Ifraħ bl-Art Nadifa li Ġejja!
KEMM nistgħu nkunu henjin li Jehovah, Alla taʼ ordni u ndafa, se jwettaq il-għan oriġinali tiegħu li jdawwar l-art f’ġenna globali! (Isaija 11:6-9) Hu jwiegħed: “Il-kelma tiegħi li toħroġ minn fommi . . . mhix se terġaʼ lura għandi mingħajr riżultati, imma ċertament li se tagħmel dak li fih jien sibt il-għaxqa.” “Huwa impossibbli għal Alla li jigdeb,” u għalhekk dan mhux kliem vojt.—Isaija 55:11; Ebrej 6:18.
Nistgħu nserrħu rasna li Jehovah se jindaħal għalina qabel ma l-bnedmin ikunu waslu sal-limitu, fejn kieku kienet tkun qerda ekoloġika totali!—Rivelazzjoni 11:18.
Jehovah se jneħħi lil dawk li jħobbu jniġġsu u li ma jridux jindmu u lil dawk li b’mod ribelluż jinjoraw il-prinċipji tiegħu taʼ ordni u ndafa. Ħadd ma hu se jiġi mogħti l-permess li jipperikola lill-Ġenna rrestawrata.—Proverbji 2:20-22.
Matul is-Saltna t’Alla, taħt id-direzzjoni taʼ Kristu Ġesù, il-bnedmin se jiġu mgħallmin kif jeliminaw kwalunkwe kaġun li jkun baqaʼ taʼ tniġġis fiżiku. Imbagħad—mhux issa—ikun iż-żmien meta l-qaddejja kollha t’Alla se jkunu involuti b’mod attiv f’miżuri persunali u kollettivi li se jikkontribwixxu għal tindifa globali li qatt ma kien hawn bħalha.—Qabbel Eżekjel 39:8-16.
Dawk li jsalvaw mit-tmiem tas-sistema ħażina preżenti taʼ affarijiet se jappoġġaw lil dan il-programm taʼ tindif fiżiku bl-istess dedikazzjoni u entużjażmu li bih jieħdu sehem fil-kampanja taʼ tindif spiritwali llum.—Salm 110:3.
Art imnaddfa trid tiġi, ippreċeduta mill-akbar kampanja taʼ tindif taʼ kull żmien, imwettqa mis-Saltna t’Alla. Kull traċċa taʼ tniġġis se tiġi mneħħija. Imkien ma ssib tħażżiż mal-ħitan. Qatt iktar fliexken mormijin, laned, boroż tal-plastik, karti taċ-chewing gum u tal-ħelu, gazzetti, u rivisti mormijin fuq xi xatt jew post pittoresk.
Ifraħ bl-art nadifa li ġejja!
[Stampa f’paġna 6]
Se tieħu sehem int fit-tindifa globali li ġejja?