L-Għelieqi Huma Bojod għall-Ħsad
1. Liema xogħol importanti qed iseħħ?
1 Wara li Ġesù ta xhieda lil mara Samaritana, hu qal lid-dixxipli tiegħu: “Erfgħu għajnejkom u ħarsu lejn l-għelieqi, kif inhuma bojod għall-ħsad.” (Ġw. 4:35, 36) Kien beda ħsad spiritwali, u Ġesù setaʼ jara kif dan ix-xogħol kien se jkopri d-dinja kollha. Mill-pożizzjoni tiegħu fis-sema, Ġesù jibqaʼ involut ħafna fil-ħsad. (Mt. 28:19, 20) X’jindika li dan ix-xogħol għadu qed jiżdied hekk kif jersaq lejn tmiemu?
2. Liema żviluppi juru li madwar id-dinja x-xogħol tal-ħsad qed jiżdied?
2 Ħsad Globali: Matul is-sena taʼ servizz 2009, kien hemm żieda taʼ 3.2 fil-mija fl-għadd taʼ pubblikaturi madwar id-dinja. Il-pajjiżi fejn ix-xogħol tal-ippritkar hu projbit, raw żieda tʼ14 fil-mija. L-għadd taʼ studji tal-Bibbja rapportati kull xahar qabżu s-7,619,000—għadd akbar mill-quċċata tal-pubblikaturi u kważi nofs miljun iktar mill-għadd taʼ studji li ġew rapportati s-sena taʼ qabel. Hekk kif ix-xogħol jikber bil-ħeffa f’ħafna reġjuni, qed jintbagħtu iktar rikjesti għal missjunarji mħarrġin fl-Iskola taʼ Gilegħad. L-“għelieqi” tal-lingwa barranija qed jipproduċu ħafna frott f’pajjiż wara l-ieħor. Jidher li Ġeħova qed iħaffef ix-xogħol matul il-konklużjoni tal-ħsad. (Is. 60:22) Tħares int b’mod pożittiv lejn l-“għelieqi” fit-territorju tiegħek?
3. Xi wħud x’għandhom mnejn jikkonkludu dwar il-ħsad lokali tagħhom?
3 Il-Ħsad Lokali Tiegħek: Xi wħud jgħidu: “It-territorju tiegħi ma tantx irendi frott.” Huwa minnu li xi territorji donnhom ma jrendux daqs oħrajn jew ma jagħtux daqshekk frott bħalma kienu jagħtu fil-passat. Għalhekk, xi Xhieda għandhom mnejn jikkonkludu li l-ħsad laħaq il-quċċata tiegħu f’dawk l-inħawi u li issa xogħolhom hu biss li jlaqqtu l-ftit li baqaʼ. Imma huwa dan tassew il-każ?
4. Liema attitudni xierqa lejn il-ministeru tagħna għandna nikkultivaw, u għala?
4 Mill-bidu sal-aħħar, il-ħsad hu żmien t’attività kbira. Innota s-sens t’urġenza f’dan il-kliem taʼ Ġesù: “Il-ħsad hu kbir, imma l-ħaddiema huma ftit. Għalhekk, itolbu bil-ħrara lil Sid il-ħsad biex jibgħat il-ħaddiema fil-ħsad tiegħu.” (Mt. 9:37, 38) Ġeħova, Sid il-Ħsad, huwa responsabbli għal meta u fejn jinkiseb il-frott. (Ġw. 6:44; 1 Kor. 3:6-8) X’inhu l-inkarigu tagħna? Il-Bibbja twieġeb: “Iżraʼ ż-żerriegħa tiegħek fil-għodu u tħallix idek tistrieħ sa fil-għaxija.” (Ekk. 11:4-6) Iva, meta l-ħsad ikun qed jilħaq il-quċċata tiegħu mhuwiex il-waqt li niħduha bil-lajma jew inħallu idna tistrieħ!
5. Għala għandna nkomplu nippritkaw biż-żelu f’territorju li ma jidhirx produttiv?
5 Ibqaʼ Aħsad: Anki jekk it-territorju tagħna nħadem diversi drabi u jidher li m’hemm ebda frott, hemm raġunijiet tajbin għala għandna naħdmu biż-żelu u b’sens t’urġenza. (2 Tim. 4:2) Taqlib drammatiku fix-xena dinjija jġiegħel lin-nies jibdlu l-attitudni tagħhom u jaħsbu iktar bis-serjetà dwar il-futur tagħhom. Hekk kif iż-żgħażagħ jikbru, għandhom mnejn iħossu l-bżonn li jsibu s-sigurtà u l-paċi tal-moħħ. Jerġaʼ oħrajn għandhom mnejn jibqgħu impressjonati bil-persistenza tagħna. Iva, dawk li ma semgħux fil-passat għandhom mnejn iwieġbu għall-messaġġ fil-futur. Anki dawk li apposta jiċħdu l-messaġġ tagħna jeħtieġ li jiġu mwissijin.—Eżek. 2:4, 5; 3:19.
6. Jekk it-territorju tagħna hu taʼ sfida, x’se jgħinna nibqgħu żelużi?
6 Jekk it-territorju tagħna hu taʼ sfida, x’se jgħinna nibqgħu żelużi? Forsi nistgħu nagħmlu forom oħrajn taʼ ministeru mal-ippritkar tagħna minn dar għal dar, bħal xhieda f’territorju taʼ negozju jew bit-telefon. Jew nistgħu nvarjaw il-preżentazzjonijiet tagħna biex ikollna metodi ġodda. Nistgħu nibdlu l-iskeda tagħna u nieħdu sehem fil-ministeru filgħaxija jew f’ħinijiet oħrajn meta hemm ċans akbar li n-nies ikunu d-dar. Forsi nistgħu nirsistu biex nitgħallmu lingwa ġdida ħalli nilħqu iktar nies bl-aħbar tajba. Forsi nkunu nistgħu nkabbru l-ministeru tagħna billi naqdu bħala pijunieri regulari. Jew nistgħu mmorru ngħixu f’post fejn hemm inqas ħaddiema tal-ħsad. Jekk ikollna l-attitudni xierqa lejn il-ħsad, se nistinkaw biex ikollna l-akbar sehem possibbli f’dan ix-xogħol importanti.
7. Sakemm għandna nkomplu bix-xogħol tal-ġbir tal-ħsad?
7 Il-bdiewa għandhom ammont taʼ żmien limitat biex jiġbru l-ħsad, allura ma joqogħdux jistrieħu jew jiħduha bil-lajma sakemm ikun tlesta x-xogħol. Il-ħsad spiritwali jeħtieġ l-istess sens t’urġenza. Sakemm għandna nkomplu bix-xogħol tal-ġbir tal-ħsad? Matul “il-konklużjoni tas-sistema” u sat-“tmiem.” (Mt. 24:14; 28:20) Bħall-aqwa Ministru taʼ Ġeħova, aħna rridu llestu x-xogħol li ġie fdat lilna. (Ġw. 4:34; 17:4) Għalhekk, ejja nkomplu nwettqu l-ministeru tagħna biż-żelu, bil-ferħ, u b’attitudni pożittiva sat-tmiem. (Mt. 24:13) Il-ħsad ma spiċċax!
[Kumment f’paġna 2]
Mill-bidu sal-aħħar, il-ħsad hu żmien t’attività kbira