LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w90 5/1 pp. 7-12
  • Il-Ġudizzju t’Alla Kontra “Ir-Raġel taʼ Bla Liġi”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Il-Ġudizzju t’Alla Kontra “Ir-Raġel taʼ Bla Liġi”
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1990
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Frott Kristjan Mill-​Aħjar
  • Babilonja l-​Kbira Ħatja tad-​Demm
  • Rekord li Jġib Diżunur lil Alla
  • Ħtija taʼ Demm fis-​Seklu 20
  • Imsejjaħ Biex Jagħti Kont
  • Nikxfu lir-“Raġel taʼ Bla Liġi”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1990
  • Nidentifikaw lir-“Raġel taʼ Bla Liġi”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1990
  • Il-Kristjaneżmu Ttradixxa lil Alla u lill-Bibbja
    X’Inhu l-Iskop tal-Ħajja? Kif Tista’ Ssibu?
  • Għala r-Reliġjon Dinjija Se Tintemm
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1990
w90 5/1 pp. 7-12

Il-​Ġudizzju t’Alla Kontra “Ir-​Raġel taʼ Bla Liġi”

“Kull siġra li ma tipproduċix frott mill-​aħjar tiġi mqaċċta u tintafaʼ fin-​nar.”—MATTEW 7:19.

1, 2. X’inhu r-​raġel taʼ bla liġi, u kif żviluppa?

META l-​appostlu Pawlu ġie spirat minn Alla biex ibassar il-​miġja taʼ “raġel taʼ bla liġi,” hu qal li kien beda jidher saħansitra fi żmienu. Kif spjega l-​artiklu taʼ qabel, Pawlu kien qed jitkellem dwar klassi taʼ individwi li kellhom ikunu minn taʼ quddiem f’li japostasizzaw mill-​Kristjanità vera. Dak id-​dawrien lil hin mill-​verità beda tard fl-​ewwel seklu, b’mod speċjali wara l-​mewt tal-​aħħar appostli. Il-​klassi taʼ bla liġi introduċiet duttrini u prattiċi li kienu f’oppożizzjoni għall-​Kelma t’Alla.—2 Tessalonkin 2:3, 7; Atti 20:29, 30; 2 Timotew 3:16, 17; 4:3, 4.

2 Maż-​żmien, din il-​klassi taʼ bla liġi żviluppat biex saret il-​kleru tal-​Kristjaneżmu. Il-​poter tagħha ġie msaħħaħ mill-​imperatur Ruman Kostantinu fir-​rabaʼ seklu meta l-​knejjes apostati żżewġu mal-​Istat pagan. Hekk kif il-​Kristjaneżmu kompla jitkisser f’għadd taʼ setet, il-​kleru kompla jgħolli lilu nnifsu fuq il-​lajċi u taʼ spiss fuq il-​mexxejja sekulari wkoll.—2 Tessalonkin 2:4.

3. X’se jkun it-​tmiem tar-​raġel taʼ bla liġi?

3 X’kien se jkun it-​tmiem tar-​raġel taʼ bla liġi? Pawlu ħabbar: “Il-​wieħed taʼ bla liġi se jinkixef, li lilu l-​Mulej Ġesù se jwarrab . . . u jġibu fix-​xejn bil-​manifestazzjoni tal-​preżenza tiegħu.” (2 Tessalonkin 2:8) Dan ifisser li l-​qerda tal-​kleru se seħħ meta Alla jġib fit-​tmiem lis-​sistema kollha taʼ Satana. Alla juża lis-​Sultan tiegħu tas-​sema, Kristu Ġesù, biex jiggwida l-​forzi eżekuzzjonali anġeliċi. (2 Tessalonkin 1:6-9; Rivelazzjoni 19:1l-21) Dan it-​tmiem jistenna lill-​kleru għaliex ġabu diżunur lil Alla u lil Kristu u żvijaw miljun taʼ nies ’il bogħod mill-​qima vera.

4. B’liema prinċipju se jiġi ġġudikat ir-​raġel taʼ bla liġi?

4 Ġesù ta l-​prinċipju li bih kien se jiġi ġġudikat ir-​raġel taʼ bla liġi, billi qal: “Oqogħdu għassa għall-​profeti foloz li jiġu għandkom bil-​għata tan-​ngħaġ, iżda minn ġewwa huma lpup imġewħa. Mill-​frott tagħhom se tagħrfuhom. In-​nies qatt ma jiġbru l-​għeneb mix-​xewk jew it-​tin mill-​għollieq, hux hekk? Bl-​istess mod kull siġra tajba tipproduċi frott tajjeb, iżda kull siġra mħassra tipproduċi frott bla siwi; siġra tajba ma tistax tagħti frott bla siwi, lanqas ma tistaʼ siġra mħassra tipproduċi frott mill-​aħjar. Kull siġra li ma tipproduċix frott mill-​aħjar tiġi mqaċċta u tintafaʼ fin-​nar.... Mhux kulmin igħidli, ‘Mulej, Mulej,’ se jidħol fis-​saltna tas-​smewwiet, iżda dak li jagħmel ir-​rieda taʼ Missieri li hu fis-​smewwiet se jidħol.”−Mattew 7:15-21; ara wkoll Titus 1:16; 1 Ġwann 2:17.

Frott Kristjan Mill-​Aħjar

5. X’inhu l-​pedament għall-​frott Kristjan mill-​aħjar, u x’inhu kmandament bażiku?

5 Il-​pedament għal frott Kristjan mill-​aħjar huwa msemmi fl-​1 Ġwann 5:3, li jgħid: “Dan hu li tfisser l-​imħabba t’Alla, li nħarsu l-​kmandamenti tiegħu.” U kmandament bażiku hu dan: “Trid tħobb lill-​ġarr tiegħek bħalek innifsek.” (Mattew 22:39) B’hekk, il-​qaddejja veri t’Alla jrid ikollhom imħabba għall-​ġirien tagħhom minkejja r-​razza jew in-​nazzjonalità tagħhom.—Mattew 5:43-48; Rumani 12:17-21.

6. Lejn min b’mod speċjali trid tintwera l-​imħabba Kristana?

6 B’mod speċjali l-​qaddejja t’Alla jrid ikollhom imħabba għal dawk li huma ħuthom spiritwali. “Jekk xi ħadd jagħmel l-​istqarrija: ‘Jien inħobb’l Alla,’ u madankollu qed jobgħod lil ħuh, huwa giddieb. Għax dak li ma jħobbx lil ħuh, li ra, ma jistax iħobb ’l Alla, li ma rax. U dan il-​kmandament għandna mingħandu, li dak li jħobb lil Alla għandu jkun qed iħobb lil ħuh ukoll.” (1 Ġwann 4:20, 21) Dik l-​imħabba, Ġesù qal, kellha tkun marka li tidentifika tal-​Kristjani veri: “B’dan kulħadd se jkun jaf li intom dixxipli tiegħi, jekk għandkom l-​imħabba bejnietkom.”−Ġwann 13:35; ara wkoll Rumani 14:19; Galatin 6:10; 1 Ġwann 3:l0-12.

7. Il-​Kristjani veri kif inhuma marbutin mad-​dinja kollha?

7 L-​imħabba tal-​aħwa hija l-​“kolla” li tgħaqqad lill-​qaddejja t’Alla f’unità: “Tlibbsu bl-​imħabba, għax hi rabta perfetta taʼ għaqda.” (Kolossin 3:14) U Kristjani veri jridu jkunu f’unità maʼ ħuthom mad-​dinja kollha, għax il-​Kelma t’Alla tordna: “Għandkom ilkoll titkellmu fi qbil . . . M’għandux ikun hemm firdiet bejnietkom . . . Kunu magħqudin kif jixraq bl-​istess moħħ u bl-​istess linja taʼ ħsieb.” (1 Korintin 1:10) Biex iżommu din l-​imħabba u l-​unità fuq skala globali, il-​qaddejja t’Alla jridu jkunu newtrali fl-​affarijiet politiċi taʼ din id-​dinja. Ġesù qal: “Ma huma ebda parti mid-​dinja, sewwa sew bħalma jien ma jien ebda parti mid-​dinja.”−Ġwann 17:16.

8. Ġesù kif wera l-​Kristjani x’iridu jagħmlu?

8 Ġesù wera sa liema punt kellu f’moħħu rigward din il-​ħaġa meta Pietru uża sejf biex qataʼ l-​widna taʼ wieħed mill-​irġiel li kienu ġew biex jarrestaw lil Ġesù. Inkuraġġixxa Ġesù dan l-​użu tal-​forza saħansitra biex jiġi proteġut l-​Iben t’Alla kontra dawk li jopponu? Le, iżda hu qal lil Pietru: “Reġġaʼ lura s-​sejf tiegħek f’postu.” (Mattew 26:52) B’hekk, Kristjani veri ma jiħdux sehem fil-​gwerer tal-​ġnus jew f’xi tixrid taʼ demm uman ieħor saħansitra jekk ir-​rifjutar iwassal għall-​martirju tagħhom minħabba l-​waqfa newtrali tagħhom, kif ġralhom ħafna matul is-​sekli u saħansitra fi żmienna. Huma jafu li s-​Saltna t’Alla biss taħt Kristu se telimina l-​gwerer u t-​tixrid taʼ demm għal dejjem.—Salm 46:9; Mattew 6:9, 10; 2 Pietru 3:1l-13.

9. (a) L-​istorja x’tgħidilna dwar l-​ewwel Kristjani? (b) Dan kif inhu f’kuntrast mar-​reliġjonijiet tal-​Kristjaneżmu?

9 L-​istorja tikkonferma li l-​Kristjani tal-​ewwel seklu ma kinux ixerrdu demm uman. Ex-professur tat-​teoloġija mill-​Ingilterra, Peter De Rosa, jikteb: “It-​tixrid tad-​demm kien dnub gravi. Dan kien għala l-​Kristjani kienu jopponu t-​taqbid gladjatorjali. . . .Fil-waqt li l-​gwerra u l-​użu tal-​forza kienu neċessarji biex Ruma tiġi ppreservata, il-​Kristjani ħassew li ma jistgħux jieħdu sehem. . . .Il-Kristjani qiesu rwieħhom, bħal Ġesù, messaġġiera tal-​paċi; fl-​ebda ċirkustanzi ma setgħu jkunu aġenti tal-​mewt.” Mill-​banda l-​oħra, ir-​reliġjonijiet mhux magħqudin tal-​Kristjaneżmu kisru l-​kmandament tal-​imħabba u xerrdu ammont enormi taʼ demm. Huma ma kinux messaġġiera taʼ Paċi iżda b’mod ripetut kienu aġenti tal-​mewt.

Babilonja l-​Kbira Ħatja tad-​Demm

10. X’inhi Babilonja l-​Kbira, u għala hija msejħa hekk?

10 Satana huwa “l-​ħakkiem taʼ did-dinja,” “l-​alla taʼ dis-sistema taʼ affarijiet.” (Ġwann 12:31; 2 Korintin 4:4) Parti mid-​dinja taʼ Satana hija s-​sistema mal-​art kollha taʼ reliġjon falza li hu bena għal sekli, inkluż il-​Kristjaneżmu bil-​kleru tiegħu. Il-​Bibbja ssejjaħ lil din is-​sistema dinjija taʼ reliġjon falza “Babilonja l-​Kbira, l-​omm tan-​nisa żienja [spiritwali] u tal-​affarijiet moqżieża tal-​art.” (Rivelazzjoni 17:5) L-​egħruq tar-​reliġjonijiet foloz tal-​lum imorru lura lejn il-​belt tal-​qedem taʼ Babilonja, li kienet imgħaddsa fir-​reliġjon falza u f’duttrini u prattiċi li jiddiżonoraw lil Alla. Huwa għalhekk li l-​kopja taʼ Babilonja tal-​qedem hija msejħa Babilonja l-​Kbira, l-​imperu dinji taʼ reliġjon falza.

11. X’tgħid il-​Bibbja dwar Babilonja l-​Kbira, u għala?

11 Rigward Babilonja reliġjuża, il-​Kelma t’Alla tgħid: “Fiha nstab id-​demm tal-​profeti u tal-​qaddisin u taʼ dawk kollha li ġew imbiċċrin fuq l-​art.” (Rivelazzjoni 18:24) Ir-​reliġjonijiet taʼ din id-​dinja kif inhuma responsabbli tad-​demm taʼ dawk kollha li ġew imbiċċrin? Minħabba l-​fatt li dawn ir-​reliġjonijiet kollha—il-​knejjes tal-​Kristjaneżmu u r-​reliġjonijiet mhux Kristjani bl-​istess mod—appoġġaw, taw raġun, jew saħansitra kienu minn taʼ quddiem fil-​gwerer tal-​ġnus; huma wkoll ippersegwitaw u qatlu nies li kellhom il-​biżaʼ t’Alla li ma qablux magħhom.

Rekord li Jġib Diżunur lil Alla

12. Il-​kleru tal-​Kristjaneżmu għala hu iktar ħati minn mexxejja reliġjużi oħra?

12 Il-​kleru tal-​Kristjaneżmu huma iktar ħatja tat-​tixrid tad-​demm minn mexxejja reliġjużi oħra. Għala? Għax minbarra li ħadu l-​isem t’Alla fuqhom infushom, huma ħadu wkoll dak taʼ Kristu. Huma b’hekk obbligaw lilhom infushom li jsegwu t-​tagħlim taʼ Ġesù. (Ġwann 15:10-14) Iżda huma ma segwewx dan it-​tagħlim, billi b’hekk ġabu tmaqdir kbir fuq Alla kif ukoll fuq Kristu. Ir-​responsabbiltà għat-​tixrid tad-​demm mill-​kleru kienet kemm diretta, fil-​kruċjati, gewrer reliġjużi oħra, inkwiżizzjonijiet, u persekuzzjonijiet, u indiretti, f’li taw raġun għall-​gewrer li fihom membri tal-​knejjes qatlu lil sħabhom f’artijiet oħra.

13. Taʼ xiex kien responsabbli l-​kleru mis-​seklu 11 sas-​seklu 13?

13 Per eżempju, mis-​seklu 11 sas-​seklu 13, il-​kleru tal-​Kristjaneżmu introduċa l-​Kruċjati. Dawn irriżultaw f’tixrid taʼ demm u serq tal-​biżaʼ f’isem Alla u Kristu. Mijiet taʼ eluf inqatlu. Il-​Kruċjati kienu jinkludu t-​tbiċċir bla sens taʼ eluf li ġew imġiegħla jipparteċipaw fil-​Kruċjata tat-​Tfal fis-​sena 1212.

14, 15. Awtur Kattoliku kif jikkummenta fuq dak li introduċiet il-​knisja Kattolika fis-​seklu 13?

14 Fis-​seklu 13, il-​knisja Kattolika Rumana uffiċjalment bierket terrur ieħor li jġib diżunur lil Alla—l-​Inkwiżizzjoni. Bdiet fl-​Ewropa u nfirxet lejn l-​Amerikajiet, u damet għal iktar minn sitt sekli. Oriġinata u appoġġata mill-​papa, hija kienet attentat qattiel biex jiġu ttorturati u meqruda dawk kollha li ma jaqblux mal-​knisja. Fil-​waqt li l-​knisja qabel kienet ippersegwitat lil nies mhux Kattoliċi, l-​Inkwiżizzjoni kienet bil-​wisq iżjed estensiva fl-​iskop tagħha.

15 Peter De Rosa, li jistqarr li hu “Kattoliku patrijottiku”, jgħid fil-​ktieb riċenti tiegħu Vicars of Christ—The Dark Side of the Papacy: “Il-​knisja kienet responsabbli għall-​persekuzzjoni tal-​Lhud, għall-​Inkwiżizzjoni, għat-​tbiċċir tal-​eretiċi bl-​eluf, talli introduċiet mill-​ġdid it-​tortura fl-​Ewropa bħala parti minn proċess ġudizzjarju. . . .Papiet ħatru u neħħew saħansitra imperaturi, ordnaw li huma jimponu l-​Kristjanità fuq iċ-​ċittadini tagħhom taħt it-​thedhida tat-​tortura u l-​mewt. . . . Il-​prezz tal-​messaġġ tal-​Vanġelu kien tal-​biżaʼ.” L-​uniku “att kriminali” taʼ xi wħud li ġew maqtula kien li huma kienu jipposjedu Bibbja.

16, 17. X’kummenti saru dwar l-​Inkwiżizzjoni?

16 Rigward Papa Innoċent III tal-​bidu tas-​seklu 13, De Rosa jgħid: “Ġie kkalkolat li fl-​aħħar persekuzzjoni u l-​iktar waħda selvaġġa taħt l-​Imperatur [Ruman] Dioklezjanu [tat-tielet seklu] madwar elfejn Kristjani nqatlu, mad-​dinja kollha. Fl-​ewwel inċident feroċi tal-​Kruċjata taʼ Papa Innoċent [kontra “eretiċi” fi Franza] għaxar darbiet iżjed minn dak il-​għadd taʼ nies ġew imbiċċrin. . . .Tiġi bħala ħasda li tiskopri li, f’kolp wieħed, papa qatel bil-​wisq iżjed Kristjani minn Dioklezjanu.... [Innoċent] ma ħass ebda skruplu dwar li juża isem Kristu biex jagħmel dak kollu li Kristu oġġezzjona dwaru.”

17 De Rosa jinnota li “f’isem il-​papa, [l-inkwiżituri] kienu responsabbli għall-​iktar attakk salvaġġ u fit-​tul fuq id-​diċenza umana fl-​istorja tar-​razza.” Dwar l-​inkwiżitur Dumnikan Torquemada fi Spanja, hu jgħid: “Maħtur fl-​1483, hu ħakem b’mod tirann għal ħmistax-il sena. Il-​vittmi tiegħu kienu jgħoddu ’l fuq minn 114,000 li minnhom 10,220 ġew maħruqin.”

18. Wieħed kittieb kif jikkaratterizza l-​Inkwiżizzjoni, u x’raġuni jagħti għala baqgħet sejra għal iktar minn sitt sekli?

18 Dan il-​kittieb jikkonkludi: “Ir-​rekord tal-​Inkwiżizzjoni jkun imbarazzanti għal kwalunkwe organizzazzjoni; għal Knisja Kattolika huwa taʼ ħerba.... Dak li turi l-​istorja hu li, għal iktar minn sitt sekli mingħajr waqfien taʼ xejn, il-​papiet kienu l-​egħdewwa determinati tal-​ġustizzja elementari. Minn tmenin papa f’suċċessjoni mis-​seklu tlettax ’il quddiem, l-​ebda wieħed minnhom ma wera diżapprovazzjoni għat-​teoloġija u l-​apparat tal-​Inkwiżizzjoni. Għall-​kuntrarju, wieħed wara l-​ieħor żiedu l-​marki krudili tagħhom stess mal-​proċess taʼ attività taʼ din il-​magna tal-​mewt. Il-​misteru hu: Kif setgħu l-​papiet ikomplu f’din l-​ereżija fil-​prattika għal ġenerazzjoni wara l-​oħra? Kif setgħu jiċħdu f’kull punt il-​Vanġelu taʼ Ġesù?” Hu jwieġeb: “Il-​Papiet preferew li jikkontradixxu l-​Vanġelu milli lil xi papa taʼ qabilhom ‘infallibbli,’ għax dak kien iwaqqaʼ lill-​istess stat taʼ papa.”

19. Liema attività oħra taʼ bla liġi ġiet aċċettata mill-​biċċa l-​kbira tal-​kleru?

19 Ukoll bla liġi kienet il-​parti li l-​kleru kellu fl-​istituzzjoni vjolenti tal-​iskjavitù. Il-​ġnus tal-​Kristjaneżmu ħatfu ħafna eluf taʼ Afrikani, ħaduhom ’il bogħod mill-​artijiet tagħhom stess, u għal ħafna sekli ħaqruhom b’mod brutali fiżikament u mentalment bħala skjavi. Relattivament ftit mill-​klassi tal-​kleru opponiet b’mod attiv. Xi wħud minnhom saħansitra stqarrew li din kienet ir-​rieda t’Alla.—Ara Mattew 7:12.

Ħtija taʼ Demm fis-​Seklu 20

20. Il-​ħtija tad-​demm tar-​raġel taʼ bla liġi kif laħqet quċċata f’dan is-​seklu?

20 Il-​ħtija tad-​demm tar-​raġel taʼ bla liġi laħqet quċċata fis-​seklu tagħna. Il-​kleru appoġġaw gewrer li ħadu għaxriet taʼ miljuni taʼ ħajjiet, l-​agħar gewrer fl-​istorja kollha. Huma issapportjaw iż-​żewġ naħat fiż-​żewġ gewrer dinjin, li fihom nies tal-​istess reliġjon, “aħwa,” qatlu lil xulxin. Per eżempju, fit-​Tieni Gwerra Dinjija, Kattoliċi Franċiżi u Amerikani qatlu Kattoliċi Ġermaniżi u Taljani; Protestanti Ingliżi u Amerikani qatlu Protestanti Ġermaniżi. Xi drabi, huma qatlu oħrajn li mhux biss kienu tal-​istess reliġjon iżda wkoll tal-​istess sfond nazzjonali. Iż-​żewġ gewrer dinjin faqqgħu fil-​qalba tal-​Kristjaneżmu u ma kinux ikunu possibbli li kieku l-​kleru obda l-​kmandament tal-​imħabba, u għallmu lis-​segwaċi tagħhom biex jagħmlu l-​istess.

21. Sorsi sekulari xi jgħidu dwar l-​involviment tal-​kleru fil-​gwerra?

21 The New York Times affermat: “Fil-​passat ġerarkiji Kattoliċi lokali kważi dejjem appoġġaw il-​gewrer tal-​ġnus tagħhom, billi bierku t-​truppi u ofrew talb għal rebħa, fil-​waqt li grupp ieħor taʼ isqfijiet fuq in-​naħa l-​oħra pubblikament talab għar-​riżultat oppost. . . .Il-kontradizzjoni bejn l-​ispirtu Kristjan u l-​kondotta taʼ gwerra . . . tidher dejjem iżjed ċara għal ħafna hekk kif l-​armamenti jsiru iktar brutali.” U U.S.News & World Report innotat: “Il-​prestiġju tal-​Kristjanità fid-​dinja ġie mfixkel b’mod gravi mill-​frekwenza li biha l-​hekk imsejħa ġnus Kristjani wżaw il-​vjolenza.”

22. Għal xiex iżjed huwa l-​kleru responsabbli fi żmienna?

22 Ukoll, fil-​waqt li m’hemmx Inkwiżizzjoni uffiċċjali llum, il-​kleru uża driegħ l-​Istat biex jippersegwita “profeti” u “qaddisin” li huma differenti minnhom. Huma pressaw lill-​mexxejja politiċi biex ‘jaqilgħu l-​inkwiet taħt il-​għata tal-​liġi’. B’dan il-​mod, huma kkaġunaw jew approvaw il-​projbizzjoni, it-​tfiegħ il-​ħabs, is-​swat, it-​tortura, u saħansitra l-​mewt taʼ nies li jibżgħu minn Alla fis-​seklu tagħna.—Rivelazzjoni 17:6; Salmi 94:20, The New English Bible.

Imsejjaħ Biex Jagħti Kont

23. Alla għala se jsejjaħ lir-​raġel taʼ bla liġi biex jagħt kont?

23 Verament, fir-​reliġjon falza jinstab id-​demm tal-​profeti, u tal-​qaddisin, u taʼ dawk kollha li ġew imbiċċrin fuq l-​art. (Rivelazzjoni 18:24) Ladarba l-​agħar tixrid taʼ demm seħħ fil-​Kristjaneżmu, il-​ħtija tal-​kleru hi l-​akbar waħda. Kemm tittimbrahom tajjeb il-​Bibbja bħala “raġel taʼ bla liġi”! Iżda l-​Kelma t’Alla tgħid ukoll: “Tkunux żvijati: Alla mhux wieħed li żżebilħu. Għax kulma bniedem qed jiżraʼ dan ukoll se jaħsad.” (Galatin 6:7) Għalhekk Alla se jsejjaħ lill-​kleru taʼ bla liġi biex jagħti kont.

24. Liema ġrajjiet li jheżhżu d-​dinja se jseħħu dalwaqt?

24 Ġesù qal: “Morru ’l bogħod minni, intom ħaddiema taʼ bla liġi.” (Mattew 7:23) U hu ddikjara: “Kull siġra li ma tipproduċix frott mill-​aħjar tiġi mqaċċta u tintafaʼ fin-​nar.” (Mattew 7:19) Iż-​żmien qed joqrob bil-​għaġla għat-​tmiem jaqbad tar-​raġel taʼ bla liġi, flimkien mar-​reliġjon falza kollha, meta l-​elementi politiċi li lagħbu magħhom taʼ prostituta se jduru fuqhom: “Dawn se jobogħdu lill-​mara żienja u se jagħmluha ħerba u għarwiena, u se jieklu l-​partijiet imlaħħma tagħha u se jaħarquha għalkollox bin-​nar.” (Rivelazzjoni 17:16) Ladarba dawn il-​ġrajjiet li jheżhżu d-​dinja dalwaqt se jseħħu, il-​qaddejja t’Alla jridu jagħrfuhom lil oħrajn. L-​artiklu li jmiss se jeżamina kif huma għamlu dan.

Mistoqsijiet għal Reviżjoni

◻ X’inhu r-​raġel taʼ bla liġi, u kif żviluppa?

◻ Xi frott mill-​aħjar għandhom jipproduċu l-​veri Kristjani?

◻ Min hi Babilonja l-​Kbira, u kemm hi ħatja tad-​demm?

◻ X’rekord li jġib diżunur lil Alla għamel ir-​raġel taʼ bla liġi?

◻ Alla kif se jsejjaħ lir-​raġel taʼ bla liġi biex jagħti kont?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja