Kif il-Fidi Tistaʼ Tgħin lill-Morda
IR-RAKKONTI taʼ atti taʼ fejqan mirakoluż fil-Bibbja jassigurana li Alla huwa kkonċernat dwar il-ġid tagħna, u juru l-qawwa tiegħu li jfejjaq. Ladarba dan il-fejqan mirakoluż igglorifika lil Alla u ġab tant ferħ, huwa raġonevoli li tistaqsi, Il-għotja tal-fejqan mill-ispirtu qaddis għadha topera?
It-tweġiba għal dik il-mistoqsija hija le—u r-raġuni tistaʼ tissorprendi lil xi wħud. Dawk l-atti taʼ fejqan mirakoluż fl-ewwel seklu wettqu l-għanijiet tagħhom. The Illustrated Bible Dictionary jinnota b’mod korrett: “Il-għan tal-mirakli taʼ fejqan kien teoloġiku, mhux mediku.” X’kienu xi wħud mill-għanijiet teoloġiċi li qdew dawk il-mirakli?
L-ewwelnett, il-mirakli taʼ fejqan minn Ġesù servew il-għan li jidentifikawh bħala l-Messija. U wara mewtu, għenu biex jistabbilixxu li l-barka t’Alla kienet fuq il-kongregazzjoni Kristjana ġdida. (Mattew 11:2-6; Ebrej 2:3, 4) Barra minn hekk, urew li l-wegħda t’Alla biex ifejjaq lill-umanità fid-dinja ġdida se tiġi mwettqa. Jissodaw il-fidi tagħna li ż-żmien tassew se jiġi meta “ebda resident ma se jgħid: ‘Jien marid.’ In-nies li qegħdin igħammru fil-pajjiż se jkunu dawk maħfurin għall-iżball tagħhom.” (Isaija 33:24) Ladarba dawn il-għanijiet tal-ewwel seklu intlaħqu, il-mirakli ma kienx hemm iktar bżonnhom.
Taʼ min jinnota li d-dixxipli tal-ewwel seklu taʼ Ġesù nfushom sofrew minn nuqqasijiet taʼ saħħa li ma tfejqux b’mod mirakoluż. Din hija evidenza oħra li l-attività mirakoluża taʼ fejqan minn Ġesù kif ukoll dik mill-appostli kienet maħsuba biex tgħallem veritajiet importanti, mhux biex tipprovdi servizz mediku. Meta rrikkmanda terapija għall-attakki spiss taʼ mard taʼ Timotew, Pawlu ssuġġerixxa l-użu mediċinali tal-inbid, mhux faith healing. Pawlu, li wettaq mirakli taʼ fejqan, ma ħelisx mix-“xewka fil-laħam” li baqgħet ‘tagħtih bil-ħarta.’—2 Korintin 12:7; 1 Timotew 5:23.
Meta mietu l-appostli, il-għotja tal-fejqan spiċċat. Pawlu nnifsu indika li dan kellu jiġri. Billi xebbah lill-kongregazzjoni Kristjana maʼ tarbija, Pawlu qal: “Meta kont tarbija, kont nitkellem bħal tarbija, naħseb bħal tarbija, nirraġuna bħal tarbija; imma issa li sirt raġel, ħlist mix-xeħtiet taʼ tarbija.” Il-punt tat-tixbiha tiegħu kien li rigali mirakolużi tal-ispirtu kienu parti mit-tfulija tal-kongregazzjoni Kristjana. Kienu “x-xeħtiet taʼ tarbija.” B’hekk, huwa stqarr: “Dawn [il-għotjiet mirakolużi] se jispiċċaw.”—1 Korintin 13:8-11.
Tistaʼ l-Fidi Tgħinna Meta Nimirdu?
Madankollu, saħansitra jekk aħna ma nistriħux fuq il-faith healing, huwa ċertament xieraq li nitolbu lil Alla għall-għajnuna meta aħna nimirdu. U żgur li m’hemm xejn ħażin fit-talb taʼ oħrajn għalina. Imma t-talb irid ikun realistiku u fi qbil mar-rieda t’Alla. (1 Ġwann 5:14, 15) Imkien il-Bibbja ma tikkmandana biex nitolbu għal faith healing.a Minflok, nitolbu għall-appoġġ kollu mħabba minn Jehovah matul il-provi kkaġunati mill-mard.
Il-Bibbja turi dak li jistgħu jitolbu għalih dawk l-uħud leali meta jkunu morda meta tgħid: “Jehovah innifsu se jwieżnu fuq divan tal-mard; soddtu kollha int ċertament li se tbiddilha matul il-mard tiegħu.” (Salm 41:3) Il-meditazzjoni fuq il-Kelma t’Alla se tgħin lil dawk li jkunu qegħdin isofru minn mard emozzjonali. Is-salmista kiteb: “Il-qalb tajba bl-imħabba tiegħek stess, O Jehovah, baqgħet issostnini. Meta l-ħsibijiet li jinkwetawni saru ħafna ġewwa fija, il-konsolazzjonijiet tiegħek stess bdew imellsuli ruħi.”—Salm 94:18, 19; ara wkoll 63:6-8.
Flimkien maʼ dan, hemm bżonn li aħna nuru s-sens komun fi kwistjonijiet taʼ saħħa, u l-Bibbja tagħtina parir dwar dan. Huwa ferm aħjar li tgħix skond il-prinċipji tal-Bibbja milli taqbad tabbuża mid-drogi, mit-tipjip, mix-xorb żejjed, jew mill-ikel żejjed u mbagħad meta jiġi l-mard, b’disperazzjoni ddur lejn il-faith healing. Li wieħed jitlob għal xi miraklu meta taqbdu xi marda ma hu ebda sostitut għal kondotta għaqlija taʼ li taħrab minn marda li jistaʼ jiġi evitat, bħal li wieħed jiekol ikel nutrijenti jekk dan jistaʼ jinkiseb jew li jfittex għajnuna medika kkwalifikata fejn hu possibbli.
Il-Kelma t’Alla tinkuraġġina wkoll biex nikkultivaw attitudnijiet mentali taʼ saħħa tajba li jistgħu jkunu taʼ benefiċċju għas-saħħa fiżika tagħna. Il-ktieb taʼ Proverbji jagħti l-parir: “Qalb kalma hija l-ħajja tal-organiżmu tal-laħam, imma l-għira hi tmermir sal-għadam.” “Qalb li hi ferriħija tagħmel il-ġid bħala waħda li tfejjaq, imma spirtu li hu milqut inixxef lill-għadam.” (Proverbji 14:30; 17:22) Li nitolbu għall-ispirtu qaddis biex niżviluppaw il-kalma u l-ferħ ġo fina jistaʼ biss ikollu effetti tajbin fuq is-saħħa fiżika tagħna.—Filippin 4:6, 7.
Xi ngħidu għall-Faith Healing?
Naturalment, saħansitra jekk wieħed igħix ħajja f’saħħtu daqskemm tistaʼ tippermetti s-sitwazzjoni tiegħu, xorta waħda jistaʼ jiġi l-mard. Imbagħad x’jiġri? Hemm xi ħaġa ħażina f’li wieħed għand faith healer bit-tama li jiġi mfejjaq? Iva, hemm ħsara. Il-faith healers moderni rari jagħmlu xogħolhom bla ħlas. U li nonfqu l-flus għand faith healer meta dawk il-flus jistgħu jintefqu fuq għajnuna medika jistaʼ jiswielna bosta. Barra minn hekk, għalfejn tagħti l-flus lil individwi li japprofittaw irwieħom minn kemm in-nies jibilgħu kollox?
Xi wħud jistgħu jargumentaw: ‘Żgur li l-faith healing hu xi ftit jew wisq taʼ valur saħansitra jekk persentaġġ żgħir minn dawk li jmorru għand il-hekk imsejħin “healers” jiġu mfejqin.’ Imma għad hemm id-dubju jekk il-faith healers verament ifejqux lil xi ħadd b’mod permanenti. L-Encyclopœdia Britannica tagħraf il-fatt: “Relattivament ftit li xejn ġiet imwettqa riċerka kkontrollata dwar il-ħafna fatturi mhux magħrufin fil-faith healing.”
Saħansitra jekk numru żgħir jistaʼ jidher li jiġu mfejqin, dan m’huwiex evidenza li l-ispirtu qaddis qiegħed jopera. Fil-Priedka tal-Muntanja, Ġesù qal: “Ħafna se jgħiduli f’dak il-jum, ‘Mulej, Mulej, ma pprofetizzajniex f’ismek, u keċċejna demonji f’ismek, u wettaqna ħafna xogħlijiet taʼ qawwa f’ismek?’ U madankollu mbagħad jien se nistqarrilhom: Jien qatt ma kont nafkom! Morru ’l bogħod minni, intom ħaddiema taʼ bla liġi.” (Mattew 7:22, 23) Ġesù qal ukoll li ċerti wħud, għalkemm m’humiex approvati minn Alla, kellhom jiġbdu l-attenzjoni lejhom infushom permezz taʼ sinjali: “Għax Kristijiet foloz u profeti foloz se jqumu u se jagħtu sinjal kbar u għeġubijiet biex jiżżvijaw, jekk inhu possibbli, saħansitra lill-magħżulin.” (Mattew 24:24) Żgur li l-faith healers moderni jistgħu jiġu inklużi fl-applikar taʼ dawk il-kelmiet, bil-preżentazzjonijiet drammatiċi tagħhom, billi dejjem jitolbu għall-flus, u bl-atti taʼ fejqan mirakolużi li jsostnu li jagħmlu.
Uħud bħal dawn m’humiex qed isegwu fil-passi taʼ Ġesù. Lil min, allura, qegħdin isegwu dawn? L-appostlu Pawlu jagħtina indikazzjoni meta jgħid: “Satana nnifsu jibqaʼ jittrasforma lilu nnifsu f’anġlu tad-dawl. Mhix xi ħaġa kbira għalhekk jekk il-ministri tiegħu wkoll jibqgħu jittrasformaw lilhom infushom f’ministri taʼ tjieba. Imma t-tmiem tagħhom se jkun skond xogħlijiethom.” (2 Korintin 11:14, 15) Jekk il-faith healers ma jwettqux dan il-fejqan li jsostnu li jagħmlu, mela huma qarrieqa, li qegħdin isegwu t-trejqa taʼ Satana, “li qiegħed jiżżvija lill-art abitata kollha.” (Rivelazzjoni 12:9) Imma xi ngħidu jekk, fi ftit każi ’l hemm u ’l hawn, veru jwettqu fejqan? Ma jkunux qed iwettqu “xogħlijiet taʼ qawwa” bis-saħħa taʼ Satana u d-demonji tiegħu? Iva, bil-fors li hekk hu!
Il-Waqt taʼ Fejqan Reali
L-atti taʼ fejqan minn Ġesù ġew imwettqin bil-għajnuna tal-ispirtu qaddis t’Alla. Huma wrew il-għan tiegħu li jsolvi l-problemi kollha taʼ saħħa tal-bniedem fiż-żmien xieraq tiegħu. Jehovah iwiegħed “[i]l-fejqan tal-ġnus.” (Rivelazzjoni 22:2) U mhux biss se jfejjaq il-mard imma se jeqred il-mewt. Ġwanni jispjega li Ġesù ġie “sabiex kulmin qiegħed jeżerċita fidi fih jistaʼ ma jinqeridx imma jkollu l-ħajja taʼ dejjem.” (Ġwann 3:16) X’fejqan mill-aħjar dak se jkun! Ġesù se jerġaʼ jwettaq atti taʼ fejqan bħal dawk imniżżlin fil-Bibbja imma fuq skala bil-wisq akbar. Hu saħansitra se jirxoxta lill-mejtin! (Ġwann 5:28, 29) Meta se jiġri dan?
Fid-dinja ġdida t’Alla, li, skond l-evidenza kollha, hija tant qrib. Dik id-dinja l-ġdida, li se tiġi mdaħħla wara li l-ħażen taʼ din is-sistema taʼ affarijiet ikun ġie mneħħi għal dejjem, se tkun barka reali għall-bnedmin taʼ qalbhom sewwa. Se tkun dinja mingħajr tbatija. “[Alla] se jimsaħ kull demgħa minn għajnejhom, u l-mewt ma tkunx iżjed, u la l-għali u la l-biki u lanqas l-uġigħ ma jkunu iżjed. L-affarijiet taʼ qabel għaddew.” (Rivelazzjoni 21:4) X’kuntrast maʼ dak li qegħdin naraw illum!
Għalhekk, f’każijiet taʼ mard, itlob lil Alla għall-appoġġ. U kemm jekk marid kemm jekk b’saħħtek, itgħallem kif il-ħajja taʼ dejjem mingħajr mard tabilħaqq se tkun possibbli. Ibni l-fidi tiegħek f’din il-wegħda t’Alla taʼ min joqgħod fuqha billi tistudja l-ħafna referenzi li hemm dwarha fil-Bibbja. Tgħallem kif il-għan t’Alla f’dan ir-rigward qiegħed jersaq lejn it-twettieq tiegħu skond l-iskeda tiegħu. Ħa ma jkollok ebda dubju, għax il-Kelma t’Alla tiżżgurana: “Hu attwalment se jiblaʼ l-mewt għal dejjem, u l-Mulej Sovran Jehovah ċertament li se jimsaħ id-dmugħ mill-uċuħ kollha.”—Isaija 25:8.
[Noti taʼ taħt]
a Xi wħud jaħsbu li 1-kelmiet f’Ġakbu 5:14, 15 għandhom x’jaqsmu mal-faith healing. Imma 1-kuntest juri li Ġakbu hawn qiegħed jitkellem dwar mard spiritwali. (Ġakbu 5:15b, 16, 19, 20) Hu jagħti parir lill-individwi li saru dgħajfin fil-fidi biex isejħu lill-anzjani għall-għajnuna.
[Stampa f’paġna 6]
L-atti taʼ fejqan mirakoluż minn Ġesù wettqu l-għan tagħhom