LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w02 5/15 pp. 4-7
  • Min Hu Alla?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Min Hu Alla?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Forza Mingħajr Personalità jew Persuna Vera?
  • Alla Għandu Isem Uniku
  • Huwa Ġesù Alla?
  • Sir Af lil Alla Aħjar
  • Alla—Min Hu?
    Int Tistaʼ Tgħix Għal Dejjem Fil-Ġenna Fuq L-Art
  • X’jismu Alla?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Pubbliku)—2019
  • Min Hu Ġesù Kristu?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • L-isem t’Alla
    Stenbaħ!—2017
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
w02 5/15 pp. 4-7

Min Hu Alla?

“ALLA hu l-​isem mogħti minn kulħadd lill-​aqwa sors u poter taʼ l-​univers u hu l-​wieħed li lilu tingħata ddevozzjoni reliġjuża,” tgħid The Encyclopedia Americana. Dizzjunarju wieħed jagħti definizzjoni tal-​kelma “Alla” bħala “r-​realtà suprema jew aħħarija.” X’inhi n-​natura taʼ realtà taʼ l-​għaġeb bħal din?

Huwa Alla xi forza mingħajr personalità jew persuna vera? Għandu isem? Huwa Alla wieħed fi tliet persuni, xi Trinità, kif jemmnu ħafna? Kif nistgħu nsiru nafuh lil Alla? Il-​Bibbja tagħtina tweġibiet veri u sodisfaċenti għal dawn il-​mistoqsijiet. Fil-​fatt, tħeġġiġna biex infittxu lil Alla, billi tgħid: “Hu m’huwiex ’il bogħod minn kull wieħed minna.”—Atti 17:27.

Forza Mingħajr Personalità jew Persuna Vera?

Ħafna nies li jemmnu b’Alla jaħsbu li hu xi forza, mhux persuna. Per eżempju, f’ċerti kulturi l-​allat ġew assoċjati mal-​forzi tan-​natura. Xi wħud li eżaminaw l-​evidenza miġbura permezz taʼ riċerka xjentifika rigward l-​istruttura taʼ l-​univers u n-​natura tal-​ħajja fuq l-​art ikkonkludew li bilfors li hemm l-​Ewwel Kawża. Minkejja dan, huma jsibuha bi tqila biex jattribwixxu personalità lil din il-​Kawża.

Madankollu, ma tindikax il-​komplessità tal-​ħolqien li l-​Ewwel Kawża bilfors li kellha intelliġenza kbira? La hemm l-​intelliġenza hemm moħħ. Il-​moħħ kbir li hu responsabbli għall-​ħolqien kollu jappartjeni lill-​persuna t’Alla. Iva, Alla għandu ġisem, mhux wieħed fiżiku bħal tagħna, imma ġisem spiritwali. “Jekk hemm ġisem naturali,” tgħid il-​Bibbja, “hemm ukoll ġisem spiritwali.” (1 Korintin 15:44) Biex tispjega n-​natura t’Alla, il-​Bibbja tgħid b’mod ċar: “Alla huwa spirtu.” (Ġwann 4:24) Il-​forma tal-​ħajja taʼ spirtu hija differenti ferm minn dik tagħna, u hija inviżibbli għal għajnejn il-​bniedem. (Ġwann 1:18) Hemm ukoll ħlejjaq spirti li huma inviżibbli. Dawn huma anġli—“ulied Alla.”—Ġob 1:6; 2:1.

Ladarba Alla hu persuna li ma ġiex maħluq imma għandu ġisem spiritwali, b’mod loġiku hu għandu post fejn jgħammar. Waqt li tirreferi għall-​qasam taʼ l-​ispirti, il-​Bibbja tgħidilna li s-​smewwiet huma l-​‘għamara’ stabbilita t’Alla. (1 Slaten 8:43) Barra minn hekk, Pawlu, kittieb Bibliku, jgħid: “Kristu . . . daħal fis-​sema stess, biex issa jidher għalina quddiem [“il-​persuna t’Alla,” NW].”—Lhud 9:24.

Il-​kelma “spirtu” tintuża wkoll f’sens ieħor fil-​Bibbja. Hu u jindirizza lil Alla fit-​talb, is-​salmista qal: “Malli tibgħat in-​nifs [“l-​ispirtu,” Karm Żammit] tiegħek, jinħolqu.” (Salm 104:30) Dan l-​ispirtu m’huwiex Alla nnifsu imma l-​forza li Alla jibgħat, jew juża, biex iwettaq kulma jixtieq. Permezz tiegħu, Alla ħalaq is-​smewwiet fiżiċi, l-​art, u l-​affarijiet ħajjin kollha. (Ġenesi 1:2; Salm 33:6) L-​ispirtu tiegħu jissejjaħ spirtu qaddis. Alla uża l-​ispirtu qaddis tiegħu biex inebbaħ lill-​irġiel li kitbu l-​Bibbja. (2 Pietru 1:​20, 21) Għalhekk, l-​ispirtu qaddis huwa l-​forza attiva u inviżibbli li juża Alla biex iwettaq l-​iskopijiet tiegħu.

Alla Għandu Isem Uniku

Agur, kittieb Bibliku, staqsa: “Min ħakem ir-​riħ fil-​keffa taʼ idu? Min ġabar l-​ilma fi ħwejġu? Min ħażżeż it-​trufijiet kollha taʼ l-​art? Taf x’jismu, u x’jismu ibnu?” (Proverbji 30:4) Fil-​fatt, Agur kien qed jistaqsi, ‘Tafu l-​isem jew l-​arblu tar-​razza taʼ xi bniedem li għamel dawn l-​affarijiet?’ Alla biss għandu l-​qawwa biex jikkontrolla l-​forzi tan-​natura. Waqt li l-​ħolqien hu prova qawwija li Alla jeżisti, dan jibqaʼ sieket dwar l-​isem t’Alla. Fil-​fatt, qatt ma stajna nkunu nafuh l-​isem t’Alla kieku Alla nnifsu ma rrivelahulniex. U hekk għamel. “Jiena l-​Mulej [“Jehovah,” NW],” jgħid il-​Ħallieq, “dan hu ismi.”—Isaija 42:8.

Jehovah, l-​isem uniku t’Alla, jidher kważi 7,000 darba fl-​Iskrittura Ebrajka biss. Ġesù Kristu għarraf dan l-​isem lil oħrajn u faħħru quddiemhom. (Ġwann 17:​6, 26) Dan l-​isem jinstab fl-​aħħar ktieb tal-​Bibbja bħala parti mill-​espressjoni “Ħallelujah,” li tfisser “faħħru lil Jah.” U skond in-​nota taʼ taħt li hemm fin-​New World Translation, “Jah” huwa l-​forma mqassra taʼ “Jehovah.” (Apokalissi 19:​1-6) Madankollu, ħafna Bibbji moderni rari jużawh dan l-​isem. Dawn spiss jużaw il-​kelma “MULEJ” jew “ALLA,” miktuba kollha b’ittri kbar biex tingħaraf mit-​titli komuni “Mulej” u “Alla.” Xi studjużi jissuġġerixxu li l-​isem divin jistaʼ jkun li kien jiġi pronunzjat Jaħweh.

Għala dawn l-​opinjonijiet differenti dwar l-​isem taʼ l-​aqwa Persunaġġ fl-​univers? Il-​problema bdiet sekli ilu meta, minħabba s-​superstizzjoni, il-​Lhud huma u jaqraw ma baqgħux ilissnu l-​isem divin u bdew jissostitwixxu l-​kelma Ebrajka għal “Mulej Sovran” kulmeta kienu jiltaqgħu maʼ l-​isem divin. Ladarba l-​Ebrajk Bibliku nkiteb mingħajr vokali, huwa impossibbli li nkunu nafu preċiż kif Mosè, David, u oħrajn tal-​qedem ippronunzjaw l-​ittri li jifformaw l-​isem divin. Madankollu, il-​pronunzja Ingliża, Jehovah, ilha tintuża sekli sħaħ, u l-​ekwivalenti tagħha b’ħafna lingwi hija aċċettata llum maʼ kullimkien.—Eżodu 6:3; Isaija 26:​4, KŻ.

Għalkemm m’aħniex ċerti dwar kif l-​isem t’Alla kien jiġi pronunzjat bl-​Ebrajk tal-​qedem, it-​tifsira tiegħu m’hijiex għalkollox misteru. Ismu jfisser “Hu Jikkaġuna li Jsir.” B’hekk, Alla Jehovah jidentifika ruħu bħala l-​Wieħed li dejjem jikkaġuna li l-​iskopijiet u l-​wegħdi tiegħu jsiru realtà. Huwa biss dak Alla veru li għandu l-​qawwa li jagħmel dan u li jistaʼ b’mod xieraq iġorr dan l-​isem.—Isaija 55:11.

Bla dubju, l-​isem Jehovah iservi biex jiddistingwi lil Alla li Jistaʼ Kollox mill-​allat l-​oħrajn kollha. Huwa għalhekk li dan l-​isem jidher daqshekk spiss fil-​Bibbja. Filwaqt li ħafna traduzzjonijiet iħallu barra l-​isem divin, Salm 83:19 (83:​18, NW) jgħid b’mod ċar: “Biex jagħrfu li Jaħweh [jew, Jehovah] hu ismek, li int waħdek l-​Għoli fuq l-​art kollha.” Matul il-​ministeru tiegħu, Ġesù Kristu għallem lis-​segwaċi tiegħu: “Mela itolbu hekk: ‘Missierna, li inti fis-​smewwiet, jitqaddes ismek.’” (Mattew 6:9) Għalhekk, għandna nużaw l-​isem t’Alla kulmeta nitolbu, nitkellmu dwaru, u nfaħħruh quddiem ħaddieħor.

Huwa Ġesù Alla?

Alla Jehovah innifsu ma jħalli l-​ebda dubju dwar min hu Ibnu. Ir-​rakkont taʼ lEvanġelju taʼ Mattew jgħid li wara li tgħammed Ġesù, “mis-​smewwiet instamaʼ leħen jgħid: ‘Dan hu Ibni l-​għażiż: fih sibt l-​għaxqa tiegħi.’” (Mattew 3:​16, 17) Ġesù Kristu hu Bin Alla.

Madankollu, xi nies reliġjużi jgħidu li Ġesù hu Alla. Oħrajn jgħidu li Alla hu Trinità. Skond dan it-​tagħlim, “il-​Missier hu Alla, l-​Iben hu Alla, u l-​Ispirtu Qaddis hu Alla, u madankollu m’hemmx tliet Allat imma Alla wieħed.” Jingħad li t-​tlieta “huma ko-eterni u ko-ugwali.” (The Catholic Encyclopedia) Huma dawn l-​ideat korretti?

Dwar Jehovah, l-​Iskrittura mnebbħa tgħid: “Minn dejjem taʼ dejjem int, o Alla!” (Salm 90:2) Hu s-​“Sultan taʼ dejjem”—mingħajr bidu jew tmiem. (1 Timotju 1:17) Mill-​banda l-​oħra, Ġesù hu “l-​kbir fost il-​ħlejjaq kollha,” “il-​bidu tal-​Ħolqien taʼ Alla.” (Kolossin 1:​13-15; Apokalissi 3:14) Meta rrefera għal Alla bħala Missieru, Ġesù qal: “Il-​Missier hu akbar minni.” (Ġwann 14:28) Ġesù spjega wkoll li kien hemm xi affarijiet li la hu u lanqas l-​anġli ma kienu jafuhom imma li Alla biss jafhom. (Mark 13:32) Iktar minn hekk, meta talab lil Missieru, Ġesù qal: “Tkun magħmula r-​rieda tiegħek, u mhux tiegħi.” (Luqa 22:42) Lil min kien qed jitlob jekk mhux lil Persunaġġ superjuri għalih? U kien Alla li rxoxta lil Ġesù mill-​mewt, mhux Ġesù qajjem lilu nnifsu.—Atti 2:32.

Għalhekk, skond l-​Iskrittura, Jehovah hu Alla li Jistaʼ Kollox, u Ġesù hu Ibnu. It-​tnejn li huma ma kinux ugwali qabel ma Ġesù ġie fuq l-​art jew matul ħajtu fuq l-​art; lanqas ma sar Ġesù ugwali maʼ Missieru wara li ġie rxoxtat u mar fis-​sema. (1 Korintin 11:3; 15:28) Bħalma rajna, l-​ispirtu qaddis, l-​hekk imsejjaħ it-​tielet persuna tat-​Trinità, m’huwiex persuna. Minflok, huwa forza użata minn Alla biex iwettaq kulma jixtieq. Għalhekk, it-​Trinità m’hijiex tagħlim Skritturali.a “Alla tagħna l-​Mulej, il-​Mulej waħdu,” tgħid il-​Bibbja.—Dewteronomju 6:4.

Sir Af lil Alla Aħjar

Sabiex inħobbu lil Alla u nagħtuh id-​devozzjoni esklużiva li jixraqlu, jeħtieġ li nkunu nafuh kif verament hu. Kif nistgħu nsiru nafuh aħjar lil Alla? “Il-​kobor tiegħu li ma jidhirx,” tgħid il-​Bibbja, “jiġifieri s-​setgħa tiegħu taʼ dejjem, u d-​divinità tiegħu, huma setgħu jagħrfuh sa mill-​ħolqien tad-​dinja.” (Rumani 1:20) Mod wieħed kif issir taf lil Alla aħjar huwa billi tosserva dak li ħalaq hu u timmedita fuqu b’apprezzament.

Madankollu, il-​ħolqien ma jgħidilniex dak kollu li jeħtieġ li nkunu nafu dwar Alla. Per eżempju, biex nifhmu li hu Persuna spirtu reali b’isem uniku, irridu niftħu l-​Bibbja. Fil-​fatt, l-​istudju tal-​Bibbja huwa l-​aqwa mod kif issir taf lil Alla aħjar. Fl-​Iskrittura, Jehovah jgħidilna ferm iktar dwar it-​tip t’Alla li hu. Hu jirrivelalna wkoll l-​iskopijiet tiegħu u jedukana fit-​triqat tiegħu. (Għamos 3:7; 2 Timotju 3:​16, 17) Kemm nistgħu nkunu henjin li Alla jridna ‘naslu biex nagħrfu l-​verità’ sabiex inkunu nistgħu nibbenefikaw mill-​provvedimenti taʼ mħabba tiegħu! (1 Timotju 2:4) Għalhekk, ejja nagħmlu kull sforz biex nitgħallmu dak kollu li nistgħu dwar Jehovah.

[Nota taʼ taħt]

a Għal diskussjoni dettaljata dwar dan is-​suġġett, ara l-​browxer Għandek Int Temmen fit-​Trinità?, pubblikat mix-​Xhieda taʼ Jehovah.

[Stampi f’paġna 5]

Alla uża l-​ispirtu qaddis tiegħu biex joħloq l-​art u jnebbaħ lil xi rġiel biex jiktbu l-​Bibbja

[Stampa f’paġna 5]

Leħen mis-​smewwiet qal: “Dan hu Ibni”

[Stampa f’paġna 7]

Ġesù talab lil Alla—il-​Persunaġġ li hu superjuri għalih

[Stampa f’paġna 7]

Ġesù għarraf l-​isem t’Alla lil oħrajn

[Stampi f’paġna 7]

Nistgħu nsiru nafu lil Alla aħjar

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja