Ġenna tal-Art jew Miżbla—Liema Tippreferi?
KULĦADD setaʼ jgħid x’kien: turist Ewropew li kellu bżonn il-mistrieħ u li kien ħerqan biex igawdi x-xemx fuq gżira ġenna. Waqt li qasam meddiet spazjużi taʼ ramel li kienu biswit il-baħar, hu qagħad attent kif jimxi minn bejn partita skart taʼ fliexken, laned, boroż tal-plastik, karti taċ-chewing gum u tal-ħelu, gazzetti, u rivisti. Irritat sew, hu tħasseb jekk kinetx din il-ġenna li hu kien ivvjaġġa biex iżur.
Qatt kellek esperjenza bħal din? In-nies għala joħolmu li jgħaddu l-btala tagħhom f’xi ġenna, imma dment li jkunu hemm, milli jidher ma jkollhom ebda skrupli dwar li jġibuha l-vera miżbla?
Mhux Sempliċement fil-“Ġenna”
Dan in-nuqqas ovvju taʼ apprezzament lejn is-sbuħija, l-ordni, u l-indafa ma jsirx biss f’dawn il-“postijiet bħal ġenna” li jħobbu jmorru fihom ħafna turisti. Is-soċjetà moderna hija mħassra b’mod sever mit-tniġġis kważi kullimkien. Ħafna negozji jniġġsu fuq skala kbira billi joħolqu tunnellati taʼ prodotti taʼ skart. Skart tossiku li jintrema b’mod irrisponsabbli u inċidenti taʼ tixrid taʼ żejt jheddu li jirrovinaw partijiet kbar tal-art tagħna, b’mod li ma jistax ikun hemm ħajja fihom.
Il-gwerer ukoll iniġġsu. Hekk kif id-dinja segwiet bi twerwir, il-gwerra tal-1991 fil-Golf Persjan żiedet dimensjoni ġdida. Forzi Iraqqini taw in-nar apposta lil madwar 600 bir taż-żejt, billi biddlu lill-Kuwajt “f’viżjoni apokaliptika tal-infern,” kif iddeskrivietu gazzetta Ewropea. Ir-rivista Ġermaniża Geo sejħet lil din il-ħuġġieġa kbira “l-akbar katastrofi ambjentali li qatt inġab minn idejn il-bniedem.”
Fi tmiem-il gwerra, inbdiet missjoni taʼ tindif immedjatament. Sakemm intfew il-bjar taż-żejt biss kien meħtieġ ħafna xhur taʼ xogħol iebes. L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa rrapportat li t-tniġġis li żdied fil-Kuwajt jistaʼ jikkaġuna li r-rata tal-mewt hemm tiżdied b’10 fil-mija.
Inqas Perikolużi imma Irritanti Ħafna
Għal kull eżempju prominenti u sfaċċat taʼ tniġġis tal-ambjent fuq skala kbira, hemm eluf taʼ eżempji fuq skala żgħira. Nies li jitfgħu karti u affarijiet fit-triq u “artisti” li jħażżu mal-ħitan jistgħu jkunu inqas perikolużi fit-tniġġis li jikkaġunaw imma xorta waħda jisirqu lill-pjaneta Art mill-potenzjal tagħha li tkun ġenna.
F’xi postijiet it-tħażżiż fuq il-ħitan tant huwa komuni li ċ-ċittadini saru għomja u ma jarawhx, bil-kemm għadhom jinnotawh. Jinstabu fuq il-ferroviji, fuq il-ħitan taʼ bini, u fuq il-kaxxi tat-telefon. M’għadekx issibhom biss fuq il-ħitan tal-lattrini pubbliċi.
F’xi bliet hemm partita bini mwaqqaʼ u abbandunat. Postijiet fejn joqogħdu n-nies huma mħassrin bi djar u btieħi ttraskurati. Hemm karozzi mkissrin, makkinarju abbandunat, u gzuz taʼ raċanċ mixħutin fil-għelieqi li altrimenti setgħu jkunu attraenti.
F’ċerti ambjenti n-nies jidhru li m’humiex ikkonċernati dwar jekk humiex żdingati u maħmuġin f’ġisimhom. Il-mod mitluq u mdendel taʼ kif jilbsu u kif iġibu ruħhom jistaʼ mhux talli jkun aċċettabbli imma saħansitra moda. Dawk li japprezzaw il-pulitizza u l-indafa huma meqjusin bħala antikwati għalkollox.
X’Biċċa Xogħol Tremenda!
X’kampanja tremenda taʼ tindif se tkun meħtieġa biex tbiddel ix-xtut, il-foresti, u l-muntanji tal-art li hi darna f’postijiet bħal ġenna li tingħata stampa tagħhom fil-faċċati jleqqu tar-rivisti tat-turisti—mingħajr ma nsemmu xi jrid isir fl-ibliet kbar u żgħar, fl-irziezet, u fin-nies infushom!
Dak it-turist li semmejna qabel ħa gost jara lil grupp taʼ ħaddiema tat-tindif igħaddu minn dak il-post iktar tard dak il-jum ineħħu l-biċċiet kbar taʼ imbarazz. Huma ħallew warajhom, madankollu, biċċiet tal-ħġieġ imkisser, tappijiet tal-fliexken, għotjien tal-laned, u partita biċċiet tas-sigaretti. Mela saħansitra wara t-tindifa, kien għad hemm evidenza abbundanti li x-xena kienet iktar tixbah lil xi miżbla milli lil xi ġenna.
Tindifa globali biex issalva lill-pjaneta Art milli ssir miżbla globali tkun tfisser li trid titneħħa sal-iċken traċċa minn dawn l-affarijiet koroh. Hemm xi prospetti li tindifa bħal din se sseħħ? Jekk inhu hekk, kif? Min se jagħmilha? Meta?