Hena taʼ Dejjem Tistenna lil Donaturi Devoti
“Alla tant ħabb lid-dinja li ta l-Iben uniġenitu tiegħu, sabiex kulmin qiegħed jeżerċita fidi fih jistaʼ ma jinqeridx imma jkollu l-ħajja taʼ dejjem.”—ĠWANN 3:16.
1, 2. (a) Min ħu l-aqwa Donatur, u liema hi l-aqwa għotja tiegħu lill-bnedmin? (b) F’li ta l-aqwa għotja tiegħu, liema kwalità wera Alla?
ALLA JEHOVAH huwa l-aqwa Donatur. Kien għalih, il-Ħallieq tas-sema u l-art, li d-dixxiplu Kristjan Ġakbu kiteb: ”Kull għotja tajba u kull rigal perfett ħu minn fuq, għax jinżel mingħand il-Missier tad-dwal ċelestjali, u miegħu m’hemmx varjazzjoni tad-dawrien tad-dell.” (Ġakbu 1:17) Jehovah ħu wkoll id-Donatur tal-aqwa għotja li qatt setgħet tingħata. Rigward l-aqwa għotja tiegħu lill-bnedmin, intqal: “Alla tant Ħabb lid-dinja li ta l-Iben uniġenitu tiegħu, sabiex kulmin qiegħed jeżerċita fidi fih jistaʼ ma jinqeridx imma jkollu l-ħajja taʼ dejjem.” —Ġwann 3:16.
2 Dak li qal dawk il-kelmiet ma kien ħadd għajr dak l-Iben uniġenitu t’Alla nnifsu. Iben uniġenitu taʼ missier ċertament li se japprezza u jħobb lil missier bħal dan bħala s-sors tiegħu tal-ħajja u tal-affarijiet tajbin kollha pprovduti għat-tgawdija tiegħu tal-ħajja. Imma l-imħabba t’Alla ma kinetx illimitata biss għal dan l-Iben waħdu. Biex jestendi għotja bħal din lil oħrajn mill-ħlejjaq tiegħu kien se juri l-eżerċitar tal-imħabba t’Alla sa grad straordinarju. (Qabbel Rumani 5:8-10.) Dan ħu bil-wisq iżjed evidenti meta neżaminaw xi tfisser verament il-kelma “ta” f’dan il-kuntest.
Ir-Rigal t’Alla tal-“Iben taʼ Mħabbtu”
3. Minbarra “I-iben taʼ mħabbtu,” min iżjed gawda l-imħabba tal-Missier tas-sema?
3 Għal perijodu mhux imsemmi taʼ żmien, Alla kien gawda sħubija persunali maʼ dan l-Iben uniġenitu—“l-Iben taʼ mħabbtu”−fil-qasam tas-sema. (Kolossin 1:13) Matul dak iż-żmien kollu, il-Missier u l-Iben tant kienu kibru fl-imħabba u fl-affezzjoni lejn xulxin li ma kien hemm ebda mħabba reċiproka oħra bħal tagħhom. Il-ħlejjaq l-oħra li Alla ġab fl-eżistenza permezz tal-Iben uniġenitu tiegħu kienu maħbubin ukoll bħala membri tal-familja divina taʼ Jehovah. B’hekk, l-imħabba saltnet fuq il-familja kollha talli. Huwa mistqarr b’mod korrett fl-Iskrittura mqaddsa li “Alla ħu mħabba.” (1 Ġwann 4:8) Il-familja divina, għalhekk, kellha tkun ifformata minn dawk li kienu maħbubin mill-Missier, Alla Jehovah.
