“Ħallu ż-Żwieġ Ikun Onorabbli Fost Kulħadd”
“Ħallu ż-żwieġ ikun onorabbli fost kulħadd, u s-sodda taż-żwieġ tkun mingħajr tniġġis.”—EBREJ 13:4.
1. Ħafna nies x’tgħallmu dwar żwieġ taʼ suċċess?
MILJUNI taʼ nies, saħansitra f’din l-era taʼ divorzju faċli, igawdu żwiġijiet dejjiema. Huma sabu riċetta taʼ suċċess, minkejja differenzi fil-personalità u fl-isfond tagħhom. Żwiġijiet bħal dawn jinsabu fost ix-Xhieda taʼ Jehovah. Fil-biċċa l-kbira tal-każi dawn il-koppji jammettu li huma kellhom xi problemi, saħansitra xi raġunijiet biex wieħed jilmenta kontra l-ieħor. Madankollu, huma tgħallmu jiffaċċjaw maltempati żgħar u jżommu l-vapur taż-żwieġ tagħhom fil-korsa. X’inhuma xi fatturi li għenuhom jibqgħu mexjin?—Kolossin 3:13.
2. (a) Liema huma xi fatturi pożittivi li jsostnu ż-żwieġ? (b) Liema huma xi fatturi li jistgħu jirrovinaw iż-żwieġ? (Ara l-kaxxa f’paġna 8.)
2 Xi kummenti li saru minn uħud li ż-żwiġijiet Kristjani tagħhom kienu henjin u dejjiema jirrivelaw bosta affarijiet. Wieħed raġel miżżewweġ għal 16-il sena qal: “Kulmeta qamet xi problema, aħna verament għamilna sforz biex nisimgħu bl-attenzjoni l-ħarsa taʼ xulxin.” Dan jenfasizza wieħed mill-fatturi li jgħaqqad f’ħafna żwiġijiet—komunikazzjoni libera u onesta. Waħda mara, li ilha miżżewġa 31 sena, stqarret: “Li nżommu id f’id u li nagħmlu affarijiet taʼ gost biex inżommu r-romantiċiżmu bejnietna dejjem kien taʼ prijorità.” U dak hu aspett ieħor tal-komunikazzjoni. Koppja oħra, miżżewġin għal kważi 40 sena, enfasizzaw l-importanza li jinżamm sens taʼ umoriżmu, li jkunu kapaċi jidħku bihom infushom u b’xulxin. Huma qalu wkoll li kien taʼ għajnuna li huma setgħu jaraw dak li hu l-aħjar u dak li hu l-agħar f’xulxin u madankollu juru mħabba leali. Ir-raġel semma li wieħed għandu jkun lest li jammetti l-iżballji u mbagħad jitlob skuża. Fejn ikun hemm spirtu taʼ li wieħed iċedi, iż-żwieġ jiltewa biex isiru l-bidliet minflok ma jinqasam.—Filippin 2:1-4; 4:5, Kingdom Interlinear.
Klima li Qiegħda Tinbidel
3, 4. Liema bidliet fl-attitudni seħħew rigward il-fedeltà fiż-żwieġ? Tistaʼ tagħti xi eżempji?
3 Matul dawn l-aħħar għaxriet taʼ snin, mad-dinja kollha, il-fehmiet inbidlu rigward il-fedeltà fiż-żwieġ. Xi nies miżżewġin jaħsbu li m’hemm xejn ħażin f’li jkollok xi skappatura, frażi pulita moderna għall-adulterju, b’mod speċjali jekk is-sieħeb jew is-sieħba taf biha u taċċettaha.
4 Wieħed indokratur Kristjan ikkummenta dwar is-sitwazzjoni: “Id-dinja kważi abbandunat kwalunkwe sforz serju biex tgħix b’xi kodiċi morali. Kondotta nadifa saret titqies bħala antikwata.” Personalitajiet prominenti politiċi, sportivi, u tad-divertiment fil-miftuħ jiksru l-livelli taʼ kondotta morali tal-Bibbja, u nies bħal dawn ikomplu jitqiesu bħala taʼ fama tajba. Ma hemm tistaʼ tgħid l-ebda skruplu nvolut maʼ kwalunkwe tip taʼ ħażen jew perverżjoni morali. Il-kastità u l-integrità rari ġew apprezzati f’dik il-hekk imsejħa soċjetà għolja. Imbagħad, fuq il-prinċipju taʼ ‘dak li jgħodd għall-kbir igħodd għaż-żgħir,’ il-folol isegwu dak l-eżempju u jaċċettaw dak li Alla jikkundanna. Huwa bħalma esprimieha Pawlu: “Billi tilfu kull sens morali, taw lilhom infushom għal kondotta laxka biex jagħmlu ħmieġ taʼ kull xorta b’regħba.”—Efesin 4:19; Proverbji 17:15; Rumani 1:24-28; 1 Korintin 5:11.
5. (a) X’inhi l-pożizzjoni t’Alla fuq l-adulterju? (b) X’inhu kopert bl-użu mill-Bibbja tal-kelma “żina”?
5 Il-livelli t’Alla ma tbidlux. Il-pożizzjoni tiegħu hi li jekk wieħed igħix maʼ xi ħadd mingħajr il-benefiċċju taż-żwieġ ikun qed igħix fiż-żina. In-nuqqas taʼ fedeltà fiż-żwieġ xorta għadu adulterju.a L-appostlu Pawlu stqarr b’mod ċar: “X’inhu! Ma tafux li nies mhux twajbin m’humiex se jirtu s-saltna t’Alla? Tiġux żvijati. La żienja, la idolaturi, la adulteri, la rġiel miżmumin għal għanijiet mhux naturali, la rġiel li jimteddu maʼ rġiel . . . ma se jirtu s-saltna t’Alla. U madankollu dak hu kif kontu xi wħud minnkom. Imma intom ġejtu mnaddfin, imma intom ġejtu mqaddsin, imma intom ġejtu ddikjarati twajbin f’isem il-Mulej tagħna Ġesù Kristu u bl-ispirtu taʼ Alla tagħna.”—1 Korintin 6:9-11.
6. Liema inkuraġġiment nistgħu nsibu fil-kliem taʼ Pawlu fl-1 Korintin 6:9-11?
6 Punt inkuraġġanti f’dak it-test huwa l-espressjoni taʼ Pawlu, “Madankollu dak hu kif kontu xi wħud minnkom. Imma intom ġejtu mnaddfin.” Iva, ħafna li fil-passat ġrew fl-‘inżul fil-baxx’ laxk tad-dinja ġew f’sensihom, aċċettaw lil Kristu u lis-sagrifiċċju tiegħu, u ġew imnaddfin. Huma għażlu li jogħġbu lil Alla billi jgħixu ħajjiet morali u bħala riżultat huma iżjed kuntenti.—1 Pietru 4:3, 4.
7. Liema konflitt jeżisti fil-fehma taʼ “immoralità,” u x’inhi l-ħarsa tal-Bibbja?
7 Mill-banda l-oħra, id-definizzjoni tad-dinja moderna tal-immoralità tant hija mċajpra li ma taqbilx mal-ħarsa t’Alla. Dizzjunarju wieħed jiddefinixxi “immorali” bħala “kuntrarju għal moralità stabbilita.” Il-“moralità stabbilita” tal-lum, li taċċetta s-sess qabel iż-żwieġ u barra ż-żwieġ kif ukoll l-omosesswalità, hija dak li l-Bibbja tikkundanna bħala immoralità. Iva, mill-ħarsa tal-Bibbja, l-immoralità hija ksur serju tal-kodiċi morali t’Alla.—Eżodu 20:14, 17; 1 Korintin 6:18.
Il-Kongregazzjoni Kristjana Effettwata
8. L-immoralità kif tistaʼ teffettwa lil dawk fil-kongregazzjoni Kristjana?
8 L-immoralità llum tant hija prevalenti li tistaʼ saħansitra teżerċita pressjoni fuq dawk fil-kongregazzjoni Kristjana. Tistaʼ tinfluwenzahom permezz tal-invażjoni taʼ programmi televiżivi u videos degradanti, u taʼ materjal taʼ qari pornografiku. Għalkemm proporzjon żgħir biss taʼ Kristjani huma effettwati, irid jiġi rikonoxxut li l-maġġoranza tal-każi taʼ qtugħ mis-sħubija minn fost ix-Xhieda taʼ Jehovah minħabba kondotta mingħajr indiema li ma tixraqx lil Kristjan għandhom x’jaqsmu maʼ xi forma taʼ immoralità sesswali. Fuq in-naħa pożittiva, proporzjon kbir minn dawk li jinqatgħu mis-sħubija eventwalment jirrikonoxxu l-iżballji tagħhom, jirritornaw għal mod taʼ ħajja nadifa, u maż-żmien jiġu stabbiliti mill-ġdid fil-kongregazzjoni.—Qabbel Luqa 15:11-32.
