L-Umanità Tassew Teħtieġ Messija?
“ID-DINJA TEĦTIEĠ MESSIJA, IGĦID UFFIĊJAL”
Dak il-headline deher f’The Financial Post taʼ Toronto, il-Kanada, fl-1980. L-uffiċjal li ġie kkwotat kien Aurelio Peccei, president u fundatur taʼ grupp magħruf taʼ speċjalisti li jagħmlu studju intensiv u riċerka msejjaħ il-Klabb taʼ Ruma. Skond il-Post, Peccei sostna li “mexxej kariżmatiku—xjentifiku, politiku, jew reliġjuż—kellu jkun għad-dinja l-uniku salvazzjoni mit-taqlib soċjali u ekonomiku li jhedded li jeqred liċ-ċivilizzazzjoni.” Inti x’taħseb? Hija din id-dinja tassew fi stat tal-biżaʼ bħal dan li l-umanità teħtieġ Messija? Ikkunsidra biss waħda mill-problemi li d-dinja tiffaċċja—il-ġuħ.
DIN il-pjaneta tipproduċi b’mod kurrenti iktar ikel milli jikkonsmaw il-bnedmin, u għandha l-kapaċità li tipproduċi iktar. Iżda, kull minuta, 26 tifel jew tifla jmutu mill-malnutriment u mill-mard. Matul dik l-istess minuta, id-dinja tonfoq madwar $2,000,000 biex jippreparaw għall-gwerra. Tistaʼ int timmaġina dak li dawk il-flus kollha—jew parti minnhom—jistgħu jagħmlu għal dawk is-26 tifel jew tifla?
B’mod ċar, il-ġuħ fid-dinja ma jistax sempliċement jingħad li hu minħabba nuqqas taʼ ikel jew flus. Il-problema hija iktar fonda. Kif poġġieha Jorge E. Hardoy, professur Arġentin, “id-dinja għandha inkapaċità kronika biex taqsam faraġ, poter, ħin, riżorsi u għarfien maʼ dawk li l-iktar jinħtieġu dawn l-affarijiet.” Iva, il-problema qiegħda, mhux fir-riżorsi tal-bniedem, imma fil-bniedem innifsu. Ir-regħba u l-egoiżmu jidhru li huma forzi dominanti fis-soċjetà umana. Parti waħda minn ħamsa tal-popolazzjoni tal-art li hija l-iktar għanja tgawdi xi 60 darba iktar affarijiet u servizzi minn dik il-parti minn ħamsa li hija l-iktar fqira.
Veru, xi wħud qegħdin jipprovaw sinċerament iwasslu ikel lil dawk bil-ġuħ, imma ħafna mill-isforzi tagħhom jiġu mfixklin minn fatturi li m’għandhomx kontroll fuqhom. Il-ġuħ taʼ spiss jifleġ lil ħafna pajjiżi li huma mgħakksin minħabba gwerra ċivili jew irvell, u taʼ spiss forzi li jopponu ma jħallux provvedimenti taʼ għajnuna jilħqu lil dawk fil-bżonn. Iż-żewġ naħat jibżgħu li jekk iħallu ikel jasal għand in-nies ċivili f’territorju tal-għadu, huma jkunu qegħdin jitimgħu lill-għedewwa tagħhom. Il-gvernijiet infushom m’humiex esklużi milli jużaw il-ġuħ bħala arma politika.
Ebda Soluzzjoni?
Sfortunatament, il-problema taʼ miljuni li qegħdin imutu bil-ġuħ m’hijiex l-unika kriżi li qed tifleġ lill-bniedem modern. Il-qerda u l-ivvelenar tal-ambjent li dejjem qegħdin jiżdiedu, il-pjaga persistenti tal-gwerra li tiblaʼ miljuni taʼ ħajjiet, l-epidemiji taʼ delitti vjolenti li jnisslu biżaʼ u nuqqas taʼ fiduċja kullimkien, u l-klima morali li dejjem qiegħda tispiċċa jidhru li qegħdin fil-għerq taʼ ħafna minn dan il-mard—dawn il-kriżijiet globali kollha jimxu id f’id, biex ingħidu hekk, u jikkonfermaw l-istess verità iebsa—li l-bniedem ma jistax jiggverna lilu nnifsu b’suċċess.
Bla dubju dak hu għala ħafna nies qatgħu qalbhom li jaraw xi soluzzjoni għall-problemi tad-dinja. Oħrajn iħossuhom kif ħassu Aurelio Peccei, l-istudjuż Taljan li semmejna fil-bidu. Jekk għandu jkun hemm xi soluzzjoni, huma jirraġunaw, trid tiġi minn sors straordinarju—forsi saħansitra superuman. B’hekk il-kunċett taʼ messija għandu appell qawwi. Imma huwa realistiku li tittama f’messija? Jew hija tama bħal din biss xewqa li ma tistax titwettaq?