Ma Tafx Liema Tinbet!
“Iżraʼ fil-għodu ż-żerriegħa tiegħek, u tagħtix mistrieħ lil idek fil-għaxija, għax ma tafx liema tinbet.”—KOĦ. 11:6.
1. Aħna għala nistagħġbu u nħossuna umli meta naraw b’għajnejna l-proċess tat-tkabbir?
BIDWI jeħtieġ li jkun paċenzjuż. (Ġak. 5:7) Wara li jiżraʼ ż-żerriegħa, hu jrid jistennieha biex tinbet u tikber. Meta l-kundizzjonijiet ikunu favorevoli, bil-mod il-mod tibda tisponta. Imbagħad dawn iż-żrieragħ isiru xtieli li minnhom joħroġ is-sbul. Maż-żmien, il-bidwi jkollu għalqa lesta għall-ħsad. Kemm hu taʼ l-għaġeb li naraw b’għajnejna l-miraklu tat-tkabbir! Ukoll, kemm inħossuna umli meta nirrealizzaw min hu s-Sors taʼ dan it-tkabbir! Aħna nistgħu nikkultivaw iż-żerriegħa. Nistgħu ngħinu fit-tisqija tagħha. Imma Alla biss jistaʼ jkabbarha.—Qabbel l-1 Korintin 3:6.
2. Ġesù x’punti għallem dwar it-tkabbir spiritwali fit-tixbihat li kkunsidrajna fl-artiklu taʼ qabel?
2 Kif issemma fl-artiklu taʼ qabel, Ġesù xebbah ix-xogħol taʼ l-ippridkar tas-Saltna mal-fatt li bidwi jiżraʼ ż-żerriegħa. Fit-tixbiha tat-tipi differenti taʼ ħamrija, Ġesù enfasizza li, għalkemm il-bidwi jiżraʼ żerriegħa tajba, tkun il-kundizzjoni tal-qalb taʼ individwu li tiddetermina jekk iż-żerriegħa timmaturax jew le. (Mk. 4:3-9) Fit-tixbiha taż-żerriegħ li jorqod, Ġesù enfasizza li l-bidwi ma jifhimx bis-sħiħ il-proċess tat-tkabbir. Dan jiġri minħabba li t-tkabbir isir bil-qawwa t’Alla, mhux bl-isforzi tal-bniedem. (Mk. 4:26-29) Ejja issa nikkunsidraw tlieta oħra mit-tixbihat taʼ Ġesù—dik taż-żerriegħa tal-mustarda, tal-ħmira, u tax-xibka l-kbira.a
It-Tixbiha taż-Żerriegħa tal-Mustarda
3, 4. It-tixbiha taż-żerriegħa tal-mustarda liema aspetti tenfasizza dwar il-messaġġ tas-Saltna?
3 It-tixbiha taż-żerriegħa tal-mustarda, imniżżla wkoll f’Marku kapitlu 4, tenfasizza żewġ affarijiet: l-ewwel, it-tkabbir taʼ l-għaġeb tal-messaġġ tas-Saltna; it-tieni, il-protezzjoni li tingħata lil dawk li jaċċettaw il-messaġġ. Ġesù qal: “Maʼ liema ħaġa nxebbhuha s-saltna t’Alla, jew b’liema tixbiha nfissruha? Hi bħal żerriegħa tal-mustarda, li meta nżergħet fl-art kienet l-iżgħar miż-żrieragħ kollha li hawn fuq l-art—imma wara li tinżeraʼ, titlaʼ u ssir akbar mill-ħxejjex l-oħrajn kollha u tipproduċi friegħi kbar, tant li l-għasafar tas-sema jkunu jistgħu joqogħdu għad-dell tagħha.”—Mk. 4:30-32.
4 Hawnhekk ningħataw stampa tat-tkabbir tas-“saltna t’Alla” kif intwera mit-tixrid tal-messaġġ tas-Saltna u mit-tkabbir tal-kongregazzjoni Kristjana minn Pentekoste tas-sena 33.E.K. ’l quddiem. Iż-żerriegħa tal-mustarda hija waħda ċkejkna li tistaʼ tirrappreżenta xi ħaġa żgħira ħafna. (Qabbel Luqa 17:6.) Iżda maż-żmien, xitla tal-mustarda tistaʼ titwal minn 3 sa 5 metri u jkollha zkuk b’saħħithom, u b’hekk tistaʼ kważi ssir siġra.—Mt. 13:31, 32.
5. Liema tkabbir rat il-kongregazzjoni Kristjana taʼ l-ewwel seklu?
5 It-tkabbir tal-kongregazzjoni Kristjana kellu bidu żgħir fis-sena 33 E.K. meta xi 120 dixxiplu ġew midlukin bl-ispirtu qaddis. F’perijodu taʼ żmien kemxejn qasir, din il-kongregazzjoni ċkejkna taʼ dixxipli bdiet tinkludi eluf taʼ wħud li emmnu. (Aqra Atti 2:41; 4:4; 5:28; 6:7; 12:24; 19:20.) Fi tletin sena, l-għadd taʼ ħaddiema tal-ħsad tant kien kiber li l-appostlu Pawlu setaʼ jgħid lill-kongregazzjoni f’Kolossi li l-aħbar tajba kienet diġà ġiet “pridkata fil-ħolqien kollu li hu taħt is-sema.” (Kol. 1:23) Xi tkabbir spettakolari!
6, 7. (a) Liema tkabbir seħħ mill-1914 ’l hawn? (b) Liema tkabbir ieħor se jseħħ?
6 Minn meta s-Saltna t’Alla ġiet stabbilita fis-sema fl-1914, il-friegħi tas-“siġra” tal-mustarda kibru iktar minn kemm kien mistenni. Il-poplu t’Alla ra t-twettiq letterali tal-profezija li Isaija niżżel bil-miktub: “L-iżgħar fostkom isir tribù u l-iċken isir ġens qawwi.” (Is. 60:22) Il-grupp żgħir taʼ midlukin li kienu qed jieħdu sehem fix-xogħol taʼ l-ippridkar tas-Saltna fil-bidu tas-seklu 20 bl-ebda mod ma setgħu jkunu jafu li sas-sena 2008, madwar sebaʼ miljun Xhud kienu se jkunu qed jieħdu sehem f’dan ix-xogħol f’iktar minn 230 pajjiż. Tkabbir tassew taʼ l-għaġeb li jistaʼ jitqabbel maʼ dak taż-żerriegħa tal-mustarda fit-tixbiha taʼ Ġesù!
7 Imma t-tkabbir jieqaf s’hawn? Le. Maż-żmien, kulmin jgħix fuq l-art se jkun sudditu tas-Saltna t’Alla. Kulmin jopponi se jkun tneħħa. Dan mhux se jseħħ minħabba l-isforzi tal-bnedmin, imma minħabba li l-Mulej Sovran Ġeħova se jkun interviena fil-kwistjonijiet taʼ l-art. (Aqra Danjel 2:34, 35.) Dak iż-żmien naraw it-twettiq finali taʼ profezija oħra li Isaija niżżel bil-miktub: “Mimlija [se tkun] l-art bl-għarfien tal-Mulej bħalma l-baħar hu miksi bl-ilmijiet.”—Is. 11:9.
8. (a) L-għasafar fit-tixbiha taʼ Ġesù lil min jirrappreżentaw? (b) Minn xiex aħna protetti anki issa?
8 Ġesù jgħid li l-għasafar tas-sema jistgħu joqogħdu għad-dell taʼ din is-Saltna. Dawn l-għasafar ma jirrappreżentawx lill-għedewwa tas-Saltna li jipprovaw jieklu ż-żerriegħa t-tajba, bħalma kien il-każ taʼ l-għasafar fit-tixbiha tar-raġel li xerred iż-żerriegħa f’tipi differenti taʼ ħamrija. (Mk. 4:4) Minflok, f’din it-tixbiha l-għasafar jirrappreżentaw lil uħud li għandhom attitudni xierqa u li jfittxu l-protezzjoni fi ħdan il-kongregazzjoni Kristjana. Anki issa, dawn l-uħud huma protetti mid-drawwiet li jħammġuhom spiritwalment u minn prattiki mhux nodfa taʼ din id-dinja mill-agħar. (Qabbel Isaija 32:1, 2.) B’mod simili, Ġeħova xebbah is-Saltna Messjanika maʼ siġra u qal profetikament: “Fuq il-muntanja l-għolja taʼ Iżrael inxettilha. U hi toħroġ il-friegħi, u tagħmel il-frott, u ssir siġra sabiħa taċ-ċedru. U taħtha jistkenn kull tajr tal-ġwienaħ, jistkennu għad-dell tal-friegħi tagħha.”—Eżek. 17:23.
It-Tixbiha tal-Ħmira
9, 10. (a) Ġesù liema punt enfasizza fit-tixbiha tal-ħmira? (b) Fil-Bibbja, spiss x’inhu rappreżentat mill-ħmira, u liema mistoqsija se nikkunsidraw dwar il-mod kif Ġesù rrefera għall-ħmira?
9 Il-bniedem mhux dejjem jarah it-tkabbir. Fit-tixbiha tiegħu li jmiss, Ġesù jenfasizza dan il-punt. Hu jgħid: “Is-saltna tas-smewwiet hi bħal ħmira li waħda mara ħadet u ħalltet maʼ tliet sigħan dqiq, sakemm tħemmret l-għaġna kollha.” (Mt. 13:33) Il-ħmira x’tirrappreżenta, u kif inhi konnessa mat-tkabbir tas-Saltna?
10 Fil-Bibbja, il-ħmira spiss tintuża biex tirrappreżenta d-dnub. L-appostlu Pawlu rrefera għall-ħmira b’dan il-mod meta tkellem dwar l-influwenza li tikkorrompi taʼ midneb fil-kongregazzjoni taʼ Korintu tal-qedem. (1 Kor. 5:6-8) Kien Ġesù issa qed juża l-ħmira biex tirrappreżenta t-tkabbir taʼ xi ħaġa negattiva?
11. Il-ħmira kif kienet tintuża f’Iżrael tal-qedem?
11 Qabel ma nwieġbu din il-mistoqsija, hemm bżonn li nagħtu kas tliet fatti bażiċi. L-ewwel, għalkemm Ġeħova ma ppermettiex li jkun hemm ħmira matul iż-żmien tal-festa tal-Qbiż, kultant kien jaċċetta sagrifiċċji li kien fihom il-ħmira. Il-ħmira kienet tintuża b’konnessjoni maʼ l-offerti tas-sliem u radd il-ħajr, li fihom min kien joffrihom kien jagħmel il-preżentazzjoni tiegħu minn jeddu bi spirtu taʼ radd il-ħajr għall-ħafna barkiet taʼ Ġeħova. Din l-ikla kienet tferraħ lil dawk li jieħdu sehem fiha.—Lev. 7:11-15.
12. X’nistgħu nitgħallmu mill-mod kif il-Bibbja titkellem dwar l-affarijiet b’mod simboliku?
12 It-tieni, għalkemm konċett wieħed f’okkażjoni waħda jistaʼ jkollu konnotazzjoni negattiva fl-Iskrittura, f’okkażjoni oħra l-istess konċett jintuża biex jirrappreżenta xi ħaġa pożittiva. Per eżempju, fl-1 Pietru 5:8, Satana hu mxebbah maʼ ljun, li jagħti stampa tan-natura perikoluża u feroċi tiegħu. Imma f’Rivelazzjoni 5:5, Ġesù hu mxebbah maʼ ljun—“l-Iljun tat-tribù taʼ Ġuda.” Fil-każ taʼ l-aħħar, l-iljun jintuża bħala simbolu taʼ ġustizzja li ssir bil-kuraġġ.
13. It-tixbiha taʼ Ġesù dwar il-ħmira x’turi dwar it-tkabbir spiritwali?
13 It-tielet, fit-tixbiha tiegħu, Ġesù ma qalx li l-ħmira tħassar l-għaġna kollha u tagħmilha bla użu. Hu rrefera sempliċement għall-proċess normali taʼ kif isir il-ħobż. Il-mara tad-dar minn jeddha żiedet il-ħmira, u r-riżultati kienu pożittivi. Il-ħmira kienet moħbija fl-għaġna. B’hekk, għall-mara tad-dar, il-proċess tal-ħmira kien moħbi. Dan ifakkarna fir-raġel li jiżraʼ ż-żerriegħa u jorqod bil-lejl. Ġesù qal li “ż-żerriegħa tinbet u tikber, bla ma [ir-raġel] jaf kif.” (Mk. 4:27) X’mod sempliċi biex tingħata stampa tal-progress li ma jidhirx tat-tkabbir spiritwali! Forsi t-tkabbir ma narawhx mill-ewwel, imma eventwalment ir-riżultati tiegħu jkunu jidhru.
14. Il-fatt li l-ħmira tħemmer l-għaġna kollha jagħti stampa taʼ liema aspett tax-xogħol taʼ l-ippridkar?
14 Dan it-tkabbir mhux biss hu inviżibbli għall-bniedem imma wkoll qed isir mad-dinja kollha. Dan hu aspett ieħor enfasizzat fit-tixbiha tal-ħmira. Il-ħmira tħemmer l-għaġna kollha, it-“tliet sigħan dqiq” kollha. (Lq. 13:21) Bħall-ħmira, ix-xogħol taʼ l-ippridkar tas-Saltna li mexxa ’l quddiem dan it-tkabbir spiritwali kiber sal-punt li s-Saltna issa qed tiġi pridkata “sa l-iktar parti mbiegħda taʼ l-art.” (Atti 1:8; Mt. 24:14) Xi privileġġ meraviljuż hu li tkun parti minn dan it-tkabbir taʼ l-għaġeb tax-xogħol taʼ l-ippridkar tas-Saltna!
Ix-Xibka l-Kbira
15, 16. (a) Irrakkonta fil-qosor it-tixbiha tax-xibka l-kbira. (b) Ix-xibka l-kbira x’tirrappreżenta, u din it-tixbiha tirreferi għal liema aspett tat-tkabbir tas-Saltna?
15 Iktar importanti mill-għadd taʼ dawk li jsostnu li huma dixxipli taʼ Ġesù Kristu hija l-kwalità taʼ dawk id-dixxipli. Ġesù jirreferi għal dan l-aspett tat-tkabbir tas-Saltna meta jagħti tixbiha oħra, waħda dwar xibka kbira. Hu qal: “Jerġaʼ s-saltna tas-smewwiet hi bħal xibka kbira mitfugħa l-baħar, li tiġbor fiha ħut taʼ kull xorta.”—Mt. 13:47.
16 Ix-xibka l-kbira, li tirrappreżenta x-xogħol taʼ l-ippridkar tas-Saltna, tiġbor fiha ħut taʼ kull xorta. Ġesù jissokta jgħid: “Meta [ix-xibka l-kbira] imtliet tellgħuha x-xatt u qagħdu bil-qiegħda jiġbru t-tajbin f’kannestri, imma l-ħżiena rmewhom. Hekk se jiġri fil-konklużjoni tas-sistema: l-anġli joħorġu u jifirdu lin-nies ħżiena min-nies sewwa u jixħtuhom fil-forn tan-nar. Hemmhekk se jibku u jgħażżu snienhom.”—Mt. 13:48-50.
17. Is-separazzjoni li tissemma fit-tixbiha tax-xibka l-kbira tirreferi għal liema perijodu taʼ żmien?
17 Qiegħda din is-separazzjoni tirreferi għall-ġudizzju finali tan-nagħaġ u l-mogħoż li Ġesù qal li kellu jseħħ meta jasal fil-glorja tiegħu? (Mt. 25:31-33) Le. Il-ġudizzju finali se jseħħ meta jiġi Ġesù matul it-tribulazzjoni l-kbira. B’kuntrast, is-separazzjoni li tirreferi għaliha t-tixbiha tax-xibka l-kbira sseħħ matul il-“konklużjoni tas-sistema.”b Dan hu ż-żmien li qed ngħixu fih issa—il-jiem li jwasslu għat-tribulazzjoni l-kbira. Għalhekk, issa kif qed iseħħ xogħol taʼ separazzjoni?
18, 19. (a) Xogħol taʼ separazzjoni kif qed iseħħ bħalissa? (b) Liema pass iridu jagħmlu dawk taʼ qalb onestà? (Ara wkoll in-nota taʼ taħt f’paġna 21.)
18 Illum, letteralment miljuni taʼ ħut simboliku mill-baħar taʼ l-umanità nġibdu lejn il-kongregazzjoni taʼ Ġeħova. Xi wħud jattendu t-Tifkira, oħrajn jiġu għal-laqgħat tagħna, u jerġaʼ oħrajn jieħdu pjaċir jistudjaw il-Bibbja. Imma juru dawn kollha li huma Kristjani ġenwini? Forsi huma “jittellgħu x-xatt,” imma Ġesù jgħidilna li “t-tajbin” biss jinġabru f’kannestri, li jirrappreżentaw il-kongregazzjonijiet Kristjani. Il-ħżiena jintremew, u fl-aħħar mill-aħħar se jintefgħu ġo forn tan-nar simboliku, li jfisser qerda fil-futur.
19 Bħalma hu l-każ dwar il-ħut ħażin, ħafna li darba studjaw il-Bibbja mal-poplu taʼ Ġeħova waqqfu l-istudju. Xi wħud li trabbew minn ġenituri Kristjani qatt ma riedu tassew isiru wħud li jsegwu l-passi taʼ Ġesù. Huma wrew li m’humiex lesti jiddeċiedu li jaqdu lil Ġeħova jew wara li qdewh għal xi żmien huma waqfu jagħmlu dan.c (Eżek. 33:32, 33) Però, huwa assolutament neċessarju li kulmin hu taʼ qalb onestà jħalli lilu nnifsu jinġabar fil-kongregazzjonijiet simbolizzati minn kannestri qabel ma jasal l-aħħar jum taʼ ġudizzju u jibqaʼ f’post taʼ sigurtà.
20, 21. (a) X’tgħallimna mir-reviżjoni tat-tixbihat taʼ Ġesù dwar it-tkabbir? (b) X’int determinat li tagħmel?
20 Allura x’tgħallimna mir-reviżjoni qasira tagħna tat-tixbihat taʼ Ġesù dwar it-tkabbir? L-ewwel li bħat-tkabbir taż-żerriegħa tal-mustarda kien hemm tkabbir ġmielu fl-interessi tas-Saltna hawnhekk fuq l-art. Xejn ma jistaʼ jwaqqaf ix-xogħol taʼ Ġeħova milli jinfirex! (Is. 54:17) Iktar minn hekk, il-protezzjoni spiritwali ġiet provduta għal dawk li fittxew “li joqogħdu għad-dell” tas-siġra. It-tieni, hu Alla li jkabbar. Sewwasew bħalma l-ħmira moħbija nfirxet fl-għaġna kollha, dan it-tkabbir mhux dejjem kien jidher jew jinftiehem mill-ewwel, imma qed isir tabilħaqq! It-tielet, mhux kulmin wieġeb wera li hu tajjeb. Xi wħud kienu bħall-ħut ħażin fit-tixbiha taʼ Ġesù.
21 Iżda kemm hu inkuraġġanti li naraw tant uħud tajbin jinġibdu minn Ġeħova! (Ġw. 6:44) Dan irriżulta fi żjieda spettakolari f’pajjiż wara l-ieħor. Il-glorja kollha għal dan it-tkabbir tmur għal Alla Ġeħova. Minħabba li nixhdu għal dan, ilkoll kemm aħna għandna niġu mqanqlin biex nobdu t-twissija miktuba sekli ilu: “Iżraʼ fil-għodu ż-żerriegħa tiegħek . . . , għax ma tafx liema tinbet, hux din jew l-oħra, jew jagħtux it-tnejn frott tajjeb xorta waħda.”—Koħ. 11:6.
[Noti taʼ taħt]
a L-ispjegazzjonijiet li ġejjin huma aġġustament għal dak li ġie spjegat qabel fil-ħarġa tat-Torri taʼ l-Għassa tal-15 taʼ Settembru, 1992, paġni 7-12, u fil-ħarġa taʼ The Watchtower taʼ l-1 t’Ottubru, 1975, paġni 589-608.
b Għalkemm Mattew 13:39-43 jirreferi għal aspett differenti tax-xogħol taʼ l-ippridkar tas-Saltna, iż-żmien tat-twettiq tiegħu jsir fl-istess żmien tat-twettiq tat-tixbiha tax-xibka l-kbira, jiġifieri, matul il-“konklużjoni tas-sistema.” Is-separazzjoni tal-ħut simboliku huwa proċess kontinwu, sewwasew bħalma x-xogħol taż-żrigħ u tal-ħsad jibqaʼ għaddej matul dan il-perijodu taʼ żmien.—It-Torri taʼ l-Għassa tal-15 t’Ottubru, 2000, paġni 25-26; Qim lill-Uniku Alla Veru, paġni 178-181, paragrafi 8-11.
c Ifisser dan li kulmin ma baqax jistudja jew jassoċja mal-poplu taʼ Ġeħova ntrema mill-anġli bħallikieku hu ħażin? Le! Jekk xi ħadd jixtieq sinċerament li jerġaʼ lura lejn Ġeħova, hu se jsib il-bieb miftuħ.—Mal. 3:7.
Int Kif Twieġeb?
• It-tixbiha taʼ Ġesù dwar iż-żerriegħa tal-mustarda x’tgħallimna dwar it-tkabbir tas-Saltna u l-protezzjoni spiritwali?
• Il-ħmira fit-tixbiha taʼ Ġesù x’tirrappreżenta, u Ġesù jenfasizza liema verità dwar it-tkabbir tas-Saltna?
• It-tixbiha tax-xibka l-kbira tirreferi għal liema aspett tat-tkabbir tas-Saltna?
• Kif nistgħu nkunu ċerti li nibqgħu fost dawk li ‘nġabru fil-kannestri’?
[Stampi f’paġna 18]
It-tixbiha taż-żerriegħa tal-mustarda x’tgħallimna dwar iż-żjieda tas-Saltna?
[Stampa f’paġna 19]
X’nitgħallmu mit-tixbiha tal-ħmira?
[Stampa f’paġna 21]
Taʼ xiex tagħti stampa s-separazzjoni tal-ħut tajjeb mill-ħut ħażin?