Ix-Xibka l-Kbira u l-Ħut X’Ifissru Għalik?
“Lilkom hu mogħti li tifhmu s-sigrieti sagri tas-saltna tas-smewwiet.”—MATTEW 13:11.
1, 2. Għala nistgħu nkunu interessati fit-tixbihat taʼ Ġesù?
TIEĦU gost int tkun taf xi siġriet jew issolvi xi taħbila tal-moħħ? Xi ngħidu jekk li tagħmel hekk igħinek tara iktar ċar il-parti tiegħek fil-għan t’Alla? B’ferħ, int tistaʼ tikseb dehen ipprivileġġat bħal dan permezz taʼ tixbieha li Ġesù ta. Din ħawdet lil ħafna li semgħuha u fixklet lil oħrajn bla għadd minn dak in-nhar ‘il hawn, imma int tistaʼ tifhimha.
2 Innota x’qal Ġesù f’Mattew kapitlu 13 dwar l-użu tiegħu taʼ tixbihat. Id-dixxipli tiegħu staqsew: “Għala hu li tkellimhom bl-użu tat-tixbihat?” (Mattew 13:10) Iva, Ġesù għala uża tixbihat li l-biċċa l-kbira tan-nies ma kellhomx jifhmahom? Hu wieġeb fil-versi 11 sa 13: “Lilkom hu mogħti li tifhmu s-sigrieti sagri tas-saltna tas-smewwiet, imma lil dawk in-nies mhux mogħti.... Dan hu għala nkellimhom bl-użu tat-tixbihat, għaliex, waqt li jħarsu, iħarsu għal xejn, u waqt li jisimgħu, jisimgħu għal xejn, lanqas ma jieħdu s-sens tiegħu.”
3. Li nifhmu t-tixbihat taʼ Ġesù kif jistaʼ jġibilna l-benefiċċJi?
3 Ġesù mbagħad applika Isaija 6:9, 10, li ddeskriva poplu li kienu spiritwalment torox u għamjin. Aħna, iżda, m’għandniex għalfejn inkunu hekk. Jekk nifhmu u naġixxu fuq it-tixbihat tiegħu, nistgħu nkunu ferħanin ferm—issa u fil-futur bla tmiem. Ġesù joffrilna din l-assigurazzjoni kordjali: “Henjin għajnejkom għaliex jilmħu, u widnejkom għaliex jisimgħu.” (Mattew 13:16) Dik l-assigurazzjoni tkopri t-tixbihat kollha taʼ Ġesù, imma ejjew niffokaw fuq il-parabbola qasira tax-xibka kbira, miktuba f’Mattew 13:47-50.
Tixbieha b’Tifsira Profonda
4. Ġesù x’irrakkonta bl-użu taʼ tixbieha, kif insibu f’Mattew 13:47-50?
4 “Is-saltna tas-smewwiet hi bħal xibka kbira mitfugħa fil-baħar u tiġbor ħut taʼ kull xorta. Meta mtliet tellgħuha fuq ix-xtajta u, waqt li qagħdu bil-qiegħda, ġabru l-uħud mill-aħjar f’reċipjenti, imma dawk li m’humiex tajbin tefgħuhom lil hemm. Hekk se jkun fil-konklużjoni tas-sistema taʼ affarijiet: l-anġli se joħorgu u jifirdu lil uħud mill-agħar minn fost it-twajbin u se jixħtuhom fil-forn tan-nar. Hemm hu fejn il-biki tagħhom u t-theżhiż taʼ snienhom se jkun.”
5. Liema xorta taʼ mistoqsijiet iqumu inkwantu għat-tifsira tal-parabbola tax-xibka l-kbira?
5 Int x’aktarx li rajt nies jistadu b’xibka, tal-inqas f’xi film jew fuq it-televiżjoni, u għalhekk il-parabbola taʼ Ġesù mhix diffiċli biex timmaġinaha. Imma xi ngħidu dwar id-dettalji u t-tifsira? Per eżempju, Ġesù qal li din it-tixbieha hi dwar “is-saltna tas-smewwiet.” Madankollu, żgur li ma riedx ifisser li “kull xorta” taʼ persuna, kemm dawk li huma mill-aħjar u kemm dawk li m’humiex tajbin, jew huma mill-agħar, se jkunu fis-Saltna. Ukoll, min huma dawk li jistadu? Dan is-sajd u tifrid sar fi żmien Ġesù, jew jistaʼ jkun illimitat għal żmienna, “il-konklużjoni tas-sistema taʼ affarijiet”? Tara int lilek innifsek f’din il-parabbola? Kif tistaʼ tevita li tispiċċa fost dawk li jibku u jheżhżu snienhom?
6. (a) Għala għandna nkunu interessati b’mod ħerqan f’li nifhmu l-parabbola tax-xibka l-kbira? (b) Liema ħaġa sservi taʼ muftieħ biex nifhmuha?
6 Mistoqsijiet bħal dawn juru li din it-tixbieha mhix sempliċi wara kollox. Tinsiex, iżda: “Henjin għajnejkom għaliex jilmħu, u widnejkom għaliex jisimgħu.” Ejjew naraw jekk nistgħux nidħlu fil-fond tat-tifsir tagħha sabiex widnejna ma jkunux ma jweġbux u għajnejna ma jingħalqux għall-importanza tagħha. Attwalment, diġà għandna ħjiel vitali biex insiru nafu t-tifsir tagħha. L-artiklu taʼ qabel qalilna kif Ġesù stieden lil sajjieda Galilej biex jitilqu dak ix-xogħol u jaqbdu xogħol spiritwali bħala “sajjieda tal-bnedmin.” (Mark 1:17) Qalilhom: “Minn issa ’l quddiem int se taqbad nies ħajjin.”−Luqa 5:10.
7. Ġesù x’kien qiegħed juri b’tixbieha meta tkellem dwar il-ħut?
7 Fi qbil maʼ dak, f’din il-parabbola l-ħut jirrappreżentaw lill-bnedmin. Għalhekk, meta vers 49 jitkellem dwar it-tifrid taʼ dawk li huma mill-agħar minn dawk li huma twajbin, jirreferi, mhux għal ħlejjaq tal-baħar twajbin jew mill-agħar, imma għal nies li huma twajbin jew mill-agħar. Bl-istess mod, vers 50 m’għandux iġagħalna naħsbu dwar annimali tal-baħar li jibku jew jheżhżu snienhom. Le. Din il-parabbola hija dwar il-ġbir taʼ bnedmin u t-tifrid tagħhom taʼ iktar tard, li hu serju ferm, bħalma juri r-riżultat.
8. (a) X’nistgħu nitgħallmu inkwantu għar-riżultat għall-ħut mhux xieraq? (b) Minħabba dak li ntqal dwar ħut mhux xieraq, x’nistgħu nikkonkludu rigward is-Saltna?
8 Innota li l-ħut mhux tajjeb, jiġifieri, dawk mill-agħar, se jiġu mitfugħin fil-forn tan-nar, fejn se jkollhom ilbku u jheżhżu snienhom. X’imkien ieħor Ġesù rabat biki u theżhiż bħal dan maʼ li wieħed ikun barra mis-Saltna. (Mattew 8:12; 13:41, 42) F’Mattew 6:22 u 18:9, hu saħansitra semma “Geħenna tan-nar,” billi rrefera għal qerda permanenti. Ma jurix dan kemm huwa vitali li nieħdu t-tifsir taʼ din it-tixbieha u li naġixxu fuqu? Ilkoll kemm aħna nafu li la hemm u lanqas se jkun hemm uħud mill-agħar fis-Saltna t’Alla. Għalhekk, meta Ġesù qal li “s-saltna tas-smewwiet hi bħal xibka kbira,” hu bil-fors li ried ifisser li f’konnessjoni mas-Saltna t’Alla, hemm karatteristika bħal xibka li titniżżel biex tiġbor diversi kwalitajiet taʼ ħut.
9. L-anġli kif inhuma involuti fit-tixbieha tax-xibka l-kbira?
9 Wara li x-xibka l-kbira ġiet imniżżla u l-ħut inġabar, kellu jkun hemm xogħol taʼ tifrid. Ġesù min qal li kienu involuti? Mattew 13:49 identifika lil dawn is-sajjieda li jifirdu bħala anġli. Mela Ġesù kien qed igħidilna dwar indokrar anġeliku taʼ strument fuq l-art li huwa wżat biex jidentifika lin-nies—xi wħud mill-aħjar u xierqa għas-Saltna tas-sema, oħrajn jagħtu prova li m’humiex xierqa għal dik is-sejħa.
Is-Sajd—Meta?
10. B’liema raġunar nistgħu niddeterminaw li s-sajd estenda fuq perijodu konsiderevoli taʼ żmien?
10 Il-kuntest igħinna nsibu dan meta japplika. Eżatt qabel dan, Ġesù ta tixbieha dwar iż-żrigħ taʼ żerriegħa mill-aħjar, imma mbagħad ħaxix ħażin ġie miżrugħ fuqha fil-għalqa, li tagħti stampa tad-dinja. Hu spjega f’Mattew 13:38 li ż-żerriegħa mill-aħjar kienet tirrappreżenta lil “[u]lied is-saltna; imma l-ħaxix ħażin huma wlied il-wieħed mill-agħar.” Dawn kibru ħdejn xulxin għal ħafna sekli, sal-ħsad fil-konklużjoni tas-sistema taʼ affarijiet. Imbagħad il-ħaxix ħażin ġie mifrud u wara ġie maħruq. Billi nqabblu dan mat-tixbieha tax-xibka l-kbira, naraw li d-dħul taʼ ħlejjaq fix-xibka kellu jestendi għal perijodu twil taʼ żmien.—Mattew 13:36-43.
11. Ħidma taʼ sajd internazzjonali kif bdiet fl-ewwel seklu?
11 Skond il-parabbola taʼ Ġesù, il-ħut kellu jiġi miġbur mingħajr diskriminazzjoni, jiġifieri, ix-xibka l-kbira ġabret kemm ħut mill-aħjar u kemm ħut mhux tajjeb. Waqt li l-appostli kienu ħajjin, l-anġli li ggwidaw is-sajd użaw l-organizzazzjoni Kristjana t’Alla biex jaqbdu “ħut” li saru Kristjani midlukin. Tistaʼ tgħid li qabel Pentekoste tas-sena 33 E.K., is-sajd taʼ Ġesù għan-nies ġabar madwar 120 dixxiplu. (Atti 1:15) Imma ladarba l-kongregazzjoni taʼ Kristjani midlukin kienet stabbilita, is-sajd bix-xibka l-kbira bħala strument beda, u eluf taʼ ħut mill-aħjar inqabdu. Mis-sena 36 E.K., is-sajd infirex b’mod estensiv f’ibħra internazzjonali, hekk kif il-Ġentili nġibdu lejn il-Kristjanità u saru membri tal-kongregazzjoni midluka taʼ Kristu.—Atti 10:1, 2, 23-48.
12. Xi żviluppa wara l-mewt tal-appostli?
12 Fis-sekli taʼ wara li l-appostli ħallew ix-xena, kompla jkun hemm xi Kristjani leali li stinkaw biex isibu u jżommu l-verità divina. Għall-inqas xi wħud minn dawn kellhom l-approvazzjoni t’Alla, u hu dilikhom bi spirtu qaddis. Xorta waħda, il-mewt tal-appostli neħħiet influwenza taʼ trażżin, billi ħalliet tiżżviluppa apostasija mxerrda maʼ kullimkien. (2 Tessalonkin 2:7, 8) Kibret organizzazzjoni li mingħajr ma jistħoqqilha stqarret li kienet il-kongregazzjoni t’Alla. Hi sostniet b’mod falz li kienet il-ġens qaddis midluk bl-ispirtu t’Alla biex jaħkem maʼ Ġesù.
13. Għala jistaʼ jingħad li l-Kristjaneżmu kellu rwol fil-ħidma tax-xibka l-kbira?
13 Taħseb int li sostenituri m’humiex leali tal-Kristjanità kellhom xi parti fit-tixbieha tax-xibka l-kbira? Sewwa, hemm raġuni biex inwieġbu, iva, kellhom. Ix-xibka l-kbira simbolika inkludiet lill-Kristjaneżmu. Veru, għal sekli sħaħ il-Knisja Kattolika ppruvat iż-żomm il-Bibbja milli tkun għand in-nies komuni. Madankollu, matul is-sekli membri tal-Kristjaneżmu kellhom parti kbira f’li jittraduċu, jikkopjaw, u jqassmu l-Kelma t’Alla. Knejjes iktar tard ifformaw jew appoġġjaw lil soċjetajiet tal-Bibbja, li ttraduċew il-Bibbja fil-lingwi nazzjonali taʼ pajjiżi mbegħdin. Huma wkoll bagħtu missjunarji mediċi u għalliema, li fformaw Kristjani tal-isem. Dan ġabar numru kbir ħafna taʼ ħut mhux tajjeb, li ma kellhomx l-approvazzjoni t’Alla. Imma tal-inqas espona miljuni taʼ wħud li m’humiex Kristjani għall-Bibbja u għal għamla taʼ Kristjanità, għalkemm korrotta.
14. Is-sajd għal ħut mill-aħjar kif kien imgħejjun minn xi xogħol magħmul mill-knejjes tal-Kristjaneżmu?
14 Sadanittant, l-uħud leali mxerrdin li żammew mal-Kelma t’Alla stinkaw kemm felħu. Fi kwalunkwe żmien, huma fformaw il-vera kongregazzjoni midluka t’Alla fuq l-art. U nistgħu nkunu żguri li huma wkoll kienu qed jaqbdu l-ħut, jew nies, li ħafna minnhom Alla kellu jqishom bħala mill-aħjar u kellu jidlikhom bl-ispirtu tiegħu. (Rumani 8:14-17) Dawn is-sostenituri mill-aħjar tal-Kristjanità kellhom il-ħila jġibu l-verità u l-fehma tal-Bibbja għand ħafna li kienu saru Kristjani tal-isem jew li kienu kisbu għarfien limitat tal-Bibbja mill-Iskrittura tradotta fil-lingwi tagħhom minn soċjetajiet Bibliċi tal-Kristjaneżmu. Veru, il-ġbir taʼ ħut mill-aħjar kien qed isir, għalkemm il-biċċa l-kbira minn dawk li kienu qed jinġabru mill-Kristjaneżmu ma kinux tajbin min-naħa t’Alla.
15. B’mod dirett, x’inhu rrappreżentat mix-xibka l-kbira tal-parabbola?
15 Mela x-xibka l-kbira tirrappreżenta strument dinji li jsostni li hu l-kongregazzjoni t’Alla u li jiġbor il-ħut. Inkluda kemm lill-Kristjaneżmu u kemm lill-kongregazzjoni taʼ Kristjani midlukin, billi dawn tal-aħħar komplew jiġbru ħut mill-aħjar, taħt il-gwida inviżibbli tal-anġli, fi qbil maʼ Mattew 13:49.
Iż-Żmien Tagħna Hu Speċjali
16, 17. Iż-żmien li ngħixu fih aħna għala hu daqshekk importanti fit-twettieq tat-tixbieha taʼ Ġesù dwar ix-xibka l-kbira?
16 Ejjew issa nikkunsidraw l-element taż-żmien. Għal sekli sħaħ l-istrument tax-xibka l-kbira ġabar ħut mill-aħjar kif ukoll ħafna wħud li m’humiex tajbin, jew huma mill-agħar. Imbagħad ġie ż-żmien meta l-anġli ġew involuti f’li jagħmlu xogħol kruċjali taʼ tifrid. Meta? Sewwa, vers 49 igħid b’mod ċar li dan hu matul “il-konklużjoni tas-sistema taʼ affarijiet.” Dan jaqbel maʼ dak li Ġesù qal fit-tixbieha tan-ngħag u l-mogħoż: “Meta Bin il-bniedem jasal fil-glorja tiegħu, u l-anġli kollha miegħu, imbagħad se joqgħod bil-qiegħda fuq it-tron glorjuż tiegħu. U l-ġnus kollha se jinġabru quddiemu, u hu se jifred lin-nies wieħed mill-ieħor, sewwa sew bħalma ragħaj jifred in-ngħaġ mill-mogħoż.”—Mattew 25:31, 32.
17 Għalhekk, fi qbil maʼ Mattew 13:47-50, xogħol kruċjali taʼ tifrid taħt il-gwida tal-anġli ilu sejjer minn mindu l-“konklużjoni tas-sistema taʼ affarijiet” bdiet fl-1914. Dan sar evidenti b’mod partikulari wara l-1919, meta l-fdal taʼ wħud midlukin ġew meħlusin minn jasar, jew stat taʼ rsir, temporanju u saru strument iktar effettiv biex iwettqu x-xogħol taʼ sajd.
18. Il-ħut mill-aħjar kif ġie miġbur f’reċipjenti?
18 X’kellu jiġrilu l-ħut mill-aħjar mifrud? Vers 48 igħid li l-anġli li huma sajjieda u li jagħmlu x-xogħol taʼ separazzjoni “ġabru l-[ħut] mill-aħjar f’reċipjenti, imma dawk li m’humiex tajbin tefgħuhom lil hemm.” Ir-reċipjenti huma kaxxi protettivi li fihom jitpoġġa l-ħut mill-aħjar. Ġara dan fi żmienna? Dażgur li ġara. Hekk kif ħut mill-aħjar simboliku ġie maqbud ħaj, huma ġew miġburin f’kongregazzjonijiet taʼ Kristjani veri. Dawn il-kongregazzjonijiet bħal reċipjenti għenu biex jipproteġuhom u jirriservawhom għal servizz divin, ma taqblux intom? Xorta waħda, xi ħadd jistaʼ jaħseb, ‘Kollox sew, imma x’għandha x’taqsam mal-ħajja preżenti tiegħi u mal-futur tiegħi?’
19, 20. (a) Għala huwa vitali llum li nieħdu s-sens taʼ din il-parabbola? (b) Liema xogħol importanti taʼ sajd sar mill-1919 ’il hawn?
19 It-twettieq taʼ dak li hawn ġie mxebbah ma kienx limitat għas-sekli taʼ bejn żmien l-appostli u l-1914. Matul dak il-perijodu, l-istrument tax-xibka l-kbira ġabar kemm lil dawk li b’mod falz kienu jgħidu li huma Kristjani u kemm lil dawk li kienu jgħidu dan bil-verità. Iva, kien qed jiġbor ħut mhux tajjeb u ħut mill-aħjar. Iktar minn hekk, ix-xogħol taʼ tifrid li sar mill-anġli ma spiċċax lura madwar l-1919. Le, tabilħaqq. F’ċerti aspetti din it-tixbieha tax-xibka l-kbira tapplika dritt sa żmienna. Aħna involuti u hekk hu l-futur immedjat tagħna. Huwa taʼ bil-fors għalina li nifhmu kif u għala dak hu hekk jekk irridu li dan il-kliem jiddeskrivina: “Henjin huma għajnejkom għaliex jilmħu, u widnejkom għaliex jisimgħu” bil-fehma.—Mattew 13:16.
20 Int x’aktarx taf li wara l-1919 il-fdal mid-lukin tawha b’ruħhom u b’ġisimhom għax-xogħol taʼ ppridkar f’koperazzjoni mal-anġli, li komplew jużaw ix-xibka l-kbira simbolika biex itellgħu l-ħut fuq ix-xatt, biex jifirdu lil dawk mill-aħjar minn dawk li m’humiex tajbin. Statistiċi minn dak il-perijodu juru li l-qabda taʼ ħut mill-aħjar biex jiġu midlukin bl-ispirtu t’Alla kompliet hekk kif l-aħħar uħud mill-144,000 ġew miġburin mix-xibka simbolika. (Rivelazzjoni 7:1-4) Imma sa nofs is-snin tletin, il-ġbir taʼ ħut mill-aħjar biex jiġu midlukin bl-ispirtu qaddis bażikament spiċċa. Kienet il-kongregazzjoni tal-fdal midlukin f’dak iż-żmien se tarmi x-xibka, bħal li kieku, u huma sempliċement jitgħażżnu, jistennew il-premju tagħhom fis-sema? Xejn affattu!
L-Involviment Tiegħek fis-Sajd
21. Liema sajd ieħor seħħ fi żmienna? (Luqa 23:43)
21 It-tixbieha taʼ Ġesù dwar ix-xibka l-kbira ffokat fuq ħut mill-aħjar li kellhom jiġu ppremjati b’post fis-Saltna tas-smewwiet. Madankollu, minbarra dik it-tixbieha, hemm sajd simboliku ieħor li qed isir fuq skala vasta, saħansitra bħalma ġie muri fl-artiklu taʼ qabel. Dan is-sajd hu, mhux għall-ħut mill-aħjar u midluk imsemmi fit-tixbieha taʼ Ġesù, imma għal ħut simboliku li jrid jinqabad ħaj u jingħata t-tama meraviljuża taʼ ħajja fuq art magħmula ġenna.—Rivelazzjoni 7:9, 10; qabbel Mattew 25:31-46.
22. Liema riżultat hieni nistgħu nesperjenzaw, u x’inhi l-alternattiva?
22 Jekk int għandek dik it-tama, allura tistaʼ tifraħ li Jehovah ippermetta li xogħol taʼ sajd li jsalva l-ħajja jkompli sejjer s’issa. Dan għamilha possibbli għalik biex tikseb prospett meraviljuż. Prospett? Iva, dik hija l-kelma xierqa li għandna nużaw, ladarba r-riżultat se jkun fi qbil mal-fedeltà kontinwa tagħna lejn il-Wieħed li qed jidderieġi l-isforz taʼ sajd li qed isir. (Sofonija 2:3) Ftakar mit-tixbieha li mhux il-ħut kollu mtellaʼ mixxibka l-kbira jġarrab riżultat favorevoli. Ġesù qal li l-uħud li m’humiex tajbin, jew huma mill-agħar, se jiġu mifrudin mit-twajbin. Għal liema għan? F’Mattew 13:50, Ġesù ddeskriva l-konsegwenza serja għall-ħut mhux tajjeb, jew mill-agħar. Dawn se jiġu mitfugħin fil-forn tan-nar, li jfisser qerda għal dejjem.—Rivelazzjoni 21:8.
23. X’inhu li jagħmel lix-xogħol tas-sajd illum daqshekk importanti?
23 Għall-ħut mill-aħjar midlukin, kif ukoll għall-ħut simboliku li jistgħu jgħixu għal dejjem fuq l-art, hemm futur glorjuż. B’raġuni tajba, allura, l-anġli qed jaċċertaw ruħhom li eżatt issa ħidma taʼ sajd b’suċċess qed titwettaq madwar il-globu. U x’qabda qed issir! Tagħmel tajjeb jekk tgħid li fil-mod tagħha din hija qabda daqstant mirakoluża daqs dik tal-ħut litterali li gawdew l-appostli meta tefgħu x-xbieki tagħhom kif kien qalilhom Ġesù.
24. X’għandna nkunu rridu li nagħmlu dwar is-sajd spiritwali?
24 Qiegħed int ikollok sehem attiv kemm jistaʼ jkun f’dan ix-xogħol li jsalva l-ħajja taʼ sajd spiritwali? Kien kemm kien estensiv is-sehem individwali tagħna sa dan iż-żmien, kull wieħed minna jistaʼ jiggwadannja billi jħares lejn dak li qed jiġi mwettaq globalment fix-xogħol grandjuż taʼ sajd u li jsalva l-ħajja li qed isir issa. Li nagħmlu dan għandu jistimulana għal żelu saħansitra akbar f’li nitfgħu x-xbieki għal qabda fil-jiem li ġejjin!—Qabbel Mattew 13:23; 1 Tessalonkin 4:1.
Tiftakarhom Dawn il-Punti?
◻ X’inhu rrappreżentat miż-żewġ tipi taʼ ħut fil-parabbola taʼ Ġesù dwar ix-xibka l-kbira?
◻ Il-knejjes tal-Kristianeżmu f’liema sens kienu involuti fil-ħidma tax-xibka l-kbira?
◻ Is-sajd li qiegħed isir fi żmienna għala hu daqshekk kritiku?
◻ Il-parabola tax-xibika l-kbira għandha tmexxi lil kull wieħed minna biex jagħmel liema xorta taʼ analiżi fuqu nnifsu?