Nidentifikaw lir-“Raġel taʼ Bla Liġi”
“Il-wieħed taʼ bla liġi se jinkixef, li lilu l-Mulej Ġesù se jwarrab.”—2 TESSALONKIN 2:8.
1, 2. Għala huwa vitali li nidentifikaw lir-raġel taʼ bla liġi?
AĦNA ngħixu f’era taʼ bla liġi. Huwa fenomenu dinji. Kullimkien hemm il-biżaʼ taʼ ħallelin bla liġi u t-theddida li jippreżentaw għal persunitna u l-propjetà tagħna. Madankollu, hemm element taʼ bla liġi bil-wisq iżjed qarrieq li ilu jaħdem għal ħafna sekli. Fil-Bibbja jissejjaħ “ir-raġel taʼ bla liġi.”
2 Huwa vitali li aħna nidentifikaw lil dan ir-raġel taʼ bla liġi. Għala? Għax hu determinat li jherri l-waqfa tagħna maʼ Alla u t-tama tagħna taʼ ħajja taʼ dejjem. Kif? Billi jġagħalna nabbandunaw il-verità u nemmnu l-gideb minflokha, billi b’hekk idawwarna milli nqimu lil Alla “bl-ispirtu u l-verità.” (Ġwann 4:23) Huwa evidenti mill-azzjonijiet tiegħu li dan l-element partikulari taʼ bla liġi jopponi lil Alla u l-għanijiet tiegħu, kif ukoll lill-poplu ddedikat tiegħu.
3. Il-Bibbja kif tiġbed l-attenzjoni tagħna lejn il-wieħed taʼ bla liġi?
3 Il-Bibbja titkellem dwar dan ir-raġel taʼ bla liġi fit-2 Tessalonkin 2:3. Imnebbaħ mill-ispirtu t’Alla, l-appostlu Pawlu kiteb: “Tħallu lil ħadd jisseduċikom b’xi manjiera, għaliex [il-jum taʼ Jehovah biex iġib qerda fuq il-ħżiena] mhux se jiġi jekk l-ewwel ma tiġix l-apostasija u jinkixef ir-raġel taʼ bla liġi.” Hawn Pawlu pprofetizza li l-apostasija kellha tiżviluppa u raġel taʼ bla liġi kellu jidher qabel tmiem din is-sistema. Fil-fatt, Pawlu qal f’vers 7: “Il-misteru taʼ dan in-nuqqas taʼ ħarsien tal-liġi diġà qed jaħdem.” Għalhekk fl-ewwel seklu, dan il-wieħed taʼ bla liġi kien beda juri ruħu.
L-Oriġini tar-Raġel taʼ Bla Liġi
4. Min hu dak li oriġina u li jappoġġa lir-raġel taʼ bla liġi?
4 Min oriġina u jappoġġa lil dan ir-raġel taʼ bla liġi? Pawlu jwieġeb: “Il-preżenza tal-wieħed taʼ bla liġi hi skond l-operazzjoni taʼ Satana b’kull xogħol taʼ qawwa u sinjali giddieba u egħliem u b’kull qerq taʼ nuqqas taʼ tjieba għal dawk li qed jintilfu, bħala tpattija talli ma laqgħux l-imħabba tal-verità biex jistgħu jsalvaw.” (2 Tessalonkin 2:9, 10) Mela Satana hu l-missier u dak li jmantni lir-raġel taʼ bla liġi. U bħalma Satana jopponi lil Jehovah, il-għanijiet Tiegħu, u lill-poplu Tiegħu, l-istess jagħmel ir-raġel taʼ bla liġi, kemm jekk dan jirrealizzah jew le.
5. Liema tmiem jistenna lill-wieħed taʼ bla liġi u lil dawk li jsegwuh?
5 Dawk li jimxu mar-raġel taʼ bla liġi se jkollhom l-istess tmiem bħalu—il-qerda: “Il-wieħed taʼ bla liġi se jinkixef, li lilu l-Mulej Ġesù se jwarrab . . . u jġibu fix-xejn bil-manifestazzjoni tal-preżenza tiegħu.” (2 Tessalonkin 2:8) Dak iż-żmien għall-qerda tar-raġel taʼ bla liġi u taʼ dawk li jappoġġawh (“dawk li qed jintilfu”) se jiġi dalwaqt “mar-rivelazzjoni tal-Mulej Ġesù mis-sema mal-anġli setgħana tiegħu f’nar iħeġġeġ, fil-waqt li jġib vendetta fuq dawk li ma jafux lil Alla u dawk li ma jobdux l-aħbar tajba dwar il-Mulej tagħna Ġesù. Dawn l-istess uħud se jieħdu l-kastig ġudizzjarju tal-qerda għal dejjem.”−2 Tessalonkin 1:6-9.
6. Liema informazzjoni oħra jagħti Pawlu dwar il-wieħed taʼ bla liġi?
6 Pawlu jissokta jiddeskrivi lil dan il-wieħed taʼ bla liġi, billi jgħid: “Hu qiegħed f’oppożizzjoni u jerfaʼ lilu nnifsu ’l fuq minn kulħadd li hu msejjaħ “alla” jew oġġett taʼ reverenza, biex hu jpoġġi bil-qiegħda fit-tempju taʼ Dak Alla, pubblikament juri li hu nnifsu hu alla.” (2 Tessalonkin 2:4) Mela Pawlu jwissi li Satana kien se jqajjem xi ħadd taʼ bla liġi, oġġett falz taʼ reverenza, li kien saħansitra se jpoġġi lilu nnifsu ’l fuq mil-liġi t’Alla.
Nidentifikaw lil Wieħed taʼ Bla Liġi
7. Għala ma nikkonkludux li Pawlu kien qed jitkellem dwar individwu wieħed, u r-raġel taʼ bla liġi x’jiffigura?
7 Kien Pawlu qed jitkellem dwar individwu wieħed? Le, għax hu qal li dan ir-“raġel” kien evidenti fi żmien Pawlu u kellu jibqaʼ jeżisti sakemm Jehovah jeqirdu fit-tmiem taʼ din is-sistema. B’hekk, hu eżista għal ħafna sekli. Ovvjament, l-ebda raġel litterali qatt ma għex daqshekk. Mela l-espressjoni r-“raġel taʼ bla liġi” trid tapplika għal ġemgħa, jew klassi, taʼ nies.
8. Min hu r-raġel taʼ bla liġi, u liema huma xi fatturi li jidentifikawh?
8 Min huma? L-evidenza turi li huma l-ġemgħa taʼ rġiel tal-kleru mkabbra u ambizzjużi tal-Kristjaneżmu, li matul is-sekli waqqfu lilhom infushom bħala liġi fihom infushom. Dan jistaʼ jidher mill-fatt li hemm eluf taʼ reliġjonijiet u setet differenti fil-Kristjaneżmu, kull waħda bil-kleru tagħha, madankollu kollha f’konflitt bejniethom f’xi aspett taʼ duttrina jew drawwa. Dan l-istat maqsum huwa evidenza ċara li huma ma jsegwux il-liġi t’Alla. Ma jistgħux ikunu minn Alla. (Qabbel Mikea 2:12; Mark 3:24; Rumani 16:17; 1 Korintin l:l0.) Dak li dawn ir-reliġjonijiet għandhom komuni hu li ma jżommux sod mat-tagħlim tal-Bibbja, billi kisru r-regola: “Tmorrux aktar ’il bogħod mill-affarijiet miktuba.”−1 Korintin 4:6; ara wkoll Mattew 15:3, 9, 14.
9. Liema twemmin mhux skritturali ssostitwixxa l-wieħed taʼ bla liġi flok veritajiet Bibliċi?
9 B’hekk, dan il-wieħed taʼ bla liġi huwa persuna komposta: il-kleru reliġjuż tal-Kristjaneżmu. Ilkoll kemm huma, kemm jekk papiet, qassisin, patrijarki, jew predikaturi Protestanti, jaqsmu r-responsabbiltà tad-dnubiet reliġjużi tal-Kristjaneżmu. Huma bidlu l-veritajiet t’Alla maʼ gideb pagan, billi għallmu duttrini mhux skritturali bħalma huma l-immortalità tar-ruħ umana in-nar tal-infern, il-purgatorju, u t-Trinità. Huma bħall-mexxejja reliġjużi li lilhom Ġesù qal: “Intom minn missierkom ix-Xitan u tixtiequ tagħmlu x-xewqat taʼ missierkom. . . . Hu giddieb u missier il-gidba.” (Ġwann 8:44) Id-drawwiet tagħhom ukoll jikxfuhom bħala bla liġi, għax huma jipparteċipaw f’attivitajiet li jiksru l-liġijiet t’Alla. Lil uħud bħal dawn Ġesù jgħid: “Morru ’1 bogħod minni, intom ħaddiema taʼ bla liġi.”−Mattew 7:21-23.
Igħollu Lilhom Infushom
10. Liema relazzjoni kellu l-wieħed taʼ bla liġi mal-mexxejja politiċi?
10 L-istorja turi li dawk f’din il-klassi tar-raġel taʼ bla liġi wrew tant kburija u arroganza li huma saħansitra taw ordnijiet lill-mexxejja tad-dinja. Bl-iskuża tad-duttrina tad-‘dritt divin tas-slaten,’ il-kleru ddikjara lilu nnifsu bħala l-medjatur essenzjali bejn il-mexxejja u Alla. Huma nkurunaw slaten u imperaturi u kienu kapaċi jdawru l-popolazzjoni favur jew kontra l-mexxejja. Fil-fatt, huma qalu, bħalma qalu l-qassisin ewlenin Lhud li rrifjutaw lil Ġesù: “M’għandna l-ebda sultan ħlief lil Ċesri.” (Ġwann 19:15) Madankollu, Ġesù għallem b’mod ċar: “Is-saltna tiegħi m’hi ebda parti minn did-dinja.”−Ġwann 18:36.
11. Il-Kleru kif għolla lilu nnifsu?
11 Biex jelevaw lilhom infushom saħansitra iktar ’il fuq min-nies komuni, din il-klassi bla liġi adottat ilbies differenti, normalment iswed. Iktar minn hekk, huma żejnu lilhom infushom b’kull xorta taʼ tiżjin irjali grandjuż, flimkien maʼ kuruni, slaleb, u mitri. (Qabbel Mattew 23:5, 6.) Iżda Ġesù u s-segwaċi tiegħu ma kellhomx ilbies bħal dan; huma kienu jilbsu bħan-nies komuni. Il-kleru ħadu wkoll għalihom infushom titli bħalma huma “Missier,” “Missier Qaddis,” “Reverendu,” “Il-wisq Reverendu,” “L-Eċċellenza Tiegħu,” u “L-Eminenza Tiegħu,” li jżidu mal-fatt li ‘jgħollu lilhom infushom fuq kulħadd.’ Madankollu, Ġesù għallem rigward titli reliġjużi: “Issejħu lil ħadd missierkom fuq l-art.” (Mattew 23:9) B’mod simili, Eliħu, biex jirribatti lill-farraġa ipokriti taʼ Ġob, qal: “Tħallunix, jekk jogħġobkom, nuri parzjalità lejn raġel; u fuq bniedem tal-art m’inix se nqiegħed titlu.”−Ġob 32:21.
12. Pawlu lil min qal li l-kleru kien fil-fatt qed jaqdi?
12 Meta Pawlu lura fi żmienu qal li r-raġel taʼ bla liġi kien diġà beda l-attivita tiegħu, hu qal ukoll rigward dawk li jirriflettu l-attitudni taʼ bla liġi tiegħu: “Għax irġiel bħal dawn huma appostli foloz, ħaddiema qarrieqa, jitrasformaw lilhom infushom f’appostli taʼ Kristu. U ma nistagħġbux, għax Satana nnifsu jibqaʼ jitrasforma lilu nnifsu f’anġlu tad-dawl. Mhix xi ħaġa kbira għalhekk jekk il-ministri tiegħu wkoll jibqgħu jitrasformaw lilhom infushom f’ministri taʼ tjieba. Iżda t-tmiem tagħhom se jkun skond xogħlijiethom.”−2 Korintin 11:13-15.
Irvell Kontra l-Qima Vera
13. X’kienet l-apostasija li ħabbar dwarha Pawlu?
13 Pawlu qal li dan ir-raġel taʼ bla liġi kellu jiżviluppa flimkien mal-apostasija. Fil-fatt, l-ewwel ħjiel li tana Pawlu dwar l-identità taʼ din il-klassi taʼ bla liġi hu li “l-jum taʼ Jehovah [meta Jehovah jeqred lil din is-sistema ħażina taʼ affarijiet] . . . mhux se jiġi jekk l-ewwel ma tiġix l-apostasija.” (2 Tessalonkin 2:2, 3) Iżda xi tfisser l-“apostasija”? F’dan il-kuntest, ma tfissirx sempliċement li titfixkel jew taqaʼ minħabba djufija spiritwali. Il-kelma Griega wżata hawn għal “apostasija” kienet tfisser, fost affarijiet oħra, “ħrib” jew “rewwixta.” Għadd taʼ traduzzjonijiet jagħtuha bħala “rvell.” Il-verżjoni taʼ William Barclay tgħid: “Dak il-jum ma jistax jiġi sakemm ma jkunx seħħ l-Irvell il-Kbir.” Il-Jerusalem Bible issejjaħlu “r-Rewwixta l-kbira.” Għalhekk, fil-kuntest taʼ dak li Pawlu qed jiddiskuti “apostasija” tfisser rewwixta kontra l-qima vera.
14. L-apostasija meta bdiet tiżviluppa bil-qawwa?
14 Din l-apostasija, dan l-irvell, kif żviluppa? Fit-2 Tessalonkin 2:6, Pawlu kiteb, rigward żmienu, dwar “il-ħaġa li taġixxi bħala rażna” fuq il-wieħed taʼ bla liġi. Dik x’kienet? Kienet il-forza li trażżan tal-appostli. Il-preżenza tagħhom, bir-rigali taʼ qawwa tagħhom mogħtija mill-ispirtu qaddis, żammet lura l-apostasija milli f’dak iż-żmien issir epidemija. (Atti 2:l-4; 1 Korintin 12:28) Iżda meta l-appostli kienu mietu, sa madwar it-tmiem tal-ewwel seklu, il-qawwiet li jrażżnu tneħħew.
Klassi taʼ Kleru Mhix Skritturali Tiżviluppa
15. Liema arranġament ġie stabbilit minn Ġesù għall-kongregazzjoni Kristjana?
15 Il-kongregazzjoni li stabbilixxa Ġesù żviluppat matul l-ewwel seklu taħt il-gwida taʼ anzjani (indokraturi) u qaddejja ministerjali. (Mattew 20:25-27; 1 Timotew 3:l-13. Titus 1:5-9) Dawn kienu meħudin mill-kongregazzjoni. Huma kienu rġiel spiritwali kapaċi mingħajr taħriġ teoloġiku speċjali, l-istess bħalma Ġesù ma kellu ebda taħriġ bħal dan. Tabilħaqq, l-opponenti tiegħu stagħġbu: “Dar-raġel kif għandu għarfien tal-ittri, meta ma studjax fl-iskejjel?” (Ġwann 7:15) U rigward l-appostli, il-mexxejja reliġjużi osservaw l-istess ħaġa: “Issa meta lemħu l-mod miftuħ li bih tkellmu Pietru u Ġwanni, u ndunaw li kienu nies komuni u bla skola, bdew jitħassbu. U bdew jagħrfu dwarhom li kienu jkunu maʼ Ġesù.”−Atti 4:13.
16. L-apostasija kif ikkaġunat li jiġi mwarrab il-mudell Kristjan tal-ewwel seklu rigward organizzazzjoni tal-kongregazzjoni?
16 Madankollu, l-apostasija ġabet idejat meħudin mill-kleru Lhudi u eventwalment mis-sistema reliġjuża pagana taʼ Ruma. Hekk kif għadda ż-żmien u seħħet il-waqgħa mill-vera fidi, klassi taʼ kleru mhux skritturali żviluppat. Papa nkurunat beda jaħkem fuq kulleġġ taʼ kardinali, li jkunu magħżulin minn mijiet taʼ isqfijiet u arċisqfijiet, li mill-banda l-oħra jkunu promossi minn qassisin b’taħriġ tas-seminarju. B’hekk, mhux wisq wara l-ewwel seklu, klassi mistika taʼ kleru ddominat il-Kristjaneżmu. Din il-klassi ma kinetx imfassla fuq l-anzjani u l-qaddejja ministerjali Kristjani tal-ewwel seklu iżda kienet imfassla fuq sistemi reliġjużi pagani.
17. Meta, b’mod speċjali, ġie msaħħaħ il-poter tal-wieħed taʼ bla liġi?
17 Diġà saħansitra fit-tielet seklu E.K., uħud li jemmnu ordinarji kienu ġew relegati għall-istat taʼ klassi sekondarja taʼ lajċi. Ir-raġel taʼ bla liġi apostat bil-mod il-mod assuma r-riedni tal-poter. Dan il-poter ġie msaħħaħ matul ir-renju tal-imperatur Ruman Kostantinu, b’mod speċjali wara l-konċilju taʼ Niċea fit-325 E.K. Imbagħad il-knisja u l-Istat ingħaqdu ħaġa waħda. B’hekk, ir-raġel taʼ bla liġi—il-kleru tal-Kristjaneżmu—sar linja taʼ apostati matul ħafna sekli f’rewwixta kontra l-veru Alla, Jehovah. Il-liġijiet u l-arranġamenti li segwew huma tagħhom infushom u mhux taʼ Alla.
Tagħlim Pagan
18. X’tagħlim pagan midgħi addotta l-wieħed taʼ bla liġi?
18 Hekk kif ir-raġel taʼ bla liġi beda jiżviluppa huwa ssellef ukoll tagħlim pagan. Per eżempju, alla Trinitàrjan misterjuż u mhux mifhum ġie mibdul minflok Dak il-Wieħed li jgħid: “Jiena Jehovah. Dak hu ismi; u lil ħadd ieħor ma se nagħti l-glorja tiegħi stess.” “Jiena Jehovah, u m’hemm ħadd ieħor. Bl-eċċezzjoni tiegħi m’hemm ebda Alla.” (Isaija 42:8; 45:5) Dan il-bdil taʼ idejat umani, saħansitra pagani, minflok il-veritajiet t’Alla ġie mifrux biex jinkludi jerġa dagħwa oħra: il-venerazzjoni tal-umli Marija tal-Bibbja bħala “Omm Alla” tal-Kristjaneżmu. B’hekk, dawk li avvanzaw dan it-tagħlim falz, il-klassi tal-kleru, saru “l-ħaxix ħażin” mill-iktar abbundanti miżrugħ minn Satana biex jipprova jifga ż-żerriegħa mill-aħjar miżrugħa minn Kristu.—Mattew 13:36-39.
19. Il-Kristjaneżmu kif tkisser f’biċċiet matul is-sekli, iżda x’baqaʼ jiġi ppreservat?
19 Hekk kif xiżmi u qasmiet seħħew, il-Kristjaneżmu tkisser f’mijiet taʼ reliġjonijiet u setet. Iżda kull reliġjon jew setta ġdida, bi ftit eċċezzjonijiet, żammet il-firda tagħha bejn kleru u lajċi. B’hekk, il-klassi tar-raġel taʼ bla liġi ġiet preservata sal-ġurnata tal-lum. U għadha tgħolli lilha nfisha fuq in-nies komuni bl-ilbies distintiv tagħha u bit-titli bombastiċi tagħha. B’mod ċar, Pawlu ma esaġerax meta qal li l-klassi tar-raġel taʼ bla liġi kellha tigglorifika lilha nfisha u tgħolli lilha nfisha għal pożizzjoni taʼ xi alla.
Il-Pożizzjoni taʼ Papa
20. Sors Kattoliku kif jiddeskrivi lill-papa?
20 Eżempju taʼ glorifikazzjoni bħal din hi dik tal-pożizzjoni tal-papa taʼ Ruma. Dizzjunarju ekkleżjastiku minn Lucio Ferraris, ippubblikat fl-Italja, jiddeskrivi lill-papa “taʼ tant dinjità u altezza li hu mhux sempliċi bniedem iżda, daqs li kieku, Alla, u l-Vigarju taʼ Alla.” Il-kuruna tiegħu hija waħda trippla “bħala sultan tas-sema, tal-art u tal-infern.” L-istess dizzjunarju jissokta: “Il-papa hu, bħal li kieku, Alla fuq l-art, l-uniku prinċep tal-fidili taʼ Kristu, l-akbar sultan tas-slaten kollha.” Hu jżid: “Il-papa jistaʼ xi drabi jikkontrolla l-liġi divina.” Ukoll, The New Catholic Dictionary jistqarr dwar il-papa: “L-ambaxxaturi tiegħu għandhom preċedenza fuq membri oħra tal-korp diplomatiku.”
21. Agħmel f’kuntrast l-azzjonijiet tal-papa maʼ dawk taʼ Pietru u taʼ wieħed anġlu.
21 Kuntrarju għad-dixxipli taʼ Ġesù, il-papa taʼ spiss jilbes ilbies elaborat ħafna u jilqaʼ t-tifħir mill-bnedmin. Il-papa jħalli lin-nies imilu quddiemu, ibusu ċ-ċurkett tiegħu, u jġorruh fuq spallejhom f’siġġu speċjali. X’vanità urew il-papiet matul is-sekli! Tabilħaqq kuntrast qawwi mas-sempliċità umli taʼ Pietru, li qal lil Korneljus, l-uffiċċjal tal-armata Rumana li miel f’riġlejn Pietru biex jurih reverenza: “Qum bil-wieqfa, . . . Jien biss raġel wara kollox”! (Atti 10:25, 26, il-verżjoni Kattolika Jerusalem Bible) U x’kuntrast mal-anġlu li ta lill-appostlu Ġwanni r-Rivelazzjoni! Ġwanni prova joqgħod għarkobbtejh b’mod taʼ qima quddiem dak l-anġlu, iżda l-anġlu ddikjara: “Oqgħod attent! Tagħmilx hekk! Kulma jien hu rsir sieħeb tiegħek u taʼ ħutek li huma profeti u taʼ dawk li qegħdin iħarsu l-kliem taʼ dan ir-romblu. Qim ’l Alla.”−Rivelazzjoni 22:8, 9.
22. Permezz taʼ liema regola Skritturali jistaʼ jiġi identifikat il-wieħed taʼ bla liġi?
22 Hija din l-istima tal-klassi tal-kleru ħarxa ħafna? Aħna nistgħu niddeterminaw dan billi napplikaw ir-regola li ta Ġesù biex nidentifikaw lill-profeti foloz: “Mill-frott tagħhom se tagħrfuhom.” (Mattew 7:15, 16) X’kien, mela, il-frott tal-kleru matul is-sekli u fl-istess seklu 20 tagħna stess? X’se jkun it-tmiem taʼ dan ir-raġel taʼ bla liġi, u min se jaqsam miegħu dak it-tmiem? X’responsabbiltà għandhom dawk li verament jibżgħu minn Alla rigward dan il-wieħed taʼ bla liġi? L-artikli li jmiss se jiddiskutu dawn il-punti.
Mistoqsijiet Għal Reviżjoni
◻ X’inhu r-raġel taʼ bla liġi, u meta sar manifest?
◻ Il-Bibbja kif tidentifika l-awtur taʼ din il-klassi taʼ bla liġi?
◻ Il-kleru kif għolla lilu nnifsu ’l fuq min-nies?
◻ Liema tagħlim u drawwiet apostati ġew żviluppati mill-kleru?
◻ L-attitudni tal-papiet kif inhi f’kuntrast maʼ dik taʼ Pietru u taʼ wieħed anġlu?