9. Satana kif jimmanuvra lil min mhux attent?
9 M’hemmx dubju li Satana qed idur bħal iljun igħajjat, lest li jiblaʼ lil min mhux attent. Il-pjanijiet ħżiena, jew “atti makakki” tiegħu, qegħdin jaqbdu fin-nassa kull sena lil Kristjani li m’humiex attenti. L-ispirtu dejjem preżenti tad-dinja tiegħu hu egoist, ifittex il-pjaċiri senswali, u huwa bla rażan. Ipaxxi l-laħam. Jirrifjuta l-kontroll fuqu nnifsu.—Efesin 2:1, 2; 6:11, 12, nota taʼ taħt; 1 Pietru 5:8.
10. Min hu suġġett għat-tentazzjoni, u għala?
10 Min fil-kongregazzjoni jistaʼ jiġi espost għat-tentazzjonijiet tal-immoralità? Il-biċċa l-kbira tal-Kristjani, kemm jekk huma anzjani f’xi kongregazzjoni lokali, indokraturi li jivvjaġġaw, Beteliti, pijunieri li jippridkaw għal ħafna sigħat kull xahar, ġenituri mħabbtin bit-trobbija tal-familja, jew żgħażagħ iffaċċjati mill-pressjoni taʼ sħabhom. It-tentazzjoni tal-laħam hija komuni għal kulħadd. Il-kimika sesswali tistaʼ titqanqal meta l-inqas li tistenniha. B’hekk Pawlu setaʼ jikteb: “Ħalli min jaħseb li hu wieqaf joqgħod attent li ma jaqax. Ebda tentazzjoni ma ġiet fuqkom ħlief dik li hi komuni għall-bnedmin.” Huwa taʼ niket, imma xi Kristjani f’pożizzjoni taʼ responsabbiltà ċedew għal din in-nasba taʼ immoralità.—1 Korintin 10:12, 13.
Miġbudin u Mħajrin
11-13. Liema huma xi sitwazzjonijiet li wasslu għall-immoralità?
11 Liema huma t-tentazzjonijiet u s-sitwazzjonijiet li wasslu lil xi wħud lejn il-korsa taʼ bluha taʼ adulterju u żina? Huma ħafna u komplessi u jistgħu jvarjaw minn pajjiż għal ieħor u minn kultura għal oħra. Madankollu, hemm ċerti sitwazzjonijiet bażiċi li jitfaċċaw f’ħafna pajjiżi. Per eżempju, ġie rrapportat li xi wħud organizzaw parties fejn xorb alkoħoliku kien jinkiseb faċilment. Oħrajn ħabbew mużika suġġestiva dinjija u żfin provokattiv. F’xi nħawi tal-Afrika, hemm irġiel sinjuri—li ma jemmnux—li għandhom konkubini; xi nisa ġew ittantanti biex ifittxu s-sigurtà ekonomika f’din is-sitwazzjoni saħansitra għalkemm dan jinvolvi l-immoralità. F’inħawi oħrajn irġiel miżżewġin Kristjani ħallew lill-familji tagħhom biex jaqilgħu għixien fil-minjieri jew postijiet oħrajn. Imbagħad il-lealtà u l-fedeltà tagħhom ġew ittestjati sa grad jew b’modi li ma kinux jiġu mġarrbin kieku baqgħu d-dar.
12 F’pajjiżi żviluppati xi wħud waqgħu fin-nassa taʼ Satana billi taʼ spiss ikunu maʼ membri tas-sess oppost u mingħajr il-preżenza tat-terza persuna—bħal li regolarment ikunu fl-intimità ristretta taʼ karozza għal lezzjonijiet tas-sewqan.b Anzjani li jagħmlu żjajjar pastorali wkoll iridu joqogħdu attenti biex ma jkunux waħedhom maʼ xi oħt meta jagħtuha xi parir. Il-konversazzjonijiet jistgħu jsiru mimlijin bl-emozzjoni u jirriżultaw f’sitwazzjoni imbarazzanti għalihom it-tnejn.—Qabbel Mark 6:7; Atti 15:40.
13 Iċ-ċirkostanzi msemmijin hawn fuq wasslu lil xi Kristjani biex inaqqsu l-għassa tagħhom u jikkommettu atti immorali. Saħansitra bħalma ġara fl-ewwel seklu, huma ħallew lilhom infushom li jiġu ‘pprovati u miġbudin mix-xewqat tal-laħam tagħhom stess,’ u dan wassal għad-dnub.—Ġakbu 1:14, 15; 1 Korintin 5:1; Galatin 5:19-21.
14. L-egoiżmu għala huwa fattur bażiku fil-każi taʼ adulterju?
14 Konsiderazzjoni bir-reqqa tal-qtugħ mis-sħubija turi li atti immorali għandhom ċerti fatturi bażiċi komuni. F’każi bħal dawn hemm xi għamla taʼ egoiżmu. Għala ngħidu dan? Għaliex f’każi taʼ adulterju, xi persuna jew persuni innoċenti se jweġġgħu. Jistaʼ jkun is-sieħeb jew is-sieħba legali. Ċertament li se jweġġgħu t-tfal, jekk ikun hemm, għaliex jekk l-adulterju jirriżulta f’divorzju, it-tfal, li jixtiequ s-sigurtà taʼ familja magħquda, jaħbtu ħażin ħafna. Min jagħmel l-adulterju qiegħed primarjament jaħseb fil-pjaċir u fil-vantaġġ tiegħu jew tagħha stess. Dak hu egoiżmu.—Filippin 2:1-4.
15. Liema setgħu kienu xi raġunijiet li wasslu għall-adulterju?
15 Normalment l-adulterju m’huwiex att spontanju taʼ djufija. Iż-żwieġ innifsu jkun sejjer lura bil-mod il-mod, saħansitra bla ma wieħed jintebaħ. Forsi l-komunikazzjoni saret taʼ rutina jew vojta. Forsi kien hemm ftit inkuraġġiment reċiproku. Ma baqgħux japprezzaw lil xulxin. L-imseħbin forsi ma kinux qegħdin jissodisfaw lil xulxin sesswalment għal xi tul taʼ żmien. Ċertament meta jsir l-adulterju, kien hemm ukoll relazzjoni mitfija m’Alla. Jehovah ma jibqax jintlemaħ b’mod ċar bħala Alla ħaj li hu konxju tal-ħsibijiet u l-għemejjel kollha tagħna. Jistaʼ saħansitra jiġri li fil-moħħ tal-adulteru, “Alla” jsir sempliċi kelma, entità astratta li mhix parti mill-ħajja taʼ kuljum. Imbagħad isir eħfef li tidneb kontra Alla.—Salm 51:3, 4; 1 Korintin 7:3-5; Ebrej 4:13; 11:27.
Il-Muftieħ għar-Reżistenza
16. Kristjan kif jistaʼ jirreżisti t-tentazzjoni li ma jurix fedeltà?
16 Jekk xi Kristjan isib lilu nnifsu qed jiġi ttantat għal ġol-mogħdija taʼ nuqqas taʼ fedeltà, liema fatturi għandu jiftakar? L-ewwelnett, għandu jaħseb dwar it-tifsir taʼ mħabba Kristjana, ibbażata b’mod sod fuq il-prinċipji tal-Bibbja. Qatt m’għandha l-imħabba fiżika jew erotika titħalla tiddomina u malajr tikkaġuna waqgħa fl-egoiżmu, billi b’hekk iġġib sofferenza lill-oħrajn. Minflok, is-sitwazzjoni għandha titqies mill-ħarsa taʼ Jehovah. Għandha titqies fil-kuntest akbar tal-kongregazzjoni u tad-diżunur li kondotta ħażina se ġġib fuqha u fuq l-isem taʼ Jehovah. (Salm 101:3) Jistaʼ jiġi evitat id-diżastru billi niksbu l-moħħ taʼ Kristu fuq dil-ħaġa u mbagħad naġixxu fi qbil miegħu. Ftakar, imħabba mhix egoista bħal taʼ Kristu qatt ma tonqos.—Proverbji 6:32, 33; Mattew 22:37-40; 1 Korintin 13:5, 8.
17. X’eżempji taʼ fedeltà li jibnu għandna?
17 Muftieħ għar-reżistenza hu li ssaħħaħ il-fidi u l-viżjoni tiegħek dwar it-tama quddiemek. Dan ifisser li żżomm quddiemnett f’qalbek eżempji taʼ integrità li jispikkaw li rġiel u nisa leali tal-qedem, u Ġesù nnifsu, ħallew. Pawlu kiteb: “Mela, allura, peress li għandna sħaba hekk kbira taʼ xhieda li qegħdin idawruna, ejjew aħna wkoll inneħħu kull piż u d-dnub li faċilment iħarbatna, u ejjew niġru bis-sabar it-tiġrija li hi mqiegħda quddiemna, hekk kif inħarsu fissi lejn l-Aġent Ewlieni u Dak li Jipperfezzjona l-fidi tagħna, Ġesù. Għall-ferħ li tqiegħed quddiemu hu ssaporta zokk tat-tortura, billi stmerr il-għajb, u qagħad bil-qiegħda fuq il-leminija tat-tron t’Alla. Tabilħaqq, ikkunsidraw mill-qrib lil dak li ssaporta tant kliem kuntrarju minn midinbin kontra l-interessi tagħhom stess, biex ma tgħajjewx u ma ċċedux f’erwieħkom.” (Ebrej 12:1-3) Minflok ma jgħarraq il-bastiment taż-żwieġ, il-wieħed għaqli se jaħseb dwar modi kif jistaʼ jsewwi xi ħsara sabiex jirranġah, billi b’hekk jevita n-nasba tat-tradiment u l-ipokrezija.—Ġob 24:15.
18. (a) Tradiment għala mhix kelma qawwija żżejjed biex tiddeskrivi l-adulterju? (b) Alla kif iħares lejn li wieħed iwettaq il-wegħdi?
18 Hija l-kelma tradiment, li hu delitt kontra l-istat, qawwija wisq rigward l-immoralità? Delitt kontra l-istat huwa tradiment taʼ fiduċja jew konfidenzjalità. Ċertament li l-wegħda taż-żwieġ tinvolvi fiduċja u wegħda li tħobb u tgħożż, fit-tajjeb u fil-ħażin, fil-ġid u fid-deni. Tinvolvi xi ħaġa li ħafna nies jikkunsidrawha antikwata għaż-żmien li ngħixu fih—il-kelma tal-unur esprimuta fil-wegħda taż-żwieġ. Li tittradixxi dik il-fiduċja huwa li tikkommetti għamla taʼ delitt kontra s-sieħeb jew is-sieħba tiegħek. Il-ħarsa t’Alla dwar il-wegħdi hija mistqarra b’mod ċar fil-Bibbja: “Kulmeta twiegħed wegħda lil Alla, taħsibhiex darbtejn biex twettaqha, għax m’hemm ebda għaxqa fl-istupidi. Dak li twiegħed, wettqu.”—Ekkleżjasti 5:4.
19. B’kuntrast Satana biex jifraħ meta Xhud jaqaʼ?
19 Ħalli ma jkollna ebda dubju dwar dan. Bħalma jkun hemm ferħ kbir fis-sema minħabba s-salvazzjoni taʼ midneb wieħed, hekk ikun hemm ferħ kbir fuq l-art fost il-qtajja taʼ Satana, li jidhru u li ma jidhrux, meta wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah jonqos li jżomm l-integrità tiegħu.—Luqa 15:7; Rivelazzjoni 12:12.
Tentazzjonijiet Komuni għal Kulħadd
20. Kif nistgħu nirreżistu t-tentazzjoni? (2 Pietru 2:9, 10)
20 Hija l-immoralità inevitabbli f’ċerti każi? Huma l-laħam u Satana tant qawwijin li l-Kristjani ma jistgħux jirreżistu u jżommu l-integrità tagħhom? Pawlu jagħti l-inkuraġġiment b’dawn il-kelmiet: “Alla hu leali, u mhux se jħallikom tiġu ttantati iktar milli tifilħu, imma flimkien mat-tentazzjoni se jagħmel ukoll it-triq tal-ħruġ sabiex tkunu tistgħu tissaportuha.” Fid-dinja tal-lum forsi ma nistgħux nevitaw it-tentazzjoni għalkollox, imma billi nirrikorru lejn Alla fit-talb, aħna ċertament nistgħu nissaportu u negħlbu kwalunkwe tentazzjoni.—1 Korintin 10:13.
21. X’mistoqsijiet se jitwieġbu fl-artiklu tagħna li jmiss?
21 X’joffrilna Alla biex igħinna nissaportu t-tentazzjonijiet u noħorġu rebbiħin? X’għandna bżonn individwalment sabiex nipproteġu ż-żwiġijiet tagħna, il-familji tagħna, kif ukoll ir-reputazzjoni tal-isem taʼ Jehovah u dak tal-kongregazzjoni? L-artiklu tagħna li jmiss se jittratta dawk il-mistoqsijiet.
[Noti taʼ taħt]
a “Il-kelma ‘żina’ fis-sens vast, u kif tintuża f’Mattew 5:32 u 19:9, b’mod evidenti tirreferi għal varjetà vasta taʼ relazzjonijiet sesswali kontra l-liġi jew illeċiti barra miż-żwieġ. Porneia [il-kelma Griega wżata f’dawk it-testi] tinvolvi l-użu immorali ferm tal-organu jew organi ġenitali taʼ minn tal-inqas bniedem wieħed (kemm jekk b’mod naturali jew pervert); ukoll, ried ikun hemm il-parti l-oħra fl-immoralità—bniedem taʼ kwalunkwe sess, jew bhima.” (The Watchtower, tal-15 taʼ Marzu, 1983, paġna 30) Adulterju: “Relazzjoni sesswali volontarja bejn persuna miżżewġa u persuna oħra li mhix ir-raġel jew il-mara legali tagħha.”—The American Heritage Dictionary of the English Language.
b Ovvjament, ikun hemm okkażjonijiet xierqa fejn ħu jistaʼ jipprovdi trasport lil xi oħt, u sitwazzjonijiet bħal dawn m’għandhomx jiġu interpretati ħażin.
Tiftakar?
◻ Liema huma xi fatturi li jgħinu biex isaħħu ż-żwieġ?
◻ Għala għandna naħarbu l-ħarsa tad-dinja dwar il-moralità?
◻ Liema huma xi tentazzjonijiet u sitwazzjonijiet li jistgħu jwasslu għall-immoralità?
◻ Liema hu l-muftieħ prinċipali biex nirreżistu d-dnub?
◻ Alla kif igħinna f’mumenti taʼ tentazzjoni?
[Kaxxa f’paġna 8]
FATTURI KOMUNI FI ŻWIĠIJIET DEJJIEMA
◻ Żamma soda maʼ prinċipji tal-Bibbja
◻ L-imseħbin it-tnejn għandhom relazzjoni qawwija maʼ Jehovah
◻ Ir-raġel jirrispetta lil martu, is-sentimenti u l-opinjonijiet tagħha
◻ Komunikazzjoni tajba fuq bażi taʼ kuljum
◻ Fittxu li togħġbu lil xulxin
◻ Sens taʼ umoriżmu; kapaċi li tidħak bid-difetti tiegħek
◻ Ammetti liberalment id-difetti tiegħek; aħfer liberalment
◻ Żomm ir-romantiċiżmu ħaj
◻ Kunu magħqudin fit-trobbija u fid-dixxiplina tat-tfal
◻ Ingħaqdu regolarment fit-talb lil Jehovah
FATTURI NEGATTIVI LI JIRROVINAW IŻ-ŻWIEĠ
◻ Egoiżmu u ras iebsa
◻ Li tonqsu li tagħmlu l-affarijiet flimkien
◻ Komunikazzjoni batuta
◻ Li tonqsu li tikkonsultaw kif jixraq maʼ xulxin
◻ Maneġġjar ħażin tal-flus
◻ Differenzi fil-kriterji fil-mod kif tittrattaw mat-tfal u/jew mat-tfal tar-rispett
◻ Ir-raġel jaħdem ħinijiet twal jew jittraskura doveri tal-familja minħabba doveri oħrajn
◻ Nuqqas li tieħdu ħsieb tal-bżonnijiet spiritwali tal-familja
[Stampa f’Paġna 9]
Li ż-żwieġ jinżamm onorabbli jġib kuntentizza dejjiema