LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w93 5/1 pp. 1-11
  • Sottomissjoni Lejn Alla—Għala u Minn Min?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Sottomissjoni Lejn Alla—Għala u Minn Min?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1993
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Għala Nafu s-​Sottomissjoni lil Alla Jehovah
  • Ġesù Kristu, l-​Eżempju Perfett taʼ Sottomissjoni lejn Alla
  • Eżempji Antiki taʼ Sottomissjoni lejn Alla
  • L-​Eżempju taʼ Pawlu fis-​Sottomissjoni
  • X’Teħtieġ Minna s-Sottomissjoni Lejn Alla
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1993
  • Nibbenefikaw minn sottomissjoni teokratika
    Organizzati biex Nagħmlu r-Rieda ta’ Ġeħova
  • Nisa Miżżewġin—Irrispettaw Profondament lil Żwieġkom
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • L-Awtorità taʼ Min Għandek Int Tirrikonoxxi?
    Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja Taʼ Dejjem
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1993
w93 5/1 pp. 1-11

Sottomissjoni Lejn Alla—Għala u Minn Min?

“Jien naf sewwa, O Jehovah, li għall-​bniedem tal-​art il-​mogħdija tiegħu ma tappartjenix lilu. Ma jappartjenix lill-​bniedem li miexi saħansitra li jidderieġi l-​pass tiegħu.”—ĠEREMIJA 10:23.

1. Liema forom taʼ indipendenza kienu taʼ valur maʼ kullimkien?

FOST l-​iktar dokumenti umani magħrufin hemm id-​Dikjarazzjoni taʼ l-​Indipendenza, li biha 13-il kolonja Britannika fl-​Amerka taʼ Fuq fis-​seklu 18 iddikjaraw l-​indipendenza tagħhom mill-​pajjiż li kien jaħkimhom, il-​Britannja. Riedu libertà, u l-​indipendenza minn kontroll barrani u l-​libertà kienu jmorru id f’id. Indipendenza politika u ekonomika tistaʼ tkun taʼ vantaġġ kbir. F’dawn l-​aħħar snin artijiet fl-​Ewropa tal-​Lvant imxew lejn indipendenza politika. Madankollu, wieħed irid jammetti li f’dawk l-​artijiet indipendenza bħal din ġabet magħha bosta problemi serji.

2, 3. (a) Liema forma taʼ indipendenza mhix mixtieqa? (b) Dan il-​fatt kif kien enfasizzat fil-​bidu?

2 Huma kemm huma taʼ min jixtieqhom id-​diversi forom taʼ indipendenza, hemm forma waħda taʼ indipendenza li mhix mixtieqa. X’inhi? Indipendenza minn Alla Jehovah, il-​Ħallieq tal-​bniedem. Dik mhux barka tkun imma saħta. Għala? Għaliex il-​bniedem qatt ma kien magħmul biex jaġixxi indipendentement mill-​Ħallieq tiegħu, bħalma juri tant tajjeb kliem il-​profeta Ġeremija kkwotat hawn fuq. Fi kliem ieħor, il-​bniedem kien magħmul biex ikun sottomess lejn il-​Ħallieq tiegħu. Li nkunu sottomessi lejn Dak li ħalaqna jfisser li nkunu ubbidjenti lejh.

3 Dak il-​fatt kien enfasizzat lill-​ewwel koppja umana permezz tal-​kmand taʼ Jehovah lilhom kif irreġistrat f’​Ġenesi 2:16, 17: “Minn kull siġra tal-​ġnien tistaʼ tiekol sa ma tixbaʼ. Imma nkwantu għas-​siġra tal-​għarfien tat-​tajjeb u tal-​ħażin ma tridx tiekol minnha, għax fil-​jum li tiekol minnha int żgur li se tmut.” Il-​fatt li rrifjuta li jkun sottomess lejn Dak li għamlu ġab lil Adam u lin-​nisel kollu tiegħu dnub, sofferenza, u mewt.​—Ġenesi 3:19; Rumani 5:12.

4, 5. (a) X’irriżulta mill-​fatt li l-​bnedmin irrifjutaw li jkunu sottomessi lejn Alla? (b) Liema liġi morali ma nistgħux naħarbu minnha?

4 Il-​fatt li l-​bnedmin jirrifjutaw li jkunu sottomessi lejn Alla huwa bla għaqal kif ukoll żballjat moralment. Fid-​dinja rriżulta f’li kullimkien hemm ksur tal-​liġi, kriminalità, vjolenza, u immoralità sesswali bil-​frott tagħha taʼ mardiet trażmessi sesswalment. Barra minn hekk, m’huwiex il-​kastig taʼ kriminalità taż-​żgħażagħ illum ikkaġunat b’li ż-​żgħażagħ jirrifjutaw li jkunu sottomessi lejn Jehovah, kif ukoll lejn il-​ġenituri tagħhom u lejn il-​liġijiet tal-​pajjiż? Dan l-​ispirtu taʼ indipendenza jidher fil-​mod grottesk u bl-​addoċċ kif ħafna nies jilbsu u fl-​ilsien profan li huma jużaw.

5 Imma ħadd assolutament ma jistaʼ jaħrab mil-​liġi morali u ineżorabbli tal-​Ħallieq: “Tkunux żvijati: Alla mhux wieħed li żżebilħu. Għax kulma bniedem qiegħed jiżraʼ, dan ukoll se jaħsad; għaliex dak li qiegħed jiżraʼ b’ħarsa għal laħmu se jaħsad il-​korruzzjoni minn laħmu.”—Galatin 6:7, 8.

6, 7. X’inhu l-​kaġun fundamentali taʼ li wieħed jirrifjuta li jkun sottomess, kif jidher mil-​liema eżempji?

6 X’inhu l-​kaġun fundamentali taʼ dan ir-​rifjutar kollu taʼ li wieħed ikun sottomess? B’mod sempliċi, huwa l-​egoiżmu u l-​kburija. Huwa għalhekk li Eva, l-​ewwel mara, ħalliet lilha nfisha tiġi mqarrqa mis-​serpent u ħadet mill-​frotta pprojbita. Kieku kienet modesta u umli, it-​tentazzjoni li tkun bħal Alla​—tiddeċiedi għaliha nfisha x’inhu tajjeb u ħażin—​ma kinetx tappella għaliha. U kieku ma kinetx egoista, ma kinetx tkun trid xi ħaġa li kienet ġiet ipprojbita espressament minn Dak li għamilha, Alla Jehovah.—Ġenesi 2:16, 17.

7 Mhux wisq wara l-​waqgħa taʼ Adam u Eva, il-​kburija u l-​egoiżmu ġiegħlu lil Kajjin joqtol lil ħuh Abel. Ukoll, l-​egoiżmu ġiegħel lil ċerti anġli jaġixxu b’mod indipendenti, billi telqu l-​pożizzjoni oriġinali tagħhom u mmaterjalizzaw sabiex igawdu pjaċiri senswali. Il-​kburija u l-​egoiżmu qanqlu lil Nimrod u kkaratterizzaw lill-​biċċa l-​kbira tal-​ħakkiema tad-​dinja minn żmienu ’l hawn.—Ġenesi 3:6, 7; 4:6-8; 1 Ġwann 3:12; Ġuda 6.

Għala Nafu s-​Sottomissjoni lil Alla Jehovah

8-11. Liema huma erbaʼ raġunijiet qawwijin għal li aħna neżerċitaw is-​sottomissjoni lejn Alla?

8 Għala nafu s-​sottomissjoni lil Dak li għamilna, Alla Jehovah? L-​ewwelnett għaliex huwa s-​Sovran Universali. L-​awtorità kollha bi dritt tgħammar fih. Huwa l-​Imħallef, il-​Leġiżlatur, u s-​Sultan tagħna. (Isaija 33:22) Sewwa ġie miktub dwaru: “L-​affarijiet kollha huma għarwenin u mikxufin beraħ f’għajnejn dak li lilu rridu nagħtu kont.”—Ebrej 4:13.

9 Barra minn hekk, ladarba Dak li għamilna jistaʼ kollox, ħadd ma jistaʼ jopponih b’suċċess; ħadd ma jistaʼ jinjora l-​obbligu tiegħu li jkun sottomess Lejh. Darba jew oħra, dawk li jirrifjutaw se jitnikktu bħalma għamel Farawni tal-​qedem u bħalma se jagħmel Satana x-​Xitan fiż-​żmien xieraq t’Alla.—Salm 136:1, 11-15; Rivelazzjoni 11:17; 20:10, 14.

10 Is-​sottomissjoni hija l-​obbligu tal-​ħlejjaq intelliġenti kollha għaliex huma jeżistu għall-​iskop taʼ li jaqdu lil Dak li għamilhom. Rivelazzjoni 4:11 jiddikjara: “Int jistħoqqlok, Jehovah, saħansitra Alla tagħna, li tirċievi l-​glorja u l-​unur u l-​qawwa, għaliex inti ħlaqt l-​affarijiet kollha, u minħabba fir-​rieda tiegħek eżistew u kienu maħluqin.” Huwa l-​Fuħħari l-​Kbir, u jagħmel reċipjenti umani biex jaqdu l-​iskop tiegħu.—Isaija 29:16; 64:8.

11 M’għandniex ninsew il-​fatt li Dak li għamilna għandu l-​għerf kollu, u għalhekk jaf x’inhu l-​aħjar għalina. (Rumani 11:33) Il-​liġijiet tiegħu huma ‘għall-​ġid tagħna.’ (Dewteronomju 10:12, 13) Fuq kollox, “Alla hu mħabba,” u għalhekk irid biss dak li hu l-​aħjar għalina. Kemm għandna raġunijiet sodi biex inkunu sottomessi lejn Dak li għamilna, Alla Jehovah!—1 Ġwann 4:8.

Ġesù Kristu, l-​Eżempju Perfett taʼ Sottomissjoni lejn Alla

12, 13. (a) Ġesù Kristu kif wera sottomissjoni lejn Alla? (b) Liema kliem taʼ Ġesù juri l-​attitudni sottomessa tiegħu?

12 Bla dubju taʼ xejn, l-​Iben uniġenitu taʼ Jehovah, Ġesù Kristu, jagħtina l-​eżempju perfett taʼ sottomissjoni lejn Alla. L-​appostlu Pawlu jispeċifika dan f’​Filippin 2:6-8: “Għalkemm kien qiegħed jeżisti fis-​sura t’Alla, [Ġesù] ma ta ebda konsiderazzjoni għal ħtif, jiġifieri, li għandu jkun ugwali m’Alla. Le, imma battal lilu nnifsu u ħa s-​sura taʼ rsir u sar li jixbah lill-​bnedmin. Iktar minn hekk, meta sab lilu nnifsu fil-​għamla bħala bniedem, umilja [iktar] lilu nnifsu u sar ubbidjenti sal-​mewt, iva, mewt fuq zokk tat-​tortura.” Meta kien fuq l-​art, Ġesù ripetutament stqarr li ma għamel xejn minn rajh; hu m’aġixxiex b’mod indipendenti, imma dejjem baqaʼ sottomess lejn Missieru tas-​sema.

13 Naqraw fi Ġwann 5:19, 30: “Ġesù ssokta jgħidilhom: ‘Verissmu ngħidilkom, L-​Iben ma jistaʼ jagħmel lanqas ħaġa waħda minn rajh, imma dak biss li hu jilmaħ lill-​Missier jagħmel. Għax huma x’inhuma l-​affarijiet li jagħmel Dak, dawn l-​affarijiet l-​Iben ukoll jagħmel bl-​istess manjiera. Ma nistaʼ nagħmel anqas ħaġa waħda minn rajja; sewwa sew kif nismaʼ, niġġudika; u l-​ġudizzju li jien nagħmel hu taʼ tjieba, għaliex jien infittex, mhux ir-​rieda tiegħi stess, imma r-​rieda tiegħu li bagħatni.’” Bl-​istess mod, hu ripetutament talab fil-​lejl tat-​tradiment tiegħu: “Mhux kif irrid jien, imma kif trid int.”—Mattew 26:39, 42, 44; ara wkoll Ġwann 7:28; 8:28, 42.

Eżempji Antiki taʼ Sottomissjoni lejn Alla

14. Noè b’liema modi wera sottomissjoni lejn Alla?

14 Fost l-​eżempji umani bikrin taʼ sottomissjoni lejn Alla kien hemm Noè. Hu wera s-​sottomissjoni tiegħu bi tliet modi. L-​ewwel, billi kien raġel twajjeb, bla ħtija fost in-​nies taʼ żmienu, jimxi maʼ dak Alla veru. (Ġenesi 6:9) It-​tieni, billi bena l-​arka. Hu “ssokta jagħmel skond dak kollu li Alla kien ikkmandah. Hu għamel sewwa sew hekk.” (Ġenesi 6:22) It-​tielet, billi sammaʼ t-​twissija tad-​Dulluvju li kien ġej bħala “predikatur tat-​tjieba.”—2 Pietru 2:5.

15, 16. (a) Abraham liema eżempju mill-​aħjar ta fis-​sottomissjoni lejn Alla? (b) Sara kif uriet sottomissjoni?

15 Abraham kien eżempju ieħor li jispikka taʼ sottomissjoni lejn Alla. Hu wera sottomissjoni billi obda l-​kmand t’Alla: “Mur fi triqtek ’il barra minn pajjiżek.” (Ġenesi 12:1) Dak kien ifisser li jitlaq l-​inħawi komdi tiegħu f’Ur (mhix xi belt insinjifikanti, bħalma ġie indikat minn skoperti arkeoloġiċi) biex jiġġerra bħala nomadu f’art barranija għal mitt sena. B’mod partikulari Abraham wera sottomissjoni lejn Alla billi aċċetta l-​prova kbira taʼ li jkun lest li joffri lil ibnu Iżakk.—Ġenesi 22:1-12.

16 Sara, il-​mara taʼ Abraham, tagħtina eżempju ieħor mill-​aħjar taʼ sottomissjoni lejn Alla. Li tiġri ’l hawn u ’l hinn f’art barranija bla dubju ġab miegħu bosta inkonvenjenzi, imma mkien ma naqraw dwar it-​tgergir tagħha. Hi tat eżempju mill-​aħjar taʼ sottomissjoni lejn Alla fiż-​żewġ drabi meta Abraham ippreżentaha bħala oħtu quddiem ħakkiema pagani. Id-​darbtejn li huma kkoperat, għalkemm kważi saret membru tal-​ħarem tagħhom bħala riżultat. Jagħti xiehda dwar is-​sottomissjoni tagħha lejn Alla huwa l-​mod kif hi rreferiet fiha nfisha għal żewġha, Abraham, bħala “mulejja,” billi wriet li dik kienet l-​attitudni ġenwina tal-​qalb tagħha.—Ġenesi 12:11-20; 18:12; 20:2-18; 1 Pietru 3:6.

17. Għala jistaʼ jingħad li Iżakk wera sottomissjoni lejn Alla?

17 Ejjew ma nħallux barra l-​eżempju taʼ sottomissjoni lejn Alla mogħti minn Iżakk bin Abraham. It-​tradizzjoni Lhudija tindika li Iżakk kellu madwar 25 sena meta Jehovah ikkmanda lil missieru, Abraham, biex joffrih bħala sagrifiċċju. Kieku ried Iżakk, setaʼ faċilment irreżista lil missieru, li kien mitt sena ixjeħ milli kien hu. Imma le. Għalkemm Iżakk skanta dwar in-​nuqqas taʼ annimal għas-​sagrifiċċju, b’mod ġwejjed issottometta ruħu għal li missieru jpoġġih fuq l-​artal u mbagħad jorbtu minn idu u minn siequ sabiex ma jħallix jew jikkontrolla kwalunkwe reazzjonijiet involontarji li setgħu seħħew kieku ġiet użata s-​sikkina tat-​tbiċċir.—Ġenesi 22:7-9.

18. Mosè kif wera sottomissjoni eżemplari lejn Alla?

18 Snin wara, Mosè ta eżempju tajjeb għalina fis-​sottomissjoni lejn Alla. Dak ċertament huwa indikat billi ġie deskritt bħala “bil-​wisq l-​iktar wieħed ġwejjed mill-​irġiel kollha li kienu fuq wiċċ l-​art.” (Numri 12:3) Il-​fatt li wettaq b’ubbidjenza l-​kmandi taʼ Jehovah għal 40 sena fix-​xagħri, għalkemm kellu jieħu ħsieb poplu ribelluż taʼ żewġ jew tliet miljun ruħ, jagħti iktar xiehda dwar is-​sottomissjoni tiegħu lejn Alla. B’hekk il-​kitba tgħid li “Mosè ssokta jagħmel skond dak kollu li Jehovah kien ikkmandah. Hu għamel sewwa sew hekk.”—Eżodu 40:16.

19. Ġob b’liema espressjonijiet wera s-​sottomissjoni tiegħu lejn Jehovah?

19 Ġob huwa karattru ieħor li jispikka li tana eżempju eċċellenti f’dik li hi sottomissjoni lejn Alla. Wara li Jehovah kien ippermetta lil Satana biex jeqred għalkollox il-​ġid kollu taʼ Ġob, biex joqtollu lil uliedu, u mbagħad biex jolqtu b’“nuffata qalila mill-​pala taʼ siequ sal-qorriegħa taʼ rasu,” il-​mara taʼ Ġob qaltlu: “Għadek iżżomm sod l-​integrità tiegħek? Isħet lil Alla u mut!” Madankollu, Ġob wera s-​sottomissjoni tiegħu lejn Alla billi qalilha: “Bħalma titkellem waħda min-​nisa bla sens, hekk titkellem int. Sejrin aħna naċċettaw biss dak li hu tajjeb mingħand dak Alla veru u ma naċċettawx ukoll dak li hu ħażin?” (Ġob 2:​7-10) Il-​kliem tiegħu li nsibu f’​Ġob 13:​15 juri l-​istess attitudni mentali: “Saħansitra jekk joqtolni, ma nistenniex?” Għalkemm Ġob kien, fil-​fatt, ikkonċernat ħafna dwar li jiġġustifika ruħu, m’għandniex ninsew li fl-​aħħar Jehovah qal lil wieħed minn dawk li suppost kienu farraġa tiegħu: “Ir-​rabja tiegħi saret sħuna kontra tiegħek u ż-​żewġ imseħbin tiegħek, għax intom m’għedtux dwari dak li hu veru bħalma għamel il-​qaddej tiegħi Ġob.” Bla dubju, Ġob jagħtina eżempju mill-​aħjar taʼ sottomissjoni lejn Alla.—Ġob 42:7.

20. David b’liema modi wera sottomissjoni lejn Alla?

20 Biex insemmu biss eżempju ieħor mill-​Iskrittura Ebrajka, hemm David. Meta s-​Sultan Sawl ikkaċċja lil David bħal li kieku kien xi annimal, David kellu żewġ opportunitajiet biex itemm l-​inkwiet tiegħu billi joqtol lil Sawl. Madankollu, is-​sottomissjoni taʼ David lejn Alla żammitu milli jagħmel hekk. Il-​kliem tiegħu huwa rreġistrat fl-​1 Samwel 24:6: “Lanqas biss igħaddili minn moħħi, da parti tiegħi, min-​naħa taʼ Jehovah, li għandi nagħmel din il-​ħaġa lil mulejja, il-​midluk taʼ Jehovah, billi noħroġ ’il barra lil idi kontra tiegħu, għax hu l-​midluk taʼ Jehovah.” (Ara wkoll 1 Samwel 26:9-11.) Hu wera bl-​istess mod is-​sottomissjoni tiegħu lejn Alla billi aċcetta ċ-​ċanfir meta żballja jew dineb.—2 Samwel 12:13; 24:17; 1 Kronaki 15:13.

L-​Eżempju taʼ Pawlu fis-​Sottomissjoni

21-23. L-​appostlu Pawlu f’liema diversi ċirkostanzi wera sottomissjoni lejn Alla?

21 Fl-​Iskrittura Griega Kristjana, għandna eżempju li jispikka taʼ sottomissjoni lejn Alla fl-​appostlu Pawlu. Hu imita lill-​Imgħallem tiegħu, Ġesù Kristu, f’dan bħalma għamel fl-​aspetti l-​oħra kollha tal-​ministeru appostoliku tiegħu. (1 Korintin 11:1) Għalkemm Alla Jehovah użah b’mod iktar setgħani minn kwalunkwe wieħed mill-​appostli l-​oħra, Pawlu qatt ma aġixxa b’mod indipendenti. Luqa jgħidilna li meta qamet il-​kwistjoni jekk il-​Ġentili li kkonvertew kellhomx bżonn jiġu ċirkonċiżi, “huma [l-aħwa f’Antijokija] rranġaw għal Pawlu u Barnabas u xi oħrajn minnhom biex jitilgħu għand l-​appostli u l-​irġiel ixjeħ f’Ġerusalemm rigward din it-​tilwima.”—Atti 15:2.

22 Rigward l-​attività missjunarja taʼ Pawlu, jintqalilna f’​Galatin 2:9: “Meta saru jafu l-​qalb tajba mhix mistħoqqa li ngħatat lili, Ġakbu u Kefa u Ġwanni, dawk li dehru li huma kolonni, taw lili u lil Barnabas l-​id il-​leminija taʼ li naqsmu flimkien, biex aħna għandna mmorru għand il-​ġnus, imma huma għand dawk li huma ċirkonċiżi.” Minflok ma aġixxa b’mod indipendenti, Pawlu fittex id-​direzzjoni.

23 Bl-​istess mod, l-​aħħar darba li Pawlu kien f’Ġerusalemm, aċċetta l-​parir mogħti mill-​anzjani hemmhekk f’konnessjoni maʼ li jmur lejn it-​tempju u li jsegwi l-​proċedura tal-​Liġi sabiex kollha setgħu jaraw li hu ma kienx xi apostata safejn il-​Liġi taʼ Mosè kienet ikkonċernata. Ladarba li għamel hekk deher li se jintemm b’mod diżastruż b’marmalja tiġi mqanqla kontra tiegħu, kien żball il-​fatt li hu wera sottomissjoni lejn dawk l-​anzjani? Bl-​ebda mod, bħalma huwa evidenti minn dak li naqraw f’​Atti 23:11: “Il-​lejl taʼ wara l-​Mulej qagħad ħdejh u qal: ‘Kun taʼ kuraġġ tajjeb! Għax bħalma int kont qiegħed tagħti xiehda bir-​reqqa fuq l-​affarijiet dwari f’Ġerusalemm, hekk int trid ukoll tagħti xiehda f’Ruma.’”

24. Liema aspetti oħrajn taʼ sottomissjoni se jiġu diskussi fl-​artiklu li jmiss?

24 Verament, l-​Iskrittura tagħtina raġunijiet qawwijin għal li nkunu sottomessi u eżempji li jispikkaw taʼ dawk li wrew sottomissjoni bħal din. Fl-​artiklu li jmiss, se nikkunsidraw id-​diversi aspetti li fihom nistgħu nkunu sottomessi lejn Alla Jehovah, il-​għajnuniet għal li nkunu hekk, u l-​premji li jirriżultaw.

Kif Twieġeb?

◻ Liema forma taʼ indipendenza mhix mixtieqa?

◻ X’inhu l-​kaġun fundamentali taʼ li wieħed jirrifjuta li jkun sottomess?

◻ Għal liema raġunijiet aħna nafu s-​sottomissjoni tagħna lil Jehovah?

◻ L-​Iskrittura tagħti liema eżempji mill-​aħjar taʼ sottomissjoni lejn Alla?

[Stampa f’paġna 10]

Noè, l-​eżempju bla ħtija taʼ sottomissjoni lejn Alla.—Ġenesi 6:14, 22

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja