Kapitlu 4
Alla—Min Hu?
1. (a) Liema allat ġew meqjumin mill-bnedmin? (b) Il-Bibbja tagħmel liema distinzjoni bejn “allat” u “Alla”?
MADWAR id-dinja hemm ħafna allat li jiġu meqjumin. Fir-reliġjon Xinto, f’dik Buddista, f’dik Indù u fir-reliġjonijiet tat-tribujiet hemm miljuni t’allat. Allat bħalma huma Zeus u Ħermes kienu meqjumin fi żmien l-appostli taʼ Ġesù. (Atti 14:11, 12) Mela l-Bibbja taqbel li “hemm ħafna ‘allat,’” imma tgħid ukoll li “hemm attwalment għalina Alla wieħed il-Missier, li minnu huma l-affarijiet kollha.” (1 Korintin 8:5, 6) Jekk tiġi mistoqsi, ‘Min hu dan Alla?’ xi twieġeb?
2. In-nies għandhom liema opinjonijiet differenti dwar Alla?
2 ‘Hu l-Mulej,’ ħafna jwieġbu. Jew jistgħu jgħidu: ‘Hu spirtu fis-sema.’ Dizzjunarju wieħed isejjaħ ’l Alla: “L-Esseri Suprem.” Meta jiġu mistoqsijin: ‘X’inhu l-isem t’Alla?’ xi nies iwieġbu, ‘Ġesù.’ Oħrajn ma jaħsbux li Alla hu persuna, imma forza potenti li tinsab kullimkien. U xi wħud saħansitra jiddubitaw jekk hemmx Alla. Nistgħu nkunu żguri li jeżisti?
ALLA JEŻISTI TASSEW
3. Dar kif tibda teżisti?
3 Meta tħares lejn bini sabiħ, qatt taħseb dwar min kien il-bennej? Jekk xi ħadd jgħidlek li ħadd ma bnieh dak il-bini, imma li sempliċement beda jeżisti waħdu, kont temmnu dan? Żgur li le! Bħalma qal kittieb tal-Bibbja: “Kull dar hija mibnija minn xi ħadd.” Dan kulħadd jafu. Sewwa, allura, ma nistgħux aħna naċċettaw il-konklużjoni loġika tal-kittieb tal-Bibbja: “Dak li bena l-affarijiet kollha hu Alla”?—Ebrej 3:4.
4. Il-ħafna biljuni taʼ kwiekeb kif bdew jeżistu?
4 Ikkunsidra l-univers bil-biljuni taʼ biljuni taʼ kwiekeb li fih. Madankollu lkoll kemm huma jitħarrku fis-smewwiet skond liġijiet li jżommuhom f’relazzjoni perfetta bejniethom. “Min ħalaq dawn l-affarijiet?” kienet mistoqsija li saret ħafna snin ilu. It-tweġiba li ngħatat tagħmel sens: “Hu l-Wieħed li qiegħed joħroġ l-armata tagħhom saħansitra bil-għadd, li lkoll kemm huma jsejħilhom saħansitra bl-isem.” (Isaija 40:26) Żgur li tkun bluha li taħseb li l-biljuni taʼ kwiekeb sempliċement għamlu lilhom infushom, u, mingħajr ebda direzzjoni, ifformaw is-sistemi kbar taʼ kwiekeb li jitħarrku b’ordni tant meraviljuża!—Salm 14:1.
5. (a) X’ċans hemm li, waħedhom, il-biċċiet jistgħu jingħaqdu biex jifformaw magna li tqattaʼ l-laħam? (b) Dan x’juri dwar l-univers tagħna?
5 Dan l-univers organizzat għall-aħħar ma setax sempliċement jiġi waħdu. Kien meħtieġ Ħallieq intelliġenti b’qawwa kbira. (Salm 19:1, 2) Negozjant li ġie mistoqsi għala kien jemmen f’Alla spjega li fil-fabbrika tiegħu tfajla tieħu jumejn biex titgħallem kif tpoġġi flimkien is-17-il biċċa taʼ magna li tqattaʼ l-laħam. “Jien sempliċi manifattur taʼ strumenti li jaqtgħu,” qal hu. “Imma dan naf żgur, li tistaʼ ddum iddawwar is-17-il biċċa tal-magna li tqattaʼ l-laħam ġo banju għas-17-il biljun sena li jmiss u qatt ma se jkollok magna li tqattaʼ l-laħam.” Dan l-univers, inklużi l-ħafna forom taʼ ħajja fuq l-art, huwa bil-wisq iżjed ikkumplikat minn magna li tqattaʼ l-laħam. Jekk din il-magna teħtieġ manifattur tas-sengħa, nistgħu nibqgħu ċerti li Alla li Jistaʼ Kollox kien meħtieġ biex joħloq l-affarijiet kollha. M’għandux il-kredtu jingħata lilu għal dak li għamel?—Rivelazzjoni 4:11; Atti 14:15-17; 17:24-26.
ALLA PERSUNA VERA?
6. Għala nistgħu nkunu ċerti li Alla hu persuna vera?
6 Fil-waqt li l-biċċa l-kbira tan-nies jgħidu li jemmnu f’Alla, ħafna ma jqisuhx bħala persuna vera. Hekk hu? Sewwa, jidher ċar li fejn hemm intelliġenza hemm intellett. Per eżempju, aħna nistgħu ngħidu, ‘Għandu intellett.’ U nafu li fejn hemm intellett hemm moħħ f’ġisem taʼ sura definita. Mela, allura, il-moħħ kbir responsabbli għall-ħolqien kollu jappartjeni lill-Persuna l-kbira, Alla li Jistaʼ Kollox. Għalkemm m’għandux ġisem materjali, għandu wieħed spiritwali. Persuna spirtu għandha ġisem? Iva, il-Bibbja tgħid: “Jekk hemm ġisem fiżiku, hemm ukoll wieħed spiritwali.”—1 Korintin 15:44; Ġwann 4:24.
7. (a) Liema ħaġa turi li Alla għandu post fejn joqgħod? (b) Liema ħaġa turi li għandu ġisem?
7 Ladarba Alla hu persuna b’ġisem spiritwali, irid ikollu post fejn joqgħod. Il-Bibbja tgħidilna li s-smewwiet huma ‘l-post stabbilit fejn jgħammar’ Alla. (1 Slaten 8:43) Ukoll, jintqalilna li “Kristu daħal . . . fis-sema nnifsu, issa biex jidher quddiem il-persuna t’Alla għalina.” (Ebrej 9:24) Xi bnedmin se jiġu ppremjati b’ħajja fis-sema m’Alla u f’dak iż-żmien se jirċievu iġsma spirti. Huma mbagħad se jaraw ’l Alla, tgħid il-Bibbja, u wkoll ikunu bħalu. (1 Ġwann 3:2) Dan, ukoll, juri li Alla hu persuna, u li għandu ġisem.
8, 9. (a) L-eżempju taʼ impjant taʼ l-elettriku kif jistaʼ juri l-qawwa t’Alla li twassal fil-bogħod? (b) X’inhu l-ispirtu qaddis t’Alla, u x’jistaʼ jagħmel?
8 Imma xi ħadd għandu mnejn jistaqsi: ‘Jekk Alla hu persuna vera li jgħix f’ċertu post fis-sema, kif jistaʼ jara kulma jiġri kullimkien? U kif tistaʼ l-qawwa tiegħu tinħass f’kull parti taʼ l-univers?’ (2 Kronaki 16:9) Il-fatt li Alla hu persuna bl-ebda mod ma jillimita l-qawwa jew il-kobor tiegħu. Lanqas m’għandu jnaqqas ir-rispett tagħna lejh. (1 Kronaki 29:11-13) Biex jgħinna nifhmu dan, ikkunsidra l-effetti li jwasslu fil-bogħod taʼ impjant li jiġġenera l-elettriku.
9 Impjant taʼ l-elettriku jkun f’ċertu post ħdejn jew ġo xi belt. Imma l-elettriku tiegħu jiġi mqassam maʼ kullimkien, billi jipprovdi dawl u qawwa. Huwa simili għal Alla. Hu qiegħed fis-smewwiet. (Isaija 57:15; Salm 123:1) Madankollu l-ispirtu qaddis tiegħu, li huwa l-qawwa attiva inviżibbli tiegħu, jistaʼ jinħass kullimkien, madwar l-univers kollu. Permezz taʼ l-ispirtu qaddis tiegħu Alla ħalaq is-smewwiet, l-art u l-ħlejjaq ħajjin kollha. (Salm 33:6; Ġenesi 1:2; Salm 104:30) Biex joħloq dawn l-affarijiet, Alla ma kellux bżonn ikun preżenti personalment. Hu jistaʼ jibgħat l-ispirtu tiegħu, il-forza attiva tiegħu, biex jagħmel kulma jrid avolja jkun ’il bogħod. X’Alla meraviljuż!—Ġeremija 10:12; Danjel 4:35.
X’TIP TAʼ PERSUNA HU ALLA
10. Liema huwa mod wieħed li bih nistgħu nsiru nafu ’l Alla?
10 Hu Alla t-tip taʼ persuna li nistgħu nsiru nħobbu jekk insiru nafuh sewwa? ‘Forsi iva,’ għandek mnejn tgħid, ‘imma ladarba aħna ma nistgħux naraw ’l Alla, kif nistgħu nsiru nafu dwaru?’ (Ġwann 1:18) Il-Bibbja turi mod wieħed meta tgħid: “Għax il-kwalitajiet inviżibbli tiegħu jidhru ċari mill-ħolqien tad-dinja ’l quddiem, għaliex jintgħarfu mill-affarijiet li ntgħamlu, saħansitra l-qawwa eterna u d-Divinità tiegħu.” (Rumani 1:20) Mela l-affarijiet li Alla ħalaq jistgħu jgħinuna nifhmu Alla kif inhu, jekk aħna verament neżaminawhom u naħsbu dwarhom.
11. X’nistgħu nitgħallmu dwar Alla mill-affarijiet li għamel?
11 Bħalma rajna, ħarsa lejn is-smewwiet kollhom kwiekeb żgur tgħidilna dwar il-kobor u l-qawwa tremenda t’Alla! (Salm 8:3, 4; Isaija 40:26) Imbagħad ikkunsidra l-art. Alla poġġieha fis-smewwiet b’tali mod li tieħu l-ammont eżatt taʼ sħana u dawl mix-xemx. U ikkunsidra ċ-ċiklu taʼ l-ilma. Ix-xita tinżel biex issaqqi l-art. L-ilma jiġri għal ġox-xmajjar li jispiċċaw fl-ibħra. Ix-xemx tiġbed l-ilma mill-ibħra bħala fwar, li jinżel bħala xita biex isaqqi l-art mill-ġdid. (Ekkleżjasti 1:7) Hemm tant ċikli meraviljużi li Alla ġiegħel li jiffunzjonaw biex jipprovdu l-ikel, il-kenn u l-affarijiet kollha li l-bnedmin u l-annimali għandhom bżonn! U dawn l-affarijiet kollha taʼ l-għaġeb x’jgħidulna dwar it-tip taʼ persuna li hu Alla? Li hu Alla t’għerf kbir u li hu ġeneruż ferm u jieħu ħsieb il-ħolqien tiegħu.—Proverbji 3:19, 20; Salm 104:13-15, 24, 25.
12. L-istess ġisem tiegħek x’jgħallmek dwar Alla?
12 Ikkunsidra l-ġisem tiegħek stess. Dan ovvjament ġie magħmul biex jagħmel iktar milli sempliċi jgħix. Ġie ddisinnjat b’mod meraviljuż biex tassew igawdi l-ħajja. (Salm 139:14) Għajnejna jistgħu jaraw mhux biss bl-abjad u bl-iswed imma bil-kulur, u d-dinja mimlija b’għana taʼ kuluri xi ngawdu. Nistgħu nxommu u ntiegħmu. Mela li nieklu m’huwiex sempliċi funzjoni neċessarja; jistaʼ jkun t’għaxqa. Dawn is-sensi m’humiex neċessarji assolutament għall-ħajja, imma huma rigali mingħand Alla taʼ mħabba, ġeneruż u taʼ ħsieb.—Ġenesi 2:9; 1 Ġwann 4:8.
13. X’titgħallem int dwar Alla mill-mod li bih jittratta mal-bnedmin?
13 Ħarsa lejn il-mod kif Alla jittratta mal-bnedmin ukoll turi x’tip t’Alla hu. Għandu sens qawwi taʼ ġustizzja. Ma jiffavorix lil ċerti razez taʼ nies. (Atti 10:34, 35) Hu wkoll ħanin u qalbu tajba. Il-Bibbja tgħid dwar il-mod kif ittratta mal-ġens taʼ Iżrael, li lilu ħeles mill-jasar fl-Eġittu: “Hu kien mimli ħniena; . . . baqaʼ jiftakar li huma kienu laħam.” Madankollu l-Iżraeliti kienu taʼ spiss diżubbidjenti, u dak nikket ’l Alla. Bħalma tgħid il-Bibbja: “Kienu jġagħluh iħossu mweġġaʼ . . . u huma kkaġunaw uġigħ saħansitra lill-Wieħed Qaddis taʼ Iżrael.” (Salm 78:38-41; 103:8, 13, 14) Mill-banda l-oħra, meta l-qaddejja tiegħu jobdu l-liġijiet tiegħu, Alla jifraħ. (Proverbji 27:11) Ukoll, Alla jiddeskrivi kif iħossu meta l-qaddejja tiegħu jiġu mġegħlin isofru mill-għedewwa: “Dak li qiegħed imiss lilkom qiegħed imiss il-mimma t’għajni.” (Żakkarija 2:8) Ma tħossokx int imqanqal biex tħobb ’l Alla li għandu mħabba bħal din lejn bnedmin umlin u insinjifikanti taʼ kull razza u poplu?—Isaija 40:22; Ġwann 3:16.
HU ALLA ĠESÙ JEW XI TRINITÀ?
14. X’inhu t-tagħlim tat-Trinità?
14 Min hu dan Alla taʼ l-għaġeb? Xi nies jgħidu li jismu Ġesù. Oħrajn jgħidu li hu Trinità, għalkemm il-kelma “trinità” ma tidhirx fil-Bibbja. Skond it-tagħlim tat-Trinità, hemm tliet persuni f’Alla wieħed, jiġifieri, hemm “Alla wieħed, il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu.” Ħafna organizzazzjonijiet reliġjużi jgħallmu dan, avolja jammettu li huwa “misterju.” Huma korretti fehmiet bħal dawn dwar Alla?
15. Il-Bibbja kif turi li Alla u Ġesù huma żewġ persuni separati li m’humiex indaqs?
15 Sewwa, qatt qal Ġesù li hu kien Alla? Le, qatt ma qal. Minflok, fil-Bibbja hu msejjaħ “l-Iben t’Alla.” U hu qal: “Il-Missier hu akbar minni.” (Ġwann 10:34-36; 14:28) Ukoll, Ġesù spjega li kien hemm xi affarijiet li la hu u lanqas l-anġli ma kienu jafuhom imma li Alla biss kien jafhom. (Mark 13:32) Iktar minn hekk, darba minnhom Ġesù talab ’l Alla, billi qal: “Ħalli sseħħ, mhux ir-rieda tiegħi, imma tiegħek.” (Luqa 22:42) Kieku Ġesù kien Alla li Jistaʼ Kollox, ma kienx jitlob lilu nnifsu, hux hekk? Fil-fatt, wara l-mewt taʼ Ġesù, l-Iskrittura tgħid: “Lil dan Ġesù Alla rxoxta.” (Atti 2:32) B’hekk jidher ċar li Alla li Jistaʼ Kollox u Ġesù huma żewġ persuni separati. Saħansitra wara l-mewt u l-irxoxt u t-tlugħ tiegħu fis-sema, Ġesù xorta kien għadu mhux daqs Missieru.—1 Korintin 11:3; 15:28.
16. Avolja Ġesù hu msejjaħ “Alla,” x’juri li hu mhux Alla li Jistaʼ Kollox?
16 ‘Imma Ġesù ma jissejjaħx alla fil-Bibbja?’ għandu mnejn jistaqsi xi ħadd. Dan veru. Madankollu Satana wkoll huwa msejjaħ alla. (2 Korintin 4:4) Fi Ġwann 1:1, li jirreferi għal Ġesù bħala “l-Kelma,” xi traduzzjonijiet tal-Bibbja jinqraw: “Fil-bidu kienet il-Kelma, u l-Kelma kienet m’Alla, u l-Kelma kienet Alla.” Imma innota, it-tieni vers jgħid li l-Kelma kienet ‘fil-bidu m’Alla.’ U fil-waqt li xi nies raw lil Ġesù, il-vers 18 jgħid li “ħadd qatt ma ra ’l Alla f’xi żmien.” (Authorized jew King James Version) Mela nsibu li xi traduzzjonijiet taʼ l-ewwel vers jagħtu l-idea korretta taʼ l-ilsien oriġinali meta jinqraw: “Il-Kelma kienet m’Alla, u l-Kelma kienet divina,” jew kienet “alla,” jiġifieri, il-Kelma kienet wieħed bħal Alla potenti. (An American Translation) Jidher ċar li Ġesù mhux Alla li Jistaʼ Kollox. Fil-fatt, Ġesù tkellem dwar Missieru bħala “Alla tiegħi” u bħala “l-uniku Alla veru.”—Ġwann 20:17; 17:3.
17. It-tferriegħ taʼ l-ispirtu qaddis fuq is-segwaċi taʼ Ġesù kif jagħti prova li dan m’huwiex persuna?
17 Inkwantu għall-“Ispirtu s-Santu,” l-hekk imsejjaħ tielet Persuna tat-Trinità, diġà rajna li dan m’huwiex persuna imma l-forza attiva t’Alla. Ġwanni l-Għammied qal li Ġesù kien se jgħammed bl-ispirtu qaddis, saħansitra bħalma Ġwanni kien jgħammed bl-ilma. Għalhekk, bl-istess mod kif l-ilma m’huwiex persuna, l-ispirtu qaddis m’huwiex persuna. (Mattew 3:11) Dak li Ġwanni bassar ġie mwettaq meta, wara l-mewt u l-irxoxt taʼ Ġesù, l-ispirtu qaddis ġie mferraʼ fuq is-segwaċi tiegħu miġburin f’Ġerusalemm. Il-Bibbja tgħid: “Huma lkoll saru mimlijin bi spirtu qaddis.” (Atti 2:4) Kienu “mimlijin” b’xi persuna? Le, imma kienu mimlijin bil-forza attiva t’Alla. B’hekk il-fatti jagħmluha ċara li t-Trinità m’hijiex tagħlim tal-Bibbja. Fil-fatt, ħafna qabel ma Ġesù mexa fuq l-art, allat kienu jiġu meqjumin fi gruppi taʼ tlieta, jew trinitajiet, f’postijiet bħall-Eġittu u l-Babilonja tal-qedem.
L-ISEM T’ALLA
18. (a) Huwa “Alla” l-isem persunali t’Alla li Jistaʼ Kollox? (b) X’inhu l-isem persunali tiegħu?
18 Bla dubju kull min taf għandu isem. Alla wkoll għandu isem persunali biex jiddistingwih mill-oħrajn kollha. ‘Mhux “Alla” ismu?’ xi wħud għandhom mnejn jistaqsu. Le, għax “Alla” huwa sempliċement titlu, bħalma huma titli “President,” “Sultan” u “Mħallef.” Aħna nitgħallmu l-isem t’Alla mill-Bibbja, fejn jidher madwar 7,000 darba. Per eżempju, fil-King James Version, Salm 83:18 jinqara: “Biex il-bnedmin ikunu jafu li int, li ismek waħdu huwa JEHOVAH, int l-iktar għoli fuq l-art kollha.” Ukoll, l-isem t’Alla jinstab fil-biċċa l-kbira tal-Bibbji f’Rivelazzjoni 19:1-6 bħala parti mill-espressjoni “Alleluia” jew “Hallelujah.” Din tfisser “faħħru ’l Jah,” forma mqassra taʼ Jehovah.
19. (a) Xi nies għala jissorprendu ruħhom meta jaraw l-isem t’Alla fil-Bibbja tagħhom? (b) Fejn jidher l-isem fil-King James Version?
19 Xi nies jissorprendu ruħhom meta jaraw l-isem t’Alla fil-Bibbja tagħhom. Dan taʼ spiss minħabba li l-Bibbja tagħhom hija waħda li rari tuża l-isem t’Alla. Il-King James Version, per eżempju, tuża l-isem “Jehovah” waħdu biss f’Eżodu 6:3, f’Salm 83:18 u f’Isaija 12:2 u 26:4. Madankollu, meta din il-Bibbja tittraduċi l-isem t’Alla permezz tat-titli “Mulej” jew “Alla,” dejjem tpoġġi dawn it-titli b’ittri kbar, bħala “MULEJ” u “ALLA”, li jiddistingwuh mill-kelmiet komuni “Mulej” u “Alla.” Innota dan f’Salm 110:1.
20. (a) L-isem t’Alla għala taʼ spiss ma ġiex użat? (b) Għandu jkun użat?
20 ‘Imma għala,’ int tistaʼ tistaqsi, ‘l-isem t’Alla m’huwiex użat f’kull post fejn jidher fit-test oriġinali tal-Bibbja? Għala ġeneralment jiġu wżati t-titli MULEJ u ALLA floku?’ Fl-introduzzjoni tagħha l-American Standard Version tispjega għala tuża l-isem t’Alla Jehovah, u għala għal żmien twil dak l-isem ma kienx użat: “Dawk li rrevedew din it-traduzzjoni, wara konsiderazzjoni bir-reqqa, waslu għall-konvinzjoni unanima li superstizzjoni Lhudija, li kienet tqis l-Isem Divin bħala sagru wisq biex jitlissen, m’għandhiex tibqaʼ tiddomina fl-Ingliż jew fi kwalunkwe verżjoni oħra . . . Dan l-isem persunali, mimli b’rabtiet sagri, issa tpoġġa lura fil-post fit-test sagru li bla dubju għandu jedd għalih.” Iva, nies li ttraduċew dik il-Bibbja għall-Ingliż ħassew li r-raġunijiet li għalihom kien tħalla barra l-isem t’Alla ma kinux tajbin. Għalhekk reġgħu poġġewh fil-Bibbja fil-postijiet fejn suppost ikun.
21. Id-Douay Version Kattolika x’tgħid dwar l-isem Jehovah?
21 Hemm dawk, madankollu, li jargumentaw li l-kelma “Jehovah” m’għandhiex tintuża għax m’hijiex tassew l-isem t’Alla. Per eżempju, id-Douay Version Kattolika, li ma tużax l-isem t’Alla fit-test prinċipali tagħha, tgħid fin-noti taʼ taħt għal Eżodu 6:3: “Xi nies moderni sawru l-isem Jehovah . . . il-vera pronunzja taʼ l-isem, li qiegħed fit-test Ebrajk, minħabba nuqqas twil t’użu, illum intilfet għalkollox.”
22. (a) L-isem t’Alla kif inhu rrappreżentat fil-lingwa Ebrajka? (b) Għala hemm problema biex inkunu nafu kif l-isem t’Alla kien jiġi ppronunzjat oriġinarjament?
22 Iva, bħalma tgħid hawnhekk il-Bibbja Kattolika, l-isem t’Alla tassew jidher fit-test Ebrajk, il-lingwa li biha nkitbu l-ewwel 39 ktieb tal-Bibbja. L-isem huwa rrappreżentat hemmhekk permezz t’erbaʼ ittri bl-Ebrajk, YHWH. Fl-antik il-lingwa Ebrajka kienet tinkiteb mingħajr vokali, ittri bħal a, e, i, ie, o, u, li jgħinuna nagħtu l-ħoss xieraq lill-kliem. Għalhekk, il-problema llum hija li m’għandna ebda mezz kif inkunu nafu eżatt x’vokali l-Ebrej kienu jużaw flimkien mal-konsonanti YHWH.
23. L-eżempju taʼ l-ittri “plzz” għal “palazz” kif jistaʼ jgħinna nifhmu l-problema dwar kif jiġi ppronunzjat l-isem t’Alla?
23 Biex jgħinna nifhmu l-problema, ikkunsidra l-kelma “palazz.” Nissoponu li bdiet tinkiteb dejjem “plzz,” u li, maż-żmien, il-kelma qatt ma ġiet ippronunzjata. Kif, allura, jistaʼ wieħed li jiġi 1,000 sena wara jkun jaf kif jippronunzja “plzz” meta jaraha miktuba? Ladarba qatt ma jkun semagħha ppronunzjata u ma jkunx jaf x’vokali kien hemm fil-kelma, ma jkunx jaf fiż-żgur. Huwa l-istess dwar l-isem t’Alla. M’huwiex magħruf eżatt kif kien jiġi ppronunzjat, avolja xi studjużi jaħsbu li “Yahweh” huwa korrett. Madankollu, l-forma “Jehovah” ilha tintuża għal ħafna sekli u hija l-iktar magħrufa.
24. (a) Biex inkunu konsistenti, għala huwa xieraq li nużaw l-isem t’Alla? (b) Minħabba Atti 15:14, għala huwa importanti li nużaw l-isem t’Alla?
24 Madankollu, għandna nużaw l-isem t’Alla, avolja nistgħu ma nkunux qegħdin ngħiduh eżatt bil-mod kif kien jiġi ppronunzjat oriġinarjament? Sewwa, aħna nużaw l-ismijiet taʼ persuni oħrajn fil-Bibbja, avolja ma ngħiduhomx bil-mod li dawn l-ismijiet kienu jiġu ppronunzjati bl-Ebrajk oriġinali. Per eżempju, l-isem taʼ Ġesù bl-Ebrajk jiġi ppronunzjat “Yesh’ua.” Bl-istess mod, huwa xieraq li nużaw l-isem t’Alla, li huwa rrivelat fil-Bibbja, kemm jekk nippronunzjawh “Yahweh,” “Jehovah,” jew b’xi mod ieħor komuni fil-lingwa tagħna. Il-ħażin huwa li nonqsu li nużaw dak l-isem. Għala? Għaliex dawk li ma jużawhx ma jistgħux jiġu identifikati maʼ dawk li lilhom Alla jagħżel biex ikunu “poplu għal ismu.” (Atti 15:14) Aħna mhux biss għandna nkunu nafu l-isem t’Alla imma għandna nfaħħruh quddiem oħrajn, bħalma għamel Ġesù meta kien fuq l-art.—Mattew 6:9; Ġwann 17:6, 26.
ALLA TAʼ SKOP
25. (a) Liema affarijiet dwar Alla jistgħu jkunu ibsin għalina biex nifhmuhom? (b) X’kien li qanqal lil Jehovah biex jibda joħloq?
25 Għalkemm jistaʼ jkun iebes biex moħħna jifhem dan, Jehovah qatt ma kellu bidu u qatt ma se jkollu tmiem. Hu s-“Sultan taʼ l-eternità.” (Salm 90:2; 1 Timotew 1:17) Qabel ma beda joħloq, Jehovah kien waħdu fl-ispazju taʼ l-univers. Madankollu ma setax iħossu solitarju, għax hu komplut fih innifsu u ma jonqsu xejn. Kienet l-imħabba li qanqlitu biex jibda joħloq, sabiex jagħti l-ħajja lil oħrajn ħalli jgawduha. L-ewwel ħolqien t’Alla kienu persuni spirti bħalu. Kellu organizzazzjoni kbira taʼ wlied tas-sema saħansitra qabel ma l-art ġiet imħejjija għall-bnedmin. L-iskop taʼ Jehovah għalihom kien li jsibu għaxqa kbira fil-ħajja u fis-servizz li tahom biex jagħmlu.—Ġob 38:4, 7.
26. Għala nistgħu nkunu ċerti li l-iskop t’Alla għall-art se jitwettaq?
26 Meta l-art kienet imħejjija, Jehovah poġġa koppja, Adam u Eva, f’parti taʼ l-art li diġà kienet ġiet magħmula ġenna. Kien l-iskop tiegħu li huma jkollhom tfal li jkunu jobdu u jqimu lilu, u li jifirxu dik il-ġenna maʼ l-art kollha. (Ġenesi 1:27, 28) Bħalma tgħallimna, madankollu, dak l-iskop grandjuż ġie mfixkel. Adam u Eva għażlu li ma jobdux ’l Alla, u l-iskop tiegħu ma ġiex imwettaq. Imma se jkun, għax ikun ifisser li Jehovah jammetti telfa jekk ma jwettaqx dak li huwa l-iskop tiegħu. U dak qatt ma jistaʼ jagħmlu! “Kulma huwa għaxqa tiegħi se nagħmel,” jiddikjara. “Jien saħansitra għedt dan; jien ukoll se ndaħħal dan.”—Isaija 46:10, 11.
27. (a) Għala rridu nagħtu kont ’l Alla? (b) Mela liema mistoqsija rridu naħsbu dwarha bis-serjetà?
27 Tistaʼ tara fejn huwa postok fl-iskop t’Alla? Mhux sempliċement billi tagħmel dak li trid mingħajr ma tqis x’inhi r-rieda t’Alla. Hekk għamlu Satana u Adam u Eva. Kienu jafu x’kienet ir-rieda t’Alla imma m’għamluhiex. U Alla żammhom responsabbli. Aħna, wkoll, irridu nagħtu kont ’l Alla? Iva, għax Alla hu s-Sors taʼ ħajjitna. Ħajjitna tiddependi minnu. (Salm 36:9; Mattew 5:45) Kemm, allura, qegħdin ngħixu ħajjietna f’armonija maʼ l-iskop t’Alla għalina? Għandna naħsbu serjament dwar dan, għax l-opportunità tagħna għall-ħajja taʼ dejjem tiddependi minnu.
KIF TQIM LIL JEHOVAH
28. Xi nies liema għajnuniet użaw biex iqimu ’l Alla?
28 Kif aħna nqimu lil Jehovah huwa importanti. Għandna nqimuh bil-mod li jgħid hu, avolja dan jistaʼ jkun differenti mill-mod li ġejna mgħallmin. Per eżempju, kienet id-drawwa taʼ xi nies li jużaw ix-xbihat fil-qima tagħhom. Huma jistgħu jgħidu li ma jqimux ix-xbiha, imma li jarawha u jmissuha jgħinhom iqimu ’l Alla. Madankollu jridna Alla nqimuh bil-għajnuna tax-xbihat?
29. Il-Bibbja kif turi li huwa żball li tuża xbihat fil-qima?
29 Le, ma jridx. U għal din l-istess raġuni Mosè qal lill-Iżraeliti li Alla qatt ma dehrilhom f’xi forma viżibbli. (Dewteronomju 4:15-19) Fil-fatt, wieħed mill-Għaxar Kmandamenti jgħid: “M’għandekx tagħmel għalik xbiha minquxa jew xi xebh taʼ xi ħaġa . . . m’għandekx tmil quddiemhom jew taqdihom.” (Eżodu 20:4, 5, Jerusalem Bible Kattolika) Jehovah biss għandu jiġi meqjum. Għal darba wara l-oħra l-Bibbja turi kemm huwa żbaljat li tagħmel xi xbiha jew li tmil quddiemha, jew li tqim lil xi ħadd jew lil xi ħaġa ħlief lil Jehovah.—Isaija 44:14-20; 46:6, 7; Salm 115:4-8.
30. (a) X’qalu Ġesù u l-appostli tiegħu li juri li l-użu tax-xbihat huwa żbaljat? (b) Skond Dewteronomju 7:25, x’għandu jsir mix-xbihat?
30 Bħalma stajna nistennew, allura, Ġesù qatt ma uża xbihat fil-qima. “Alla hu Spirtu,” hu spjega, “u dawk li qegħdin iqimuh iridu jqimu bl-ispirtu u l-verità.” (Ġwann 4:24) Billi mxew fi qbil maʼ dan il-parir, ħadd mis-segwaċi bikrin taʼ Ġesù ma uża xbihat bħala għajnuniet fil-qima. Fil-fatt, l-appostlu tiegħu Pawlu kiteb: “Aħna qegħdin nimxu bil-fidi, mhux bil-vista.” (2 Korintin 5:7) U l-appostlu tiegħu Ġwanni wissa: “Għassu rwieħkom mill-idoli.” (1 Ġwann 5:21) Għax ma tħarisx ħarsa madwar darek u tistaqsi lilek innifsek jekk intix qiegħed timxi wara dan il-parir?—Dewteronomju 7:25.
31. (a) Saħansitra jekk għandna mnejn ma nifhmux ir-raġuni għal ċerta liġi t’Alla, x’se jqanqalna biex nobduha? (b) X’għandna nipprovaw nagħmlu, u liema stedina għandna naċċettaw?
31 Li nqimu ’l Jehovah, il-Ħallieq, bil-mod li hu jurina, ċertament li se jġibilna hena ġenwina. (Ġeremija 14:22) Il-Bibbja turi li l-ħtiġijiet tiegħu huma għall-ġid tagħna, u jwassluna għal benefiċċju etern. Huwa veru li jistaʼ jkun hemm drabi, minħabba l-għarfien u l-esperjenza limitati tagħna, li ma napprezzawx għalkollox għala ċerta liġi mogħtija minn Alla hija daqshekk importanti, jew kif tassew taħdem għall-ġid tagħna. Madankollu t-twemmin sod tagħna li Alla jaf bil-wisq iktar milli nafu aħna għandu jqanqalna biex nobduh mill-qalb. (Salm 19:7-11) Ejjew, allura, nagħmlu kull sforz biex nitgħallmu kulma nistgħu dwar Jehovah, billi naċċettaw l-istedina: “O idħlu, ejjew inqimu u mmilu; ejjew ninżlu għarkobbtejna quddiem Jehovah, Dak li għamilna. Għax hu Alla tagħna, u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-ngħaġ taʼ idu.”—Salm 95:6, 7.
[Kaxxa f’paġna 42]
L-erba’ postijiet fejn l-isem t’Alla jidher fil-‘King James Version’ kif maqluba għall-Malti mill-Ingliż minn Karm Żammit jidhru hawnhekk
3 U dehert lil Abraham, lil Iżakk, u lil Ġakobb, bl-isem t’Alla li jista’ kollox, iżda b’ismi, JEHOVAH, ma ngħaraftilhomx.
18 Biex il-bnedmin ikunu jafu li int, li ismek waħdu huwa JEHOVAH, int l-iktar għoli fuq l-art kollha.
2 Ara, Alla s-salvazzjoni tiegħi; nittama, u ma nibża’ minn xejn; għax il-Mulej JEHOVAH, hu l-qawwa u l-għanja tiegħi, u hu wkoll sar is-salvazzjoni tiegħi.
4 Ittamaw fil-Mulej għal dejjem: għax fil-Mulej JEHOVAH, għandna blata ta’ dejjem.
[Stampi f’paġna 34, 35]
Jekk dar għandha bennej, . . . żgur li l-univers iktar ikkumplikat irid ikollu Bennej ukoll
[Stampa f’paġna 39]
Ladarba Ġesù talab ’l Alla, billi qallu biex tintgħamel ir-rieda t’Alla u mhux tiegħu, it-tnejn ma jistgħux ikunu l-istess persuna
[Stampa f’paġna 40, 41]
Kif jistaʼ l-ispirtu qaddis ikun persuna, meta dan mela lil madwar 120 dixxiplu fl-istess ħin?
[Stampa f’paġna 45]
Huwa sewwa li tuża x-xbihat fil-qima?