LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • kr kap. 9 pp. 87-97
  • Riżultati tal-ippritkar—‘L-għelieqi huma bojod għall-ħsad’

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Riżultati tal-ippritkar—‘L-għelieqi huma bojod għall-ħsad’
  • Is-Saltna t’Alla qed taħkem!
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Jiġu motivati għal xogħol li se jferraħhom
  • Is-​Sultan jieħu t-​tmexxija fl-​akbar ħsad li qatt kien hawn
  • Ir-​riżultat tal-​ħsad—Imbassar f’tixbihat memorabbli
  • Raġunijiet biex il-​qaddejja kollha taʼ Ġeħova jifirħu
  • “Minn tlugħ ix-​xemx sa nżulha”
  • Agħfas ’il Quddiem fix-Xogħol tal-Ħsad!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • L-Għelieqi Huma Bojod għall-Ħsad
    Il-Ministeru tas-Saltna—2010
  • Kunu Ferħanin fix-Xogħol tal-Ħsad!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Ħu Sehem bis-Sħiħ fil-Ħsad Spiritwali Kbir
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2010
Ara Iżjed
Is-Saltna t’Alla qed taħkem!
kr kap. 9 pp. 87-97

KAPITLU 9

Riżultati tal-​ippritkar—‘L-​għelieqi huma bojod għall-​ħsad’

KAPITLU DWAR

Kif Ġeħova ġiegħel liż-​żrieragħ tal-​verità tas-​Saltna jikbru

1, 2. (a) Id-​dixxipli għala huma mħawdin? (b) Ġesù dwar liema tip taʼ ħsad qed jitkellem?

ID-​DIXXIPLI huma mħawdin. Ġesù qalilhom: “Erfgħu għajnejkom u ħarsu lejn l-​għelieqi, kif inhuma bojod għall-​ħsad.” Huma jħarsu lejn id-​direzzjoni fejn qed jipponta Ġesù, imma l-​għelieqi mhumiex bojod imma ħodor—il-​kulur tax-​xgħir li għadu kif nibet. ‘Xi ħsad hu?’ abbli jaħsbu bejnhom u bejn ruħhom. ‘Għad baqaʼ xhur sakemm jasal żmien il-​ħsad.’—Ġw. 4:35.

2 Imma Ġesù mhux qed jitkellem dwar ħsad letterali. Minflok, qed juża din l-​okkażjoni biex jgħallem lid-​dixxipli tiegħu żewġ lezzjonijiet importanti dwar ħsad spiritwali—ħsad jew ġbir tan-​nies. X’inhuma dawn il-​lezzjonijiet? Biex insiru nafu, ejja nikkunsidraw ir-​rakkont b’iktar dettall.

Jiġu motivati għal xogħol li se jferraħhom

3. (a) X’jistaʼ jkun li qanqal lil Ġesù biex jgħid: ‘L-​għelieqi huma bojod għall-​ħsad’? (Ara n-​nota addizzjonali.) (b) Ġesù kif spjega x’ried ifisser?

3 Ġesù kellu din il-​konversazzjoni mad-​dixxipli lejn l-​aħħar tas-​sena 30 EK, ħdejn il-​belt Samaritana Sikar. Waqt li d-​dixxipli tiegħu daħlu fil-​belt, Ġesù baqaʼ ħdejn bir. Hemmhekk qasam veritajiet spiritwali maʼ mara li malajr fehmet kemm kien importanti t-​tagħlim tiegħu. Meta d-​dixxipli reġgħu ġew ħdejn Ġesù, il-​mara b’ħeffa telqet lejn Sikar biex tgħid lill-​ġirien tagħha bl-​affarijiet meraviljużi li kienet tgħallmet. Dak li qalet qanqal ħafna interess, u ħafna mill-​ġirien tagħha malajr irħewlha lejn il-​bir biex jiltaqgħu maʼ Ġesù. Jistaʼ jkun li kien f’dan il-​waqt—hekk kif Ġesù ħares ’il bogħod, lil hinn mill-​għelieqi, u ra grupp Samaritani resqin lejh—li qal: “Ħarsu lejn l-​għelieqi, kif inhuma bojod għall-​ħsad.”a Imbagħad biex jispjega li ma riedx ifisser ħsad letterali, imma wieħed spiritwali, Ġesù żied: “Il-​ħassâd qed . . . jiġbor il-​frott għall-​ħajja taʼ dejjem.”—Ġw. 4:5-​30, 36.

4. (a) Liema żewġ lezzjonijiet importanti dwar il-​ħsad għallem Ġesù? (b) Liema mistoqsijiet se niddiskutu?

