Kristu Bagħad in-Nuqqas taʼ Ħarsien tal-Liġi—Hekk Tagħmel Int?
“Int ħabbejt it-tjieba, u inti bgħadt in-nuqqas taʼ ħarsien tal-liġi. Huwa għalhekk li Alla, Alla tiegħek, dilkek biż-żejt tal-ferħ iktar minn sħabek.”—EBREJ 1:9.
1. Minbarra li jħobbu t-tjieba, x’inħu meħtieġ iżjed minn qaddejja veri t’Alla Jehovah?
“IL-QADDEJJA veri taʼ Jehovah iħobbuh b’qalbhom, b’ruħhom, b’moħħhom, u b’saħħithom kollha. (Mark 12:30) Huma jridu jferrħu qalb Jehovah billi jżommu l-integrità. (Proverbji 27:11) Biex jagħmlu dan, huma mhux biss iridu jħobbu t-tjieba imma jridu wkoll jobogħdu n-nuqqas taʼ ħarsien tal-liġi. L-Eżemplar tagħhom, Ġesù Kristu, ċertament li hekk għamel. Dwaru ntqal: “Int ħabbejt it-tjieba, u inti bgħadt in-nuqqas taʼ ħarsien tal-liġi.”−Ebrej 1:9.
2. X’inhu inkluż fin-nuqqas taʼ ħarsien tal-liġi?
2 X’inhu n-nuqqas taʼ ħarsien tal-liġi? Huwa d-dnub, kif wera l-appostlu Ġwanni meta kiteb: “Kulmin jipprattika d-dnub qiegħed ukoll jipprattika l-ksur tal-liġi, u għalhekk id-dnub huwa ksur tal-liġi.” (1 Ġwann 3:4) Persuna li ma tħarisx il-liġi hija waħda li “mhix imrażżna jew ikkontrollata mil-liġi.” (Webster’s Ninth New Collegiate Dictionary) In-nuqqas taʼ ħarsien tal-liġi jinkludi dak kollu li hu ħażin, mill-agħar, immorali, korrott, u diżonest. Ħarsa lejn id-dinja turina li n-nuqqas taʼ ħarsien tal-liġi hu abbundanti llum iktar minn qatt qabel. M’hemmx dubju li qegħdin ingħixu fiż-“żminijiet kritiċi” li l-appostlu Pawlu bassar dwarhom fit-2 Timotew 3:1-5. Minħabba dan in-nuqqas taʼ ħarsien tal-liġi kollu, kemm huwa sewwa li niġu kkmandati biex nobogħdu l-ħażen kollu! Per eżempju, jintqalilna: “O maħbubin taʼ Jehovah, obogħdu dak li hu ħażin.” (Salm 97:10) Bl-istess mod, naqraw: Obogħdu dak li hu ħażin, u ħobbu dak li hu tajjeb.”−Amos 5:15.
Tliet Għamliet taʼ Mibgħeda
3-5. B’liema tliet modi tintuża l-kelma “mibgħeda” fil-Kelma t’Alla?
3 Xi tfisser li tobgħod? Fil-Kelma t’Alla, “mibgħeda” tintuża fi tliet modi distinti. Hemm il-mibgħeda mqanqla mill-malizzja u li tfittex li tagħmel il-ħsara lill-vittma tagħha. Il-Kristjani jridu jevitaw din ix-xorta taʼ mibgħeda. Hija t-tip li mbottat lil Kajjin biex joqtol lit-twajjeb ħuh Abel. (1 Ġwann 3:12) Din hija wkoll it-tip taʼ mibgħeda li l-mexxejja reliġjużi kellhom għal Ġesù Kristu.—Mattew 26:3, 4.
4 Jerġaʼ, il-kelma “mibgħeda” tintuża fl-Iskrittura fis-sens taʼ li tħobb inqas. Per eżempju, Ġesù qal: “Jekk xi ħadd jiġi għandi u ma jobgħodx lil missieru u lil ommu u lil martu u lil uliedu u lil ħutu rġiel u lil ħutu nisa, iva, u saħansitra lil ruħu stess, hu ma jistax ikun dixxiplu tiegħi.” (Luqa 14:26) B’mod ċar, Ġesù sempliċement ried ifisser li nħobbu lil dawn inqas milli nħobbu lilu. Ġakobb ‘bagħad lil Lea,’ imma Ħu attwalment ħabbha inqas milli ħabb lil Rakele.—Ġenesi 29:30, 31.
5 Imbagħad hemm it-tifsir tal-kelma “mibgħeda” li biha b’mod speċjali aħna kkonċernati hawn. Hija għandha l-ħsieb taʼ li jkollna sentiment tant intensiv taʼ stmerrija jew diżgust qawwi lejn xi ħadd jew xi ħaġa li nevitaw li jkollna x’naqsmu maʼ persuna jew ħaġa bħal din. F’Salm 139 din tissemma bħala “mibgħeda sħiħa.” Hemm David qal: “Ma nobgħodx jien lil dawk li qegħdin jobogħduk b’mod intensiv, O Jehovah, u ma nħossx jien stmerrija lejn dawk li qegħdin jirvellaw kontra tiegħek? B’mibgħeda sħiħa jien tassew nobgħodhom. Huma saru għalija għedewwa veri.”−Salm 139:21, 22.
Għala Għandna Nobogħdu n-Nuqqas taʼ Ħarsien tal-Liġi
6, 7. (a) Għala, prinċipalment, għandna nobogħdu n-nuqqas taʼ ħarsien tal-liġi? (b) X’inhi t-tieni raġuni qawwija għala għandna nobogħdu n-nuqqas taʼ ħarsien tal-liġi?
6 Għala għandna nobogħdu n-nuqqas taʼ ħarsien tal-liġi? Raġuni waħda hi sabiex jistaʼ jkollna rispett tagħna nfusna u kuxjenza tajba. B’dan il-mod biss jistaʼ jkollna relazzjoni tajba maʼ Missierna tas-sema kollu mħabba u tjieba, Jehovah. David ta eżempju mill-aħjar f’dan ir-rigward, kif jistaʼ jidher mill-qari taʼ Salm 26. Per eżempju, hu qal: “Jien bgħadt lill-kongregazzjoni taʼ dawk li jagħmlu l-ħażen, u maʼ dawk mill-agħar ma noqgħodx bil-qiegħda.” (Salm 26:5) L-imħabba tagħna lejn Alla u lejn it-tjieba għandha tqanqalna biex ikollna għadab bi stmerrija xierqa—iva, mibgħeda—lejn dak kollu li hu bla liġi mill-ħarsa tiegħu, inklużi l-atti bla liġi taʼ dawk li ma jobdux lil Jehovah u li jobogħduh. Jerġaʼ, għandna nobogħdu n-nuqqas taʼ ħarsien tal-liġi minħabba t-tmaqdir li jġib fuq isem Alla.
7 Raġuni oħra għala n-nies taʼ Jehovah għandhom jobogħdu n-nuqqas taʼ ħarsien tal-liġi hi għaliex huwa perikoluż ħafna u taʼ ħsara. Li tiżraʼ għal-laħam, li jfisser li tiżraʼ għan-nuqqas taʼ ħarsien tal-liġi, se jkollu liema riżultat? Pawlu wissa: “Tkunux żvijati: Alla mhux wieħed li żżebilħu. Għax kulma bniedem qiegħed jiżraʼ, dan ukoll se jaħsad; għaliex dak li qiegħed jiżraʼ b’ħarsa għal laħmu se jaħsad il-korruzzjoni minn laħmu, imma dak li qiegħed jiżraʼ b’ħarsa għall-ispirtu se jaħsad il-ħajja taʼ dejjem mill-ispirtu.” (Galatin 6:7, 8) Mela m’għandna rridu li jkollna assolutament xejn x’naqsmu man-nuqqas taʼ ħarsien tal-liġi. Verament, hemm bżonn li nobogħdu kull nuqqas taʼ ħarsien tal-liġi għall-ġid u l-paċi tal-moħħ tagħna stess.
Dawk li Jobogħdu n-Nuqqas taʼ Ħarsien tal-Liġi
8. Min tana l-ifjen eżempju f’li nobogħdu n-nuqqas taʼ ħarsien tal-liġi, kif jidher minn liema skritturi?
8 F’li jobgħod in-nuqqas taʼ ħarsien tal-liġi, Alla jagħti l-ifjen eżempju għall-ħlejjaq intelliġenti kollha. Hu jagħdab bi stmerrija xierqa kontra n-nuqqas taʼ ħarsien tal-liġi, u l-Kelma tiegħu tgħid: “Hemm sitt affarijiet li Jehovah jobgħodhom; iva, sebaʼ huma l-affarijiet mistmerra għal ruħu: għajnejn imkabbrin, ilsien falz, u jdejn li qegħdin ixerrdu demm innoċenti, qalb li qiegħda toħloq proġetti li jweġġgħu, saqajn li huma mgħaġġlin biex jiġru lejn il-ħażen, xiehda falza li minnha joħroġ il-gideb, u kulmin qiegħed jibgħat ’il quddiem tħaqqiq fost l-aħwa.” Naqraw ukoll: “Il-biżaʼ taʼ Jehovah ifisser li tobgħod il-ħażen. Il-ftaħir u l-kburija u l-mogħdija ħażina u l-fomm pervers jien bgħadt.” (Proverbji 6:16-19; 8:13) Barra minn hekk, jintqalilna: “Jien, Jehovah, qiegħed inħobb il-ġustizzja, qiegħed nobgħod is-serq flimkien man-nuqqas taʼ tjieba.”−Isaija 61:8.
9, 10. Ġesù kif wera li hu bagħad in-nuqqas taʼ ħarsien tal-liġi?
9 Ġesù Kristu imita lil Missieru f’li jobgħod in-nuqqas taʼ ħarsien tal-liġi. B’hekk, naqraw: “Int ħabbejt it-tjieba, u inti bgħadt in-nuqqas taʼ ħarsien tal-liġi. Huwa għalhekk li Alla, Alla tiegħek, dilkek biż-żejt tal-ferħ iktar minn sħabek.” (Ebrej 1:9) Ġesù tana eżempju f’din il-għamla taʼ mibgħeda. Hu wera l-mibgħeda tiegħu lejn in-nuqqas taʼ ħarsien tal-liġi billi kixef lil dawk li kienu jipprattikawha apposta—il-mexxejja reliġjużi foloz. B’mod ripetut, hu akkużahom li kienu ipokriti. (Mattew, kapitlu 23) F’okkażjoni oħra Ġesù qalilhom: “Intom minn missierkom ix-Xitan, u tixtiequ tagħmlu x-xewqat taʼ missierkom.” (Ġwann 8:44) Ġesù wera l-mibgħeda tiegħu lejn in-nuqqas taʼ ħarsien tal-liġi saħansitra sal-punt li uża l-forza fiżika, billi f’żewġ okkażjonijiet naddaf it-tempju minn ipokriti reliġjużi rgħibin.—Mattew 21:12, 13; Ġwann 2:13-17.
10 Ġesù wera wkoll il-mibgħeda tiegħu lejn in-nuqqas taʼ ħarsien tal-liġi u d-dnub billi żamm assolutament ħieles minnhom. Għalhekk, hu setaʼ jistaqsi lill-opponenti tiegħu: “Min minnkom isibni ħati taʼ dnub?” (Ġwann 8:46) Ġesù kien “leali, bla ħtija, bla mniġġes, mifrud mill-midinbin.” (Ebrej 7:26) Biex jikkonferma dan, Pietru kiteb li Ġesù “ma kkommetta ebda dnub, lanqas ma nstab qerq ġewwa fommu.”−1 Pietru 2:22.
11. Liema eżempji Skritturali għandna taʼ bnedmin imperfetti li kienu jobogħdu n-nuqqas taʼ ħarsien tal-liġi?
11 Ġesù, iżda, kien raġel perfett. Għandna xi eżempji Skritturali taʼ bnedmin imperfetti li verament bagħdu n-nuqqas taʼ ħarsien tal-liġi? Tabilħaqq li għandna! Per eżempju, Mosè u sħabu l-Leviti wrew mibgħeda kbira lejn l-idolatrija billi qatlu madwar 3,000 idolatur għall-kmand taʼ Jehovah. (Eżodu 32:27, 28) Fineħas wera mibgħeda kbira lejn in-nuqqas taʼ ħarsien tal-liġi meta qatel żewġ żienja bil-lanza.—Numri 25:7, 8.
Nesprimu Mibgħeda lejn in-Nuqqas taʼ Ħarsien tal-Liġi
12. (a) Kif nistgħu nuru l-mibgħeda tagħna lejn in-nuqqas taʼ ħarsien tal-liġi? (b) Liema huma xi modi prattiċi kif nistgħu nevitaw ħsibijiet bla liġi?
12 Billi niġu għal żmienna, kif nistgħu nuru l-mibgħeda tagħna lejn in-nuqqas taʼ ħarsien tal-liġi? Billi nikkontrollaw il-ħsibijiet, il-kliem, u l-azzjonijiet tagħna. Hemm bżonn li nikkultivaw id-drawwa li naħsbu dwar affarijiet li jibnu meta l-imħuħ tagħna ma jkunux okkupati bix-xogħol li nkunu qegħdin nagħmlu. Jekk ninzertaw imqajmin bil-lejl, jistaʼ jkun hemm it-tendenza li naħsbu fuq affarijiet negattivi, bħal li tewden fuq min naqsek jew fuq fantasiji sesswali. Qatt tagħti wisgħa lil affarijiet bħal dawn, imma idħol fid-drawwa li taħseb fuq affarijiet taʼ benefiċċju. Per eżempju, ipprova mmemorizza xi skritturi, id-disaʼ kuntentizzi, u d-disaʼ frottiet tal-ispirtu. (Mattew 5:3-12; Galatin 5:22, 23) Tafhom l-ismijiet tat-12-il appostlu? Tafhom il-Għaxar Kmandamenti? Liema huma s-sebaʼ kongregazzjonijiet indirizzati f’Rivelazzjoni? Li nimmemorizzaw il-għanjiet tas-Saltna wkoll igħinna nżommu l-imħuħ tagħna fuq affarijiet veri, taʼ tħassib serju, taʼ tjieba, taʼ ndafa, taʼ mħabba, taʼ fama tajba, taʼ virtù, u taʼ tifħir.—Filippin 4:8.
13. Li nobogħdu n-nuqqas taʼ ħarsien tal-liġi se jġagħlna nobogħdu liema xorta taʼ kliem?
13 Jerġaʼ, aħna nuru li nobogħdu n-nuqqas taʼ ħarsien tal-liġi billi nevitaw kull kliem maħmuġ. Ħafna nies tad-dinja jieħdu gost igħidu u jisimgħu ċajt maħmuġ, imma l-Kristjani ma jridux ikunu inklinati saħansitra li jisimgħuhom. Minflok, għandna nitilqu ’l hemm u nevitaw li nipparteċipaw fi kwalunkwe konversazzjoni li taqaʼ għal livelli daqshekk baxxi. Jekk ma nkunux nistgħu nitilqu, nistgħu għall-anqas nuru bl-espressjoni taʼ wiċċna li aħna nobogħdu kliem bħal dan. Irridu nagħtu kas taʼ dan il-parir mill-aħjar: “Tħallu ebda qawl imħassar ma joħroġ minn fommkom, imma kull qawl li hu tajjeb biex jibni fejn ikun hemm bżonn, biex jistaʼ jagħti dak li hu favorevoli għal dawk li jisimgħu.” (Efesin 4:29) M’għandniex inħassru lilna nfusna billi nitkellmu dak li hu maħmug jew billi noqogħdu nisimgħuh.
14. Il-mibgħeda lejn in-nuqqas taʼ ħarsien tal-liġi se tipprovdi liema protezzjoni rigward drawwiet tan-negozju u impjieg?
14 Il-mibgħeda tagħna lejn in-nuqqas taʼ ħarsien tal-liġi trid tkun diretta wkoll kontra l-prattiċi midinbin kollha. Li nobogħdu n-nuqqas taʼ ħarsien tal-liġi se jgħinna nevitaw in-nassa taʼ li nagħmlu xi kompromess f’dan ir-rigward. Kristjani ġenwini ma jipprattikawx id-dnub. (Qabbel 1 Ġwann 5:18.) Per eżempju għandna nobogħdu l-prattiċi tan-negozju diżonesti kollha. Illum, ħafna mix-Xhieda taʼ Jehovah tpoġġew taħt pressjoni biex jagħmlu affarijiet diżonesti għall-imgħallmin tagħhom iżda rrifjutaw li jagħmlu dan. Xi Kristjani kienu saħansitra lesti li jitilfu l-impjieg tagħhom biex ma jagħmlux xi ħaġa li tmur kontra l-kuxjenza tagħhom imħarrġa fuq il-Bibbja. Barra minn dan, irridu nuru wkoll il-mibgħeda tagħna lejn in-nuqqas taʼ ħarsien tal-liġi billi ma niksrux il-liġijiet tat-traffiku u billi ma nqarrqux meta rridu nħallsu t-taxxi jew xi dazju tad-dwana.—Atti 23:1; Ebrej 13:18.
Nobogħdu l-Ħmieġ Sesswali
15. Li l-bnedmin inħolqu bi stint qawwi biex ikollhom x’jaqsmu sesswalment qeda liema skopijiet mill-aħjar?
15 Bħala Kristjani, irridu b’mod partikulari nobogħdu kull ħmieġ li jinvolvi affarijiet sesswali. Billi ħalaq lill-bnedmin bi stint qawwi biex ikollhom x’jaqsmu sesswalment, Alla qeda żewġ skopijiet mill-aħjar. Hu ħa ħsieb li r-razza umana ma tispiċċax, u għamel ukoll provvediment taʼ mħabba kbira għall-kuntentizza. Saħansitra nies li huma fqar, illitterati, jew b’xi żvantaġġ ieħor jistgħu jsibu kuntentizza kbira fir-relazzjoni taż-żwieġ. Madankollu, Jehovah waqqaf limiti li fihom tistaʼ titgawda din ir-relazzjoni. Dawn il-limiti mistqarrin minn Alla jridu jiġu rrispettati.—Ġenesi 2:24; Ebrej 13:4.
16. X’għandha tkun l-attitudni tagħna lejn divertiment u prattiċi sesswali maħmuġin?
16 Jekk nobogħdu n-nuqqas taʼ ħarsien tal-liġi, se nevitaw b’mod għaqli d-drawwiet sesswali maħmuġin kollha u kull divertiment immorali. Se nevitaw għalhekk kull kotba, rivisti, u gazzetti moralment dubbjużi. Bl-istess mod, jekk nobogħdu n-nuqqas taʼ ħarsien tal-liġi, ma naraw l-ebda preżentazzjoni maħmuġa, kemm jekk fuq it-televiżjoni, fiċ-ċinema, jew fuq il-palk. Jekk insibu li programm huwa immorali, għandna nitqanqlu biex nitfu t-televiżjoni mill-ewwel jew għandu jkollna l-kuraġġ biex nitilqu ’l barra mit-teatru. B’mod simili, li nobogħdu n-nuqqas taʼ ħarsien tal-liġi se jgħinna ngħassu kontra kull xorta taʼ mużika li tqajjem il-passjoni bil-kliem jew bit-temp tagħha. M’aħniex se nfittxu għarfien taʼ affarijiet immorali imma se nkunu ‘trabi rigward il-ħażen, iżda kbar fil-qawwiet tal-fehma.’—1 Korintin 14:20.
17. Kolossin 3:5 jagħti liema parir li jistaʼ jgħinna nibqgħu moralment indaf?
17 B’mod l-iktar xieraq, niġu mwissijin: “Mewtu, għalhekk, lill-membri taʼ ġisimkom li qegħdin fuq l-art rigward iż-żina, in-nuqqas taʼ ndafa, l-aptit sesswali.” (Kolossin 3:5) M’hemmx dubju li miżuri ħorox huma meħtieġa min-naħa tagħna jekk se nkunu determinati li nibqgħu moralment indaf. Rigward il-verb Grieg tradott “mewtu” f’Kolossin 3:5, The Expositor’s Bible Commentary jistqarr: “Dan jissuġġerixxi li aħna m’għandniex sempliċement inżommu lura jew nikkontrollaw atti u attitudnijiet mill-agħar. Irridu neqirduhom, intemmu kompletament il-mod taʼ ħajja taʼ qabel. ‘Oqtlu għalkollox’ jistaʼ jesprimi l-forza tiegħu.... Kemm it-tifsir tal-verb u l-forza tat-temp jissuġġerixxu att vigoruż u taʼ wġigħ taʼ determinazzjoni persunali.” Għandna għalhekk nevitaw il-pornografija bħal li kieku kienet marda perikoluża, li tittieħed, u li twassal għall-mewt, għax dak li hi moralment u spiritwalment. Kristu esprima ħsieb simili meta hu qal biex neħilsu minn id, sieq, jew saħansitra għajn jekk qiegħda ġġagħlna nitfixklu.—Mark 9:43-48.
Nobogħdu r-Reliġjon Falza u l-Apostasija
18. Kif nistgħu nesprimu l-mibgħeda tagħna lejn in-nuqqas taʼ ħarsien tal-liġi reliġjuz?
18 Imbagħad, ukoll, bħalma Ġesù wera l-mibgħeda tiegħu lejn in-nuqqas taʼ ħarsien tal-liġi billi kixef lir-reliġjonisti ipokriti, l-istess illum ix-Xhieda taʼ Jehovah qegħdin juru l-mibgħeda tagħhom lejn in-nuqqas taʼ ħarsien tal-liġi reliġjuż ipokrita kollu. Kif? Billi jqassmu letteratura Biblika li tikxef lil Babilonja l-Kbira għal dak li verament hi, prostituta reliġjuża. Jekk aħna verament nobogħdu l-ipokrezija reliġjuża bla liġi, se nkunu minn taʼ quddiem f’li nikxfu lil Babilonja l-Kbira, l-imperu dinji taʼ reliġjon falza. Se nagħmlu dan għall-benefiċċju taʼ nies taʼ qalb onesta li lilhom hi għamiet u żammet f’jasar spiritwali. Skond kemm aħna verament nobogħdu n-nuqqas taʼ ħarsien tal-liġi taʼ Babilonja l-Kbira, sa dak il-punt se nkunu żelużi f’li nieħdu sehem fil-fatturi kollha tal-ministeru tas-Saltna.—Mattew 15:1-3, 7-9; Titus 2:13, 14; Rivelazzjoni 18:1-5.
19. Kif għandna nħarsu lejn l-apostati, u għala?
19 L-obbligu li nobogħdu n-nuqqas taʼ ħarsien tal-liġi japplika wkoll għall-attivita kollha tal-apostati. L-attitudni tagħna lejn l-apostati għandha tkun dik taʼ David, li ddikjara: “Ma nobgħodx jien lil dawk li qegħdin jobogħduk b’mod intensiv, O Jehovah, u ma nħossx jien stmerrija lejn dawk li qegħdin jirvellaw kontra tiegħek? B’mibgħeda sħiħa jien tassew nobgħodhom. Huma saru għalija għedewwa veri.” (Salm 139:21, 22) Apostati taż-żmien modern ingħaqdu ħaġa waħda mar-“raġel taʼ bla liġi” il-kleru tal-Kristjaneżmu. (2 Tessalonkin 2:3) Bħala Xhieda leali taʼ Jehovah, aħna għalhekk m’għandna assolutament xejn x’naqsmu magħhom. Billi aħna imperfetti, qlubna jistgħu faċilment ikollhom tendenza li jikkritikaw lil ħutna. Bħala individwi, dawk minn fost “l-irsir fidil u diskret” huma bnedmin imperfetti. (Mattew 24:45-47) Imma din il-klassi hija fidila u diskreta. L-apostati japprofittaw ruħhom min-nuqqasijiet jew dak li huma jqisu bħala żballji li jsiru minn aħwa li qegħdin imexxu. Il-protezzjoni tagħna qiegħda f’li nevitaw propaganda apostata daqs li kieku kienet velenu li fil-fatt hekk hi.—Rumani 16:17, 18.
20, 21. Ir-raġunijiet biex nobogħdu n-nuqqas taʼ ħarsien tal-liġi kif jistgħu jiġu miġburin fil-qosor?
20 Rajna li d-dinja hija mimlija bin-nuqqas taʼ ħarsien tal-liġi, li hu sinonimu mad-dnub. Mhux biżżejjed għalina li nħobbu t-tjieba; irridu wkoll nobogħdu n-nuqqas taʼ ħarsien tal-liġi. Xi wħud minn dawk li ġew imkeċċijin mill-kongregazzjoni Kristjana setgħu forsi ħasbu li huma kienu jħobbu t-tjieba, imma huma ma kinux jobogħdu biżżejjed lin-nuqqas taʼ ħarsien tal-liġi. Rajna wkoll għala għandna nobogħdu n-nuqqas taʼ ħarsien tal-liġi. Ma jistax ikollna kuxjenza tajba u rispett tagħna nfusna jekk ma nagħmlux hekk. Jerġaʼ, in-nuqqas taʼ ħarsien tal-liġi jfisser li ma tkunx leali lejn Alla Jehovah. U n-nuqqas taʼ ħarsien tal-liġi jġagħlna naħsdu frott qares ħafna—miżerja, korruzzjoni, u mewt.
21 Innotajna wkoll kif nistgħu nuru li nobogħdu n-nuqqas taʼ ħarsien tal-liġi. Nagħmlu dan billi ma jkollna assolutament xejn x’naqsmu maʼ kwalunkwe għamla taʼ diżonestà, immoralità sesswali, jew apostasija. Ladarba aħna rridu naqsmu fl-ivvindikar taʼ Jehovah u nixtiequ li nferrħulu qalbu, aħna mhux biss irridu nħobbu t-tjieba u nżommu attivi fis-servizz tiegħu imma wkoll nobogħdu n-nuqqas taʼ ħarsien tal-liġi, kif għamel il-Mexxej u l-Kmandant tagħna, Ġesù Kristu.
Kif Twieġeb Int?
◻ L-lskrittura kif tuża l-kelma “mibgħeda”?
◻ Liema huma xi raġunijiet tajbin għala għandna nobogħdu n-nuqqas taʼ ħarsien tal-liġi?
◻ Liema eżempji mill-aħjar għandna taʼ dawk li bagħdu n-nuqqas taʼ ħarsien tal-liġi?
◻ Kif nistgħu nuru l-mibgħeda tagħna lein in-nuqqas taʼ ħarsien tal-liġi?