LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w92 2/1 pp. 8-12
  • Sabar li Jikseb ir-Rebħa

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Sabar li Jikseb ir-Rebħa
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Nissaportu sat-​Tmiem
  • Kwalifika Meħtieġa
  • Nistennew b’Sabar Li Ma Jitħarrikx
  • Imħabba Għal Alla Tgħinna Nissaportu
  • “Irriflettu Sew dwar Dak li Ssaporta”
    “Ejja Kun Segwaċi Tiegħi”
  • “Ħallu s-sabar iwettaq xogħlu għalkollox”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2016
  • ‘Henjin Huma Dawk li Ssaportew’
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1990
  • Ibqaʼ qrib l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova
    Organizzati biex Nagħmlu r-Rieda ta’ Ġeħova
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
w92 2/1 pp. 8-12

Sabar li Jikseb ir-Rebħa

“Intom teħtieġu s-​sabar, sabiex, wara li tkunu għamiltu r-​rieda t’Alla, tistgħu tirċievu t-​twettieq tal-​wegħda.”−EBREJ 10:36.

1. Is-​sabar għala huwa indispensabbli għal kulmin jaqdi lil Alla Jehovah illum?

DIN id-​dinja kollha tinsab fil-​poter taʼ alla sedizzjuż. Il-​mexxej tagħha li ma jidhirx, Satana x-​Xitan, qed jikkonċentra l-​isforzi kollha tiegħu f’li jopponi lil Jehovah u f’li jiġġieled kontra l-​ivvindikar tas-​sovranità universali taʼ Jehovah bis-​Saltna Messjanika. Dan jagħmel inevitabbli li kull min jiddedika lilu nnifsu lil Alla u jżomm man-​naħa Tiegħu tal-​kwistjoni taʼ sovranità se jkun kontinwament opponut minn din id-​dinja. (Ġwann 15:18-20; 1 Ġwann 5:19) Għaldaqstant, kull wieħed minna jrid ilesti lilu nnifsu biex jissaporti sakemm did-dinja taqaʼ f’qerda totali f’Armageddon. Biex inkunu fost l-​uħud vittorjużi t’Alla li jegħlbu lid-​dinja bil-​fidi u bl-​integrità tagħhom, aħna rridu nżommu sod b’mod determinat sat-​tmiem. (1 Ġwann 5:4) Kif nistgħu nagħmlu dan?

2, 3. Alla Jehovah u Ġesù Kristu kif inhuma l-​aqwa eżempji taʼ sabar?

2 L-​ewwelnett, nistgħu nħarsu għall-​inkuraġġiment lejn żewġ eżempji li jispikkaw fis-​sabar. Min huma dawn? Wieħed hu Ġesù Kristu, “l-​ewwel imwieled tal-​ħolqien kollu,” li bil-​fedeltà ppersevera fis-​servizz t’Alla minn mindu ilu jeżisti minn żmien mhux magħruf fil-​passat. Fil-​persistenza tiegħu f’li jaqdi lil Alla bil-​fedeltà, Ġesù sar eżempju għall-​ħlejjaq intelliġenti kollha li nħolqu wara fis-​sema u fl-​art. (Kolossin 1:15, 16) Madankollu, l-​aqwa eżempju tas-​sabar huwa Alla Jehovah, li ilu jissaporti għal żmien twil l-​irvell kontra s-​sovranità universali tiegħu u se jkompli jissaporti sakemm hu jaġixxi biex jissetilja l-​kwistjoni taʼ sovranità darba għal dejjem.

3 Jehovah issaporta b’mod eżemplari f’affarijiet fejn id-​dinjità tiegħu u s-​sentimenti persunali l-​iktar qawwijin tiegħu huma kkonċernati. Hu rażżan lilu nnifsu quddiem provokazzjoni kbira u żamm lilu nnifsu lura milli jieħu azzjoni kontra dawk li għajruh—inkluż Satana x-​Xitan. Aħna grati għas-​sabar t’Alla u għall-​ħniena tiegħu. Mingħajr dawn, ma konna ngawdu l-​anqas l-​iqsar eżistenza. Tabilħaqq, Alla Jehovah iddistingwa lilu nnifsu bla ebda paragun bis-​sabar tiegħu.

4, 5. (a) It-​tixbieha taʼ Pawlu dwar fuħħari kif turi s-​sabar u l-​ħniena t’Alla? (b) Il-​ħniena t’Alla kif se turi li ma kinetx għalxejn?

4 L-​appostlu Pawlu jindika kemm is-​sabar kif ukoll il-​ħniena t’Alla meta jgħid: “M’għandux il-​fuħħari awtorità fuq it-​tafal biex jagħmel mill-​istess ċappa reċipjent wieħed għal użu onorabbli, ieħor għal użu diżonorabbli? Jekk, issa, Alla, għalkemm għandu r-​rieda li juri l-​korla tiegħu u li jagħmel il-​qawwa tiegħu magħrufa, ittollera b’ħafna sabar fit-​tul lil reċipjenti taʼ korla li jixirqilhom il-​qerda, sabiex jagħmel magħrufin ir-​rikkezzi tal-​glorja tiegħu fuq reċipjenti tal-​ħniena, li hu ħejja minn qabel għall-​glorja, jiġifieri, lilna, li sejħilna mhux biss minn fost il-​Lhud imma wkoll minn fost il-​ġnus, b’daqshekk?”−Rumani 9:21-24.

5 Bħalma juri dan il-​kliem, matul dan il-​perijodu preżenti tas-​sabar tiegħu, Jehovah jissokta bil-​għan glorjuż tiegħu u juri ħniena lejn ċerti reċipjenti umani. Hu jħejji lil dawn ir-​reċipjenti għal glorja taʼ dejjem u b’hekk jegħleb il-​għanijiet mill-​agħar tal-​opponent kbir tiegħu, Satana x-​Xitan, u tal-​imseħbin kollha taʼ Satana. Mhux il-​bnedmin kollha saru reċipjenti taʼ korla, li jixirqilhom il-​qerda. Dak iġib ġieh lis-​sabar paċenzjuż taʼ Alla li Jistaʼ Kollox. Il-​ħniena tiegħu mhix se tkun għalxejn. Se tirriżulta (1) f’familja tas-​Saltna glorjuża fis-​smewwiet taħt l-​Iben maħbub taʼ Jehovah, Ġesù Kristu, u (2) f’razza taʼ ħlejjaq umani mfejqin u pperfezzjonati f’ġenna tal-​art, ilkoll werrieta taʼ ħajja eterna.

Nissaportu sat-​Tmiem

6. (a) Il-​Kristjani għala ma jistgħux jevitaw prova taʼ sabar? (b) Il-​kelma Griega għal “sabar” is-​soltu x’tindika?

6 B’tama meraviljuża bħal dik quddiemna il-​kliem stimulanti taʼ Ġesù għandu kontinwament jidwi f’widnejna, jiġifieri: “Dak li jkun issaporta sat-​tmiem hu dak li se jkun salvat.” (Mattew 24:13) Huwa importanti li tibda tajjeb fil-​korsa bħala dixxiplu Kristjan. Imma dak li jgħodd fl-​aħħar mill-​aħħar hu kif nissaportu, kemm nispiċċaw tajjeb il-​korsa. L-​appostlu Pawlu enfasizza dan meta qal: “Intom teħtieġu s-​sabar, sabiex, wara li tkunu għamiltu r-​rieda t’Alla, tistgħu tirċievu t-​twettieq tal-​wegħda.” (Ebrej 10:36) n-​kelma Griega hawn tradotta “sabar” hi hypo·mo·neʹ. Din ġeneralment tindika sabar kuraġġuż, sod, jew paċenzjuż li ma jitlifx it-​tama quddiem xi ostakli, persekuzzjonijiet, provi, u tentazzjonijiet. Jekk aħna nittamaw li naqilgħu salvazzjoni meta jasal il-​waqt, irridu noqogħdu sottomessi għal prova taʼ sabar bħala parti mit-​tħejjija neċessarja għal dik is-​salvazzjoni.

7. Liema delużjoni rridu nevitaw, u l-​eżempju taʼ min se jgħinna nissaportu?

7 M’għandniex nidħqu bina nfusna bl-​idea pjaċevoli li nistgħu ngħaddu mill-​prova taʼ malajr. Sabiex setgħu jiġu mwieġba b’mod deċisiv il-​kwistjonijiet taʼ sovranità universali u tal-​integrità tal-​bniedem, Jehovah ma beżax għalih innifsu. Hu ssaporta affarijiet taʼ dwejjaq avolja setaʼ ħassarhom f’ħakka t’għajn. Ġesù Kristu wkoll kien mudell tas-​sabar. (1 Pietru 2:21; qabbel Rumani 15:3-5.) B’dawn l-​eżempji li jiddu quddiemna, ċertament li aħna wkoll lesti li nissaportu sat-​tmiem.—Ebrej 12:2, 3.

Kwalifika Meħtieġa

8. Liema kwalità li lkoll kemm aħna neħtieġu wera l-​appostlu Pawlu?

8 Ebda qaddej t’Alla, saħansitra mill-​eqdem żmien, ma ġie meħlus mill-​ħtieġa li jagħti prova tal-​integrità tiegħu billi jissaporti. Individwi prominenti ħafna fl-​istorja tal-​Bibbja li baqgħu leali sal-​mewt u kkwalifikaw għall-​ħajja taʼ dejjem fis-​smewwiet riedu jagħtu prova tas-​sodizza tagħhom. Per eżempju, dak li qabel kien Fariżew, Sawlu taʼ Tarsu, qal lill-​Korintin: “Jien ma wrejtx li jien inferjuri għall-​appostli fini żżejjed tagħkom f’ħaġa waħda, saħansitra jekk ma jien xejn. Tabilħaqq, is-​sinjali taʼ appostlu kienu prodotti fostkom bis-​sabar kollu, u b’sinjali u egħliem u xogħlijiet potenti.” (2 Korintin 12:​11, 12) Minkejja t-​toqol tax-​xogħol, Pawlu kien igħożż il-​ministeru tiegħu tant li hu ssaporta ħafna u pprova bil-​ħeġġa biex ma jġib ebda tmaqdir fuqu.—2 Korintin 6:​3, 4, 9.

9. (a) Il-​fdal midlukin kif urew is-​sabar, u b’liema riżultat? (b) Xi jservi bħala inċentiv għalina biex inkomplu bil-​fedeltà f’servizz divin?

9 Fi żminijiet iktar moderni, Kristjani midlukin li kienu qed jaqdu ’l Alla qabel l-​ewwel gwerra dinjija kienu jafu li l-​1914 kellha timmarka t-​tmiem taʼ Żminijiet il-​Ġentili, u ħafna minnhom stennew li jirċievu l-​premju tagħhom għas-​sema f’dik is-​sena memorabbli. Imma dan ma seħħx. Kif juru issa l-​fatti, huma żdidulhom għaxriet taʼ snin. Matul din l-​estensjoni mhix mistennija mal-​korsa taʼ ħajja tagħhom fuq l-​art, huma għaddew minn irfinar minn idejn Alla Jehovah. (Żakkarija 13:9; Malakija 3:2, 3) Sabar kontinwu ħadem għall-​miljorament tagħhom. Bħala qaddejja taʼ Jehovah, huma thennew li jinħatru bħala l-​poplu għal ismu. (Isaija 43:10-12; Atti 15:14) Illum, billi għaddew minn żewġ gwerer dinjin u għadd taʼ konflitti iżgħar, huma jitgħaxxqu f’li jkunu mgħejjunin fit-​tixrid tal-​aħbar tajba minn folla li dejjem tikber taʼ ngħaġ oħra, li issa jgħoddu iktar minn erbaʼ miljuni. Il-​ġenna spiritwali li huma jgawdu nfirxet mal-​art kollha, saħansitra sal-​iktar gżejjer imbegħdin tal-​baħar. Dan it-​trattament iffavorit, li aħna napprezzaw iktar u iktar iżjed ma ngħixu, serva taʼ inċentiv biex nissoktaw bil-​fedeltà f’servizz divin sakemm ir-​rieda u l-​għan taʼ Jehovah jitwettqu bis-​sħiħ.

10. Biex ma jkun hemm ebda djufija min-​naħa tagħna, x’inhu meħtieġ regolarment?

10 Ladarba l-​premju tagħna jiddependi fuq is-​sodizza tagħna, aħna kontinwament għandna bżonn tal-​eżortazzjoni fuq din il-​ħaġa vitali. (1 Korintin 15:58; Kolossin 1:23) Sabiex ma jkunx hemm min jiddgħajjef fost il-​poplu taʼ Jehovah, irridu niġu nkuraġġiti regolarment biex inżommu sod mal-​verità u mal-​privileġġ prezzjuż li nxerrdu l-​verità, l-​istess bħalma kienu ġew il-​kongregazzjonijiet li kienu għadhom kif ġew iffurmati fl-​ewwel seklu biż-​żjajjar lura mingħand Pawlu u Barnabas. (Atti 14:21, 22) Ħa jkunu d-​deċiżjoni u d-​determinazzjoni sodi tagħna li, bħalma poġġieha l-​appostlu Ġwanni, il-​verità se tibqaʼ fina, “u se tkun magħna għal dejjem.”−2 Ġwann 2.

Nistennew b’Sabar Li Ma Jitħarrikx

11. X’jidher li hija r-​regola t’Alla mal-​qaddejja tiegħu, u dan kif intwera fil-​każ taʼ Ġużeppi?

11 Jieħu ż-​żmien biex il-​prova li tikkonċernana tgħaddi. (Ġakbu 1:2-4) Stenna! Stenna! Stenna! jidher li kienet ir-​regola t’Alla mal-​qaddejja tiegħu tal-​qedem meta huma kienu pprovati rigward id-​determinazzjoni tagħhom biex ikomplu fil-​fidi. Imma l-​istennija, fl-​aħħar, dejjem uriet li kienet waħda premjanti għal dawk il-​qaddejja leali. Ġużeppi, per eżempju, kellu jistenna 13-il sena bħala rsir u priġunier, imma l-​esperjenza rfinat il-​personalità tiegħu.—Salm 105:17-19.

12, 13. (a) Abraham kif kien eżempju taʼ sabar bil-​fedeltà? (b) Il-​fidi u s-​sabar taʼ Abraham b’liema mod huma miżmumin bħala mudell għalina?

12 Abraham diġà kellu 75 sena meta Alla sejjaħlu biex joħroġ minn Ur tal-​Kaldin biex imur fl-​Art Imwiegħda. Kellu madwar 125 sena meta rċieva l-​konferma b’ħalfa tal-​wegħda t’Alla—li seħħet immedjatament wara li Abraham wera s-​saħħa tal-​fidi tiegħu billi wasal sal-​punt li joffri lill-​iben maħbub tiegħu, Iżakk, u waqaf biss meta l-​anġlu taʼ Jehovah żammlu idu u evita s-​sagrifiċċju. (Ġenesi 22:1-18) Ħamsin sena kienu żmien twil biex Abraham jistenna bħala barrani f’art stranġiera, imma hu żamm sod għal jerġaʼ 50 sena oħra sakemm miet fl-​età taʼ 175 sena. F’dak iż-​żmien kollu, Abraham kien xhud u profeta leali taʼ Alla Jehovah.—Salm 105:9-15.

13 Il-​fidi u s-​sabar taʼ Abraham huma miżmumin bħala mudell għall-​qaddejja kollha t’Alla li jridu jirċievu l-​barkiet imwegħdin permezz taʼ Ġesù Kristu, iż-​Żerriegħa taʼ Abraham. (Ebrej 11:8-10, 17-19) Dwaru, naqraw f’​Ebrej 6:11-15: “Aħna nixtiequ li kull wieħed minnkom juri l-​istess bżulija sabiex ikollu l-​assigurazzjoni sħiħa tat-​tama sat-​tmiem, sabiex ma ssirux mitluqin, imma kunu imitaturi taʼ dawk li permezz tal-​fidi u l-​paċenzja jirtu l-​wegħdi. Għax meta Alla għamel il-​wegħda tiegħu lil Abraham, ladarba ma setax jaħlef b’xi ħadd akbar, ħalef bih innifsu, billi qal: ‘Fiż-​żgur li fil-​barka se nbierkek, u fl-​immoltiplikar se nimmoltiplikak.’ U b’hekk wara li Abraham kien wera l-​paċenzja, hu kiseb din il-​wegħda.”

14. Għala m’għandniex naħsbu li l-​prova tas-​sabar hija bla tmiem u li l-​premju huwa fieragħ?

14 Diġà l-​fdal midlukin raw 77 sena jgħaddu minn mindu ntemmu Żminijiet il-​Ġentili fl-​1914, meta xi wħud minnhom stennew il-​glorifikazzjoni tal-​kongregazzjoni Kristjana vera għas-​sema. Kemm għad iridu jistennew il-​fdal aħna ma nafux. Għandna għalhekk nitħarrku u naħsbu li l-​istennija hija bla tmiem u li l-​premju tama fiergħa? Le! Hekk qatt ma se tiġi vvindikata s-​sovranità t’Alla jew jiġi onorat ismu. Hu ma jkunx iġġustifikat quddiem id-​dinja meta jagħtina r-​rebħa u l-​premju li jirriżulta taʼ ħajja taʼ dejjem. Minkejja t-​tul taż-​żmien, il-​fdal, flimkien maʼ sħabhom bħal ngħaġ leali, huma determinati li jistennew biex Jehovah jaġixxi fil-​ħin tiegħu stess. F’li juru perseveranza eżemplari bħal din, huma jsegwu l-​korsa taʼ Abraham.—Rumani 8:23-25.

15. (a) X’inhu s-​sigriet tagħna, u f’liema esperjenzi Alla wiżinna bi trijonf? (b) Liema eżortazzjoni minn Pawlu għadha xierqa għal żmienna?

15 Is-​sigriet, allura, għadu sabar li ma jitħarrikx f’li tagħmel ir-​rieda t’Alla. (Rumani 2:6, 7) Fil-​passat hu wiżinna minn ġo niket kbir, inkluż tfigħ fil-​ħabsijiet u kampijiet taʼ konċentrament, u ħariġna minnu bi trijonf għall-​glorja tal-​isem u tal-​għan tiegħu.a Matul iż-​żmien li għad baqaʼ biex titlesta l-​prova tagħna, Jehovah se jkompli jagħmel l-​istess. L-​eżortazzjoni taʼ Pawlu tibqaʼ xierqa għal żmienna: “Għax intom teħtieġu paċenzja u sabar sodi, sabiex tkunu tistgħu tagħmlu u twettqu għalkollox ir-​rieda t’Alla, u b’hekk tirċievu u tieħdu magħkom u tgawdu bis-​sħiħ dak li hu mwiegħed.”−Ebrej 10:36, The Amplified Bible; Rumani 8:37.

16. Għala m’għandniex inqisu d-​dedikazzjoni tagħna lil Jehovah biss b’mod limitat jew b’xi riżervi?

16 Dment li Jehovah għandu xogħol għalina x’nagħmlu f’nofs did-dinja mill-​agħar, allura, billi nsegwu l-​eżempju taʼ Ġesù, aħna rridu nkunu okkupati f’dak ix-​xogħol sakemm ikun mitmum. (Ġwann 17:4) Id-​dedikazzjoni tagħna lil Jehovah ma kinetx bil-​patt li naqduh biss għal żmien qasir u mbagħad kellha tiġi Armageddon. Id-​dedikazzjoni tagħna kienet għal dejjem. Ix-​xogħol t’Alla għalina mhux se jintemm mal-​gwerra taʼ Armageddon. Madankollu, huwa biss wara li nkunu wettaqna x-​xogħol li jrid isir qabel Armageddon li aħna se naraw l-​affarijiet grandjużi li se jiġu wara dik il-​gwerra kbira. Imbagħad, minbarra l-​privileġġ hieni li nkomplu nagħmlu x-​xogħol tiegħu, se niġu ppremjati bil-​barkiet li ilna ħafna nittamaw għalihom u li hu wiegħed.—Rumani 8:32.

Imħabba Għal Alla Tgħinna Nissaportu

17, 18. (a) Fi żminijiet taʼ niket, x’se jgħinna nissaportu bl-​approvazzjoni t’Alla? (b) X’se jgħinna niksbu r-​rebħa, u x’ma ngħidux dwar iż-​żmien li baqaʼ?

17 Forsi, meta jkun hemm żminijiet taʼ niket, aħna nistgħu nistaqsu: ‘Kif nistgħu nissaportu iżjed?’ It-​tweġiba? Billi nħobbu lil Alla b’qalbna, b’moħħna, b’ruħna, u b’saħħitna kollha. “L-​imħabba tistabar fit-​tul u turi qalb tajba. L-​imħabba ma tgħirx, hi ma tiftaħarx, ma tintefaħx. Hi tiflaħ kollox, temmen kollox, tittama kollox, tissaporti kollox. L-​imħabba ma tfalli qatt.” (1 Korintin 13:​4, 7, 8) Jekk aħna ma nissaportux sforz l-​imħabba tagħna għal Alla, is-​sabar tagħna ma jkunx igħodd. Imma jekk aħna nissaportu taħt it-​toqol minħabba d-​devozzjoni tagħna lejn Jehovah, imbagħad is-​sabar tagħna jkollu l-​effett taʼ li jipprofondixxi mħabbitna lejh. Imħabba għal Alla, Missieru, għenet lil Ġesù biex jissaporti. (Ġwann 14:30, 31; Ebrej 12:2) Jekk il-​mottiv veru tagħna huwa mħabba għal Alla, Missierna, x’hemm li ma nistgħux nissaportu?

18 Hija l-​imħabba li ma titħarrikx tagħna għal Alla Jehovah li għenitna biex nibqgħu rebbiħin fuq id-​dinja matul dan l-​iktar żmien kritiku taʼ prova. U Jehovah, permezz taʼ Ġesù Kristu, se jibqaʼ jagħtina l-​għajnuna li neħtieġu minkejja kemm titħalla teżisti iżjed din is-​sistema qadima taʼ affarijiet. (1 Pietru 5:10) M’għandniex xi ngħidu, aħna ma nagħmlu ebda tbassir rigward kemm għad baqaʼ żmien, u mhux qed niffissaw xi data speċifika. Aħna nħallu dak f’idejn il-​Kbir Għassies tal-​Ħin, Alla Jehovah.—Salm 31:15.

19, 20. (a) Kif għandna nħarsu lejn kull jum li jgħaddi li nissaportu? (b) Liema bluha rridu nevitaw, u għala?

19 Madankollu, il-​ġenerazzjoni li kienet imbassra li se tixhed u se tesperjenza “[i]l-konklużjoni tas-​sistema taʼ affarijiet” hija issa avvanzata ħafna fis-​snin. (Mattew 24:3, 32-35) Mela ejjew qatt ma ninsew li kull jum li jgħaddi li nissaportu huwa jum inqas għal Satana u għad-​demonji tiegħu biex iniġġsu l-​univers bl-​istess eżistenza tagħhom u jum eqreb lejn iż-​żmien meta Jehovah ma jibqax jissaporti iżjed l-​eżistenza taʼ “reċipjenti taʼ korla li jixirqilhom il-​qerda.” (Rumani 9:22) Dalwaqt, meta s-​sabar fit-​tul taʼ Jehovah jiġi fit-​tmiem, hu se jiżżvoga l-​korla tiegħu fuq irġiel u nisa bla tjieba. B’hekk, hu se jirrivela id-​diżapprovazzjoni divina tiegħu tal-​korsa t’azzjoni tagħhom, avolja hu ħalliehom li jkomplu għal dan il-​perijodu kollu taʼ żmien.

20 Ikun mill-​iktar taʼ bluha għalina li ma nibqgħux nagħmlu sforzi taʼ mħabba biex niksbu l-​premju glorjuż li hu ppreżentat lilna permezz taʼ Ġesù Kristu. Minflok, aħna determinati li nkomplu bil-​fedeltà bħala Xhieda għal Jehovah f’dan l-​iktar żmien vitali meta Jehovah wasal biex jivvindika lilu nnifsu bħala s-​Sovran Universali.

[Nota taʼ taħt]

a Per eżempju, Christine Elizabeth King kitbet: “Kontra x-​Xhieda biss ma kellux suċċess il-​gvern [Nażista], għax għalkemm kienu qatlu eluf, ix-​xogħol baqaʼ sejjer u f’Mejju 1945 il-​moviment tax-​Xhieda taʼ Jehovah kien għadu ħaj, fil-​waqt li s-​Soċjaliżmu Nazzjonali ma kienx. Il-​għadd tax-​Xhieda kien żdied u l-​ebda kompromessi ma kienu saru. Il-​moviment kien kiseb martri u kien għamel b’suċċess battalja oħra fil-​gwerra taʼ Alla Jehovah.”—The Nazi State and the New Religions: Five Case Studies in Non-Conformity, paġna 193.

Kif Twieġeb Int?

◻ Għala ma nistgħux nevitaw li jkollna s-​sabar tagħna pprovat?

◻ Liema delużjoni rridu nevitaw?

◻ Biex nevitaw li niddgħajfu, x’inhu meħtieġ?

◻ X’inhu s-​sigriet tagħna?

◻ Fi żminijiet taʼ niket, x’se jgħinna nissaportu?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja