Neliminaw Għalkollox it-Tniġġis mill-Qalb u mill-Moħħ
JEHOVAH ma tax lill-bnedmin xenqa għall-ħmieġ u d-diżordni. Il-pjaneta darhom kienet iddisinnjata biex tkun ġenna taʼ ndafa, ordni, u ġmiel. Alla ma kellux il-għan li kellha tiddeġenera f’miżbla tant kerha.—Ġenesi 2:8, 9.
Madankollu, wara li l-bnedmin irrifjutaw gwida divina, huma bdew jibnu l-kwalità tagħhom stess taʼ ordni dinjija. Mingħajr il-benefiċċju taʼ għerf divin u mingħajr esperjenza, huma kellhom bil-fors jitgħallmu mill-iżballji tagħhom. L-istorja sekulari tikkonferma l-verità tal-Bibbja li l-bnedmin ma jistgħux jaħkmu lilhom infushom b’suċċess; għal eluf taʼ snin “raġel iddomina lil raġel bi ħsara għalih.” (Ekkleżjasti 8:9; Ġeremija 10:23) Il-problema moderna tat-tniġġis, fil-forom kollha tiegħu, hija konsegwenza tal-ħakma ħażina mill-bniedem.
Jadottaw il-Ħarsa t’Alla
Nies li jixtiequ jogħġbu lil Alla jaħdmu iebes biex jobdu l-livelli taʼ ndafa tal-Ħallieq. B’hekk, ix-Xhieda taʼ Jehovah ġew iffaċċjati bi problema meta konvenzjoni internazzjonali kienet ippjanata biex tinżamm fi Praga, fiċ-Ċekożlovakkja, f’nofs l-1991.a Madwar 75,000 persuna kellhom jattendu, folla li l-Istadju taʼ Strahov kien jesagħha bil-kumdità. Imma l-istadju kien ilu ma jintuża ħames snin. Kien fi stat abbandunat, vittma kerha taʼ l-elementi. Xi 1,500 Xhieda taʼ Jehovah qattgħu ’l fuq minn 65,000 siegħa jirrinovawh u jiżbgħuh mill-ġdid. Sal-ħin tal-konvenzjoni din il-kampanja taʼ tindif ġabet l-Istadju post xieraq li fih setgħet tingħata qima lill-veru Alla, Jehovah.
X’inhu li jqanqal lix-Xhieda taʼ Jehovah biex ikunu differenti, waqt li d-dinja inġenerali turi ftit li xejn apprezzament għall-indafa u l-ordni? L-apprezzament għall-parir tal-Bibbja li l-Kristjani għandhom jeliminaw għalkollox traċċi negattivi, bħalma huma l-egoiżmu, in-nuqqas taʼ konsiderazzjoni, ir-regħba, u n-nuqqas taʼ mħabba. “Inżgħu l-personalità l-qadima bil-prattiċi tagħha,” tgħid il-Bibbja. Ibdilha “bil-personalità l-ġdida, li permezz tal-għarfien eżatt qiegħda tiġġedded skond ix-xbiha taʼ Dak li ħalaqha.” Personalità kkaratterizzata mill-imħabba għall-indafa, l-ordni, u l-ġmiel ma tħalli ebda post għal tendenzi li jniġġsu.—Kolossin 3:9, 10; 2 Korintin 7:1; Filippin 4:8; Titus 2:14.
Il-personalità l-ġdida tinħtieġ li l-Kristjani jkunu konxji dwar it-tniġġis, u ma jniġġsux minn jeddhom jew jinjoraw b’mod diżubbidjenti liġijiet kontra t-tniġġis li joħorġu l-gvernijiet. Dan igħinhom biex jevitaw li jadottaw l-attitudni għażżiena, egoista, u ħalja li twassal għat-tfigħ taʼ ħmieġ maʼ kullimkien. Billi jġibu ’l quddiem ir-rispett għall-propjetà taʼ ħaddieħor, jiġi eskluż li jħażżu fuq il-ħitan bħala espressjoni, għall-gost, jew bħala forma alternattiva għall-arti. Dan jinħtieġ li djar, karozzi, ħwejjeġ, u l-persuni iridu jinżammu nodfa.—Qabbel Ġakbu 1:21.
Jekk in-nies ma jridux jilbsu l-personalità l-ġdida, jistaʼ Alla jingħata t-tort talli hu jżommhom milli jidħlu fil-Ġenna tiegħu li ġejja? Ma tantx. Kwalunkwe wieħed li għad għandu tendenzi li jniġġsu moħbijin f’qalbu jew f’moħħu ikun taʼ theddida għall-ġmiel irrestawrat taʼ ġenna tal-pjaneta Art, u jnikket lil dawk li jkunu qed jipprovaw iżommuha. Id-deċiżjoni t’Alla li ‘jġib f’rovina lil dawk li qegħdin jirrovinaw l-art’ hija kemm twajba kif ukoll taʼ mħabba.—Rivelazzjoni 11:18; 21:8.
Parteċipazzjoni Attiva?
Ifisser dan, madankollu, li l-Kristjani jinħtieġu li jkunu minn taʼ quddiem f’li jieħdu miżuri taʼ kontra t-tniġġis jew taʼ tindif?
It-tniġġis huwa b’mod ċar ħażin għas-saħħa u għal protezzjoni pubblika. Jehovah huwa kkonċernat b’mod xieraq dwar kwistjonijiet bħal dawn, kif nistgħu naraw mil-liġijiet li huwa ta lill-Iżraeliti. (Eżodu 21:28-34; Dewteronomju 22:8; 23:12-14) Imma fl-ebda żmien hu ma dderiġihom biex ixandru lill-popli oħra dwar kwistjonijiet taʼ protezzjoni pubblika; lanqas lill-Kristjani tal-ewwel seklu ma qatt intqalilhom biex jagħmlu hekk.
Illum, kwistjonijiet dwar l-ambjent faċilment jistgħu jsiru kwistjonijiet politiċi. Fil-fatt, xi partiti politiċi ġew iffurmati speċifikament bil-għan li jsolvu l-problemi tal-ambjent. Kristjan li jħalli lilu nnifsu jiġi mmanuvrat lejn linji politiċi m’huwiex iktar newtrali politikament. Ġesù poġġa għad-dixxipli tiegħu l-prinċipju: “Ma huma ebda parti mid-dinja, sewwa sew bħalma jien ma jien ebda parti mid-dinja.” Kristjan li jinjora din il-ħtieġa ikun fil-periklu li jsir allineat mal-“ħakkiema taʼ din is-sistema taʼ affarijiet, li jridu jiġu fix-xejn.”—Ġwann 17:16; 1 Korintin 2:6.
Ġesù ma pprovax isolvi l-problemi soċjali kollha taʼ żmienu; lanqas ma qal lid-dixxipli tiegħu biex jagħmlu dan. Il-kmand li tahom kien: “Morru għalhekk u agħmlu dixxipli min-nies tal-ġnus kollha, billi tgħammduhom . . . , billi tgħallmuhom josservaw l-affarijiet kollha li kkmandajtkom.” Hu ma kkmandahomx dwar affarijiet tal-ambjent.—Mattew 28:19, 20.
Billi spjega x’kellu jkollu l-prijorità fil-ħajja taʼ Kristjan, Kristu qal: “Ibqgħu, allura, fittxu l-ewwel is-saltna u t-tjieba tiegħu.” (Mattew 6:33) Meta Jehovah, permezz tas-Saltna Messjanika, jinforza l-prinċipji tiegħu taʼ tjieba fuq skala globali, problemi tal-ambjent se jiġu solvuti b’mod permanenti u għas-sodisfazzjon taʼ kulħadd.
B’hekk, ix-Xhieda taʼ Jehovah jieħdu pożizzjoni bbilanċjata. Fi qbil maʼ Rumani 13:1-7, huwa obligatorju li huma b’mod kuxjenzjuż jobdu l-liġijiet governattivi li jirregolaw l-ambjent. Iktar minn hekk, l-imħabba li jrid Alla għall-proxxmu tqanqalhom biex juru rispett għall-propjetà taʼ ħaddieħor—pubblika jew privata—billi ma jisfigurawhiex u billi ma jarmux skart bl-addoċċ. Imma b’mod ċar m’humiex ikkmandati biex jieħdu t-tmexxija f’miżuri dinjin taʼ tindif. Huma bix-xieraq ipoġġu l-ippridkar tal-messaġġ tas-Saltna t’Alla l-ewwel, billi jirrealizzaw li dan hu l-mod li bih jagħmlu l-iktar ġid dejjiemi.
Tindifa Spiritwali
L-Iżraeliti tal-qedem kienu mwissijin b’mod ripetut dwar il-konsegwenzi jekk huma jniġġsu l-art billi jxerrdu d-demm, billi jadottaw mod taʼ ħajja immorali, jew billi juru nuqqas taʼ rispett għal affarijiet sagri. (Numri 35:33; Ġeremija 3:1, 2; Malakija 1:7, 8) B’mod sinjifikanti, huma kienu kkundannati għal dan it-tniġġis spiritwali, mhux għat-tniġġis fiżiku li setgħu kienu ħatja tiegħu ukoll.b
Huwa, għalhekk, it-tniġġis jew nuqqas taʼ ndafa spiritwali li Kristjan illum primarjament jistinka biex jevita. Dan jagħmlu billi jilbes “[i]l-personalità l-ġdida,” u jelimina għalkollox it-tendenzi taʼ tniġġis mill-qalb u l-moħħ. ’Il fuq minn erbaʼ miljun Xhieda taʼ Jehovah qegħdin jibbenefikaw minn din it-tindifa spiritwali, billi jiksbu għalihom indafa reliġjuża u morali, kif ukoll indafa fiżika taʼ min jinnotaha.—Efesin 4:22-24.
Illum huwa l-waqt għal kampanja taʼ tindif spiritwali. Kampanja fiżika taʼ tindif mad-dinja kollha se ssegwi fiż-żmien xieraq u se ssalva lil darna milli ssir miżbla globali billi tagħtiha ambjent meħlus mit-tniġġis kif jixirqilha.—Ekkleżjasti 3:1.
[Noti taʼ taħt]
a Għal rapport dettaljat dwar din is-serje taʼ konvenzjonijiet fl-Ewropa tal-Lvant, ara Awake! tat-22 taʼ Diċembru, 1991.
b L-Iżraeliti kienu familjari mal-proċess taʼ rfinar permezz taʼ tidwib. Fdalijiet instabu taʼ xi wħud mill-minjieri tagħhom tar-ramm, u r-ramm kien jiġi rfinut biex jiġu ppreparati għodod għat-tempju. (Qabbel 1 Slaten 7:14-46.) Jidher improbabbli li din il-proċedura tal-irfinar setgħet issir mingħajr xi ftit tniġġis minħabba d-dħaħen, il-fdalijiet, u n-nugrufun, u forsi b’xi konsegwenzi oħra. Iżda, Jehovah kien milli jidher lest li jittollera xi daqsxejn nuqqas taʼ ndafa f’xi postijiet taʼ dan ir-reġjun iżolat u li ma kienx daqshekk ippopolat.