4. Il-għoti minn Alla taʼ Ibnu kif involva iktar mit-telfa taʼ sħubija persunali, u għan-nom taʼ min?
4 Tant kienu mill-qrib ir-rabtiet bejn Jehovah u l-Iben imwieled l-ewwel tiegħu illi li jiċċaħħdu minn sħubija intima bħal din kienet se tkun telfa kbira fiha nfisha. (Kolossin 1:15) Imma l-‘għoti’ taʼ dan l-Iben uniġenitu kien ifisser iktar milli Alla jċaħħad lilu nnifsu mis-sħubija persunali maʼ “l-Iben taʼ mħabbtu.” Wasal saħansitra sal-punt li Jehovah ippermetta lil Ibnu biex igħaddi mill-mewt u b’hekk jitneħħa temporanjament mill-eżistenza bħala membru tal-familja universali t’Alla. Din kienet mewta għan-nom taʼ dawk li qatt ma kienu membri tal-familja t’Alla. Jehovah ma setax jagħmel għotja akbar għan-nom tal-umanità fil-bżonn milli lill-Iben uniġenitu tiegħu, li l-Iskrittura tidentifikah ukoll bħala “l-bidu tal-ħolqien minn Alla.”−Rivelazzjoni 3:14.
5. (a) X’kienet is-sitwazzjoni kritika taʼ nisel Adam, u l-ġustizzja t’Alla x’kienet tirrikjedi min-naħa taʼ wieħed mill-ulied leali Tiegħu? (b) L-aqwa għotja t’Alla x’kienet tirrikjedi minnaħa tiegħu stess?
5 L-ewwel koppja umana, Adam u Eva, naqsu li jżommu posthom bħala membri tal-familja t’Alla. Dak ħu l-istat li sabu ruħhom fih wara li tkeċċew‘il barra mill-ġnien taʼ Għeden minħabba li dinbu kontra Alla. Mhux biss ma kinux għadhom membri tal-familja t’Alla imma kienu wkoll taħt is-sentenza tal-mewt. Għalhekk, il-problema ma kinetx biss li jiġi rrestawrat in-nisel tagħhom għall-favur t’Alla bħala membri tal-familja tiegħu imma wkoll li titneħħa minn fuqhom is-sentenza divina tal-mewt. Skond il-il-ħidma taʼ ġustizzja divina, dan kien jirrikjedi li wieħed mill-ulied leali t’Alla Jehovah iġarrab il-mewt bħala sostitut, jew rahan. Għaldaqstant il-mistoqsija l-kbira kienet: Ikun lest dak li jintgħażel li jgħaddi minn mewta bħala sostitut bħal din għan-nom taʼ midinbin umani? Barra minn dan, biex iġiegħel li jseħħ dan kien se jirrikjedi miraklu min-naħa t’Alla li Jistaʼ Kollox. Kien se jirrikjedi wkoll espressjoni taʼ mħabba divina sal-punt li qatt ma deher bħalu.—Rumani 8:32.
6. L-Iben t’Alla kif setaʼ jwettaq il-ħtiġijiet tas-sitwazzjoni li kienet tinvolvi lill-umanità midinba u x’qal f’dan ir-rigward?
6 L-Iben uniġenitu taʼ Jehovah biss setaʼ jwettaq il-bżonnijiet speċjali tas-sitwazzjoni li tinvolvi lill-umanità midinba. Tant huwa immaġni taʼ Missieru tas-sema f’li juri affezzjoni għal membri tal-familja prodotta b’mod divin li m’hemmx bħalu fost l-ulied t’Alla. Ladarba l-ħlejjaq intelliġenti l-oħrajn kollha saru jeżistu permezz tiegħu, l-affezzjoni tiegħu għalihom ċertament li se tkun abbundanti. Barra minn dan, l-imħabba hija kwalità dominanti tal-Iben uniġenitu taʼ Jehovah, Ġesù Kristu, għaliex ”ħu r-riflessjoni tal-glorja [t’Alla] u r-rappreżentazzjoni eżatta tal-eżistenza tiegħu nnifsu.” (Ebrej 1:3) Biex juri kemm kien lest li jesprimi din l-imħabba sal-akbar punt billi jagħti ħajtu għan-nom tal-umanità midinba, Ġesù qal lit-12-il appostlu tiegħu: “Bin il-bniedem ġie, mhux biex ikun imministrat, imma biex jimministra u biex jagħti ruħu bħala rahan bi bdil għal ħafna.”−Mark 10:45; ara wkoll Ġwann 15:13.
7, 8. (a) X’kien il-mottiv taʼ Jehovah f’li jibgħat lil Ġesù Kristu fid-dinja tal-bnedmin? (b) Fuq liema xorta taʼ missjoni bagħat Alla lill-Iben uniġenitu tiegħu?
7 Alla Jehovah kellu raġuni speċjali għala jibgħat lil Ġesù f’din id-dinja fqira taʼ bnedmin. Imħabba divina kienet il-mottiv taʼ dan, għax Ġesù nnifsu qal: “Alla tant Ħabb lid-dinja li ta l-Iben uniġenitu tiegħu, sabiex kulmin qiegħed jeżerċita fidi fih jistaʼ ma jinqeridx imma jkollu l-ħajja taʼ dejjem. Għax Alla bagħat lil Ibnu ’l quddiem fid-dinja, mhux biex ħu jiġġudika lid-dinja, imma biex id-dinja tiġi salvata permezz tiegħu.”−Ġwann 3:16, 17.
8 Kien fuq missjoni taʼ salvazzjoni li Jehovah imħabba bagħat lill-Iben uniġenitu tiegħu. Alla ma bagħatx lil Ibnu hawn sabiex jiġġudika lid-dinja. Li kieku Bin Alla ntbagħat fuq missjoni ġudizzjarja bħal din, irriżultat għall-umanità kollha kien se jkun fjask. Is-sentenza taʼ ġudizzju avvers li kienet tiġi ppronunzjata minn Ġesù Kristu fuq il-familja umana kienet tkun kundanna għall-mewt. (Rumani 5:12) B’hekk, b’din l-espressjoni unika tal-imħabba divina, Alla bbilanċja mill-ġdid is-sentenza tal-mewt skond ma kienet titlob il-ġustizzja nfisha.
9. Is-salmista David kif ħassu dwar il-għoti taʼ Jehovah?
9 F’kollox, Alla Jehovah jesprimi u juri l-imħabba bħala l-fattur li jispikka tal-personalità tiegħu. U jistaʼ jingħad b’mod korrett li Alla b’imħabba jagħti lill-adoraturi leali tiegħu fuq l-art iktar minn biżżejjed fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet tajbin. Is-salmista David hekk ħassu dwar il-kwistjoni meta qal lil Alla: ”Kemm hi abbundanti t-tjubija tiegħek, li int żammejtha bħal teżor għal dawk li qegħdin jibżgħu minnek! [Li] int tajtha lil dawk li qegħdin jieħdu refuġju fik, quddiem ulied il-bnedmin.” (Salm 31:19) Matul ir-renju taʼ David fuq il-ġens taʼ Iżrael—iva, matul ħajtu kollha bħala membru minn dak il-ġens li kien magħżul b’mod speċjali minn Alla—ħu taʼ spiss ġarrab it-tjubija taʼ Jehovah. U David sabha abbundanti.
It-Telfa taʼ Iżrael taʼ Għotja Kbira Mingħand Alla
10. Iżrael tal-qedem għala ma kien bħall-ebda ġens ieħor fuq l-art?
10 F’li kellu lil Jehovah bħala Alla tiegħu, Iżrael tal-qedem ma kien bħal ebda ġens ieħor fuq l-art. Permezz tal-profeta Mosè bħala medjatur, Jehovah ġab lid-dixxendenti taʼ Abraham, Iżakk, u Ġakobb f’relazzjoni taʼ patt miegħu. Ma kien ittratta maʼ ebda ġens ieħor skond dan il-mod. Għalhekk, is-salmista mnebbaħ setaʼ jesklama: “Hu qiegħed igħid kelmtu lil Ġakobb, ir-regolamenti tiegħu u d-deċiżjonijiet ġudizzjarji tiegħu lil Iżrael. Hu m’għamilx hekk lil kwalunkwe ġens ieħor; u nkwantu għad-deċiżjonijiet ġudizzjarji tiegħu, huma ma kinux jafuhom. Faħħru lil Jah!”—Salm 147:19, 20.
11. Iżrael sakemm gawdew il-pożizzjoni ffavorita tagħhom m’Alla, u Ġesù kif esprima l-bidla fir-relazzjoni tagħhom?
11 Il-ġens taʼ Iżrael kompla f’din ir-relazzjoni ffavorita m’Alla sakemm ċaħad lil Ġesù Kristu bħala l-Messija fis-sena 33 tal-Era Komuni tagħna. Kien tabilħaqq jum taʼ niket għal Iżrael meta Ġesù lissen din l-esklamazzjoni taʼ dwejjaq: ”Ġerusalemm, Ġerusalemm, il-qattiela tal-profeti u ħaġġara taʼ dawk mibgħutin lilha,—kemm-il darba ridt niġbor lit-tfal tiegħek flimkien, bil-mod li qroqqa tiġbor il-flieles tagħha flimkien taħt gwenħajha! Imma intom ma ridtuhiex. Ħares! Darkom hi abbandunata għalikom.” (Mattew 23:37, 38) Il-kliem taʼ Ġesù indika li l-ġens taʼ Iżrael għalkemm qabel kien iffavorit minn Jehovah, kien tilef għotja speċjali mingħand Alla. Dan kif?
12. Min kienu t-‘tfal taʼ Ġerusalemm,’ u x’kien ikun ifisser li Ġesù jiġborhom flimkien?
12 Billi uża t-terminu “tfal,” Ġesù rrefera biss għal-Lhud naturali ċirkonċiżi li kienu jgħixu f’Ġerusalemm u li kienu jirrappreżentaw lill-ġens Lhudi kollu. Biex Ġesù jiġbor flimkien lit-tfal taʼ Ġerusalemm kien ikun ifisser li ħu jġib lil dawn it-“tfal” f’patt ġdid m’Alla, billi ħu nnifsu jaqdi bħala l-Medjatur bejn Jehovah u dawn il-Lhud naturali. (Ġeremija 31:31-34) Dan kien jirriżulta fil-maħfra tad-dnubiet, għax sa daqshekk kienet kbira l-imħabba t’Alla. (Qabbel Malakija 1:2.) Din verament kienet tkun għotja kbira.
13. Iċ-ċaħda tal-Iben t’Alla minn Iżrael irriżultat f’liema telfa, imma l-ferħ taʼ Jehovah għala ma tnaqqasx?
13 Fi qbil mal-Kelma profetika tiegħu, Jehovah stenna sakemm kien raġonevoli qabel estenda lil nies li ma kinux Lhud il-għotja li jsiru parteċipanti tal-patt il-ġdid. Imma billi ċaħdu lill-Iben t’Alla stess, il-Messija, il-ġens taʼ Iżrael naturali tilfu din il-għotja kbira. Jehovah għalhekk ibbilanċja mill-ġdid iċ-ċaħda taʼ Ibnu billi estenda din il-għotja lil nies li ma kinux mill-ġens Lhudi. B’dak il-mod, il-ferħ taʼ Jehovah bħala l-Aqwa Donatur kompla mingħajr waqfien.
Il-Hena mill-Għoti
14. Ġesù Kristu għala huwa l-iktar ħlejqa hienja fl-univers kollu?
14 Jehovah ħu “Alla l-hieni.” (1 Timotew 1:11) Li jagħti lill-oħrajn hi ħaġa li tagħmlu hieni. U fl-ewwel seklu tal-E.K., l-Iben uniġenitu tiegħu qal: “Hemm iktar ferħ f’li tagħti milli hemm f’li tirċievi.” (Atti 20:35) Fi qbil maʼ dan il-prinċipju Ġesù sar l-iktar ħlejqa hienja tal-Ħallieq tal-univers kollu. Dan kif? Tajjeb, wara Alla Jehovah innifsu, Ġesù Kristu ta l-akbar għotja fosthom kollha billi ċeda ħajtu għall-benefiċċju tal-bnedmin. Fil-fatt, ħu‘l-Potenti hieni.’ (1 Timotew 6:15) Ġesù b’hekk jeżemplifika dak li qal dwar l-akbar hena tal-għoti.
15. Jehovah taʼ liema ħaġa qatt ma se jieqaf li jkun l-eżempju, u l-ħlejjaq intelliġenti tiegħu kif jistgħu jġarrbu qies mill-hena tiegħu?
15 Permezz taʼ Ġesù Kristu, Alla Jehovah qatt ma se jonqos li jkun Wieħed ġeneruż li jagħti lill-ħlejjaq intelliġenti tiegħu kollha u dejjem se jkun l-aqwa eżempju għalihom fil-għoti. Saħansitra bħalma Alla jsib għaxqa f’li jagħti għotjiet tajbin lill-oħrajn, hekk ħu poġġa l-ispirtu taʼ generożita fil-qlub tal-ħlejjaq intelliġenti tiegħu fuq l-art. B’dak il-mod huma jirriflettu u jimitaw il-personalità tiegħu u jġarrbu qies mill-hena tiegħu. (Ġenesi 1:26; Efesin 5:1) B’mod xieraq, Ġesù qal lis-segwaċi tiegħu: “Ipprattikaw li tagħtu, u n-nies se jagħtu lilkom. Se jferrgħulkom f’ħoġorkom kejl tajjeb, ippressat, mheżheż u mfawwar. Għax bil-kejl li qegħdin tkejlu, huma se jkejlulkom lura.”−Luqa 6:38.
16. Ġesù għal liema għoti rrefera f’Luqa 6:38?
16 Ġesù ta lid-dixxipli tiegħu eżempju eċċellenti f’li jagħmlu l-korsa tal-għoti bħala drawwa. Hu qal li se jkun hemm rispons mill-aħjar għal għoti bħal dan min-naħa taʼ min jirċievi. F’Luqa 6:38, Ġesù ma kienx qed jirreferi esklussivament għall-għoti taʼ għotjiet materjali. Ma kienx qed igħid lid-dixxipli tiegħu biex isegwu korsa li kienet se tfaqqarhom materjalment. Minflok, kien qed jidderiġihom lejn korsa li kienet se tagħtihom sens taʼ sodisfazzjon spiritwali.
Hena taʼ Dejjem Assigurata
17. Alla liema għotja tal-għaġeb ferraʼ fuq ix-Xhieda tiegħu f’dawn l-aħbar jiem?
17 X’għotja tal-għaġeb ferraʼ Jehovah, il-Kap tal-ħolqien kollu, fuq ix-Xhieda tiegħu f’dawn l-aħħar jiem! Tana l-aħbar tajba tas-Saltna tiegħu. Għandna l-privileġġ kbir li nkunu x-xandara tas-Saltna stabbilita t’Alla f’idejn l-Iben renjanti tiegħu, Ġesù Kristu. (Mattew 24:14; Mark 13:10) Li ġejna magħmulin ix-Xhieda vokali taʼ Alla l-Iktar Għoli hija għotja li m’hawnx bħalha, u l-aħjar mod li nistgħu nipprattikaw il-għoti b’imitazzjoni t’Alla ħu billi naqsmu l-messaġġ tas-Saltna maʼ oħrajn qabel ma jiġi t-tmiem taʼ din is-sistema t’affarijiet mill-agħar.
18. Bħala Xhieda taʼ Jehovah, x’irridu nagħtu lill-oħrajn?
18 L-appostlu Pawlu rrefera għal tbatijiet li kellu jgħaddi minnhom meta kien jiddikjara l-messaġġ tas-Saltna lill-oħrajn. (2 Korintin 11:23-27) Ix-Xhieda taʼ Jehovah taż-żmien modern ukoll kellhom igħaddu minn tbatijiet u jwarrbu preferenzi persunali biex jippruvaw jagħtu t-tama tas-Saltna lill-oħrajn. Forsi ma nkunux inklinati li mmorru wara l-bibien taʼ oħrajn, speċjalment jekk aħna mistħijin. Imma bħala segwaċi taʼ Kristu, ma nistgħux nevitaw, jew inwarrbu, il-privileġġ li nagħtu affarijiet spiritwali lill-oħrajn billi nippridkaw “din l-aħbar tajba tas-saltna.” (Mattew 24:14) Irridu jkollna l-istess attitudni li kellu Ġesù. Meta kien qed jiffaċċja l-mewt, talab: “Missieri, . . . mhux kif irrid jien, imma kif trid int.” (Mattew 26:39) Fil-kwistjoni taʼ li jagħtu lill-oħrajn l-aħbar tajba tas-Saltna, il-qaddejja taʼ Jehovah iridu jagħmlu r-rieda t’Alla, mhux tagħhom infushom—dak li jrid ħu, mhux dak li forsi jridu huma.
19. Min huma Dawk li Jippossjedu “I-għamajjar taʼ dejjem,” u kif nistgħu nsiru l-ħbieb tagħhom?
19 Għoti bħal dan se jinvolvi l-ħin u r-riżorsi tagħna, imma billi nkunu wħud devoti li jagħtu, nkunu ċerti li l-hena tagħna se tkun għal dejjem. Għala? Għax Ġesù qal: “Agħmlu ħbieb għalikom infuskom permezz tar-rikkezzi mhux twajbin [“għana tad-dinja,” New International Version], ħalli, meta dawn ifallu, huma jistgħu jilqgħukom ġewwa l-għamajjar taʼ dejjem.” (Luqa 16:9) Għandu jkun l-oġġettiv tagħna li nużaw “rikkezzi mhux twajbin” biex nagħmlu ħbieb maʼ Dawk li jippossjedu “l-għamajjar taʼ dejjem.” Bħala l-Ħallieq, Jehovah jippossjedi kollox, u l-Iben imwieled l-ewwel tiegħu jaqsam f’dak l-ippussessar bħala l-Eredi tal-affarijiet kollha. (Salm 50: 10-12; Ebrej 1:1, 2) Biex nagħmlu ħbieb magħhom, irridu nużaw ir-rikkezzi b’mod li jġib l-approvazzjoni tagħhom. Dan jinkludi li jkollna l-attitudni t-tajba f’li nużaw l-affarijiet materjali għall-benefiċċju tal-oħrajn. (Qabbel Mattew 6:3, 4; 2 Korintin 9:7.) Nistgħu nużaw il-flus b’mod xieraq biex in-saħħu l-ħbiberija tagħna m’Alla Jehovah u maʼ Ġesù Kristu. Per eżempju, nagħmlu dan billi bil-ferħ nużaw dak li għandna biex ingħinu lil nies fi bżonn veru u billi nużaw ir-riżorsi tagħna biex inkabbru l-interessi tas-Saltna t’Alla.—Proverbji 19:17; Mattew 6:33.
20. (a) Jehovah u Ġesù għala jistgħu jdaħħluna f’“għamajjar taʼ dejjem,” u fejn jistgħu jkunu dawn il-postijiet? (b) Liema privileġġ se jkun tagħna matul l-eternità?
20 Peress li huma immortali, Alla Jehovah u Ġesù Kristu jistgħu jkunu l-Ħbieb tagħna għal dejjem u jistgħu jdaħħluna fl-“għamajjar taʼ dejjem.” Dan ħu hekk kemm jekk dawn se jkunu fis-sema mal-anġli qaddisa kollha jew fuq din l-art fil-Ġenna restawrata. (Luqa 23:43) Il-għotja taʼ Ġesù Kristu minn Alla b’imħabba għamlet dan kollu possibbli. (Ġwann 3:16) U Alla Jehovah se juża lil Ġesù biex ikompli jagħti lill-ħolqien kollu, għall-hena unika tiegħu stess. Fil-fatt, matul l-eternità aħna nfusna se jkollna l-privileġġ li nagħtu taħt is-sovranità universali t’Alla Jehovah u r-renju tal-Iben uniġenitu tiegħu, il-Mulej u s-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu. Dan se jirriżulta f’hena taʼ dejjem għad-donaturi devoti kollha.
Tifakar?
◻ L-aqwa għotja t’Alla x’kienet se tirrikjedi min-naħa tiegħu?
◻ Fuq liema xorta taʼ missjoni bagħat Alla lil Ibnu?
◻ Min hu l-iktar ħlejqa hienja fl-univers, u għala?
◻ Donaturi devoti kif se jġarrbu hena ta dejjem?