LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w95 1/1 pp. 12-16
  • Magħqudin fir-Rabta Perfetta taʼ Mħabba

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Magħqudin fir-Rabta Perfetta taʼ Mħabba
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Armonija Fi Qbil Maʼ L-​Għarfien
  • Id-​Distrazzjoni Tistaʼ Tagħmel Ħsara Lill-​Armonija
  • Attenti Minn Argumenti Persważivi
  • Jehovah Jistaʼ Jagħmlek Potenti
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
  • Insibu Teżori “Moħbijin bil-Għaqal” Fih
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
  • Għin lil Oħrajn Jgħixu Sewwa Kif Jixraq lil Jehovah
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
  • L-Umanità Teħtieġ l-Għarfien Dwar Alla
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
w95 1/1 pp. 12-16

Magħqudin fir-​Rabta Perfetta taʼ Mħabba

“Kunu b’mod armonjuż magħqudin flimkien fl-​imħabba.”—KOLOSSIN 2:2.

1, 2. Liema influwenza diviżiva qiegħda tinħass b’mod speċjali llum?

AGĦTI WIDEN! Leħen għoli jidwi mas-​sema kollu billi jgħid: “Gwaj għall-​art u għall-​baħar, għaliex ix-​Xitan niżel għandkom, billi għandu rabja kbira, billi jaf li għandu perijodu qasir taʼ żmien.” (Rivelazzjoni 12:12) Maʼ kull sena li tgħaddi, dak il-​messaġġ isir dejjem iżjed taʼ theddida għall-​abitanti taʼ l-​art.

2 L-​avversarju l-​kbir taʼ Jehovah ilu magħruf bħala wieħed li jirreżisti (Satana) u kalunnjatur (Xitan). Imma dan il-​qarrieq issa assuma rwol malinn ieħor​—sar alla rrabjat! Għala? Għax ġie mitfugħ ’il barra mis-​sema minn Mikiel u l-​anġli tiegħu fil-​gwerra fis-​sema li bdiet fl-​1914. (Rivelazzjoni 12:7-9) Ix-​Xitan jaf li għandu biss żmien qasir biex jagħti prova taʼ l-​isfida tiegħu li jistaʼ jdawwar lill-​bnedmin kollha lil hinn milli jqimu lil Alla. (Ġob 1:11; 2:4, 5) Billi m’għandhom imkien fejn jaħarbu, hu u d-​demonji tiegħu huma bħal bejta rrabjata taʼ naħal li jiżvogaw il-​korla tagħhom fuq il-​mases bla serħan taʼ l-​umanità.—Isaija 57:20.

3. X’kien l-​effett taʼ li Satana ġie mbaxxi fi żmienna?

3 Dawn il-​ġrajjiet, inviżibbli għall-​għajnejn umani, jispjegaw għala issa hawn falliment morali ġenerali fost l-​umanità. Jispjegaw ukoll l-​isforzi bla kontroll tal-​bnedmin biex isewwu t-​tifrik tal-​ġnus li sempliċement ma jistgħux jgħixu f’armonija. Gruppi tribali u etniċi jattakkaw lil xulxin bla ħniena, waqt li jipproduċu miljuni taʼ nies bla djar u spostati. Mhux taʼ b’xejn li l-​ksur tal-​liġi qed jikber fuq skala bla preċedent! Bħalma bassar Ġesù, ‘l-​imħabba tal-​biċċa l-​kbira taʼ l-​umanità qiegħda tibred.’ Kulfejn tħares, nuqqas t’armonija u nuqqas taʼ mħabba jimmarkaw l-​umanità bla serħan tal-​lum.—Mattew 24:12.

4. In-​nies t’Alla għala qegħdin f’periklu speċjali?

4 Minħabba s-​sitwazzjoni tad-​dinja, it-​talba taʼ Ġesù għas-​segwaċi tiegħu tieħu sinjifikat iżjed profond: “Jien nitolbok, mhux biex toħroġhom ’il barra mid-​dinja, imma biex tgħasses fuqhom minħabba l-​wieħed mill-​agħar. M’huma ebda parti mid-​dinja, sewwa sew bħalma jien ma jien ebda parti mid-​dinja.” (Ġwann 17:15, 16) Illum, “[i]l-wieħed mill-​agħar” b’mod speċjali jiżvoga r-​rabja tiegħu kontra dawk “li josservaw il-​kmandamenti t’Alla u li għandhom ix-​xogħol taʼ li jagħtu xiehda dwar Ġesù.” (Rivelazzjoni 12:17) Li kieku Jehovah ma jipprovdix ħarsien taʼ mħabba, ix-​Xhieda leali tiegħu kienu jiġu meqrudin għal kollox. Il-​ħajjiet tagħna jiddependu milli nieħdu vantaġġ mill-​provvedimenti kollha li Alla jagħmel għas-​sigurtà u l-​benesseri spiritwali tagħna. Dak jinvolvi li nisforzaw lilna nfusna fi qbil mal-​ħidma tal-​qawwa Tiegħu permezz taʼ Kristu, kif ħeġġeġ l-​appostlu f’Kolossin 1:29.

5, 6. L-​appostlu Pawlu kif ħassu dwar il-​Kristjani Kolossin, u għala huwa adattat it-​test tat-​tema għas-​sena 1995?

5 Għalkemm Pawlu x’aktarx li qatt ma kien rahom wiċċ imb’wiċċ, hu ħabb lil ħutu f’Kolossi. Qalilhom: “Nixtieq li tistgħu tifhmu kemm hija profonda l-​anzjetà tiegħi għalikom.” (Kolossin 2:1, The New Testament in Modern English, minn J. B. Phillips) Ladarba s-​segwaċi taʼ Ġesù m’huma ebda parti mid-​dinja, “[i]l-wieħed mill-​agħar” kien se jibqaʼ jipprova jkisser l-​unità taʼ l-​aħwa billi jiżraʼ fosthom l-​ispirtu tad-​dinja. L-​aħbarijiet li Epafras ġab minn Kolossi kienu jindikaw li dan kien seħħ sa ċertu punt.

6 Tħassib wieħed prinċipali taʼ Pawlu għal ħutu Kristjani setaʼ jiġi miġbur fil-​kliem: “Kunu b’mod armonjuż magħqudin flimkien fl-​imħabba.” Il-​kliem tiegħu għandu tifsir speċjali llum, f’dinja mimlija b’nuqqas t’unità u b’nuqqas taʼ mħabba. Jekk indaħħlu f’qalbna l-​parir taʼ Pawlu, se ngawdu l-​ħarsien taʼ Jehovah. Se nġarrbu wkoll il-​qawwa taʼ l-​ispirtu tiegħu fil-​ħajja tagħna, billi tgħinna nirreżistu l-​pressjonijiet tad-​dinja. Kemm huwa għaqli dan il-​parir! B’hekk, Kolossin 2:2 se jkun it-​test tat-​tema tagħna għas-​sena 1995.

7. Liema armonija għandha tinstab fost il-​Kristjani veri?

7 F’ittra li kien bagħat qabel lill-​Korintin, l-​appostlu uża l-​ġisem uman bħala tixbiha. Hu kiteb li “m’għandu jkun hemm ebda firda” fil-​kongregazzjoni taʼ Kristjani midlukin imma li ‘l-​membri tagħha għandhom jieħdu l-​istess ħsieb taʼ xulxin.’ (1 Korintin 12:12, 24, 25) X’tixbiha meraviljuża! Il-​membri taʼ ġisimna jiddependu minn xulxin, kull wieħed magħqud mal-​kumplament taʼ ġisimna. L-​istess japplika għas-​sħubija dinjija tagħna t’aħwa, ifformata mill-​midlukin u minn miljuni li jittamaw li jgħixu fuq art magħmula ġenna. M’għandniex naqtgħu lilna nfusna mill-​ġemgħa taʼ Kristjani sħabna biex ngħixu b’mod indipendenti! Billi jopera permezz taʼ Kristu Ġesù, l-​ispirtu t’Alla jgħaddi għandna f’ammont kbir permezz tas-​sħubija tagħna maʼ ħutna.

