrax maʼ David bħalma kien hu maʼ dak ir-raġel li seraq in-nagħġa.—2 Sam. 12:7-13.
Is-Sultan David ma weriex ħniena mar-raġel li semma Natan fl-istorja (Ara paragrafi 19-20)d
20. X’nistgħu nitgħallmu mill-eżempju taʼ David?
20 Meta David kien irrabjat, hu ried li Nabal u l-irġiel kollha tiegħu jiġu maqtulin. U iktar tard, David qal li r-raġel sinjur li seraq in-nagħġa fl-istorja taʼ Natan għandu jiġi maqtul ukoll. David kien qalbu tajba, allura għala ġġudika bl-aħrax lir-raġel li seraq in-nagħġa? Aħseb dwar dak li kien għaddej minnu f’dak ż-żmien. David kien qed iħoss il-kuxjenza tniggżu. Meta xi ħadd jiġġudika bl-aħrax, ikun qed juri li l-ħbiberija tiegħu maʼ Ġeħova mhix b’saħħitha. Ġesù wissa lid-dixxipli tiegħu: “Tibqgħux tiġġudikaw biex ma tiġux ġudikati; għax bl-istess ġudizzju li tiġġudikaw, tiġu ġudikati; u bil-kejl li tkejlu, ikejlulkom.” (Mt. 7:1, 2) Mela ejja noqogħdu attenti biex ma niġġudikawx bl-aħrax, u naħdmu iebes biex dejjem nuru l-ħniena bħal Alla.
21-22. Aħna kif nistgħu nuru l-ħniena?
21 Li nuru ħniena ma jfissirx biss li nitħassru lill-oħrajn, imma rridu nagħmlu xi ħaġa biex ngħinu. Ilkoll kemm aħna nistgħu naraw min għandu bżonn l-għajnuna fil-familja, fil-kongregazzjoni, u fejn ngħixu. U żgur se jkollna ħafna opportunitajiet biex nuru ħniena! Taf lil xi ħadd li għandu bżonn l-għajnuna? Tistaʼ tgħinu billi forsi tipprovdilu xi ikel jew b’affarijiet bżonjużi oħrajn? Hemm xi ħadd li ġie aċċettat lura u għandu bżonn ħabib biex jiġi inkuraġġit? Tistaʼ tipprietka l-messaġġ tal-aħbar tajba lil oħrajn? Dan hu wieħed mill-aħjar modi kif nuru l-ħniena maʼ kulħadd.—Ġob 29:12, 13; Rum. 10:14, 15; Ġak. 1:27.
22 Jekk noqogħdu attenti għal dawk li għandhom bżonn xi għajnuna bħalma semmejna, se naraw li hemm ħafna opportunitajiet kif nistgħu nuru l-ħniena. Meta aħna nuru l-ħniena se nferrħu lil Missierna tas-sema għax hu juri ħafna ħniena!
GĦANJA 43 Talba taʼ ringrazzjament
a Il-ħniena hi waħda mill-isbaħ kwalitajiet li għandu Ġeħova, u kull wieħed u waħda minna għandu jkompli jiżviluppa. F’dan l-artiklu se naraw għala Ġeħova juri l-ħniena, għala meta jiddixxiplina lil xi ħadd dejjem juri ħniena, u kif aħna nistgħu nuru l-ħniena bħalu.
b Biex titgħallem kif xi ħadd li ġie aċċettat lura jistaʼ jerġaʼ jsaħħaħ il-ħbiberija tiegħu maʼ Ġeħova u kif l-anzjani jistgħu jgħinuh, ara l-artiklu “Erġaʼ Ibni l-Ħbiberija Tiegħek maʼ Ġeħova” f’din il-ħarġa.
c X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Minn fuq il-bejt, il-missier jara lit-tifel ġej lura d-dar u jitlaq jiġri biex jgħannqu.
d X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Is-Sultan David kien stressjat minħabba li kellu l-kuxjenza qed tniggżu. Għalhekk, malli semaʼ l-istorja taʼ Natan, hu rrabja ħafna u qallu li r-raġel li seraq in-nagħġa għandu jmut.