LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w01 7/15 pp. 10-15
  • Kunu Ferħanin fix-Xogħol tal-Ħsad!

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kunu Ferħanin fix-Xogħol tal-Ħsad!
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Mibgħutin fix-​Xogħol tal-​Ħsad
  • Il-​Messaġġ Tagħna taʼ Tama
  • Tfittxija taʼ Suċċess
  • Żomm il-​Paċi fix-​Xogħol tal-​Ħsad
  • Mira mill-​Aħjar għall-​Ħaddiema fix-​Xogħol tal-​Ħsad
  • Ibqgħu Thennew fil-​Ħsad
  • Agħfas ’il Quddiem fix-Xogħol tal-Ħsad!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • L-Għelieqi Huma Bojod għall-Ħsad
    Il-Ministeru tas-Saltna—2010
  • Riżultati tal-ippritkar—‘L-għelieqi huma bojod għall-ħsad’
    Is-Saltna t’Alla qed taħkem!
  • Ħu Sehem bis-Sħiħ fil-Ħsad Spiritwali Kbir
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2010
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
w01 7/15 pp. 10-15

Kunu Ferħanin fix-​Xogħol tal-​Ħsad!

“Il-​ħsad huwa kbir, iżda l-​ħaddiema ftit. Itolbu mela lil Sid il-​ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-​ħsad tiegħu.”—MATTEW 9:​37, 38.

1. X’jgħinna nistinkaw biex inkomplu nagħmlu r-​rieda t’Alla?

META niftakru f’dak in-​nhar li tgħammidna bħala qaddejja taʼ Jehovah, sew jekk ġara ftit tas-​snin ilu jew ħafna, forsi nistħajlu li kien il-​bieraħ. F’dak il-​waqt, l-​iktar ħaġa importanti fil-​ħajja dedikata tagħna saret li nfaħħru lil Jehovah. Hekk kif irbaħna ż-​żmien biex ngħinu lil oħrajn jisimgħu l-​messaġġ tas-​Saltna u jekk jistaʼ jkun jaċċettawh, it-​tħassib ewlieni tagħna kien li naqdu lil Jehovah bil-​ferħ. (Efesin 5:​15, 16, Saydon) Illum insibu li l-​ħin itir meta nkunu biżlin u jkollna ħafna x’nagħmlu “fil-​ħidma tal-​Mulej.” (1 Korintin 15:58) Għalkemm insibu xi jfixkilna, il-​ferħ li jiġi mill-​fatt li nkunu qed inwettqu r-​rieda taʼ Jehovah jħeġġiġna biex inkomplu nagħmlu dan.—Neħemija 8:10.

2. X’jgħinna biex inkunu ferħanin fix-​xogħol tal-​ħsad figurattiv?

2 Bħala Kristjani, għandna ħafna x’nagħmlu f’xogħol taʼ ħsad figurattiv. Ġesù Kristu xebbah il-​ġbir taʼ individwi għall-​ħajja taʼ dejjem mal-​ħsad. (Ġwann 4:​35-38) Ladarba qed nieħdu sehem f’din l-​attività, ikun inkuraġġanti li neżaminaw il-​ferħ li kellhom il-​Kristjani tal-​bidu bħala ħaddiema fix-​xogħol tal-​ħsad. Se nagħtu ħarsa lejn tliet fatturi li jgħinuna biex inkunu ferħanin fix-​xogħol tal-​ħsad li qed isir fi żmienna. Dawn huma (1) il-​messaġġ tagħna taʼ tama, (2) is-​suċċess fit-​tfittxija tagħna, u (3) l-​attitudni paċifika li nuru bħala ħaddiema fix-​xogħol tal-​ħsad.

Mibgħutin fix-​Xogħol tal-​Ħsad

3. L-ewwel segwaċi taʼ Ġesù f’liema sens esperjenzaw ħafna ferħ?

3 Kif inbidlet il-​ħajja taʼ l-​ewwel ħaddiema li ħadu sehem fix-​xogħol tal-​ħsad—partikolarment dik tal-​11-il appostlu leali taʼ Ġesù! Dan ġara dak in-​nhar li marru fuq muntanja fil-​Galilija biex jiltaqgħu maʼ Kristu rxoxtat fis-​sena 33 E.K. (Mattew 28:16) Preżenti għal din l-​okkażjoni setaʼ kien hemm “aktar minn ħames mitt aħwa.” (1 Korintin 15:6) L-​inkarigu li tahom Ġesù baqaʼ jidwi f’widnejhom. Hu qalilhom: “Morru . . . agħmlu dixxipli mill-​ġnus kollha, u għammduhom fl-​isem tal-​Missier u taʼ l-​Iben u taʼ l-​Ispirtu s-​Santu, u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien.” (Mattew 28:​19, 20) Minkejja l-​persekuzzjoni ħarxa, huma esperjenzaw ħafna ferħ fix-​xogħol tal-​ħsad hekk kif raw il-​kongregazzjonijiet taʼ segwaċi taʼ Kristu jiġu stabbiliti f’post wara l-​ieħor. Maż-​żmien, ‘l-​Evanġelju kien qed jitħabbar lill-​ħlejjaq kollha taħt is-​smewwiet.’—Kolossin 1:23; Atti 1:8; 16:5.

4. Id-dixxipli taʼ Kristu f’liema ċirkustanzi ntbagħtu?

4 Xi żmien qabel, matul il-​ministeru tiegħu fil-​Galilija, Ġesù kien sejjaħ lit-​12-il appostlu u bagħathom speċjalment biex jiddikjaraw: “Is-​Saltna tas-​Smewwiet waslet.” (Mattew 10:​1-7) Hu nnifsu kien “dar l-​ibliet kollha u l-​irħula [tal-Galilija] jgħallem fis-​sinagogi, ixandar l-​Evanġelju tas-​Saltna, u jfejjaq kull xorta taʼ mard u ’l kull min kien nieqes minn saħħtu.” Ġesù tħassarhom lill-​folol “għax kienu mdejjqa u mitluqa bħal nagħaġ bla ragħaj.” (Mattew 9:​35, 36) Imbagħad, imqanqal profondament, hu qal lid-​dixxipli tiegħu: “Il-​ħsad huwa kbir, iżda l-​ħaddiema ftit. Itolbu mela lil Sid il-​ħsad [Alla Jehovah] biex jibgħat ħaddiema għall-​ħsad tiegħu.” (Mattew 9:​37, 38) Ġesù kkalkula li fil-​Lhudija kien hemm l-​istess bżonn taʼ ħaddiema għax-​xogħol tal-​ħsad, u dan meta l-​ministeru tiegħu fuq l-​art kien għad baqagħlu biss sitt xhur. (Luqa 10:2) Fiż-​żewġ okkażjonijiet, hu bagħat lis-​segwaċi tiegħu bħala ħaddiema fix-​xogħol tal-​ħsad.—Mattew 10:5; Luqa 10:3.

Il-​Messaġġ Tagħna taʼ Tama

5. Liema tip taʼ messaġġ niddikjaraw?

5 Illum, bħala l-​qaddejja taʼ Jehovah, aħna nwieġbu bil-​ferħ għas-​sejħa biex ikun hemm iżjed ħaddiema fix-​xogħol tal-​ħsad. Fattur li jġibilna ħafna ferħ hu l-​fatt li aħna qed inwasslu messaġġ taʼ tama lil uħud imdejqin u dipressi. Xi privileġġ għandna li, bħad-​dixxipli taʼ Ġesù fl-​ewwel seklu, niddikjaraw l-​aħbar tajba—messaġġ reali taʼ tama—lil dawk li huma “mdejjqa u mitluqa bħal nagħaġ bla ragħaj”!

6. F’liema attività ħadu sehem l-​appostli fl-​ewwel seklu?

6 Sa nofs l-​ewwel seklu, l-​appostlu Pawlu kien okkupat bl-​ippridkar taʼ l-​aħbar tajba. U dak li għamel fix-​xogħol tal-​ħsad żgur li kien effettiv, għax meta kiteb lill-​Kristjani f’Korintu madwar is-​sena 55 E.K., hu qal: “Irrid infakkarkom fl-​Evanġelju li xandarnielkom u li intom ilqajtu u li fih qegħdin iżżommu sħiħ.” (1 Korintin 15:1) L-​appostli u Kristjani oħrajn taʼ l-​ewwel seklu kienu biżlin fix-​xogħol tal-​ħsad. Għalkemm il-​Bibbja ma tgħidilniex kemm mill-​appostli baqgħu ħajjin matul il-​ġrajjiet importanti li wasslu għall-​qerda taʼ Ġerusalemm fis-​sena 70 E.K., nafu li l-​appostlu Ġwanni kien għadu qed jippriedka sa 25 sena wara.—Apokalissi 1:9.

7, 8. Il-qaddejja taʼ Jehovah liema messaġġ taʼ tama qegħdin ixandru issa b’iktar urġenza minn qatt qabel?

7 Imbagħad ġew is-​sekli taʼ dominanza mill-​kleru tal-​Kristjaneżmu, l-​apostati “taʼmingħajr liġi.” (2 Tessalonikin 2:​3, NW) Madankollu, lejn it-​tmiem tas-​seklu 19, dawk li fittxew li jfasslu ħajjithom fuq it-​tagħlim oriġinali tal-​Kristjanità aċċettaw il-​messaġġ taʼ tama, u ħabbru s-​Saltna. Fil-​fatt, it-​titlu taʼ din ir-​rivista sa mill-​ewwel ħarġa tagħha (Lulju 1879), kien jinkludi dan il-​kliem “Ħabbâr tal-​Preżenza taʼ Kristu,” “Ħabbâr tas-​Saltna taʼ Kristu,” jew “Iħabbar is-​Saltna taʼ Jehovah.”

8 Is-​Saltna tas-​sema t’Alla ġiet stabbilita f’idejn Ġesù Kristu fl-​1914, u issa aħna qed inxandru l-​messaġġ taʼ tama b’iktar urġenza minn qatt qabel. Għala? Għax fost il-​barkiet li se ġġib magħha l-​ħakma tas-​Saltna hemm it-​tmiem li riesaq b’ħeffa kbira fuq din is-​sistema mill-​agħar. (Danjel 2:44) Jistaʼ jkun hemm messaġġ aħjar? U jistaʼ aħna jkollna ferħ akbar minn dak li nesperjenzaw meta nħabbru s-​Saltna qabel ma tfaqqaʼ t-​tribulazzjoni l-​kbira?—Mattew 24:21; Mark 13:10.

Tfittxija taʼ Suċċess

9. Ġesù liema istruzzjoni tahom lid-​dixxipli tiegħu, u n-​nies kif irreaġixxew għall-​messaġġ tas-​Saltna?

9 Fattur ieħor li jgħinna nkunu ferħanin bħala ħaddiema fix-​xogħol tal-​ħsad huwa s-​suċċess li jkollna fit-​tfittxija tagħna għal dawk l-​uħud li mbagħad isiru dixxipli u jingħaqdu magħna fix-​xogħol tal-​ħsad. Lura fis-​snin 31 u 32 E.K., Ġesù istruwixxa lid-​dixxipli tiegħu: “Fil-​belt jew raħal fejn tidħlu, araw ikunx hemm min jixraqlu tmorru għandu.” (Mattew 10:11) Mhux kull individwu kien jixraqlu, bħalma wriet ir-​reazzjoni tagħhom għall-​messaġġ tas-​Saltna. Minkejja dan, id-​dixxipli taʼ Ġesù ppridkaw b’żelu l-​aħbar tajba kulfejn inzerta li kien hemm in-​nies.

10. Pawlu kif wettaq it-​tfittxija tiegħu għal uħud li jixirqilhom?

10 Wara l-​mewt u l-​irxoxt taʼ Ġesù, it-​tfittxija għal uħud li jixirqilhom kompliet b’ħeġġa kbira. Pawlu rraġuna mal-​Lhud fis-​sinagoga tagħhom u man-​nies li kien ikun hemm fis-​suq t’Ateni. Meta ta xiehda fl-​Arjopagu taʼ dik il-​belt Griega, “xi wħud issieħbu miegħu u emmnu; fost dawn kien hemm ukoll Djonisju l-​Arjopagita u waħda mara jisimha Damari u oħrajn magħhom.” Kulfejn mar, Pawlu kien ukoll eżemplari fl-​ippridkar “fil-​beraħ [“pubblikament,” NW], u minn dar għal dar.”—Atti 17:​17, 34; 20:​20, KŻ.

11. Liema metodi kienu jintużaw snin ilu biex jitwettaq il-​ministeru?

11 Fl-​aħħar għaxriet taʼ snin tas-​seklu 19, Kristjani midlukin mimlijin kuraġġ ħadu sehem fit-​tfittxija għal uħud li jixirqilhom. F’artiklu intitolat “Midlukin biex Nippridkaw,” il-​ħarġa taʼ Lulju/Awissu taʼ l-​1881 taż-​Zion’s Watch Tower qalet: “L-​ippridkar taʼ l-​aħbar tajba . . . qed isir fost ‘l-​umlin’—dawk li huma lesti u jridu jisimgħu, biex b’hekk jifforma minn fosthom il-​ġisem taʼ Kristu, il-​werrieta sħab.” Taʼ spiss, il-​ħaddiema fix-​xogħol tal-​ħsad t’Alla kienu jiltaqgħu man-​nies huma u ħerġin mill-​knisja, u kienu jqassmulhom fuljetti b’messaġġi Skritturali maħsubin biex iqanqlu reazzjoni favorevoli f’dawk l-​uħud li kien jixirqilhom. Wara li reġaʼ ġie kunsidrat bir-​reqqa kemm kien qed ikun effettiv dan il-​metodu t’għoti taʼ xiehda, il-​Watch Tower tal-​15 taʼ Mejju, 1903, ħeġġeġ lill-​ħaddiema fix-​xogħol tal-​ħsad biex iqassmu l-​fuljetti “minn dar għal dar, il-​Ħadd fil-​għodu.”

12. Kif sirna iktar effettivi fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar? Agħti eżempju.

12 F’dawn l-​aħħar snin, ftaħna iżjed il-​ministeru tagħna billi qed nikkuntattjaw lin-​nies f’postijiet oħrajn minbarra fi djarhom. Dan wera li kien effettiv ferm f’pajjiżi fejn il-​kundizzjonijiet ekonomiċi u l-​ġiri wara attivitajiet rikreattivi jieħdu lin-​nies ’il bogħod minn djarhom fil-​ħin li s-​soltu mmorru nħabbtulhom. Fl-​Ingilterra, waħda Xhud u seħbitha nnotaw lill-​viżitaturi li kienu sejrin b’mod kontinwu bil-​karozzi tal-​linja wara li jkunu qattgħu ġurnata f’xatt il-​baħar. Għalhekk, huma għamlu l-​kuraġġ biex jitilgħu fil-​karozzi tal-​linja u joffru lill-​passiġġieri kopji taʼ It-​Torri taʼ l-​Għassa u Stenbaħ! F’xahar qassmu 229 kopja. Huma jirrapportaw: “Ma nibżgħux nagħtu xiehda f’xatt il-​baħar jew fit-​territorju tan-​negozju, u lanqas ma nibżgħu niffaċċjaw kwalunkwe sfida li nistgħu nħabbtu wiċċna magħha għaliex nafu li Jehovah hu dejjem magħna.” Huma qabdu rotta bir-​rivisti, bdew studju tal-​Bibbja, u t-​tnejn li huma ħadu sehem fis-​servizz bħala pijunieri awżiljarji.

13. Liema aġġustamenti fil-​ministeru tagħna hemm bżonn li jsiru f’ċerti postijiet?

13 Hekk kif tkompli għaddejja t-​tfittxija għal dawk li jixirqilhom, f’xi postijiet jistaʼ jkun hemm bżonn li neżaminaw bir-​reqqa l-​ministeru tagħna. Ħafna Xhieda għandhom id-​drawwa li jieħdu sehem fil-​ministeru minn dar għal dar il-​Ħadd fil-​għodu. Iżda f’ċerti nħawi jistgħu jinnotaw li ma tantx hu effettiv meta jżuru d-​djar tan-​nies kmieni fil-​ġurnata għaliex l-​inkwilini għandhom mnejn ikunu għadhom reqdin. Billi rranġaw l-​iskedi tagħhom, ħafna Xhieda qed jagħmlu t-​tfittxija tagħhom iktar tard matul il-​ġurnata, forsi wara l-​laqgħat Kristjani. U din it-​tfittxija tat il-​frott tabilħaqq. Is-​sena l-​oħra, in-​numru taʼ proklamaturi tas-​Saltna madwar id-​dinja telaʼ bi 2.3 fil-​mija. Dan jonora lil Sid il-​ħsad u jimlielna qlubna bil-​ferħ.

Żomm il-​Paċi fix-​Xogħol tal-​Ħsad

14. B’liema attitudni nippreżentawh il-​messaġġ tagħna, u għala?

14 Raġuni oħra għall-​ferħ tagħna għandha x’taqsam maʼ l-​attitudni paċifika li nuru fix-​xogħol tal-​ħsad. “Meta tidħlu f’dar,” qal Ġesù, “sellmu lin-​nies tagħha, u jekk tkun dar li jixirqilha, ħa jiġi fuqha s-​sliem tagħkom.” (Mattew 10:​12, 13) Kemm il-​merħba Ebrajka kif ukoll it-​terminu li jikkorrispondi bil-​Grieg Bibliku jagħtu l-​ħsieb taʼ ‘Jalla jmurlek kollox sew.’ Din l-​attitudni għandha tiggwidana meta mmorru għand in-​nies biex nippridkawlhom l-​aħbar tajba. It-​tama tagħna hija li huma jilqgħu l-​messaġġ tas-​Saltna b’mod favorevoli. Dawk li jagħmlu dan għandhom il-​prospett li jerġgħu jagħmlu ħbieb m’Alla hekk kif jindmu minn dnubiethom, iduru lura, u jagħmlu r-​rieda tiegħu. Imbagħad, il-​paċi m’Alla twassal għall-​ħajja taʼ dejjem.—Ġwann 17:3; Atti 3:​19, 20a [3:​19, NW]; 13:​38, 48; 2 Korintin 5:​18-​20.

15. Kif nistgħu nżommu attitudni paċifika meta ma nintlaqgħux tajjeb fix-​xogħol tagħna taʼ l-​ippridkar?

15 Kif nistgħu nżommu l-​paċi meta ma nintlaqgħux tajjeb fix-​xogħol tagħna taʼ l-​ippridkar? Ġesù ta din id-​direzzjoni: “Jekk tkun dar li ma jixirqilhiex, ħa jerġaʼ lura għandkom is-​sliem tagħkom.” (Mattew 10:13) Ir-​rakkont taʼ Luqa dwar meta Ġesù bagħat lis-​70 dixxiplu tiegħu jinkludi din l-​istqarrija taʼ Ġesù: “Jekk fiha jkun hemm min iħobb is-​sliem, jistrieħ is-​sliem tagħkom fuqu; jekk le, it-​tislima tagħkom terġaʼ lura għandkom.” (Luqa 10:6) Meta mmorru għand in-​nies bl-​aħbar tajba, aħna nagħmlu dan b’mod xieraq, bil-​ħlewwa u bil-​paċi. Meta xi inkwilin jilqagħna b’indifferenza, b’xi lment, jew b’xi kumment aħrax dan iservi biss biex il-​messaġġ taʼ paċi tagħna ‘jerġaʼ lura għandna.’ Imma xejn minn dan ma jisirqilna l-​paċi, li hi waħda mill-​frottiet taʼ l-​ispirtu qaddis taʼ Jehovah.—Galatin 5:​22, 23.

Mira mill-​Aħjar għall-​Ħaddiema fix-​Xogħol tal-​Ħsad

16, 17. (a) X’inhi l-​mira tagħna meta nagħmlu ż-​żjajjar lura? (b) Kif nistgħu ngħinu lil dawk li jkollhom mistoqsijiet fuq il-​Bibbja?

16 Bħala ħaddiema fix-​xogħol tal-​ħsad aħna ferħanin li qed nieħdu sehem fil-​ġbir tan-​nies għall-​ħajja taʼ dejjem. U x’ferħ nesperjenzaw meta individwu jilqaʼ l-​messaġġ li nippridkaw, ikun irid jitgħallem iktar, u juri li “jħobb is-​sliem”! Forsi jkollu ħafna mistoqsijiet fuq il-​Bibbja u ma jkunx possibbli għalina li nwiġbuhomlu kollha fi żjara waħda. X’jistaʼ jsir, ladarba forsi ma jkunx xieraq li ndumu ħafna fl-​ewwel żjara tagħna? Nistgħu nagħmlu mira bħal dik li ġiet rikkmandata xi 60 sena ilu.

17 “Ix-​Xhieda taʼ Jehovah kollha għandhom ikunu preparati li jikkonduċu studji mudell fuq il-​Bibbja.” Din l-​istqarrija dehret fit-​tielet wieħed mis-​serje taʼ kotba żgħar taʼ istruzzjoni Model Study (Studju Mudell) pubblikati mill-​1937 sa l-​1941. Din kompliet tgħid: “Il-​pubblikaturi kollha [tas-Saltna] għandhom iħabirku biex jgħinu kemm jistgħu lin-​nies taʼ rieda tajba li juru interess fil-​messaġġ tas-​Saltna. Għandna nerġgħu nagħmlu żjajjar lura lil dawn il-​persuni, nagħtuhom tweġiba għall-​mistoqsijiet tagħhom . . . , u mbagħad nibdew studju mudell . . . kemm jistaʼ jkun malajr.” Iva, il-​mira tagħna fiż-​żjajjar lura hija li nibdew studju tal-​Bibbja fid-​dar u nikkonduċuh regolarment.a Jekk ikollna attitudni taʼ ħbiberija u tħassib b’imħabba għall-​persuna li tkun uriet interess se nitqanqlu biex nippreparaw tajjeb u nikkonduċu l-​istudju b’mod effettiv.

18. Kif nistgħu ngħinu lil uħud ġodda jsiru dixxipli taʼ Ġesù Kristu?

18 Bl-​għajnuna tal-​ktieb Għarfien Li Jwassal Għall-​Ħajja Taʼ Dejjem u browxers bħal Alla X’Jirrikjedi Minna? nistgħu nikkonduċu studji tal-​Bibbja fid-​djar b’mod effettiv. B’hekk inkunu qed ngħinu lil uħud ġodda li juru interess isiru dixxipli. Hekk kif nagħmlu ħilitna biex nimitaw l-​Għalliem Prim, Ġesù Kristu, x’aktarx li dawn l-​istudenti tal-​Bibbja se jitgħallmu wkoll mill-​imġiba paċifika u ferriħija tagħna, mis-​sinċerità tagħna, u mir-​rispett tagħna lejn il-​livelli u l-​linji taʼ gwida taʼ Jehovah. Meta ngħinu lil uħud ġodda billi nagħtuhom tweġibiet għall-​mistoqsijiet tagħhom, ejja nagħmlu wkoll l-​aħjar tagħna biex ngħallmuhom kif jistgħu jwieġbu lil dawk li jagħmlulhom xi mistoqsija. (2 Timotju 2:​1, 2; 1 Pietru 2:​21) Żgur li bħala ħaddiema fix-​xogħol tal-​ħsad figurattiv nifirħu bil-​medja taʼ 4,766,631 studju tal-​Bibbja fid-​dar li ġew kondotti mad-​dinja kollha fis-​sena taʼ servizz li għaddiet. Aħna nifirħu iktar jekk personalment qegħdin fost dawk il-​ħaddiema fix-​xogħol tal-​ħsad li għandhom sehem fl-​attività taʼ studji tal-​Bibbja fid-​djar.

Ibqgħu Thennew fil-​Ħsad

19. Għala kien hemm raġunijiet tajbin biex wieħed jifraħ fix-​xogħol tal-​ħsad matul il-​ministeru taʼ Ġesù u anki ftit żmien wara?

19 Kien hemm raġunijiet tajbin biex wieħed jifraħ fix-​xogħol tal-​ħsad matul il-​ministeru taʼ Ġesù u anki ftit żmien wara. F’dak il-​perijodu ħafna laqgħu l-​aħbar tajba b’mod favorevoli. Il-​ferħ spikka f’Pentekoste tas-​sena 33 E.K., għax dak in-​nhar xi 3,000 aċċettaw id-​direzzjoni taʼ Pietru, irċivew l-​ispirtu qaddis taʼ Jehovah, u saru parti minn Iżrael spiritwali, in-​nazzjon t’Alla. Tabilħaqq, in-​numru tagħhom kompla jiżdied, u l-​ferħ kien kotran hekk kif Jehovah “kien iżidilhom magħhom lil dawk li jkunu salvi.”—Atti 2:​37-41, 46, 47; Galatin 6:16; 1 Pietru 2:9.

20. X’jagħmilna nifirħu bil-​kbir fix-​xogħol tal-​ħsad?

20 F’dak iż-​żmien kienet qed isseħħ il-​profezija taʼ Isaija: “Int kattart il-​ġens, kabbart l-​hena; huma ferħu quddiemek, bħalma jifirħu fi żmien il-​ħsad, bħalma jifirħu fi qsim il-​priża.” (Isaija 9:2 [9:​3, NW]) Għalkemm issa qed naraw ‘il-​ġens kbir’ taʼ wħud midlukin kważi komplet, nifirħu bil-​kbir meta naraw in-​numru taʼ ħaddiema oħrajn fix-​xogħol tal-​ħsad ikompli jikber sena wara sena.—Salm 4:7; Żakkarija 8:​23; Ġwann 10:16.

21. X’se niddiskutu fl-​artiklu li jmiss?

21 Żgur li għandna raġunijiet sodi biex inkomplu nifirħu fix-​xogħol tal-​ħsad. Il-​messaġġ tagħna taʼ tama, it-​tfittxija tagħna għal dawk li jixirqilhom, u l-​attitudni paċifika tagħna—dawn kollha huma fatturi li jagħmluna ferħanin bħala ħaddiema fix-​xogħol tal-​ħsad. Madankollu, dawn iqanqlu reazzjoni ostili f’ħafna oħrajn. L-​appostlu Ġwanni għadda minnu dan. Hu kien mitfugħ il-​ħabs fuq il-​gżira taʼ Patmos “minħabba l-​Kelma taʼ Alla u x-​xhieda taʼ Ġesù.” (Apokalissi 1:9) Allura, kif nistgħu nżommu l-​ferħ tagħna meta nħabbtu wiċċna mal-​persekuzzjoni u l-​oppożizzjoni? X’se jgħinna nkampaw maʼ l-​attitudni iebsa li juru ħafna minn dawk li nippridkawlhom issa? L-​artiklu li jmiss joffri għajnuna Skritturali biex inwieġbu dawn il-​mistoqsijiet.

[Nota taʼ taħt]

a Għall-​ewwel, l-​istudji kienu organizzati f’postijiet fejn setgħu jiltaqgħu flimkien gruppi taʼ persuni li jkunu wrew interess. Madankollu, fi żmien qasir, l-​istudji bdew isiru wkoll maʼ individwi u familji.—Ara Jehovah’s Witnesses​—Proclaimers of God’s Kingdom, paġna 574, pubblikat mix-​Xhieda taʼ Jehovah.

Int Kif Twieġeb?

• X’inhu x-​xogħol tal-​ħsad figurattiv?

• Liema tip taʼ messaġġ niddikjaraw?

• It-tfittxija tagħna għal dawk li jixirqilhom għala hija taʼ suċċess?

• Kif inżommu l-​paċi fix-​xogħol tal-​ħsad?

• Għala nibqgħu ferħanin fix-​xogħol tal-​ħsad?

[Stampi f’paġna 12, 13]

L-​ippridkar fl-​ewwel seklu u fis-​seklu 20

[Stampi f’paġna 13]

Bħal Pawlu, il-​ħaddiema fix-​xogħol tal-​ħsad taʼ llum jipprovaw jilħqu lin-​nies kullimkien

[Stampa f’paġna 13]

Xandar l-​aħbar tajba bil-​ħlewwa

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja