Huwa l-Faith Healing Approvat Minn Alla?
“RAJNA affarijiet strambi llum!” Iva, l-osservaturi baqgħu mpressjonati. Bniedem kważi pparalizzat għalkollox ġie mfejjaq quddiem għajnejhom stess. Dak li fejqu qal lir-raġel: “Qum u erfaʼ s-sodda żgħira tiegħek u itlaq lejn darek.” U r-raġel hekk għamel! Hu ma kienx għadu pparalizzat. Mhux taʼ b’xejn li dawk preżenti “bdew jigglorifikaw lil Alla”! (Luqa 5:18-26) Dan il-fejqan, imwettaq minn Ġesù Kristu kważi 2,000 sena ilu, jidher b’mod ċar ħafna li kellu l-approvazzjoni t’Alla.
Xi ngħidu għal-lum? Għadu fejqan mirakoluż possibiltà tajba għal dawk li ma jistgħu jsibu l-ebda kura medika? Ġesù wettaq mirakli taʼ fejqan. Il-faith healers illum isostnu li qegħdin jimitawh. Kif għandna nqisuhom id-dikjarazzjonijiet tagħhom?
Il-faith healing jiġi definit bħala “metodu li bih jittrattaw mardiet bit-talb u bl-eżerċitar taʼ fidi f’Alla.” L-Encyclopœdia Britannica tafferma: “L-istorja tal-faith healing fil-Kristjanità bdiet bil-ministeri persunali tal-għaġeb taʼ Ġesù u l-appostli.” Iva, Ġesù wettaq atti taʼ fejqan tal-għaġeb. Iwettqu l-faith healers tal-lum mirakli bħalma għamel hu?
Il-Fidi—Ħtieġa?
Skond Black’s Bible Dictionary, Ġesù “speċifika [l-fidi] bħala ħtieġa minn qabel għall-mirakli tiegħu taʼ fejqan.” Imma veru hekk kien? Esiġa Ġesù li l-marid ikollu l-fidi qabel ma kien ifejqu? It-tweġiba hija le. Il-fidi kienet meħtieġa min-naħa taʼ dak li jfejjaq imma mhux neċessarjament min-naħa tal-marid. Darba minnhom id-dixxipli taʼ Ġesù ma setgħux ifejqu tifel li kien itih tal-qamar. Ġesù ma setgħux ifejqu tifel li kien itih tal-qamar. Ġesù fejjaq lit-tifel u wara qal lid-dixxipli għala huma ma kinux kapaċi jfejquh. “Qalilhom: ‘Minħabba l-fidi ċkejkna tagħhom.’”—Mattew 17:14-20.
Skond Mattew 8:16, 17, Ġesù “fejjaq lil kulmin jinsab ħażin.” Veru, dawn in-nies ftit jew wisq kienu jemmnu f’Ġesù u dan ġagħalhom jersqu lejh. (Mattew 8:13; 9:22, 29) Fil-biċċa l-kbira tal-każi riedu jiġu jitolbuh qabel ma hu fejjaqhom. Madankollu, l-ebda stqarrija taʼ fidi ma kienet meħtieġa biex jiġi mwettaq il-miraklu. Darba minnhom Ġesù fejjaq raġel zopp li lanqas biss kien jaf min kien Ġesù. (Ġwann 5:5-9, 13) Fil-lejl tal-arrest tiegħu, Ġesù waħħal il-widna maqtugħa tal-qaddej tal-qassis il-kbir, għalkemm dan ir-raġel kien wieħed minn fost il grupp tal-għedewwa taʼ Ġesù li kienu ġew biex jarrestawh. (Luqa 22:50, 51) Tabilħaqq, xi kultant, Ġesù saħansitra qajjem il-mejtin!—Luqa 8:54, 55; Ġwann 11:43, 44.
Ġesù kif setaʼ jwettaq mirakli bħal dawn? Għaliex huwa straħ fuq l-ispirtu qaddis, jew il-forza attiva, t’Alla. Dan hu dak li għamel il-fejqan, mhux il-fidi tal-individwu marid. Jekk taqra r-rakkonti fil-Vanġeli, inti se tinnota wkoll li l-atti taʼ fejqan minn Ġesù ma ġewx imwettqin b’ħafna ċerimonji. Ma kien hemm ebda esibizzjoniżmu jew tqanqil taʼ emozzjonijiet. Barra minn hekk, kienet x’kienet il-marda, Ġesù qatt ma falla. Hu dejjem kellu suċċess, u qatt ma talab miżata.—Mattew 15:30, 31.
L-Atti Moderni taʼ Fejqan bħal Dawk taʼ Ġesù?
Il-mard huwa problemi terribbli, u meta jolqotna, naturalment aħna nfittxu serħan. Xi ngħidu, iżda, jekk ingħixu f’post fejn “in-nies, speċjalment dawk li ma tantx jistgħu jħallsu, jiġu ttrattati mill-professjonisti mediċi bħala affarijiet u mhux bħala bnedmin tad-demm u l-laħam”? Dik hija s-sitwazzjoni li osserva tabib f’pajjiż tal-Amerka Latina. U xi ngħidu jekk ingħixu f’post fejn, bħal dak l-istess pajjiż, ‘40 fil-mija biss tat-tobba huma kkwalifikati biex jippratikaw il-professjoni tagħhom’?
Mhux ħaġa tal-iskantament li ħafna, billi ma jaraw ebda triq oħra, jħarsu lejn il-faith healing bħala xi ħaġa li taʼ min għall-inqas jippruvaha. Iżda, l-atti taʼ fejqan li jsostnu li għamlu l-faith healers huma kontroversjali. Per eżempju, huwa stmat li 70,000 attendew laqgħa f’São Paulo, fil-Brażil, fejn żewġ healers ‘rifsu fuq mijiet taʼ nuċċalijiet tal-vista mitfugħin mill-udjenza, minn uħud li belgħu l-wegħda li l-vista tagħhom kienet se titfejjaq.’ Wieħed mill-healers ammetta onestament f’intervista: “Jien ma nistax ingħid li dawk il-morda kollha li nitolbu għalihom se jiġu mfejqin. Jiddependi fuq il-fidi tagħhom. Jekk wieħed jemmen, se jiġi mfejjaq.” Hu ta t-tort taʼ xi falliment taʼ fejqan lil nuqqas taʼ fidi min-naħa tal-marid. Ftakar iżda, kif rajna qabel, li Ġesù ta t-tort tal-falliment taʼ fejqan fuq in-nuqqas taʼ fidi taʼ dawk li kienu qegħdin ifejqu!
Healer ieħor wiegħed li jikkura l-kanċer u l-paraliżi. X’ġara? Skond ir-rivista Veja, “il-wegħda, evidentement, ma gietx imwettqa.” U agħti widen għall-mod kif ir-raġel ġab ruħu: “Għal kważi sagħtejn, [il-faith healer] żamm l-attenzjoni tal-udjenza bi priedki, talb, twerżieq, kant,—saħansitra daqqiet, bit-tir biex ikeċċi d-demonji li kienu jgħammru fl-iġsma tal-fidil. Fl-aħħar, hu waddab l-ingravata u l-maktur tiegħu lill-udjenza miblugħin u għadda plattina biex jiġbor ‘kontribuzzjonijiet volontarji.’” Ġesù u l-appostli tiegħu qatt ma ħadu sehem f’tijatrini bħal dawn.
Jidher ċar, allura, li faith healers moderni bħal dawn m’humiex qegħdin jagħmlu dak li għamel Ġesù. U huwa iebes biex tara li Alla kien se japprova dak li qegħdin jagħmlu. Japprova hu, iżda, xi fejqan mirakoluż il-lum? Jew hemm xi mod li bih il-fidi tagħna tistaʼ tgħinna meta aħna jew il-maħbubin tagħna nimirdu?