LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • pr sezzjoni 4 pp. 16-19
  • Il-Kristjaneżmu Ttradixxa lil Alla u lill-Bibbja

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Il-Kristjaneżmu Ttradixxa lil Alla u lill-Bibbja
  • X’Inhu l-Iskop tal-Ħajja? Kif Tista’ Ssibu?
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Duttrini li m’Humiex Bibliċi
  • Azzjonijiet mhux bħal t’Alla
  • M’humiex Kristjani
  • Il-Ġudizzju t’Alla Kontra “Ir-Raġel taʼ Bla Liġi”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1990
  • Il-Ħabib Falz tal-Bibbja
    Il-Bibbja—Il-Kelma tʼAlla jew tal-Bniedem?
  • Il-Ġudizzju taʼ Jehovah Kontra l-Għalliema Foloz
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
  • Il-Kenn Tagħhom—Gidba
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1991
Ara Iżjed
X’Inhu l-Iskop tal-Ħajja? Kif Tista’ Ssibu?
pr sezzjoni 4 pp. 16-19

Sezzjoni 4

Il-​Kristjaneżmu Ttradixxa lil Alla u lill-​Bibbja

1, 2. Xi nies għala huma neqsin mir-​rispett lejn il-​Bibbja, imma x’tgħid il-​Bibbja?

1 Nies f’ħafna pajjiżi evitaw il-​Bibbja u naqsu mir-​rispett lejha minħabba l-​imġieba ħażina taʼ dawk li jgħidu li jsegwuha. F’xi artijiet intqal li l-​Bibbja hija ktieb li jwassal għall-​gwerra, li hija ktieb tal-​bojod, u li hija ktieb li jappoġġja l-​kolonjaliżmu. Imma dawk huma fehmiet żbaljati.

2 Il-​Bibbja, miktuba fil-​Lvant Nofsani, ma tappoġġjax il-​gwerer kolonjali u l-​esplojtazzjoni rgħiba li twettqet f’isem il-​Kristjanità għal tant tul taʼ żmien. Għall-​kuntrarju, billi taqra l-​Bibbja u titgħallem it-​tagħlim tal-​Kristjanità vera mgħallem minn Ġesù, int se tara li l-​Bibbja tikkundanna bil-​qawwa l-​iggwerrar, l-​immoralità, u li wieħed jisfrutta lil oħrajn. Il-​ħtija tinsab fin-​nies rgħiba, mhux fil-​Bibbja. (1 Korintin 13:​1-6; Ġakbu 4:​1-3; 5:​1-6; 1 Ġwann 4:​7, 8) Mela tħallix l-​imġieba ħażina taʼ nies egoisti li jgħixu kuntrarju għall-​parir tajjeb tal-​Bibbja ttellfek milli tibbenefika mit-​teżori tagħha.

3. Il-​fatti tal-​istorja x’juru dwar il-​Kristjaneżmu?

3 Inklużi fost dawk li ma jgħixux skond il-​Bibbja hemm il-​popli u l-​ġnus tal-​Kristjaneżmu. Il-​“Kristjaneżmu” hu ddefinit bħala dik il-​parti tad-​dinja fejn tiddomina l-​Kristjanità. Fil-​biċċa l-​kbira hija d-​dinja tal-​Punent bis-​sistemi taʼ knejjes tagħha, li saru prominenti minn madwar ir-​rabaʼ seklu E.K. Il-​Kristjaneżmu kellu l-​Bibbja għal sekli sħaħ, u l-​membri tal-​kleru tiegħu jgħidu li jgħallmuha u li huma r-​rappreżentanti t’Alla. Imma jgħallmuha l-​verità l-​membri tal-​kleru u l-​missjunarji tal-​Kristjaneżmu? L-​azzjonijiet tagħhom verament jirrappreżentaw lil Alla u lill-​Bibbja? Il-​Kristjanità tassew li tiddomina fil-​Kristjaneżmu? Le. Minn mindu r-​reliġjon tiegħu ġiet fuq quddiem fir-​rabaʼ seklu, il-​Kristjaneżmu wera li kien il-​għadu t’Alla u tal-​Bibbja. Iva, il-​fatti tal-​istorja juru li l-​Kristjaneżmu ttradixxa lil Alla u lill-​Bibbja.

Duttrini li m’Humiex Bibliċi

4, 5. Liema duttrini li m’humiex Bibliċi huma mgħallmin mill-​knejjes?

4 Id-​duttrini fundamentali tal-​Kristjaneżmu huma bbażati mhux fuq il-​Bibbja imma fuq ħrejjef antiki​—dawk tal-​Greċja, tal-​Eġittu, tal-​Babilonja, u oħrajn. Tagħlim bħall-​immortalità inerenti tar-​ruħ umana, it-​turment etern f’nar tal-​infern, il-​purgatorju, u t-​Trinità (tliet persuni f’Alla wieħed) ma jinstabux fil-​Bibbja.

5 Per eżempju, ikkunsidra t-​tagħlim li nies ħżiena se jkunu tturmentati għal dejjem f’infern tan-​nar. Kif tħossok int dwar din l-​idea? Ħafna jsibuha li timbottahom. Ma jarawhiex raġonevoli li Alla jittortura lill-​bnedmin għal dejjem, billi jżommhom f’uġigħ kbir ferm. Idea makabra bħal din hi kuntrarja għal dak Alla tal-​Bibbja, għax “Alla hu mħabba.” (1 Ġwann 4:8) Il-​Bibbja hi ċara li tagħlim bħal dak ‘ma kienx daħal f’qalb’ Alla li Jistaʼ Kollox.​—Ġeremija 7:31; 19:5; 32:35.

6. Il-​Bibbja kif tiċħad it-​tagħlim tar-​ruħ immortali?

6 Illum ħafna reliġjonijiet, inklużi l-​knejjes tal-​Kristjaneżmu, igħallmu li l-​bnedmin għandhom ruħ immortali, li mal-​mewt tmur fis-​sema jew fl-​infern. Dan mhux tagħlim tal-​Bibbja. Minflok, il-​Bibbja tistqarr b’mod ċar: “Il-​ħajjin huma konxji li se jmutu; imma inkwantu għall-​mejtin, m’huma konxji taʼ xejn affattu, . . . għax la hemm xogħol la ħsieb la għarfien u lanqas għerf f’Xeol [il-qabar], il-​post li lejh int sejjer.” (Ekkleżjasti 9:​5, 10) U s-​Salmista jistqarr li mal-​mewt il-​bniedem “jerġaʼ lura lejn artu; f’dak il-​jum ħsibijietu tassew igħibu.”​—Salm 146:4.

7. X’kien il-​kastig għal Adam u Eva talli kisru l-​liġi t’Alla?

7 Ftakar, ukoll, li meta Adam u Eva kisru l-​liġi t’Alla, il-​kastig ma kienx l-​immortalità. Dak kien ikun rigal, mhux kastig! Minflok, intqalilhom li kellhom ‘jerġgħu lura lejn l-​art, għax minnha kienu meħudin.’ Alla enfasizza lil Adam: “Għax trab int u lejn it-​trab se terġaʼ lura.” (Ġenesi 3:19) B’hekk, it-​tagħlim tal-​immortalità inerenti tar-​ruħ mhux fil-​Bibbja imma l-​Kristjaneżmu ssellfu mingħand il-​popli m’humiex Kristjani li għexu qabilhom.

8. Il-​Bibbja kif tiċħad id-​duttrina tat-​Trinità tal-​Kristjaneżmu?

8 Ukoll, id-​duttrina tat-​Trinità tal-​Kristjaneżmu tpinġi lil Alla bħala xi Alla misterjuż taʼ tlieta f’wieħed. Imma dak it-​tagħlim ma jinstabx fil-​Bibbja anqas. Per eżempju, f’Isaija 40:​25, Alla jistqarr b’mod ċar: “Maʼ min tistgħu xxebbhuni biex insir daqsu?” It-​tweġiba hi ovvja: Ħadd ma jistaʼ jkun daqsu. Ukoll, Salm 83:18 jistqarr b’mod sempliċi: “Int, li jismek Jehovah, inti waħdek l-​Iktar Għoli fuq l-​art kollha.”​—Ara wkoll Isaija 45:5; 46:9; Ġwann 5:19; 6:38; 7:16.

9. X’nistgħu ngħidu dwar it-​tagħlim tal-​Bibbja u dwar it-​tagħlim tal-​knejjes tal-​Kristjaneżmu?

9 It-​tagħlim tal-​Bibbja dwar Alla u l-​iskop tiegħu huwa ċar, ħafif biex tifhmu, u raġonevoli. Imma t-​tagħlim tal-​knejjes tal-​Kristjaneżmu m’huwiex. Agħar minn hekk, jikkontradixxi l-​Bibbja.

Azzjonijiet mhux bħal t’Alla

10, 11. It-​tagħlim tal-​Bibbja b’liema modi jeħtieġ l-​oppost taʼ dak li qegħdin jagħmlu l-​knejjes tal-​Kristjaneżmu?

10 Minbarra li għallem duttrini foloz, il-​Kristjaneżmu ttradixxa lil Alla u lill-​Bibbja bl-​azzjonijiet tiegħu. Dak li għamlu l-​kleru u l-​​knejjes fis-​sekli li għaddew, u qegħdin ikomplu jagħmlu fi żmienna, huwa l-​oppost taʼ dak li Alla tal-​Bibbja jeħtieġ u l-​oppost taʼ dak li l-​Fundatur tal-​Kristjanità, Ġesù Kristu, għallem u għamel.

11 Per eżempju, Ġesù għallem lis-​segwaċi tiegħu biex ma jindaħlux fl-​affarijiet politiċi taʼ did-dinja u lanqas ma jinvolvu ruħhom fil-​gwerer tagħha. Għallimhom ukoll biex ikunu jħobbu l-​paċi, biex iżommu mal-​liġi, biex ikollhom imħabba ħielsa minn kull preġudizzju għall-​bnedmin sħabhom, biex saħansitra jkunu lesti jissagrifikaw lil ħajjithom stess minflok ma jieħdu l-​ħajjiet t’oħrajn.​—Ġwann 15:13; Atti 10:​34, 35; 1 Ġwann 4:​20, 21.

12. Ġesù x’qal li kellu jidentifika lill-​Kristjani veri?

12 Tabilħaqq, Ġesù għallem li l-​imħabba għal bnedmin oħrajn kellha tkun il-​marka li kellha tidentifika lil Kristjani veri minn Kristjani foloz, dawk taparsi. Hu qal lil dawk li kellhom isegwuh: “Qiegħed nagħtikom kmandament ġdid, li tħobbu lil xulxin; sewwa sew bħalma ħabbejtkom jien, li intom ukoll tħobbu lil xulxin. B’dan kulħadd se jkun jaf li intom dixxipli tiegħi, jekk għandkom l-​imħabba bejnietkom.”​—Ġwann 13:​34, 35; 15:12.

13, 14. X’juri li l-​knejjes tal-​Kristjaneżmu ma jirrappreżentawx lil Alla?

13 Madankollu, seklu wara seklu, il-​membri tal-​kleru tal-​Kristjaneżmu ndaħlu fil-​politika u appoġġjaw il-​gwerer tal-​ġnus tagħhom. Huma saħansitra taw appoġġ lil naħiet opposti fil-​gwerer ġewwa l-​Kristjaneżmu, bħalma ġara fiż-​żewġ gwerer dinjin taʼ dan is-​seklu. F’dawk il-​konflitti l-​kleru fuq kull naħa talab għar-​rebħa, u membri taʼ reliġjon waħda f’pajjiż wieħed kienu qegħdin joqtlu lil membri tal-​istess reliġjon f’pajjiż ieħor. Imma l-​Bibbja tgħid li dak hu kif jaġixxu t-​tfal taʼ Satana, mhux t’Alla. (1 Ġwann 3:​10-12, 15) B’hekk, waqt li l-​kleru u s-​segwaċi tagħhom sostnew li huma Kristjani, huma kkontradixxew it-​tagħlim taʼ Ġesù Kristu, li qal lis-​segwaċi tiegħu biex ‘ireġġgħu lura s-​sejf.’​—Mattew 26:​51, 52.

14 Għal sekli sħaħ il-​knejjes ikkollaboraw mal-​qawwiet politiċi tal-​Kristjaneżmu meta dawk il-​ġnus ikkonkwistaw, jassru, u umiljaw lil popli oħrajn matul l-​era tal-​imperjaliżmu. Dak kien il-​każ għal sekli sħaħ fl-​Afrika. Iċ-​Ċina wkoll esperjenzatu dan, meta l-​ġnus tal-​Punent naqqxu sferi taʼ influwenza bil-​forza, bħalma ġara fil-​Gwerer tal-​Oppju u fl-​Irvell tal-​Puġilisti.

15. Liema affarijiet taʼ waħx twettqu mill-​Kristjaneżmu?

15 Ir-​reliġjonijiet tal-​Kristjaneżmu wkoll kienu fuq quddiem f’li jippersegwitaw, jittorturaw, u saħansitra joqtlu lil dawk li ma qablux magħhom matul dawk is-​sekli taʼ storja msejħin l-​Era tad-​Dlam. Matul l-​Inkwiżizzjoni, li damet għal mijiet taʼ snin, prattiċi makabri, bħal tortura u qtil, kienu awtorizzati u mwettqin kontra nies diċenti u innoċenti. Dawk li għamlu dawn l-​affarijiet taʼ waħx kienu l-​kleru u s-​segwaċi tagħhom, li lkoll kemm huma sostnew li huma Kristjani. Huma saħansitra pprovaw jeliminaw il-​Bibbja sabiex in-​nies komuni ma jkunux jistgħu jaqrawha.

M’humiex Kristjani

16, 17. Għala nistgħu ngħidu li l-​knejjes ma humiex Kristjani?

16 Le, il-​ġnus u l-​knejjes tal-​Kristjaneżmu ma kinux, u m’humiex, Kristjani. M’humiex il-​qaddejja t’Alla. Il-​Kelma mnebbħa tiegħu tgħid dwarhom: “Huma pubblikament jiddikjaraw li jafu ’l Alla, imma jiċħduh bix-​xogħlijiet tagħhom, għaliex huma mistmerra u diżubbidjenti u m’humiex approvati għal xogħol tajjeb taʼ kwalunkwe xorta.”​—Titus 1:16.

17 Ġesù qal li reliġjon falza tistaʼ tkun identifikata minn dak li tipproduċi, mill-​frott tagħha. Hu qal: “Oqogħdu għassa għall-​profeti foloz li jiġu għandkom bil-​għata tan-​ngħaġ, imma minn ġewwa huma lpup imġewħin. Mill-​frott tagħhom se tagħrfuhom. . . . Kull siġra tajba tipproduċi frott mill-​aħjar, imma kull siġra mħassra tipproduċi frott bla siwi; siġra tajba ma tistax tagħti frott bla siwi, lanqas ma tistaʼ siġra mħassra tipproduċi frott mill-​aħjar. Kull siġra li ma tipproduċix frott mill-​aħjar tiġi mqaċċta u tintafaʼ ġewwa n-​nar. Tassew, allura, mill-​frott tagħhom se tagħrfuhom lil dawk [il-profeti foloz].”​—Mattew 7:​15-20.

18. X’irriżulta mit-​tagħlim u mill-​azzjonijiet tal-​Kristjaneżmu?

18 B’hekk, b’dak li għallmu u b’dak li għamlu, ir-​reliġjonijiet tal-​Kristjaneżmu wrew li l-​istqarrija tagħhom taʼ twemmin fil-​Bibbja u taʼ li jibżgħu minn Alla u taʼ li huma Kristjani hija gidba. Huma ttradew lil Alla u lill-​Bibbja. Billi għamlu hekk, iddiżgustaw lil miljuni taʼ nies u ġagħluhom ma jibqgħux jemmnu f’Esseri Suprem.

19. Il-​falliment tal-​Kristjaneżmu jfisser li Alla u l-​Bibbja fallew?

19 Madankollu, il-​falliment tal-​kleru u tal-​knejjes tal-​Kristjaneżmu, flimkien mal-​falliment taʼ reliġjonijiet oħrajn ’il barra mill-​Kristjaneżmu, ma jfissirx il-​falliment tal-​Bibbja. Lanqas ma jfisser li Alla falla. Anzi, il-​Bibbja tgħidilna dwar Esseri Suprem li tassew jeżisti u li tassew jimpurtah minna u mill-​futur tagħna. Turi kif se jippremja lil nies taʼ qalb onesta li jridu jagħmlu dak li hu sewwa, li jridu jaraw il-​ġustizzja u l-​paċi joħorġu rebbiħin mal-​art kollha. Turi wkoll għala Alla ppermetta l-​ħażen u s-​sofferenza li jeżistu u kif hu se jeħles lill-​art minn dawk li jagħmlu l-​ħsara lil bnedmin sħabhom, kif ukoll minn dawk li jistqarru li jaqduh imma ma jaqduhx.

[Stampa f’paġna 17]

L-​“Inferno” taʼ Dante

[Sors]

It-​tpinġija taʼ Doré taʼ Barrators​—Giampolo għad-​Divina Commedia taʼ Dante

[Stampa f’paġna 17]

Trinità tal-​Kristjaneżmu

[Stampa f’paġna 17]

Trinità tal-​Ħindu

[Sors]

Bil-​kortesija taʼ The British Museum

[Stampa f’paġna 17]

Trinità Eġizzjana

[Sors]

Museo Egizio, Torino

[Stampi f’paġna 18]

Kuntrarju għat-​tagħlim taʼ Ġesù, il-​membri tal-​kleru fuq iż-​żewġ naħat appoġġjaw il-​gwerer

[Sors]

U.S. Army photo

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja