Il-Qarrejja Tagħna Jistaqsu
Huwa l-Fejqan Mirakoluż Kollu Minn Alla?
M’hemm ebda dubju li Alla Ġeħova għandu l-qawwa li jfejjaq. Ukoll, m’hemm ebda dubju li hu jistaʼ jagħti din il-qawwa lill-aduraturi tiegħu. Per eżempju, matul iż-żmien taʼ l-appostli, il-fejqan mirakoluż kien fost l-għotjiet speċjali taʼ l-ispirtu qaddis tiegħu. L-appostlu Pawlu jikteb: “Il-manifestazzjoni taʼ l-ispirtu tingħata lil kull wieħed għal skop siewi. Per eżempju, wieħed jingħata kliem t’għerf permezz taʼ l-ispirtu, . . . ieħor għotjiet taʼ fejqan permezz taʼ dan l-ispirtu wieħed, . . . ieħor ipprofetizzar, . . . ieħor ilsna differenti.”—1 Korintin 12:4-11.
Madankollu, Pawlu kiteb ukoll f’din l-istess ittra lill-Korintin li l-għotjiet mirakolużi taʼ l-ispirtu qaddis t’Alla kienu se jispiċċaw. Hu qal: “Jekk hemm l-għotjiet taʼ l-ipprofetizzar, dawn se jinġiebu fix-xejn; jekk hemm l-ilsna, dawn se jieqfu; jekk hemm l-għarfien, dan se jinġieb fix-xejn.”—1 Korintin 13:8.
Matul l-ewwel seklu, Ġesù Kristu u l-appostli tiegħu wettqu fejqan mirakoluż. F’dan iż-żmien taʼ l-istorja Kristjana, l-għotjiet taʼ l-ispirtu, inkluż l-abbiltà li jfejqu, kienu għall-glorja t’Alla u kienu sinjal taʼ l-approvazzjoni u l-barka taʼ Ġeħova fuq il-kongregazzjoni Kristjana li kienet għadha kif ġiet stabbilita. Imma ladarba l-kongregazzjoni Kristjana immaturat jew saret stabbilita għalkollox, minflok ma ffokat fuq għotjiet speċjali bħala evidenza taʼ l-approvazzjoni t’Alla, hi kienet se tiffoka fuq it-turija taʼ fidi, tama, u mħabba li ma jitħarrkux. (Ġwanni 13:35; 1 Korintin 13:13) Għalhekk, madwar is-sena 100 E.K., il-fejqan mirakoluż ma baqax isir bħala sinjal taʼ l-approvazzjoni t’Alla.a
Madankollu, għandek mnejn tistaqsi, ‘Għala għadni nismaʼ rapporti dwar fejqan mirakoluż?’ Per eżempju, rapport f’gazzetta waħda kien jitkellem dwar raġel li kien jingħad li kellu l-kanċer. Hu kellu tumuri f’rasu, fil-kliewi, u saħansitra ’l ġewwa ħafna f’għadmu. Il-futur tiegħu deher ikrah sakemm wasal il-jum li fih Alla “kellmu.” Ir-rapport qal li ftit jiem wara l-kanċer tiegħu sparixxa.
Meta tiġi ffaċċjat bi storja bħal din, għala ma tistaqsix lilek innifsek: ‘Huwa r-rapport ibbażat fuq il-fatti? Hemm evidenza klinika dokumentata biex tappoġġa din l-istqarrija? U anki jekk jidher li kien hemm fejqan, tgħallem il-Bibbja li Alla huwa responsabbli għal kull ġrajja li fiha jidher li seħħ fejqan mirakoluż?’
It-tweġiba għal din l-aħħar mistoqsija hija importanti b’mod partikulari. Ġesù wissa lis-segwaċi tiegħu: “Ħarsu ruħkom mill-profeti foloz . . . Ħafna jgħiduli f’dak il-jum, ‘Mulej, Mulej, mhux f’ismek ipprofetizzajna, u mhux f’ismek keċċejna d-demonji, u mhux f’ismek wettaqna ħafna għemejjel setgħanin [mirakli]?’ Imbagħad nistqarrilhom: Jien qatt ma kont nafkom! Itilqu minn quddiemi, intom li tiksru l-liġi.”—Mattew 7:15, 21-23.
Jidher ċar li l-hekk imsejjaħ fejqan mirakoluż jistaʼ ma jiġix minn Alla imma minn sors ieħor. Biex nevitaw li niġu mqarrqin minn dawk li jisħqu li jagħmlu l-mirakli f’isem Alla, għandna bżonn niksbu għarfien eżatt dwar Alla, nużaw l-abbiltà li tana Alla biex nirraġunaw, u nitgħallmu kif nidentifikaw lil dawk li qed jagħmlu r-rieda tiegħu.—Mattew 7:16-19; Ġwanni 17:3; Rumani 12:1, 2.
[Nota taʼ taħt]
a Milli jidher, mal-mewt taʼ l-appostli ma baqgħux jingħataw l-għotjiet, u l-għotjiet mirakolużi taʼ l-ispirtu waqfu għalkollox meta mietu dawk li kienu rċivewhom.