4 Liema żewġ lezzjonijiet importanti dwar il-​ħsad spiritwali għallem Ġesù? L-​ewwel li x-​xogħol hu urġenti. Ġesù qal li ‘l-​għelieqi huma bojod għall-​ħsad’ biex jimmotiva lis-​segwaċi tiegħu. Sabiex jenfasizza kemm kien urġenti x-​xogħol, Ġesù żied jgħid hekk lid-​dixxipli tiegħu: “Il-​ħassâd qed jitħallas.” Iva, il-​ħsad diġà kien beda—ma kienx hemm ħin għal dewmien! It-​tieni lezzjoni hi li l-​ħaddiema huma ferħanin. Min jiżraʼ u min jaħsad se “jifirħu flimkien,” qal Ġesù. (Ġw. 4:35b, 36) Bħalma Ġesù żgur li feraħ meta ra li “ħafna mis-​Samaritani . . . poġġew il-​fidi fih,” hekk ukoll id-​dixxipli tiegħu kienu se jifirħu bil-​kbir hekk kif ħadmu b’ruħhom kollha fil-​ħsad. (Ġw. 4:39-​42) Dan ir-​rakkont tal-​ewwel seklu hu importanti ħafna għalina għax jagħti stampa taʼ x’inhu jiġri llum matul l-​akbar ħsad li qatt kien hawn. Dan il-​ħsad taʼ żmienna meta beda? Min jieħu sehem fih? X’kienu r-​riżultati?

Is-​Sultan jieħu t-​tmexxija fl-​akbar ħsad li qatt kien hawn

5. Min jieħu t-​tmexxija fil-​ħsad globali, u l-​viżjoni taʼ Ġwanni kif tagħti x’tifhem li x-​xogħol hu urġenti?

5 F’viżjoni mogħtija lill-​appostlu Ġwanni, Ġeħova jirrivela li inkariga lil Ġesù biex jieħu t-​tmexxija fil-​ħsad tan-​nies fid-​dinja kollha. (Aqra Rivelazzjoni 14:14-​16.) F’din il-​viżjoni Ġesù għandu kuruna u minġel. ‘Il-​kuruna tad-​deheb fuq ras Ġesù’ tikkonferma li qed jaħkem bħala Sultan. Il-​“minġel misnun f’idu” juri li hu l-​Ħassad. Billi jgħid permezz t’anġli li “l-​prodott taʼ l-​art misjur għalkollox,” Ġeħova jenfasizza li x-​xogħol hu urġenti. Tabilħaqq, “waslet is-​siegħa” biex Ġesù jibda jaħsad—m’hemmx ħin għal dewmien! Alla jikkmanda: “Daħħal il-​minġel tiegħek,” u Ġesù jobdi. Hu jdaħħal il-​minġel u jaħsad l-​art—jiġifieri, jaħsad jew jiġbor in-​nies tal-​art. Din il-​viżjoni eċċitanti tfakkarna li għal darb’oħra ‘l-​għelieqi huma bojod għall-​ħsad.’ Tgħinna nifhmu din il-​viżjoni meta beda dan il-​ħsad globali? Iva!

6. (a) “Żmien il-​ħsad” meta beda? (b) Il-​ħsad tal-​art meta beda? Spjega.

6 Fil-​viżjoni taʼ Ġwanni f’​Rivelazzjoni kapitlu 14 naraw lil Ġesù, il-​Ħassad, liebes kuruna (vers 14). Mela l-​ħatra tiegħu bħala Sultan fl-​1914 diġà seħħet. (Dan. 7:13, 14) Xi żmien wara dan, Ġesù jiġi kmandat li jibda l-​ħsad (vers 15). Naraw li l-​affarijiet żvolġew bl-​istess mod fit-​tixbiha taʼ Ġesù dwar il-​ħsad tal-​qamħ, fejn jgħid: “Il-​ħsad hu l-​konklużjoni taʼ sistema.” Għaldaqstant, żmien il-​ħsad u l-​konklużjoni taʼ din is-​sistema bdew fl-​istess żmien—fl-​1914. Kien iktar tard “fi żmien il-​ħsad” li beda x-​xogħol tal-​ħsad. (Mt. 13:30, 39) Issa, li fi żmienna nistgħu nifhmu iktar ċar, nistgħu naraw li l-​ħsad beda ftit snin wara li Ġesù beda jaħkem bħala Sultan. L-​ewwel, mill-​1914 sal-​bidu tal-​1919, Ġesù naddaf lis-​segwaċi midlukin tiegħu. (Mal. 3:1-​3; 1 Pt. 4:17) Imbagħad fl-​1919, beda l-​ħsad tal-​art. Mingħajr dewmien, Ġesù uża l-​ilsir leali li kien għadu kif ġie maħtur biex jgħin lil ħutna jifhmu l-​urġenza tax-​xogħol tal-​ippritkar. Ejja naraw x’ġara.

7. (a) Liema studju għen lil ħutna jaraw l-​urġenza tax-​xogħol tal-​ippritkar tagħna? (b) Ħutna x’ġew inkuraġġiti jagħmlu?

7 F’Lulju tal-​1920, It-​Torri tal-​Għassa qal: “Jidher ċar minn studju tal-​Iskrittura li l-​kongregazzjoni ngħatat privileġġ kbir, dak li twassal messaġġ dwar is-​Saltna.” Pereżempju, il-​kliem profetiku taʼ Isaija għenet lill-​aħwa jaraw li l-​aħbar dwar is-​Saltna kellha tixxandar mad-​dinja kollha. (Is. 49:6; 52:7; 61:1-​3) Ma kinux jafu kif setgħu jwettqu xogħol bħal dan, imma fdaw li Ġeħova kien se jwittilhom it-​triq. (Aqra Isaija 59:1.) Minħabba din il-​fehma iktar ċara dwar l-​urġenza tax-​xogħol tal-​ippritkar, ħutna ġew inkuraġġiti jżidu fl-​ippritkar tagħhom. L-​aħwa kif irreaġixxew?

8. Fl-​1921, liema żewġ fatti dwar ix-​xogħol tal-​ippritkar fehmu ħutna?

8 F’Diċembru tal-​1921, It-​Torri tal-​Għassa ħabbar: “Kienet l-​aħjar sena li kellna s’issa; u iktar nies semgħu bil-​messaġġ tal-​verità matul l-​1921 minn kwalunkwe sena oħra.” Ir-​rivista żiedet: “Baqaʼ ħafna xi jsir . . . Ejja nagħmluh b’qalb mimlija ferħ.” Innota kif l-​aħwa fehmu l-​istess żewġ fatti importanti dwar ix-​xogħol tal-​ippritkar li kien enfasizza Ġesù lill-​appostli tiegħu: Ix-​xogħol hu urġenti, u l-​ħaddiema huma ferħanin.

9. (a) Fl-​1954, It-​Torri tal-​Għassa x’qal dwar ix-​xogħol tal-​ħsad, u għala? (b) Liema żieda globali fin-​numru taʼ pubblikaturi kien hemm fl-​aħħar 50 sena? (Ara t-​tabella “Żieda madwar id-​dinja.”)

9 Mill-​1930 ’il quddiem, wara li ħutna fehmu li folla kbira taʼ nagħaġ oħra kienu se jilqgħu l-​messaġġ tas-​Saltna, ix-​xogħol tal-​ippritkar żdied saħansitra iktar. (Is. 55:5; Ġw. 10:16; Riv. 7:9) X’kien ir-​riżultat? In-​numru taʼ dawk li kienu qed jippritkaw il-​messaġġ tas-​Saltna żdied minn 41,000 fl-​1934 sa 500,000 fl-​1953! It-​Torri tal-​Għassa tal-​1 taʼ Diċembru 1954, bir-​raġun ikkonkluda: “Hu l-​ispirtu taʼ Ġeħova u l-​qawwa taʼ Kelmtu li wettqu dan il-​ħsad kbir globali.”b—Żak. 4:6.

ŻIEDA MADWAR ID-​DINJA

Pajjiż

1962

1987

2013

L-​Awstralja

15,927

46,170

66,023

Il-​Brażil

26,390

216,216

756,455

Franza

18,452

96,954

124,029

L-​Italja

6,929

149,870

247,251

Il-​Ġappun

2,491

120,722

217,154

Il-​Messiku

27,054

222,168

772,628

In-​Niġerja

33,956

133,899

344,342

Il-​Filippini

36,829

101,735

181,236

L-​Istati Uniti

289,135

780,676

1,203,642

Iz-​Zambja

30,129

67,144

162,370

NUMRU LI DEJJEM JIŻDIED TAʼ STUDJI TAL-​BIBBJA

1950

234,952

1960

646,108

1970

1,146,378

1980

1,371,584

1990

3,624,091

2000

4,766,631

2010

8,058,359

Ir-​riżultat tal-​ħsad—Imbassar f’tixbihat memorabbli

10, 11. Fit-​tixbiha taż-​żerriegħa tal-​mustarda, liema aspetti taʼ tkabbir taż-​żerriegħa nistgħu naraw?

10 Fit-​tixbihat tiegħu dwar is-​Saltna, Ġesù bassar bi kliem memorabbli r-​riżultat tax-​xogħol tal-​ħsad. Ejja nikkunsidraw tixbiha dwar iż-​żerriegħa tal-​mustarda u oħra dwar il-​ħmira. Se niffokaw partikularment fuq kif twettqu fiż-​żmien tat-​tmiem.

11 It-​tixbiha taż-​żerriegħa tal-​mustarda. Raġel jiżraʼ żerriegħa tal-​mustarda. Din tikber u ssir siġra li fiha jistkennu l-​għasafar. (Aqra Mattew 13:31, 32.) Liema aspetti taʼ tkabbir taż-​żerriegħa nistgħu naraw f’din it-​tixbiha? (1) It-​tkabbir innifsu hu rimarkevoli. “L-​iżgħar miż-​żrieragħ kollha” ssir siġra bi “friegħi kbar.” (Mk. 4:31, 32) (2) It-​tkabbir hu garantit. “Wara li [ż-​żerriegħa] tinżeraʼ, titlaʼ.” Ġesù ma qalx, “Forsi titlaʼ.” Le, hu jgħid: “Titlaʼ.” Ħadd u xejn ma jistaʼ jwaqqaf dan it-​tkabbir. (3) Is-​siġra li qed tikber tattira lill-​għasafar u tipprovdilhom post fejn joqogħdu. “L-​għasafar tas-​sema” jiġu u “joqogħdu għad-​dell tagħha.” Dawn it-​tliet aspetti kif japplikaw għall-​ħsad spiritwali li qed iseħħ fi żmienna?

12. It-​tixbiha taż-​żerriegħa tal-​mustarda, kif tapplika għall-​ħsad li qed iseħħ fi żmienna? (Ara wkoll it-​tabella “Numru li dejjem jiżdied taʼ studji tal-​Bibbja.”)

12 (1) It-​tkabbir: It-​tixbiha tenfasizza t-​tkabbir tal-​messaġġ tas-​Saltna u tal-​kongregazzjoni Kristjana. Mill-​1919, il-​ħaddiema żelużi tal-​ħsad inġabru fil-​kongregazzjoni Kristjana rfinuta. F’dak iż-​żmien, l-​għadd taʼ ħaddiema kien żgħir, imma żdied b’rata mgħaġġla. Infatti, dan it-​tkabbir—mill-​bidu tas-​seklu 20 sa żmienna—kien fenomenali. (Is. 60:22) (2) Garanzija: Ħadd u xejn ma rnexxielu jwaqqaf it-​tkabbir tal-​kongregazzjoni Kristjana. Minkejja kemm l-​għedewwa t’Alla opponew u pprovaw joħonqu lil din iż-​żerriegħa żgħira, din xorta waħda baqgħet tikber u għelbet kull sfida. (Is. 54:17) (3) Post fejn joqogħdu: “L-​għasafar tas-​sema” li jsibu post fejn joqogħdu fis-​siġra jirrappreżentaw lill-​ħafna miljuni taʼ wħud b’attitudni xierqa minn xi 240 pajjiż li wieġbu għall-​messaġġ tas-​Saltna billi saru parti mill-​kongregazzjoni Kristjana. (Eżek. 17:23) Hemmhekk, jirċievu ikel spiritwali, serħan, u protezzjoni.—Is. 32:1, 2; 54:13.

It-tixbiha taż-żerriegħa tal-mustarda turi li dawk fil-kongregazzjoni Kristjana jgawdu post fejn joqogħdu u protezzjoni (Ara paragrafi 11, 12)

13. Liema aspetti taʼ tkabbir jiġu enfasizzati fit-​tixbiha tal-​ħmira?

13 It-​tixbiha tal-​ħmira. Wara li mara tħallat xi ħmira mad-​dqiq, il-​ħmira tħemmer l-​għaġna kollha. (Aqra Mattew 13:33.) Liema aspetti taʼ tkabbir jiġu enfasizzati f’din it-​tixbiha? Ejja nikkunsidraw tnejn minnhom. (1) It-​tkabbir jikkaġuna bidla. Il-​ħmira ‘tħemmer l-​għaġna kollha.’ (2) It-​tkabbir hu mifrux. Il-​ħmira tħemmer “tliet seat [xi 10 kilogrammi] dqiq”—l-​għaġna kollha. Dawn iż-​żewġ aspetti kif japplikaw għall-​ħsad spiritwali li qed iseħħ fi żmienna?

14. It-​tixbiha tal-​ħmira kif tapplika għall-​ħsad li qed isir fi żmienna?

14 (1) Bidla: Il-​ħmira tirrappreżenta l-​messaġġ tas-​Saltna, u l-​għaġna tagħti stampa tal-​umanità. Bħalma l-​ħmira tikkaġuna bidla fid-​dqiq meta t-​tnejn jitħalltu flimkien, hekk ukoll il-​messaġġ tas-​Saltna jikkaġuna bidla f’qalb l-​individwi wara li jaċċettaw dan il-​messaġġ. (Rum. 12:2) (2) Mifrux: Il-​fatt li l-​ħmira tinfirex tirrappreżenta l-​fatt li l-​messaġġ tas-​Saltna jinfirex. Il-​ħmira tinfirex sakemm tħemmer l-​għaġna kollha. Bl-​istess mod, il-​messaġġ tas-​Saltna nfirex “sa l-​iktar parti mbiegħda taʼ l-​art.” (Atti 1:8) Dan l-​aspett tat-​tixbiha jagħtina x’nifhmu wkoll li anke f’pajjiżi fejn xogħolna hu projbit, il-​messaġġ tas-​Saltna xorta se jinxtered. Dan se jiġri anke jekk l-​ippritkar tagħna f’dawn il-​pajjiżi ma jagħtix fl-​għajn.

15. Il-​kliem li nsibu f’​Isaija 60:5, 22, kif twettaq? (Ara wkoll il-​kaxxi “Ġeħova għamilha possibbli,” u “Kif il-​‘wieħed ċkejken’ sar ‘ġens setgħan.’”

15 Xi 800 sena qabel ma Ġesù qal dawn it-​tixbihat, Ġeħova, permezz t’Isaija, bassar bi kliem memorabbli l-​kobor tal-​ħsad spiritwali li qed iseħħ fi żmienna u l-​ferħ li jġib miegħu dan il-​ħsad.c Ġeħova jiddeskrivi nies “mill-​bogħod” jiffollaw lejn l-​organizzazzjoni tiegħu. Ġeħova jitkellem maʼ “mara”, li llum hi rappreżentata mill-​fdal midluk fuq l-​art, u jgħid: “Int se tara u wiċċek jixgħel, u qalbek titriegħed u tikber, għax l-​għana tal-​baħar se jiġi lejk; ir-​riżorsi tal-​ġnus se jiġu għandek.” (Is. 60:1, 4, 5, 9) Kemm hu minnu dan il-​kliem! Illum, il-​qaddejja taʼ Ġeħova li ilhom jaqduh għandhom wiċċhom qed jixgħel bil-​ferħ hekk kif jaraw kif l-​għadd taʼ pubblikaturi tas-​Saltna f’pajjiżhom żdied minn ftit għal ħafna eluf!

Raġunijiet biex il-​qaddejja kollha taʼ Ġeħova jifirħu

16, 17. X’inhi waħda mir-​raġunijiet għala “min jiżraʼ u min jaħsad jifirħu flimkien”? (Ara wkoll il-​kaxxa “Kif żewġ fuljetti messew żewġt iqlub fl-​Amażonja.”)

16 Ftakar li Ġesù qal lill-​appostli: “Il-​ħassâd qed . . . jiġbor il-​frott għall-​ħajja taʼ dejjem, u b’hekk min jiżraʼ u min jaħsad jifirħu flimkien.” (Ġw. 4:36) Kif ‘nifirħu flimkien’ fil-​ħsad globali? B’diversi modi. Ejja nikkunsidraw tlieta minnhom.

17 L-​ewwel, nifirħu għax naraw l-​irwol taʼ Ġeħova fix-​xogħol. Meta nippritkaw il-​messaġġ tas-​Saltna, niżirgħu ż-​żerriegħa. (Mt. 13:18, 19) Meta ngħinu lil xi ħadd isir dixxiplu taʼ Kristu, inkunu qed naħsdu l-​frott. U lkoll kemm aħna nħossuna ferħanin se ntiru meta bi stagħġib naraw kif Ġeħova jġiegħel iż-​żerriegħa tas-​Saltna “tinbet u tikber.” (Mk. 4:27, 28) Xi żerriegħa li nxerrdu, tinbet iktar tard u tinħasad minn ħaddieħor. Jistaʼ jkun li kellek esperjenza simili għal dik taʼ Joan, oħt Kristjana fil-​Britannja li tgħammdet 60 sena ilu. Hi qalet: “Iltqajt maʼ individwi li qaluli li żrajt żerriegħa fi qlubhom meta tajthom xhieda ħafna snin ilu. Bla ma kont naf, Xhieda oħra mbagħad studjaw il-​Bibbja magħhom u għenuhom isiru qaddejja taʼ Ġeħova. Inħossni ferħana li ż-​żerriegħa li żrajt kibret u nħasdet.”—Aqra l-​1 Korintin 3:6, 7.

ĠEĦOVA GĦAMILHA POSSIBBLI

ĠESÙ ddikjara: “Dak li hu impossibbli għall-​bnedmin, hu possibbli għal Alla.” (Lq. 18:27) Ħafna minna esperjenzaw kemm hu minnu dan il-​kliem. Minkejja l-​isforzi kollha taʼ dawk li jridu jwaqqfu x-​xogħol tal-​ippritkar, Ġeħova għenna nwettquh.

Zacharie Elegbe (għandu 66 sena, tgħammed fl-​1963) jiftakar kif projbizzjoni kontra l-​attivitajiet tax-​Xhieda taʼ Ġeħova fil-​Benin fil-​fatt għenet lill-​aħwa: “Fl-​1976, meta kellna 2,300 pubblikatur, xogħolna kien projbit u l-​gvern ordna li l-​projbizzjoni tixxandar fuq ir-​radju b’kull lingwa lokali. Qatt ma kien ġara xi ħaġa hekk qabel. Għalkemm il-​popolazzjoni tal-​Benin titkellem b’iktar minn 60 lingwa, f’dak iż-​żmien, programmi tar-​radju s-​soltu kienu jixxandru b’ħames lingwi biss. Għalhekk, meta l-​projbizzjoni xxandret bil-​lingwi lokali kollha, ħafna eluf taʼ nies li jgħixu f’postijiet iżolati semgħu bina għall-​ewwel darba. Huma ħasbu, ‘Min huma x-​Xhieda taʼ Ġeħova, u għala huma projbiti?’ Iktar tard, meta lħaqna dawk il-​postijiet, ħafna ma damux ma aċċettaw il-​verità.” Illum, hemm iktar minn 11,500 Xhud fil-​Benin.

Mariya Zinich (għandha 74 sena, tgħammdet fl-​1957): “Meta kelli xi 12-​il sena, il-​familja kollha tiegħi ġiet eżiljata mill-​Ukraina għas-​Siberja, ir-​Russja. Minkejja l-​isforzi kollha tal-​gvern biex iwaqqaf ix-​xogħol tax-​Xhieda f’dik li qabel kienet l-​Unjoni Sovjetika, l-​għadd tagħna baqaʼ jiżdied. Meta rajt dan it-​tkabbir rimarkevoli minkejja l-​oppożizzjoni ħarxa, kont konvinta li dan hu x-​xogħol taʼ Ġeħova. Ħadd mhu kapaċi jwaqqfu!” Oħt oħra li wkoll jisimha Mariya (għandha 73 sena, tgħammdet fl-​1960) qalet: “Minħabba li ħutna ntbagħtu s-​Siberja, il-​gvern ta lill-​ħafna nies li kienu eżiljati hemmhekk iċ-​ċans li jisimgħu bil-​verità.”

Jesús Martín (għandu 77 sena, tgħammed fl-​1955) jiftakar: “Meta tgħallimt il-​verità, kien hawn xi 300 Xhud fi Spanja. Fl-​1960, il-​gvern ħadha qatta bla ħabel kontrina. Ordna lill-​pulizija biex jużaw kull mezz ħalli jwaqqfu x-​Xhieda taʼ Ġeħova. F’dak iż-​żmien, ma konniex nafu kif qatt kien se jirnexxilna nippritkaw l-​aħbar tajba fil-​pajjiż. Kollox kien kontrina. Imma llum, hemm kważi 111,000 Xhud fi Spanja. Il-​fatt li b’għajnejja stess rajt kif kellna dan it-​tkabbir minkejja l-​oppożizzjoni jikkonvinċini li jekk Ġeħova jkun favurina, xejn mhu impossibbli!”

18. Skont l-​1 Korintin 3:8, x’inhi t-​tieni raġuni għala għandna nifirħu?

18 It-​tieni raġuni għala nibqgħu ħaddiema ferħanin hi għax inżommu f’moħħna dak li qal Pawlu: “Kull wieħed jirċievi l-​premju tiegħu skond il-​ħidma tiegħu.” (1 Kor. 3:8) Il-​premju jingħata skont ix-​xogħol, mhux skont ir-​riżultati tax-​xogħol. Dan tassew iserraħ moħħ dawk l-​aħwa li qed jippritkaw f’territorji fejn ma tantx qed jintwera interess! F’għajnejn Alla, kull Xhud li b’qalbu kollha jieħu sehem fix-​xogħol taż-​żrigħ qed ‘jagħti ħafna frott,’ u għalhekk għandu għal xiex jifraħ.—Ġw. 15:8; Mt. 13:23.

19. (a) Il-​profezija taʼ Ġesù f’​Mattew 24:14, kif tagħtina raġuni biex nifirħu? (b) X’għandna nżommu f’moħħna anke jekk personalment ma jirnexxilniex nagħmlu dixxiplu?

19 It-​tielet raġuni għala nifirħu hi għax ix-​xogħol tagħna jwettaq il-​profezija. Ikkunsidra t-​tweġiba li Ġesù ta lill-​appostli tiegħu meta saqsew: “X’se jkun is-​sinjal tal-​preżenza tiegħek u tal-​konklużjoni tas-​sistema?” Hu qalilhom li aspett mis-​sinjal kien se jkun xogħol globali taʼ ppritkar. Kien hu qed jitkellem dwar ix-​xogħol taʼ li nagħmlu d-​dixxipli? Le. Hu qal: “Din l-​aħbar tajba tas-​saltna tiġi pridkata fl-​art abitata kollha bħala xiehda.” (Mt. 24:3, 14) Għalhekk, l-​ippritkar tas-​Saltna, jiġifieri ż-​żrigħ taż-​żerriegħa, hu aspett tas-​sinjal. Għaldaqstant, hekk kif nippritkaw l-​aħbar tajba tas-​Saltna, niftakru li anke jekk ma jirnexxilniex nagħmlu dixxiplu, xorta waħda jirnexxilna nagħtu “xiehda.”d Iva, iwieġbu kif iwieġbu n-​nies, għandna sehem f’li nwettqu l-​profezija taʼ Ġesù u għandna l-​privileġġ li naqdu bħala “ħaddiema sħab m’Alla.” (1 Kor. 3:9) X’raġuni tajba biex nifirħu!

“Minn tlugħ ix-​xemx sa nżulha”

20, 21. (a) Kif qed jitwettaq il-​kliem taʼ Malakija 1:11? (b) Rigward ix-​xogħol tal-​ħsad, x’int determinat li tagħmel, u għala?

20 Fl-​ewwel seklu, Ġesù għen lill-​appostli tiegħu jifhmu li x-​xogħol tal-​ħsad kien urġenti. Mill-​1919 ’il quddiem, Ġesù għen lid-​dixxipli tiegħu biex jifhmu l-​istess ħaġa. In-​nies t’Alla rreaġixxew billi żiedu fl-​attivitajiet tagħhom. Infatti, ix-​xogħol tal-​ħsad wera li ma jistaʼ jitwaqqaf b’xejn. Bħalma bassar il-​profeta Malakija, ix-​xogħol tal-​ippritkar illum qed isir “minn tlugħ ix-​xemx sa nżulha.” (Mal. 1:11) Iva, minn tlugħ ix-​xemx sa nżulha—mil-​Lvant sal-​Punent, ikunu fejn ikunu fuq l-​art—dawk li jiżirgħu u dawk li jaħsdu jaħdmu u jifirħu flimkien. U minn tlugħ ix-​xemx sa nżulha—minn filgħodu sa filgħaxija, jew il-​ġurnata kollha—naħdmu b’sens t’urġenza.

21 Hekk kif illum inħarsu lura lejn l-​aħħar 100 sena u naraw kif grupp żgħir taʼ qaddejja t’Alla kiber u sar “ġens setgħan,” qalbna tassew “titriegħed u tikber,” jew tfur, bil-​ferħ. (Is. 60:5, 22) Jalla l-​ferħ u l-​imħabba għal Ġeħova, “Sid il-​ħsad,” iqanqlu lil kull wieħed u waħda minna biex jibqaʼ jagħti sehmu fl-​akbar ħsad li qatt kien hawn.—Lq. 10:2.

a Jistaʼ jkun li meta Ġesù qal li ‘l-​għelieqi huma bojod,’ kien qed jirreferi għall-​ilbiesi bojod li setgħu kienu lebsin il-​grupp Samaritani li kienu resqin lejh.

b Sabiex titgħallem iktar dwar dawk is-​snin u l-​għaxriet taʼ snin li ġew wara, inħeġġuk taqra paġni 425-​520 tal-​ktieb Jehovah’s Witnesses—Proclaimers of God’s Kingdom, li jiddiskutu r-​riżultati tax-​xogħol tal-​ħsad mill-​1919 sal-​1992.

c Għal iktar informazzjoni dwar din il-​profezija dettaljata, ara l-​ktieb Il-​Profezija taʼ Isaija—Dawl għall-​Bnedmin Kollha II, paġni 303-​320.

d Din il-​verità vitali diġà kienet mifhuma mill-​Istudenti tal-​Bibbja tal-​bidu. It-​Torri tal-​Għassa tal-​15 taʼ Novembru 1895 qal: “Jekk ftit li xejn tistgħu tiġbru qamħ, xorta tistgħu tagħtu xhieda kbira. . . . Kulħadd jistaʼ jxandar l-​Evanġelju.”

Is-​Saltna kemm hi reali għalik?

  • Is-​Saltna x’wettqet fejn għandu x’jaqsam il-​ħsad spiritwali?

  • It-​tixbihat taż-​żerriegħa tal-​mustarda u tal-​ħmira, kif iħeġġuk twettaq il-​ministeru tiegħek?

  • Liema raġunijiet għandek għal xiex tifraħ fil-​ministeru?

KIF ŻEWĠ FULJETTI MESSEW ŻEWĠT IQLUB FL-​AMAŻONJA

Antônio Simões

ANZJAN Kristjan leali, Antônio Simões, li għandu 91 sena, b’għożża jiftakar kif missieru u zijuh sabu l-​verità permezz taʼ żewġ fuljetti ppubblikati mix-​Xhieda taʼ Ġeħova. Hu jistaqsi lil dawk li ġew iżuruh: “Trid ngħidilkom x’ġara?” Huma jwieġbu: “Iva, nixtiequ.” Għajnejn Antônio jixegħlu u bi tbissima jpoġġi bilqiegħda ħalli jirrakkonta l-​istorja.

“Missieri, Zeno, kien qassis Battista. Fl-​1931, ivvjaġġa lejn post iżolat fil-​foresta tal-​Amażonja biex iżur mara li kienet membru tal-​knisja. Fid-​dar tagħha, innota żewġ fuljetti Bibliċi. Kienet sabithom fil-​knisja, imma ma kinitx taf min kien ħalliehom hemm. Fuljett minnhom kien dwar l-​infern u l-​ieħor dwar l-​irxoxt. Dak li qara missieri messlu qalbu. Mill-​ewwel ħaseb dwar Guilherme, ir-​raġel t’oħtu, li spiss kien qallu: ‘Jien ma nemminx fin-​nar tal-​infern. Alla taʼ mħabba żgur ma ħalaqx post bħal dan.’ Ħerqan biex juri l-​fuljetti lil Guilherme, missieri daħal fil-​kenura tiegħu u qadef għal tmien sigħat sħaħ lejn Manaquiri, raħal żgħir ħdejn Manaus, fejn kien qed jgħix Guilherme.

L-ewwel kongregazzjoni fl-Istat tal-Amażonja, il-Brażil

“Wara li missieri u z-​ziju Guilherme eżaminaw il-​fuljetti, it-​tnejn li huma qalu, ‘Din hi l-​verità!’ Minnufih kitbu lill-​uffiċċju tal-​fergħa fil-​Brażil u talbu xi letteratura. Missieri rriżenja minn qassis, u hu u zijuwi bdew ixandru l-​messaġġ tal-​Bibbja f’dak il-​post iżolat. In-​nies tant laqgħu l-​messaġġ b’mod tajjeb li fi żmien sena ġiet ifformata kongregazzjoni f’Manaquiri. Ma damx ma kien hemm 70 persuna jattendu l-​laqgħat, u b’hekk, f’dak iż-​żmien, kienet l-​akbar kongregazzjoni fil-​Brażil.” Antônio jieqaf ftit. Imbagħad jistaqsi, “Kemm hu sabiħ hux li tismaʼ kif il-​messaġġ tas-​Saltna daħal fl-​Amażonja?” Żewġ żerrigħat żgħar—żewġ fuljetti Bibliċi—qabbdu l-​għeruq fil-​foresta vasta tal-​Amażonja u żviluppaw f’kongregazzjoni produttiva. U llum il-​kongregazzjoni tal-​Manaquiri, li ilha teżisti 83 sena, m’għadhiex l-​unika kongregazzjoni fl-​Istat tal-​Amażonja, il-​Brażil, imma waħda minn 143!

KIF “IL-​WIEĦED ĊKEJKEN” SAR “ĠENS SETGĦAN”

“IL-​WIEĦED ċkejken isir elf, u ż-​żgħir ġens setgħan. Jien innifsi, Ġeħova, se ngħaġġlu f’waqtu.” (Is. 60:22) Din il-​profezija kif twettqet? It-​twettiq tagħha kif effettwa lil Xhieda madwar id-​dinja li ilhom jaqdu lil Ġeħova?

Börje Nilsson (għandu 84 sena, tgħammed fl-​1943): “Niftakar ħu midluk li kien pijunier wara l-​1920. Meta ġie inkarigat bi kważi nofs l-​Iżvezja, b’ubbidjenza qabad jipprietka—u x-​xogħol tiegħu u dak taʼ wħud leali oħra tassew ġie ppremjat! Illum, għandna iktar minn 22,000 pubblikatur. Għalkemm għaddew minn fuqi ħafna snin, jien irrid nibqaʼ naqdi u nobdi lil Ġeħova. Min jaf x’għad għandu lest għalina Ġeħova?”

Etienne Esterhuyse (għandu 83 sena, tgħammed fl-​1942): “Illum, inħares lura bi stagħġib meta nara kif in-​numru tan-​nies taʼ Ġeħova fl-​Afrika t’Isfel żdied minn xi 1,500 fl-​1942 sa iktar minn 94,000 illum. Il-​fatt li aħna parti minn organizzazzjoni tant kbira verament isaħħilna l-​fidi!”

Keith Gaydon (għandu 82 sena, tgħammed fl-​1948): “Jien rajt b’għajnejja stess kif l-​għadd taʼ pubblikaturi fil-​Britannja żdied minn xi 13,700 fl-​1948 sa kważi 137,000 illum. Dan jurini ċar u tond li x-​xogħol qed isir grazzi għal Ġeħova. Kien ikun impossibbli bil-​qawwa umana, imma Ġeħova ‘qed jagħmel il-​meravilji.’”—Eżo. 15:11.

Ulrike Krolop (għandha 77 sena, tgħammdet fl-​1952): “Wara t-​Tieni Gwerra Dinjija, il-​kongregazzjonijiet fil-​Ġermanja ġew imsaħħin mill-​ispirtu attiv tax-​Xhieda li ssaportew il-​persekuzzjoni Nazista. In-​nies riedu l-​faraġ, u aħna stajna nagħtuhulhom bil-​libertà tal-​kelma għax ix-​Xhieda ma kinux ħadu sehem f’dik il-​gwerra mill-​agħar. Matul l-​aħħar 60 sena, rajt kif l-​ispirtu t’Alla ggwida lin-​nies tiegħu. Illum, għandna iktar minn 164,000 Xhud—x’riżultat mill-​isbaħ!”

Mariya Brinetskaya (għandha 77 sena, tgħammdet fl-​1955): “Sabiex ma niġix arrestata, tgħammidt billejl. Iktar tard żewġi ġie mibgħut f’kamp taʼ xogħol sforzat talli hu Xhud. B’attenzjoni kbira, bqajt nagħti xhieda fir-​raħal tiegħi hawn fir-​Russja, u diversi ġirien aċċettaw il-​verità. Lura f’dak iż-​żmien, ftit kien hawn aħwa. Kemm jien ferħana li llum hemm iktar minn 168,000 Xhud fir-​Russja!”

Kimiko Yamano (għandha 79 sena, tgħammdet fl-​1954): “Meta fl-​1970 sirt naf li kellna 10,000 pubblikatur fil-​Ġappun, ma stajtx ma nibkix bil-​ferħ, u tqanqalt inwiegħed lil Ġeħova mill-​ġdid, ‘Sakemm indum ħajja, irrid nibqaʼ leali lejk.’ Immaġina kemm inħossni ferħana llum, issa li għandna iktar minn 216,000 pubblikatur!”

Daniel Odogun (għandu 83 sena): “Meta tgħammidt fl-​1950, in-​Niġerja kellha 8,000 pubblikatur. Illum, hemm xi 351,000! Fl-​assembleat, kemm nieħu pjaċir meta nara tant nies jattendu, u naħseb f’​Ħaggaj 2:7. Ġeħova tassew qed iriegħed il-​ġnus, u qed jidħlu l-​affarijiet prezzjużi. Għadni nipprova nagħmel kemm jistaʼ jkun fix-​xogħol tal-​ippritkar għax l-​ippritkar hu l-​mod kif jien ngħid, ‘Grazzi, Ġeħova!’”

Carlos Silva (għandu 79 sena): “Kellna 5,000 Xhud fil-​Brażil meta tgħammidt fl-​1952. Dik is-​sena, kellna assemblea f’ġimm f’São Paulo. Kulma kien hemm żewġ karozzi fil-​car park. Ħu pponta lejn il-​Pacaembu Stadium li hu fil-​viċin u staqsieni, ‘Taħseb li xi darba jirnexxilna nimlewh?’ Deher li kien impossibbli, imma fl-​1973 l-​istejdjum kien mimli b’attendenza taʼ 94,586! Illum għandna iktar minn 767,000 ħu u oħt fil-​Brażil—kemm hu meraviljuż li naraw din iż-​żieda!”

Carlos Cázares (għandu 73 sena): “Fl-​1954, is-​sena li fiha tgħammidt, kien hawn 10,500 pubblikatur fil-​Messiku. Tant kien hemm bżonn taʼ pubblikaturi li ġejt maħtur bħala indokratur li jżur il-​kongregazzjonijiet meta kelli 21 sena. Kienet barka li nara b’għajnejja stess it-​twettiq taʼ Isaija 60:22. Issa għandna iktar minn 806,000 pubblikatur, li qed jikkonduċu iktar minn miljun studju tal-​Bibbja! Kemm hu tal-​għaġeb!”

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja