X’Teħtieġ Minna s-Sottomissjoni Lejn Alla
“Issottomettu rwieħkom, għalhekk, lejn Alla.”—ĠAKBU 4:7.
1. X’jistaʼ jingħad dwar it-tip taʼ Alla li nqimu aħna?
X’ALLA meraviljuż huwa Jehovah! M’hawnx bħalu, m’hawnx daqsu, ma tistaʼ tqabblu maʼ ħadd, uniku f’tant modi! Huwa l-Iktar Għoli, is-Sovran Universali li fih tgħammar l-awtorità vera kollha. Huwa minn dejjem sa dejjem u hu tant glorjuż li ebda bniedem ma jistaʼ jarah u madankollu jibqaʼ ħaj. (Eżodu 33:20; Rumani 16:26) Hu infinit fil-qawwa u fil-għerf, assolutament perfett fil-ġustizzja, u l-personifikazzjoni nfisha tal-imħabba. Huwa l-Ħallieq tagħna, l-Imħallef tagħna, il-Legiżlatur tagħna, u s-Sultan tagħna. Kull għotja tajba u kull rigal perfett jiġi mingħandu.—Salm 100:3; Isaija 33:22; Ġakbu 1:17.
2. Is-sottomissjoni lejn Alla tinvolvi liema affarijiet?
2 Minħabba f’dawn il-fatti kollha, ma jistaʼ jkun hemm ebda dubju dwar l-obbligu tagħna li nkunu sottomessi lejh. Imma dan x’jinvolvi għalina? Għadd taʼ affarijiet. Ladarba ma nistgħux personalment naraw lil Alla Jehovah, is-sottomissjoni lejh tinvolvi li nagħtu kas il-leħen taʼ kuxjenza mgħallma, li nikkoperaw mal-organizzazzjoni t’Alla fuq l-art, li nirrikonoxxu lill-awtoritajiet sekulari, u li nirrispettaw il-prinċipju tal-istat taʼ kap fiċ-ċirku tal-familja.
Inżommu Kuxjenza Tajba
3. Biex inżommu kuxjenza tajba, irridu nobdu liema xorta taʼ projbizzjonijiet?
3 Biex inżommu kuxjenza tajba, irridu nkunu ubbidjenti lejn dak li ma jistax jiġi inforzat—jiġifieri, lejn liġijiet jew prinċipji li l-bnedmin ma jistgħux jinforzaw. Per eżempju, il-għaxar kmandament tad-Dekalogu, immirat kontra x-xenqa, ma setax jiġi inforzat minn awtoritajiet umani. Inċidentalment, dan jagħti xiehda favur l-oriġini divin tad-Dekalogu, għax l-ebda ġemgħa umana li tagħmel il-liġijiet ma kienet tagħmel liġi li ma setgħetx tiġi inforzata permezz taʼ sanzjonijiet jekk tiġi miksura. Permezz taʼ din il-liġi, Alla Jehovah ta lil kull Iżraelit ir-responsabbiltà li jkun il-pulizija tiegħu stess—jekk kien ikollu kuxjenza tajba. (Eżodu 20:17) Bl-istess mod, fost ix-xogħlijiet tal-laħam li kellhom jipprojbixxu lil dak li jkun milli jiret is-Saltna t’Alla hemm il-“għira” u x-“xenqiet”—reazzjonijiet li kontra tagħhom ma jistgħux jiġu inforzati sanzjonijiet minn imħallfin umani. (Galatin 5:19-21) Imma biex inżommu kuxjenza tajba, irridu nevitaw dawn.
4. Biex inżommu kuxjenza tajba, irridu ngħixu b’liema prinċipji tal-Bibbja?
4 Iva, irridu ngħixu bil-prinċipji tal-Bibbja. Dawn il-prinċipji jistgħu jiġu miġburin fil-qosor fiż-żewġ kmandamenti li Ġesù Kristu lissen bi tweġiba għall-mistoqsija dwar liema kien l-akbar kmandament tal-kodiċi taʼ Mosè. “Trid tħobb lil Jehovah Alla tiegħek b’qalbek kollha u b’ruħek kollha u b’moħħok kollu. . . . Trid tħobb lil ġarek bħalek innifsek.” (Mattew 22:36-40) Il-kliem taʼ Ġesù rreġistrat f’Mattew 7:12 jagħti stampa taʼ x’inhu involut fit-tieni wieħed minn dawn il-kmandamenti: “L-affarijiet kollha, għalhekk, li tridu lill-bnedmin jagħmlu lilkom, intom ukoll tridu tagħmluhom bl-istess mod lilhom; dan, fil-fatt, hu li jfissru l-Liġi u l-Profeti.”
5. Kif nistgħu nżommu relazzjoni tajba m’Alla Jehovah?
5 Irridu nagħmlu dak li nafu li hu sewwa u ma nagħmlux dak li nafu li hu ħażin, kemm jekk oħrajn jinnotawh u kemm jekk le. Dan hu hekk avolja jistaʼ jkollna l-ħila ngħadduha lixxa b’li ma nagħmlux dak li għandna nagħmlu jew b’li nagħmlu dak li m’għandniex nagħmlu. Dan ifisser li nżommu relazzjoni tajba maʼ Missierna tas-sema, billi nżommu f’moħħna t-twissija li l-appostlu Pawlu jesprimi f’Ebrej 4:13: “Ma hemm l-ebda ħolqien li ma jidhirx għall-ħarsa tiegħu, imma l-affarijiet kollha huma għarwenin u mikxufin beraħ f’għajnejn dak li lilu rridu nagħtu kont.” Li nippersistu li nagħmlu dak li hu sewwa se jgħinna biex nissieltu kontra l-pjanijiet makakki tax-Xitan, biex nirreżistu l-pressjonijiet tad-dinja, u biex niġġieldu kontra t-tendenza ereditarja lejn l-egoiżmu.—Qabbel Efesin 6:11.
Sottomissjoni lejn l-Organizzazzjoni t’Alla
6. Jehovah uża liema mezzi taʼ komunikazzjoni fi żminijiet taʼ qabel l-era Kristjana?
6 Alla Jehovah ma ħallihiex għalkollox f’idejna biex niddeċiedu individwalment kif se napplikaw il-prinċipji tal-Bibbja f’ħajjitna. Mill-bidu tal-istorja tal-bniedem, Alla uża bnedmin bħala mezzi taʼ komunikazzjoni. B’hekk, Adam kien il-kelliemi t’Alla għal Eva. Il-kmand dwar il-frotta pprojbita kien mogħti lil Adam qabel ma Eva kienet maħluqa, u għalhekk Adam bil-fors li għarraf lil Eva dwar ir-rieda t’Alla għaliha. (Ġenesi 2:16-23) Noè kien il-profeta t’Alla għall-familja tiegħu u għad-dinja taʼ qabel id-dulluvju. (Ġenesi 6:13; 2 Pietru 2:5) Abraham kien il-kelliemi t’Alla għall-familja tiegħu. (Ġenesi 18:19) Mosè kien il-profeta u l-mezz taʼ komunikazzjoni t’Alla għall-ġens taʼ Iżrael. (Eżodu 3:15, 16; 19:3, 7) Warajh, sa Ġwanni l-Għammied, ħafna profeti, qassisin, u slaten kienu wżati minn Alla biex jikkomunika r-rieda tiegħu lill-poplu tiegħu.
7, 8. (a) Bil-miġja tal-Messija, min kienu wżati bħala l-kelliema t’Alla? (b) Is-sottomissjoni lejn Alla x’teħtieġ mix-Xhieda taʼ Jehovah illum?
7 Bil-miġja tal-Messija, Ġesù Kristu, Alla uża lilu u lill-appostli u lid-dixxipli immedjati tiegħu biex jaqdu bħala l-kelliema Tiegħu. Iktar tard, is-segwaċi leali u midlukin taʼ Ġesù Kristu kellhom jaqdu bħala “rsir fidil u diskret” f’li jikkomunikaw lin-nies taʼ Jehovah kif għandhom japplikaw il-prinċipji tal-Bibbja fil-ħajjiet tagħhom. Is-sottomissjoni lejn Alla kienet tfisser li wieħed jirrikonoxxi l-istrument li Alla Jehovah kien qiegħed juża.—Mattew 24:45-47; Efesin 4:11-14.
8 Il-fatti juru li llum “l-irsir fidil u diskret” huwa assoċjat max-Xhieda taʼ Jehovah u rrappreżentat mill-Ġemgħa li Tiggverna taʼ dawn ix-Xhieda. Dik il-ġemgħa, mill-banda l-oħra, taħtar indokraturi f’diversi karigi—bħalma huma l-anzjani u rappreżentanti li jivvjaġġaw—biex jidderieġu x-xogħol fuq livell lokali. Is-sottomissjoni lejn Alla teħtieġ minn kull Xhud iddedikat li jkun sottomess lejn dawn l-indokraturi fi qbil maʼ Ebrej 13:17: “Kunu ubbidjenti lejn dawk li qegħdin jieħdu t-tmexxija fostkom u kunu sottomessi, għax huma qegħdin igħassu fuq erwieħkom bħala dawk li se jagħtu kont; biex jistgħu jagħmlu dan bil-ferħ u mhux bit-tnegħid, għax dan ikun taʼ ħsara għalikom.”
Naċċettaw id-Dixxiplina
9. Is-sottomissjoni lejn Alla hija spiss kwistjoni taʼ liema ħaġa?
9 Is-sottomissjoni lejn Alla hija spiss kwistjoni taʼ li naċċettaw id-dixxiplina mingħand dawk li qegħdin jaqdu bħala indokraturi. Jekk aħna ma nagħtux dejjem lilna nfusna d-dixxiplina neċessarja, jistaʼ jkollna bżonn li ningħataw parir u niġu ddixxiplinati minn dawk li għandhom l-esperjenza u l-awtorità li jagħmlu dan, bħal per eżempju l-anzjani tal-kongregazzjoni tagħna. Li taċċetta dixxiplina bħal din hija l-korsa tal-għerf.—Proverbji 12:15; 19:20.
10. Dawk li jamministraw id-dixxiplina għandhom liema obbligu?
10 Ovvjament, anzjani li jamministraw id-dixxiplina jridu huma nfushom ikunu eżempji taʼ sottomissjoni lejn Alla. Kif? Skond Galatin 6:1, mhux biss għandhom ikollhom manjiera mill-aħjar taʼ li jagħtu parir imma għandhom ikunu taʼ eżempju: “L-aħwa, saħansitra għalkemm raġel jieħu xi pass falz qabel ma jinduna bih, intom li għandkom kwalifiki spiritwali ppruvaw irranġaw lil raġel bħal dan fi spirtu taʼ ħlewwa, fil-waqt li kull wieħed minnkom iżomm għajn fuqu nnifsu, minħabba l-biżaʼ li inti wkoll tistaʼ tiġi ttantat.” Fi kliem ieħor, il-parir tal-anzjan irid ikun fi qbil mal-eżempju tiegħu. Dan hu f’armonija mat-twissija mogħtija fit-2 Timotew 2:24, 25 u f’Titus 1:9. Iva, dawk li jamministraw it-twiddib jew il-korrezzjoni jridu joqogħdu attenti ferm li qatt ma jkunu ħorox. Għandhom dejjem ikunu ħelwin, qalbhom tajba, u madankollu sodi f’li jappoġġjaw il-prinċipji fil-Kelma t’Alla. Għandhom ikunu semmiegħa mparzjali, billi jirriffreskaw lil dawk li qegħdin jitħabtu u huma mgħobbijin.—Qabbel Mattew 11:28-30.
Sottomissjoni lejn l-Awtoritajiet Superjuri
11. X’inhu meħtieġ mill-Kristjani fir-relazzjonijiet tagħhom mal-awtoritajiet sekulari?
11 Is-sottomissjoni lejn Alla teħtieġ minna wkoll li nobdu lill-awtoritajiet sekulari. Ningħataw parir f’Rumani 13:1: “Ħa tkun kull ruħ sottomessa lejn l-awtoritajiet superjuri, għax ma hemm l-ebda awtorità ħlief permezz t’Alla; l-awtoritajiet eżistenti qegħdin hemm fil-pożizzjonijiet relattivi tagħhom permezz t’Alla.” Dawn il-kelmiet jeħtieġu minna, fost affarijiet oħrajn, li nobdu l-liġijiet tat-traffiku u li nkunu kuxjenzjużi dwar il-ħlas tat-taxxi u tal-ħaraġ, kif jinnota l-appostlu Pawlu f’Rumani 13:7.
12. Is-sottomissjoni tagħna lejn Ċesri f’liema sens hi relattiva?
12 Biċ-ċar, iżda, din is-sottomissjoni kollha lejn Ċesri trid tkun relattiva. Irridu dejjem inżommu f’moħħna l-prinċipju li Ġesù Kristu stqarr, kif irreġistrat f’Mattew 22:21: “Ħallsu lura, għalhekk, l-affarijiet taʼ Ċesri lil Ċesri, imma l-affarijiet t’Alla lil Alla.” Nota taʼ taħt għal Rumani 13:1 fl-Oxford NIV [New International Version] Scofield Study Bible tosserva: “Dan ma jfissirx li hu għandu jobdi regoli li huma immorali jew anti-Kristjani. F’każi bħal dawn huwa d-dmir tiegħu li jobdi lil Alla iktar milli lill-bnedmin (Atti 5:29; cp. Dan. 3:16-18; 6:10ff).”
Sottomissjoni lejn Alla fiċ-Ċirku tal-Familja
13. Is-sottomissjoni lejn Alla fiċ-ċirku tal-familja x’teħtieġ mill-membri tagħha?
13 Fiċ-ċirku tal-familja, ir-raġel u missier jaqdi bħala kap. Dan jitlob li n-nisa jagħtu kas il-parir mogħti f’Efesin 5:22, 23: “Ħalli n-nisa jkunu sottomessi lejn żwieġhom bħal lill-Mulej, għaliex raġel hu l-kap taʼ martu bħalma l-Kristu wkoll hu l-kap tal-kongregazzjoni.”a Inkwantu għat-tfal, huma ma jagħmlux ir-regoli tagħhom stess imma jafu s-sottomissjoni lejn Alla kemm lill-missier u kemm lill-omm, bħalma Pawlu jispjega f’Efesin 6:1-3: “Tfal, kunu ubbidjenti lejn il-ġenituri tagħkom f’għaqda mal-Mulej, għax dan hu taʼ tjieba: ‘Onora lil missierek u lil ommok’; li hu l-ewwel kmandament b’wegħda: ‘Biex imurlek tajjeb u tistaʼ ddum żmien twil fuq l-art.’”
14. Is-sottomissjoni lejn Alla x’teħtieġ mill-kapijiet tal-familja?
14 M’għandniex xi ngħidu, jagħmilha iktar faċli għal nisa miżżewġin u għat-tfal li juru sottomissjoni lejn Alla bħal din meta rġiel miżżewġin u missirijiet infushom juru sottomissjoni lejn Alla. Huma jagħmlu dan billi jeżerċitaw l-istat taʼ kap tagħhom fi qbil mal-prinċipji tal-Bibbja, bħal dawk li nsibu f’Efesin 5:28, 29 u 6:4: “B’dan il-mod l-irġiel miżżewġin għandhom iħobbu lin-nisa tagħhom bħall-iġsma tagħhom stess. Dak li jħobb lil martu jħobb lilu nnifsu, għax ebda raġel qatt ma bagħad lil laħmu stess; imma jitimgħu u jgħożżu, bħalma l-Kristu wkoll jagħmel lill-kongregazzjoni.” “Missirijiet, tkunux qegħdin tirritaw lil uliedkom, imma ibqgħu rabbuhom fid-dixxiplina u r-regular mentali taʼ Jehovah.”
Għajnuniet f’li Nuru Sottomissjoni lejn Alla
15. Liema frotta tal-ispirtu se tgħinna biex nuru sottomissjoni lejn Alla?
15 X’se jgħinna biex inkunu sottomessi lejn Alla f’dawn id-diversi oqsma? L-ewwelnett, hemm l-imħabba mhix egoista—imħabba lejn Alla Jehovah u lejn dawk li hu poġġa fuqna. Jintqalilna fl-1 Ġwann 5:3: “Dan hu li tfisser l-imħabba t’Alla, li nosservaw il-kmandamenti tiegħu; u madankollu l-kmandamenti tiegħu m’humiex tqal.” Ġesù għamel l-istess punt fi Ġwann 14:15: “Jekk tħobbuni, se tosservaw il-kmandamenti tiegħi.” Verament, l-imħabba—l-aqwa frotta tal-ispirtu—se tgħinna napprezzaw dak kollu li Jehovah għamel għalina u b’hekk se tgħinna biex neżerċitaw is-sottomissjoni lejn Alla.—Galatin 5:22.
16. Il-biżaʼ t’Alla taʼ liema għajnuna hi f’li wieħed juri sottomissjoni lejn Alla?
16 It-tieni, hemm il-biżaʼ t’Alla. Li nibżgħu li ma nogħġbux lil Alla Jehovah se jgħinna għaliex dan “ifisser li tobgħod il-ħażen.” (Proverbji 8:13) Bla dubju, il-biżaʼ li ma nogħġbux lil Jehovah se jżommna milli nagħmlu kompromess minħabba l-biżaʼ mill-bniedem. Se jgħinna wkoll biex nobdu l-istruzzjonijiet t’Alla huma x’inhuma d-diffikultajiet li jkunu jridu jiġu megħlubin. Iktar minn hekk, se jżommna milli nċedu għat-tentazzjonijiet jew għal inklinazzjonijiet lejn li nagħmlu l-ħażen. L-Iskrittura turi li kien il-biżaʼ taʼ Jehovah li qanqal lil Abraham biex jittanta joffri lill-maħbub ibnu Iżakk bħala sagrifiċċju, u kien il-biżaʼ li ma jogħġobx lil Jehovah li ġiegħel lil Ġużeppi jirreżisti b’suċċess l-avvanzi immorali tal-mara taʼ Potifar.—Ġenesi 22:12; 39:9.
17. Il-fidi liema rwol għandha f’li neżerċitaw sottomissjoni lejn Alla?
17 It-tielet għajnuna hija l-fidi f’Alla Jehovah. Il-fidi se tgħinna biex nagħtu kas il-parir mogħti fi Proverbji 3:5, 6: “Afda f’Jehovah b’qalbek kollha u tistrieħx fuq il-fehma tiegħek stess. Fil-mogħdijiet kollha tiegħek agħti kas tiegħu, u hu nnifsu se jiddritta l-passaġġi tiegħek.” B’mod speċjali l-fidi se tgħinna meta nidhru li qegħdin insofru b’mod inġust jew inħossu li saret diskriminazzjoni kontra tagħna minħabba r-razza jew in-nazzjonalità tagħna jew minħabba xi konflitt fil-personalità. Xi wħud jistgħu wkoll iħossu li jkunu nqabżu b’mod żballjat meta ma jiġux rakkomandati biex jaqdu bħala anzjan jew qaddej ministerjali. Jekk għandna l-fidi, se nistennew lil Jehovah biex jiddritta l-affarijiet fiż-żmien xieraq tiegħu. Sadanittant forsi jkollna bżonn nikkultivaw is-sabar bil-paċenzja.—Biki taʼ Ġeremija 3:26.
18. X’inhi r-rabaʼ għajnuna f’li nuru sottomissjoni lejn Alla?
18 Ir-rabaʼ għajnuna hija l-umiltà. Il-wieħed umli m’għandu ebda diffikultà li jkun sottomess lejn Alla għaliex ‘b’moħħ umli, jikkunsidra li l-oħrajn huma superjuri għalih.’ Wieħed umli hu lest li jġib ruħu bħala “wieħed iżgħar.” (Filippin 2:2-4; Luqa 9:48) Imma l-kburi jiddejjaq ikun sottomess u jiddieħak b’dan. Intqal li wieħed bħal dan jippreferi jkun irvinat mill-foħrija milli jkun salvat mill-kritika.
19. Wieħed li qabel kien president tal-Watch Tower Society ipprovda liema eżempju mill-aħjar taʼ umiltà?
19 Eżempju mill-aħjar taʼ umiltà u sottomissjoni lejn Alla darba ġie mogħti minn Joseph Rutherford, it-tieni president tal-Watch Tower Bible and Tract Society. Meta Hitler ipprojbixxa x-xogħol tax-Xhieda taʼ Jehovah fil-Ġermanja, l-aħwa t’hemmhekk kitbulu biex jistaqsuh x’għandhom jagħmlu minħabba fil-projbizzjoni fuq il-laqgħat tagħhom u l-attività tal-ippridkar tagħhom. Hu semma dan il-fatt lill-familja ġewwa Bethel u bla tlaqliq ammetta li ma kienx jaf x’se jgħidilhom lill-aħwa Ġermaniżi, partikolarment meta wieħed iqis is-sanzjonijiet ħorox involuti. Hu qal li jekk xi ħadd kien jaf x’għandu jgħidilhom, kien ferħan li jismaʼ dan. Xi spirtu umli!b
Benefiċċji milli Nuru Sottomissjoni lejn Alla
20. Liema barkiet jirriżultaw milli wieħed juri sottomissjoni lejn Alla?
20 Jistaʼ sewwa wieħed jistaqsi, X’inhuma l-benefiċċji taʼ li nkunu sottomessi lejn Alla? Bosta, tabilħaqq. Niskansaw l-anzjetajiet u l-frustrazzjonijiet li jħabbtu wiċċhom magħhom dawk li jaġixxu b’mod indipendenti. Ingawdu relazzjoni tajba m’Alla Jehovah. Għandna l-aqwa sħubija maʼ ħutna l-Kristjani. Iktar minn hekk, billi nġibu rwieħna skond il-liġi, nevitaw li jkollna inkwiet bla bżonn mal-awtoritajiet sekulari. Ingawdu wkoll ħajja fil-familja ferħana bħala rġiel u nisa miżżewġin, bħala ġenituri u wlied. Barra minn hekk, billi nżommu s-sottomissjoni lejn Alla, naġixxu fi qbil mal-parir mogħti fi Proverbji 27:11: “Kun għaref, ibni, u agħmel lil qalbi ferħana, biex inkun nistaʼ nagħti risposta lil dak li qiegħed jinbixni.”
[Noti taʼ taħt]
a Wieħed ministru pijunier faħħar ir-rispett u l-appoġġ b’imħabba li tagħtih martu maʼ wieħed pijunier mhux miżżewweġ. Il-pijunier mhux miżżewweġ ħaseb li sieħbu kien imissu wkoll qal xi ħaġa rigward il-kwalitajiet l-oħrajn taʼ martu. Imma snin wara, meta l-pijunier li ma kienx miżżewweġ iżżewweġ, hu rrealizza kemm hu vitali għall-hena fiż-żwieġ l-appoġġ b’imħabba min-naħa tal-mara.
b Wara ħafna talb u studju tal-Kelma t’Alla, Joseph Rutherford ra ċar it-tweġiba li kellha tingħata lill-aħwa fil-Ġermanja. Ma kienx għalih li jgħidilhom x’għandhom jew x’m’għandhomx jagħmlu. Kellhom il-Kelma t’Alla li qaltilhom ċar x’għandhom jagħmlu inkwantu għal li jiltaqgħu flimkien u li jagħtu xiehda. Mela l-aħwa Ġermaniżi bdew joperaw bil-moħbi imma baqgħu jobdu l-kmandi taʼ Jehovah li jiltaqgħu flimkien u li jagħtu xiehda dwar ismu u dwar is-Saltna tiegħu.
Mistoqsijiet għal Reviżjoni
◻ Alla liema rġiel uża bħala mezzi taʼ komunikazzjoni, u l-qaddejja tiegħu x’kienu jafuhom?
◻ Is-sottomissjoni lejn Alla tapplika f’liema diversi relazzjonijiet?
◻ Liema kwalitajiet se jgħinuna biex nuru sottomissjoni lejn Alla?
◻ Is-sottomissjoni lejn Alla tirriżulta f’liema barkiet?
[Stampa f’paġna 13]
Alla uża l-organizzazzjoni tat-tempju taʼ Ġerusalemm biex jikkomunika r-rieda tiegħu lill-poplu tiegħu
[Stampi f’paġna 15]
Oqsma fejn nistgħu nuru sottomissjoni lejn Alla