LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w92 5/1 pp. 4-6
  • Profeti Foloz Illum

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Profeti Foloz Illum
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Il-​Verità Dwar is-​Saltna
  • Għala Huwa Importanti?
  • L-​Umanità Taħt is-​Saltna t’Alla
  • Dak li Ġesù Għallem Dwar is-Saltna t’Alla
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2010
  • Is-Saltna t’Alla Taħkem
    Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja Taʼ Dejjem
  • X’Inhi s-​Saltna t’Alla?
    Il-Bibbja X’Tgħallem Verament?
  • X’inhi s-Saltna t’Alla?
    X’nistgħu nitgħallmu mill-Bibbja?
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
w92 5/1 pp. 4-6

Profeti Foloz Illum

ĠEREMIJA qeda bħala l-​profeta t’Alla f’Ġerusalemm fi żmien meta l-​belt kienet mimlija bl-​idolatrija, l-​immoralità, il-​korruzzjoni, u t-​tixrid taʼ demm innoċenti. (Ġeremija 7:8-11) Hu ma kienx l-​uniku profeta attiv f’dak iż-​żmien, imma l-​biċċa l-​kbira mill-​oħrajn kienu qed jipprofettaw erwieħhom u kienu korrotti. B’liema mod? Jehovah jiddikjara: “Mill-​profeta saħansitra sal-​qassis, kull wieħed qiegħed jaġixxi bil-​qerq. U jipprovaw ifejqu t-​tifrik tal-​poplu tiegħi ħafif ħafif, billi jgħidu, ‘Hemm il-​paċi! Hemm il-​paċi!’ meta ma hemm l-​ebda paċi.”−Ġeremija 6:13, 14.

Il-profeti foloz ipprovaw jagħmluha tidher li minkejja l-​korruzzjoni kollha fil-​pajjiż, kollox kien sew, u l-​popolin kien fil-​paċi maʼ Alla; imma dan ma kienx minnu. Il-​ġudizzju t’Alla kien jistenniehom, kif ħabbar bla biżaʼ Ġeremija. Il-​profeta veru Ġeremija, mhux il-​profeti foloz, ġie vvindikat meta Ġerusalemm ġiet imqaxxra mis-​suldati Babilonjani fis-​sena 607 Q.E.K., it-​tempju meqrud, u l-​popolin ġew jew maqtulin jew imkaxkrin bħala rsiera ’l bogħod fil-​Babilonja. Il-​ftit imsejknin li tħallew fil-​pajjiż ħarbu lejn l-​Eġittu.—Ġeremija 39:6-9; 43:4-7.

X’kienu għamlu l-​profeti foloz? “‘Hawn jien kontra l-​profeti,’ hija l-​ħaġa mitkellma taʼ Jehovah, ‘dawk li qegħdin jisirqu l-​kelmiet tiegħi, kull wieħed mingħand sieħbu.’” (Ġeremija 23:30) Il-​profeti foloz serqu l-​forza u l-​effett tal-​kliem t’Alla billi nkuraġġew lill-​poplu biex jismaʼ l-​gideb minflok it-​twissija vera minn Alla. Huma kienu qed igħidu, mhux “l-​affarijiet manjifiċi t’Alla,” imma l-​ideat tagħhom stess, affarijiet li l-​poplu ried jismaʼ. Il-​messaġġ taʼ Ġeremija kien verament minn Alla, u li kieku l-​Iżraeliti aġixxew fuq kliemu, kienu jsalvaw. Il-​profeti foloz ‘serqu l-​kelmiet t’Alla’ u wasslu lill-​poplu għal diżastru. Kien eżatt kif qal Ġesù dwar il-​mexxejja reliġjużi taʼ żmienu li ma kinux leali: “Gwidi għomja hu dak li huma. Jekk, allura, raġel agħma jiggwida lil raġel agħma, it-​tnejn se jaqgħu ġo ħofra.”−Atti 2:11; Mattew 15:14.

Bħal fi żmien Ġeremija, illum jeżistu profeti foloz li jsostnu li jirrappreżentaw lil Alla tal-​Bibbja; imma huma wkoll jisirqu l-​kelmiet t’Alla billi jippridkaw affarijiet li jaljenaw lin-​nies minn dak li Alla, permezz tal-​Bibbja, verament qed igħid. B’liema mod? Ejjew inwieġbu dik il-​mistoqsija billi nużaw, bħala l-​kriterju, it-​tagħlim fundamentali tal-​Bibbja dwar is-​Saltna.

Il-​Verità Dwar is-​Saltna

Is-​Saltna t’Alla kienet it-​tema prinċipali tat-​tagħlim taʼ Kristu, u hija msemmija iktar minn mitt darba fil-​Vanġeli. Kmieni fil-​ministeru tiegħu, Ġesù qal: “[I]rrid inxandar l-​aħbar tajba tas-​saltna t’Alla, għaliex għal dan jien kont mibgħut.” Hu għallem lis-​segwaċi tiegħu biex jitolbu: “Ħa tiġi saltnatek.”—Luqa 4:43; 11:2.

X’inhi, allura, is-​Saltna? Skond The New Thayer’s Greek English Lexicon, il-​kelma Griega tradotta “saltna” fil-​Bibbja tfisser l-​ewwel, “setgħa rjali, stat taʼ sultan, dominju, ħakma” u t-​tieni, “it-​territorju suġġett għall-​ħakma taʼ sultan.” Minn dan aħna loġikament nikkonkludu li s-​Saltna t’Alla hija gvern litterali amministrat minn Sultan. Hekk hu fil-​fatt?

Iva, hekk hu, u s-​Sultan m’hu ħadd ħlief Ġesù Kristu. Qabel it-​twelid taʼ Ġesù l-​anġlu Gabrijel qal lil Marija: “Dan il-​wieħed se jkun kbir u se jkun jissejjaħ Bin l-​Iktar Għoli; u Alla Jehovah se jagħtih it-​tron taʼ David missieru.” (Luqa 1:32) Li Ġesù jirċievi tron jagħti prova li huwa Sultan, Ħakkiem governattiv. Li wkoll tipprova li s-​Saltna hija gvern litterali hija l-​profezija taʼ Isaija: “Għax tweldilna tifel, ingħatalna iben: u l-​gvern se jkun fuq spalltu . . . Dwar iż-​żjieda tal-​gvern tiegħu u l-​paċi mhux se jkun hemm tmiem.”−Isaija 9:6, 7, King James Version.

Fejn jaħkem Ġesù? F’Ġerusalemm? Le. Il-​profeta Danjel ra viżjoni taʼ Ġesù jirċievi s-​Saltna, u l-​viżjoni talloka lil Ġesù fis-​sema. (Danjel 7:13, 14) Din taqbel mal-​mod kif Ġesù tkellem dwar is-​Saltna. Hu taʼ spiss sejħilha “s-​saltna tas-​smewwiet.” (Mattew 10:7; 11:​11, 12) Taqbel ukoll mal-​kliem taʼ Ġesù lil Pilatu meta Ġesù kien għaddej ġuri quddiemu: “Is-​saltna tiegħi ma hi ebda parti minn din id-​dinja. Kieku s-​saltna tiegħi kienet parti minn did-dinja, il-​qaddejja tiegħi kienu jiġġieldu biex ma ningħatax f’idejn il-​Lhud. Imma, kif inhi, is-​saltna tiegħi mhix minn dan is-​sors.” (Ġwann 18:36) Għallmek il-​qassis jew il-​katekist tiegħek li s-​Saltna taʼ Ġesù hija gvern veru, li jaħkem mis-​sema? Jew għallmek li s-​Saltna hija sempliċement xi ħaġa li teżisti fil-​qalb? Jekk inhu hekk, hu qed jisraqlek il-​kelmiet t’Alla.

X’inhi r-​relazzjoni bejn il-​gvern tas-​Saltna u l-​forom kollha differenti taʼ gvern uman? Skond The Encyclopedia of Religion, editjata minn Mircea Eliade, ir-​Riformatur Martin Luther, meta kien qed jiddiskuti s-​Saltna, ippropona: “Il-​gvern dinji . . . jistaʼ jissejjaħ ukoll is-​saltna t’Alla.” Xi wħud igħallmu li l-​bnedmin, bl-​isforzi tagħhom stess, jistgħu iġibu l-​gvernijiet umani iktar qrib lejn is-​Saltna t’Alla. Fl-​1983 il-​Kunsill Dinji tal-​Knejjes afferma: “Hekk kif qed naraw ix-​xewqa ġenwina tagħna għal paċi b’azzjonijiet speċifiċi, l-​Ispirtu t’Alla jistaʼ juża l-​isforzi umli tagħna biex iġib is-​saltniet taʼ din id-​dinja iktar qrib tas-​saltna t’Alla.”

Innota, iżda, li fit-​Talba tal-​Mulej (il-“Missierna”), Ġesù għallem lis-​segwaċi tiegħu biex jitolbu għas-​Saltna t’Alla biex tiġi u dak in-​nhar qalilhom biex jitolbu: “Ħa tintgħamel ir-​rieda tiegħek [t’Alla], kif fis-​sema, ukoll fuq l-​art.” (Mattew 6:10) Fi kliem ieħor, il-​bnedmin ma jġagħlux is-​Saltna tiġi billi jagħmlu r-​rieda t’Alla. Hija l-​miġja tas-​Saltna li tikkaġuna r-​rieda t’Alla biex tintgħamel fuq l-​art. Kif?

Ismaʼ xi tgħid il-​profezija taʼ Danjel kapitlu 2, vers 44: “Fil-​jiem taʼ dawk is-​slaten [ħakkiema umani fiż-​żmien tat-​tmiem] dak Alla tas-​sema se jwaqqaf saltna li qatt ma se tinġieb f’rovina.... Hi se tfarrak biċċiet u ġġib fi tmiem lil dawn is-​saltniet kollha.” Mhux taʼ b’xejn li Ġesù qal li s-​Saltna tiegħu ma kienet ebda parti minn din id-​dinja! Minflok, is-​Saltna se teqred lis-​saltniet, lill-​gvernijiet, taʼ din l-​art u tieħu posthom f’li taħkem lill-​bnedmin. Bħala l-​gvern mogħti minn Alla lill-​umanità, se tara li r-​rieda t’Alla tiġi magħmula fuq l-​art.

Ir-raġuni għal azzjoni drastika bħal din min-​naħa tas-​Saltna ssir iktar ċara meta nikkunsidraw min hemm jikkontrolla lil din id-​dinja. L-​appostlu Ġwanni kiteb: “[I]d-dinja kollha qiegħda taħt il-​qawwa tal-​wieħed mill-​agħar.” (1 Ġwann 5:19) Il-​“wieħed mill-​agħar” huwa Satana x-​Xitan, li l-​appostlu Pawlu sejjaħlu “l-​alla taʼ din is-​sistema taʼ affarijiet.” (2 Korintin 4:4) M’hemm l-​ebda mod li bih istituzzjonijiet f’dinja li l-​alla tagħha hu Satana x-​Xitan jistgħu jiġu identifikati mas-​Saltna t’Alla.

Hemm raġuni waħda għala Ġesù ma involviex ruħu fil-​politika. Meta n-​nazzjonalisti Lhud ipprovaw jagħmluh sultan, hu evitahom. (Ġwann 6:15) Kif rajna, hu qal lil Pilatu ċar u tond: “Is-​saltna tiegħi ma hi ebda parti minn din id-​dinja.” U fi qbil maʼ dan, hu qal lis-​segwaċi tiegħu: “Ma huma ebda parti mid-​dinja, sewwa sew bħalma jien ma jien ebda parti mid-​dinja.” (Ġwann 17:16) Għalhekk, il-​mexxejja reliġjużi li jgħallmu li s-​Saltna t’Alla li ġejja tiġi iktar malajr permezz taʼ riforma f’din is-​sistema taʼ affarijiet u li jinkuraġġixxu lill-​merħliet tagħhom biex jaħdmu għal dan il-​għan huma profeti foloz. Huma jisirqu l-​forza u l-​effett taʼ dak li l-​Bibbja verament tgħid.

Għala Huwa Importanti?

Huwa dan kollu sempliċement argument intellettwali? Bl-​ebda mod. Tagħlim żballjat dwar is-​Saltna t’Alla żvija lil ħafna u effettwa saħansitra l-​korsa tal-​istorja. Per eżempju, il-​pubblikazzjoni Théo, enċiklopedija Kattolika Rumana, tgħid: “In-​nies t’Alla mexjin ’il quddiem lejn Saltna t’Alla li ngħatat bidu fuq l-​art mill-​Kristu . . . Il-​knisja hija ż-​żerriegħa taʼ din is-​Saltna.” Il-​fatt li l-​Knisja Kattolika ġiet identifikata mas-​Saltna t’Alla ta lill-​knisja qawwa sekulari enormi matul il-​Middle Ages superstizzjużi. Saħansitra llum, awtoritajiet tal-​knisja jippruvaw jinfluwenzaw lill-​korsa taʼ affarijiet tad-​dinja, billi jaħdmu favur xi sistemi politiċi u kontra oħrajn.

Kummentatur wieħed ippreżenta opinjoni oħra li hi magħrufa ħafna llum meta qal: “Il-​mogħdija tar-​rivoluzzjoni hija s-​saltna għaliex ir-​rivoluzzjoni hija n-​nies ġejjin flimkien f’umanità ġdida, li ġiet imqabbda minn simbolu divin mogħti permezz tar-​raġel taʼ verità—Ġesù. . . Gandhi. . . il-​Berrigani.” It-​tagħlim li s-​Saltna t’Alla tistaʼ tinġieb ’il quddiem bl-​attività politika u t-​traskurar tal-​fatti veri dwar is-​Saltna qanqlu lil xi mexxejja reliġjużi biex joħorġu għall-​politika. Qanqlu lil oħrajn biex jinvolvu ruħhom fit-​taqlib ċivili u saħansitra jieħdu parti fil-​ġlied tal-​gwerilli. Xejn minn dan ma huwa fi qbil mal-​verità li s-​Saltna ma hi ebda parti minn din id-​dinja. U mexxejja reliġjużi li tant jinvolvu ruħhom fil-​fond fil-​politika huma ’l bogħod milli ma jkunu ebda parti mid-​dinja, bħalma Ġesù qal li l-​veri dixxipli tiegħu kellhom ikunu. Dawk li jgħallmu li s-​Saltna t’Alla tiġi permezz taʼ azzjoni politika huma profeti foloz. Huma qegħdin jisirqu l-​kelmiet t’Alla mingħand in-​nies.

Kieku l-​mexxejja reliġjużi fil-​Kristjaneżmu tassew għallmu dak li tgħid il-​Bibbja, il-​merħliet tagħhom kienu jkunu jafu li s-​Saltna t’Alla tabilħaqq se ssolvi problemi bħalma huma l-​faqar, il-​mard, id-​diskriminazzjoni razzjali, u l-​moħqrija. Imma dan se jkun fiż-​żmien magħżul t’Alla u kif irid Alla. Dan mhux se jsir permezz tar-​riforma taʼ sistemi politiċi, li se jgħaddu meta tiġi s-​Saltna. Kieku dawn il-​membri tal-​kleru kienu profeti veri, kieku kienu jgħallmu lill-​merħliet tagħhom li waqt li jistennew biex is-​Saltna t’Alla tieħu azzjoni, huma jistgħu jsibu għajnuna vera, prattika, u mogħtija minn Alla biex jieħdu ħsieb il-​problemi li l-​inġustizzji taʼ din id-​dinja jikkaġunaw.

Fl-aħħarnett, huma kienu jgħallmu lill-​merħliet tagħhom li l-​kundizzjonijiet li dejjem jeħżienu fuq l-​art u li jikkaġunaw tant niket kienu ipprofetizzati fil-​Bibbja u huma sinjal li l-​miġja tas-​Saltna hija qrib. Iva, is-​Saltna t’Alla dalwaqt se tintervjeni u se tieħu post l-​istrutturi politiċi preżenti. X’barka se tkun dik!—Mattew 24:21, 22, 36-39; 2 Pietru 3:7; Rivelazzjoni 19:11-21.

L-​Umanità Taħt is-​Saltna t’Alla

Il-​miġja tas-​Saltna t’Alla x’se tkun tfisser għall-​umanità? Sewwa, tistaʼ timmaġinak li tqum kull fil-​għodu mimli enerġija? Ħadd minn dawk li taf ma hu marid jew qiegħed imut. Saħansitra l-​maħbubin mejtin tiegħek ġew mogħtijin lura lilek permezz taʼ rxoxt. (Isaija 35:5, 6; Ġwann 5:28, 29) M’hemmx iktar inkwiet ekonomiku kkaġunat minn kummerċjaliżmu egoist jew sistemi ekonomiċi differenti. Għandek id-​dar komda tiegħek stess u ħafna u ħafna art biex tkabbar dak kollu li għandek bżonn biex tmantni l-​familja. (Isaija 65:21-23) Tistaʼ tmur timxi kullimkien x’ħin trid matul il-​jum jew matul il-​lejl mingħajr ebda biżaʼ li tiġi attakkat. M’hemmx iktar gwerer—xejn ma jistaʼ jhedded lis-​sigurtà tiegħek. Kulħadd għandu f’qalbu l-​aħjar interessi tiegħek. Dawk li huma mill-​agħar m’għadhomx jeżistu. L-​imħabba u t-​tjieba jsaltnu. Tistaʼ timmaġinah żmien bħal dan? Din hi x-​xorta taʼ dinja li s-​Saltna se ġġib.—Salm 37:10, 11; 85:10-13; Mikea 4:3, 4.

Hija din sempliċement tama vojta? Le. Aqra l-​iskritturi ċċitati fil-​paragrafu taʼ qabel, u se ssib li kulma jintqal hemmhekk jirrifletti wegħdi definiti t’Alla. Jekk inti sal-​ġurnata taʼ llum ma ġejtx mogħti din l-​istampa vera taʼ dak li s-​Saltna t’Alla tistaʼ u se tagħmel għall-​umanità, allura xi ħadd seraq il-​kelmiet t’Alla mingħandek.

B’ferħ, l-​affarijiet m’għandhomx għalfejn jibqgħu kif inhuma. Ġesù qal li fi żmienna “din l-​aħbar tajba tas-​saltna se tkun ippridkata fl-​art abitata kollha għal xiehda lill-​ġnus kollha; u mbagħad se jiġi t-​tmiem.” (Mattew 24:14) Ir-​rivista li qiegħed taqra hija parti minn dak ix-​xogħol taʼ ippridkar. Aħna ninkuraġġuk biex ma tiġix imqarraq minn profeti foloz. Ħares iktar fil-​fond fil-​Kelma t’Alla biex issib il-​verità dwar is-​Saltna t’Alla. Imbagħad, issottometti ruħek lejn dik is-​Saltna, li hija provvediment tar-​Ragħaj il-​Kbir, Alla Jehovah. Tabilħaqq, hija l-​unika tama tal-​bniedem, u mhix se tfalli.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja