Tqim lil Liema Alla?
KONTRA tal-annimali, aħna l-bnedmin kapaċi nqimu. Din hija parti minn kif aħna magħmulin mit-twelid. Għandna wkoll sens morali, kuxjenza li tiggwidana f’dak li hu tajjeb u ħażin. B’diversi modi aħna lkoll nimxu fuq dik il-kuxjenza, u billi jagħmlu hekk, ħafna jfittxu xi alla jew allat għal gwida.
Matul dan l-aħħar seklu jew taʼ qablu, xi intellettwali tad-dinja argumentaw kontra l-eżistenza taʼ Alla li jistaʼ kollox u Ħallieq. Fl-1844, Karl Marx iddikjara r-reliġjon bħala “l-oppju tan-nies.” Iktar tard, Charles Darwin ħareġ bit-teorija tal-evoluzzjoni. Imbagħad ġiet ir-rivoluzzjoni Bolxevista. Fl-Ewropa tal-Lvant l-ateiżmu sar il-politika uffiċċjali tal-istat, u ġie sostnut li r-reliġjon kienet se tmut mal-ġenerazzjoni tal-1917. Imma dawk l-atei ma setgħux ibiddlu l-mod kif inhuma magħmulin il-bnedmin. Dan jidher ċar mill-qawmien tar-reliġjon fl-Ewropa tal-Lvant f’dan iż-żmien.
Madankollu, kif tgħid il-Bibbja, hemm ħafna li “jissejħu ‘allat,’ kemm fis-sema jew fuq l-art, sewwa sew bħalma hemm ħafna ‘allat’ u ħafna ‘mulejiet.’” (1 Korintin 8:5) Matul is-snin il-bniedem qiem kotra taʼ allat. Kien hemm allat tal-fertilità, tal-imħabba, tal-gwerra, tal-inbid u x-xalar. Fir-reliġjon tal-Ħindu biss, allat hemm bil-miljuni. Trinitajiet taʼ allat iffjorixxew fil-Babilonja, fl-Assirja, u fl-Eġittu, kif ukoll f’artijiet Buddisti. Il-Kristjaneżmu wkoll għandu t-Trinità “mqaddsa” tiegħu. L-Islam, li jirrifjuta t-Trinità, m’għandu “ebda alla ħlief Allah.” Barra minn hekk, saħansitra dawk li jiddieħku bil-kunċett taʼ Alla li jistaʼ kollox u inviżibbli għandhom allat, għalihom. Per eżempju, f’Filippin 3:19, il-Bibbja titkellem dwar bnedmin li jaqgħu fin-nassa tal-ġiri wara affarijiet materjali: “L-alla tagħhom huwa żaqqhom.”
Il-biċċa l-kbira tan-nies iqimu l-alla jew l-allat tal-post jew tas-soċjetà li fiha ġew imweldin. Dan iqajjem mistoqsijiet. Iwasslu dawn il-forom kollha taʼ qima lejn l-istess post—bħal toroq għall-quċċata taʼ muntanja? Jew it-toroq mistiċi tar-reliġjon iwasslu għal gwaj—bħal mogħdijiet lejn preċipizju? Hemm bosta modi xierqa taʼ qima jew hemm biss mod wieħed? Hemm bosta allat li jixirqilhom it-tifħir jew hemm biss Alla wieħed li Jistaʼ Kollox u li jixraqlu d-devozzjoni esklussiva u l-qima tagħna?
Il-Qawmien taʼ Allat Foloz
Dawn il-mistoqsijiet t’hawn fuq jixirqilhom li neżaminawhom bir-reqqa. Għala? Għaliex l-eqdem awtorità miktuba dwar ir-reliġjon, il-Bibbja, tiddeskrivi kif alla falz, billi opera permezz taʼ serp, ħajjar lill-ewwel antenati tagħna għal korsa diżastruża. Aħna qed nesperjenzaw ir-riżultati taʼ dwejjaq tal-istrateġija tiegħu sal-lum. (Ġenesi 3:1-13, 16-19; Salm 51:5) Ġesù, “l-Iben t’Alla,” tkellem dwar dan l-alla ribelluż bħala “l-ħakkiem taʼ did-dinja.” Wieħed mill-appostli taʼ Ġesù sejjaħlu “l-alla taʼ din is-sistema taʼ affarijiet.” (Ġwann 1:34; 12:31; 16:11; 2 Korintin 4:4) F’Rivelazzjoni kapitlu 12, vers 9, huwa deskritt bħala “is-serpent oriġinali, dak imsejjaħ Xitan u Satana, li qed jiżżvija lill-art abitata kollha.” Imperu dinji taʼ reliġjon falza qiegħed taħt il-kontroll taʼ Satana.
Satana huwa l-qarrieq il-kbir. (1 Timotew 2:14) Hu jabbuża mix-xewqa li jitwieldu biha l-bnedmin biex iqimu billi jġib ’il quddiem ħafna tipi differenti taʼ allat—spirti tal-antenati, idoli, xbihat, Madonnijiet. Hu wkoll jimbotta lejn il-qima taʼ allat umani bħalma huma ħakkiema setgħana, ġenerali rebbieħa, u stilel taċ-ċinema u tal-isport. (Atti 12:21-23) Nagħmlu tajjeb jekk noqogħdu għassa, reżoluti li nfittxu sew u nqimu lill-uniku veru Alla, li tabilħaqq “mhux bogħod minn kull wieħed minna.”−Atti 17:27.
Min hu, allura, dan Alla uniku li aħna għandna nqimu? Xi 3,000 sena ilu, is-salmista tal-Bibbja ddeskrivieh bħala “l-Iktar Għoli . . ., Dak li Jistaʼ Kollox . . ., Alla tiegħi, li fih se nafda,” u sejjaħlu bl-isem kbir u distint tiegħu—“Jehovah.” (Salm 91:1, 2) Iktar kmieni, Mosè qal dwaru: “Jehovah Alla tagħna huwa Jehovah wieħed.” (Dewteronomju 6:4) U l-profeta Isaija kkwota lil Alla nnifsu bħala li qal: “Jiena Jehovah. Dak hu ismi; u lil ħadd ieħor ma se nagħti l-glorja tiegħi stess, lanqas it-tifħir tiegħi lil immaġnijiet skolpiti.”−Isaija 42:8.
Alla Jehovah għandu l-għan li jnaddaf ismu mit-tmaqdir kollu li l-alla falz Satana ċappsu bih. Hu wera kif kien se jagħmel dan fis-sena 1513 Q.E.K., meta uża lill-profeta Mosè biex jeħles lill-poplu taʼ Iżrael mill-oppressjoni Eġizzjana. F’dik l-okkażjoni, Alla rabat ismu Jehovah mal-kelmiet: “Jien se nkun Dak li se nkun.” (Eżodu 3:14, 15) Hu kellu jivvindika lilu nnifsu mal-Farawni tal-Eġittu, imma l-ewwel qal lil dak il-ħakkiem mill-agħar: “Għal din ir-raġuni ħallejtek teżisti, bil-għan li nurik il-qawwa tiegħi u sabiex ikolli ismi ddikjarat mal-art kollha.”—Eżodu 9:16.
Is-sitwazzjoni qisha l-istess illum. Bħal Farawni tal-qedem, l-alla taʼ din id-dinja, Satana, jisfida lil Alla Jehovah u bil-makakkerija kollha jkompli l-gwerra spiritwali kontra dawk il-bnedmin li jħobbu t-tjieba u l-verità. (Efesin 6:11, 12, 18) Għal darb’oħra, Alla għandu l-għan li jigglorifika lil ismu minkejja l-oppożizzjoni taʼ Satana. Madankollu, qabel ma juri l-qawwa tiegħu billi jeqred lil Satana u xogħlijietu kollha, Jehovah jibgħat lill-adoraturi tiegħu biex jiddikjaraw lil Ismu mal-art kollha. Dan il-għoti taʼ xiehda għal ismu huwa parti vitali tal-qima vera.
Kif inhu xieraq, Alla nnifsu qal li dawn l-adoraturi kellhom ikunu x-xhieda tiegħu, ix-Xhieda taʼ Jehovah, “il-poplu li jien sawwart għalija nnifsi, sabiex għandhom jirrakkontaw it-tifħir minn tiegħi.” (Isaija 43:10-12, 21) Kif se jirrakkontaw it-tifħir taʼ Jehovah? Huma jippridkaw u jgħallmu pubblikament u minn dar għal dar, billi jiddikjaraw l-aħbar tajba li s-Saltna taʼ Jehovah, immexxija minn Ibnu, Ġesù Kristu, se ġġib barkiet eterni għall-umanità ubbidjenti fuq din l-art. B’hekk, huma jqimu ’l Alla “bla waqfien,” kif għamlu Kristjani veri fl-ewwel seklu. (Atti 5:42; 20:20, 21) Gawdew huma barka divina f’dan? Il-paġni li ġejjin se jweġbuh dan.