Armonija Fi Qbil Maʼ L-​Għarfien

8, 9. (a) X’inhuwa fundamentali għal li nikkontribwixxu għall-​armonija fil-​kongregazzjoni? (b) Kif ksibt int għarfien dwar Kristu?

8 Wieħed mill-​punti ewlenin taʼ Pawlu kien li armonija Kristjana hija marbuta maʼ l-​għarfien, partikolarment dak rigward Kristu. Pawlu kiteb li l-​Kristjani għandhom ‘ikunu b’mod armonjuż magħqudin flimkien fl-​imħabba u b’ħarsa lejn ir-​rikkezzi kollha taʼ l-​assigurazzjoni sħiħa tal-​fehma tagħhom, b’ħarsa lejn għarfien eżatt tas-​sigriet sagru t’Alla, jiġifieri, Kristu.’ (Kolossin 2:2) Aħna ħadna għarfien​—fatti—​minn mindu bdejna nistudjaw il-​Kelma t’Alla. Bħala parti milli nakkwistaw fehma dwar kif ħafna minn dawn il-​fatti għandhom post fl-​iskop t’Alla, naraw l-​irwol kruċjali taʼ Ġesù. “Moħbijin b’attenzjoni fih huma t-​teżori kollha t’għerf u t’għarfien.”—Kolossin 2:3.

9 Huwa dak il-​mod kif tħossok int dwar Ġesù u l-​irwol tiegħu fl-​iskop t’Alla? Ħafna fil-​Kristjaneżmu malajr jitkellmu dwar Ġesù, billi jsostnu li aċċettawh u ġew salvati. Imma jafuh huma tassew? Xejn affattu, għax il-​biċċa l-​kbira jemmnu d-​duttrina xejn skritturali tat-​Trinità. Int mhux biss taf il-​verità f’dan ir-​rigward imma wisq probabbli għandek għarfien mhux ħażin dwar dak li Ġesù qal u għamel. Miljuni ġew mgħejjunin f’dan permezz taʼ studju informattiv tal-​ktieb L-​Aqwa Bniedem Li Qatt Għex. Madankollu għandna bżonn nibqgħu nidħlu fil-​fond fl-​għarfien tagħna dwar Ġesù u l-​modi tiegħu.

10. Għarfien moħbi b’liema mod huwa disponibbli għalina?

10 L-​istqarrija li “t-​teżori kollha t’għerf u t’għarfien” huma “moħbijin b’attenzjoni” f’Ġesù ma tfissirx li għarfien bħal dan ma nistgħux nifhmuh. Minflok, huwa xi ftit jew wisq bħal minjiera miftuħa. M’għandniex għalfejn infittxu madwar firxa kbira billi ma nafux fejn se naqbdu nħaffru. Diġà nafu​—għarfien veru jibda b’dak li tirrivela l-​Bibbja dwar Ġesù Kristu. Hekk kif napprezzaw b’mod iżjed sħiħ l-​irwol taʼ Ġesù fit-​twettieq taʼ l-​iskop taʼ Jehovah, niksbu t-​teżori t’għerf veru u għarfien eżatt. Mela li għandna bżonn huwa li nħaffru iżjed fil-​fond, billi ntellgħu iżjed mill-​ħaġar jew affarijiet prezzjużi disponibbli minn dan is-​sors fejn diġà ħaffirna.—Proverbji 2:1-5.

11. Kif nistgħu nkabbru l-​għarfien u l-​għerf tagħna billi nimmeditaw fuq Ġesù? (Agħti tixbiha bil-​ħasil taʼ Ġesù taʼ saqajn id-​dixxipli tiegħu, jew uża eżempji oħrajn.)

11 Per eżempju, forsi nafu li Ġesù ħasel saqajn l-​appostli tiegħu. (Ġwann 13:1-20) Immeditajna, iżda, fuq il-​lezzjoni li kien qed jgħallem u l-​attitudni li wera? Billi nagħmlu dan, nistgħu ntellgħu minn taħt teżor t’għerf li jagħmilha possibbli għalina​—iva, iqanqalna—​li nbiddlu l-​mod kif nittrattaw maʼ xi ħu jew oħt li l-​personalità tagħhom ilha tirritana. Jew meta ningħataw xi inkarigu li ma tantx nieħdu pjaċir bih, nistgħu nwieġbu b’mod differenti ladarba nieħdu s-​sens għani taʼ Ġwann 13:14, 15. Dak huwa kif jeffettwawna l-​għarfien u l-​għerf. X’jistaʼ jkun l-​effett fuq oħrajn hekk kif infasslu lilna nfusna iżjed mill-​qrib fuq għarfien miżjud taʼ Kristu? Probabbli li l-​merħla se ‘tkun iktar b’mod armonjuż magħquda flimkien fl-​imħabba.’a

Id-​Distrazzjoni Tistaʼ Tagħmel Ħsara Lill-​Armonija

12. Rigward liema għarfien għandna bżonn noqogħdu għassa?

12 Jekk għarfien eżatt jiffaċilita li ‘nkunu b’mod armonjuż magħqudin flimkien fl-​imħabba,’ x’jirriżulta minn dak li “b’mod falz jissejjaħ ‘għarfien’”? Eżatt l-​oppost​—kontroversja, disgwid, u żvijar mill-​fidi. Mela rridu ngħassu kontra għarfien falz bħal dan, bħalma Pawlu wissa lil Timotew. (1 Timotew 6:20, 21) Pawlu kiteb ukoll: “Dan qiegħed ngħidu biex ebda bniedem ma jidħak bikom b’argumenti persważivi. Attenti: forsi jistaʼ jkun hemm xi ħadd li se jġorrkom lil hemm bħala l-​priża tiegħu permezz tal-​filosofija u qerq vojt skond it-​tradizzjoni tal-​bnedmin, skond l-​affarijiet elementari tad-​dinja u mhux skond Kristu.”​—Kolossin 2:​4, 8.

13, 14. (a) L-​aħwa Kolossin għala kienu f’riskju rigward għarfien? (b) Xi wħud illum għala jistgħu jħossu li m’humiex f’riskju simili?

13 Il-​Kristjani Kolossin kienu mdawrin mill-​influwenza insidjuża taʼ dak li fir-​realtà kien b’mod falz jissejjaħ għarfien. Ħafna nies ġewwa Kolossi u madwarha kienu jistmaw ħafna l-​filosofiji Griegi. Kien hemm ukoll Ġudaisti li riedu lill-​Kristjani jħarsu l-​Liġi Możajka, bħall-​jiem festivi u l-​ħtiġijiet rigward l-​ikel tagħha. (Kolossin 2:11, 16, 17) Pawlu ma kienx kontra li ħutu jiksbu għarfien veru, imma riedu joqogħdu attenti li ħadd ma jġorrhom bħala priża, billi juża argumenti persważivi biex jikkonvinċihom ħa jassumu sempliċi ħarsa umana dwar il-​ħajja u l-​azzjonijiet. Tistaʼ tapprezza li jekk xi wħud fil-​kongregazzjoni ħallew il-​ħsieb u d-​deċiżjonijiet tagħhom jiġu ggwidati minn kunċetti u attitudnijiet m’humiex skritturali bħal dawn lejn il-​ħajja, dan kien se jaħdem kontra l-​armonija u l-​imħabba bejn il-​membri tal-​kongregazzjoni.

14 ‘Iva,’ forsi taħseb, ‘nistaʼ nara l-​periklu li l-​Kolossin kienu jiffaċċjaw, imma m’inix f’riskju li niġi influwenzat minn kunċetti Griegi, bħalma huma r-​ruħ immortali jew alla trinitarjan; lanqas ma nara xi periklu f’li niġi mħajjar mill-​btajjel pagani tar-​reliġjon falza li ħrabt minnha.’ Prosit. Huwa tajjeb li tkun riżolut dwar is-​superjorità tal-​verità sempliċi rrivelata permezz taʼ Ġesù u li hija disponibbli fl-​Iskrittura. Jistaʼ jkun, madankollu, li qegħdin fir-​riskju minn filosofiji oħrajn jew ħarsiet umani prevalenti llum?

15, 16. Liema ħarsa dwar il-​ħajja tistaʼ teffettwa l-​ħsieb taʼ Kristjan?

15 Attitudni waħda bħal dawn ilha teżisti mhux ħażin: “Fejn hija issa l-​wegħda tal-​miġja tiegħu? Missirijietna tpoġġew għall-​mistrieħ tagħhom, imma xorta kollox ikompli eżattament bħalma kien minn dejjem.” (2 Pietru 3:4, The New English Bible) Dak is-​sentiment jistaʼ jiġi espress fi kliem ieħor, imma l-​ħarsa hija l-​istess. Per eżempju, xi ħadd jistaʼ jirraġuna, ‘Meta smajt il-​verità għall-​ewwel darba għaxriet taʼ snin ilu, it-​tmiem kien “eżatt wara l-​kantuniera.” Imma għadu ma ġiex, u min jaf meta se jiġi?’ Veru, l-​ebda bniedem ma jaf meta se jasal it-​tmiem. Madankollu, innota l-​ħarsa li Ġesù ħeġġiġna biex ikollna: “Ibqgħu ħarsu, ibqgħu mqajmin, għax ma tafux meta ż-​żmien maħtur huwa.”—Mark 13:32, 33.

16 Kemm ikun taʼ periklu li naddottaw il-​ħarsa li, billi ma nafux meta se jiġi t-​tmiem, għandna nippjanaw għal ħajja mimlija esperjenza u “normali”! Dik l-​attitudni tistaʼ tkun riflessa fl-​irraġunar, ‘Ikun tajjeb jekk nieħu passi li jippermettu lili (jew lil uliedi) li jkolli karriera rispettabbli li tħallas tajjeb ħafna u tgħinni ngawdi ħajja komda. M’għandniex xi ngħidu, nattendi għal-​laqgħat Kristjani u jkolli xi sehem fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar, imma m’għandix għalfejn nisforza lili nnifsi jew nagħmel sagrifiċċji kbar.’—Mattew 24:38-42.

17, 18. Ġesù u l-​appostli liema ħarsa ħeġġewna biex ikollna?

17 Ma nistgħux niċħdu, madankollu, li Ġesù u l-​appostli tiegħu rrikmandaw li ngħixu b’sens t’urġenza dwar li nippridkaw l-​aħbar tajba, billi nisforzaw lilna nfusna u nkunu lesti li nagħmlu sagrifiċċji. Pawlu kiteb: “Dan ngħid, l-​aħwa, iż-​żmien li fadal huwa mnaqqas. Minn issa ’l quddiem ħalli dawk li għandhom nisa jkunu bħal li kieku ma kellhomx, . . . u dawk li jixtru bħal dawk li m’għandhomx, u dawk li jagħmlu użu mid-​dinja bħal dawk li m’humiex qegħdin jużawha bis-​sħiħ; għax ix-​xena taʼ din id-​dinja qiegħda tinbidel.”—1 Korintin 7:29-31; Luqa 13:23, 24; Filippin 3:13-15; Kolossin 1:29; 1 Timotew 4:10; 2 Timotew 2:4; Rivelazzjoni 22:20.

18 ’Il bogħod milli ssuġġerixxa li nagħmlu ħajja komda bħala l-​mira tagħna, Pawlu kiteb taħt ispirazzjoni: “Aħna ma ġibna xejn fid-​dinja, u lanqas ma nistgħu nġorru xi ħaġa ’l barra. Mela, billi għandna x’nieklu u biex nitgħattew, se nkunu kuntenti b’dawn l-​affarijiet. . . . Iġġieled il-​ġlieda mill-​aħjar tal-​fidi, ikseb qabda soda fuq il-​ħajja taʼ dejjem li għaliha kont imsejjaħ u offrejt id-​dikjarazzjoni pubblika mill-​aħjar quddiem ħafna xhieda.”—1 Timotew 6:7-12.

19. Kongregazzjoni kif tiġi effettwata meta dawk fiha jaċċettaw il-​ħarsa dwar il-​ħajja li nkuraġġixxa Ġesù?

19 Meta kongregazzjoni hija fformata minn Kristjani żelużi li jistinkaw b’mod iebes biex ‘joffru dikjarazzjoni pubblika mill-​aħjar,’ l-​armonija tirriżulta b’mod naturali. Ma jċedux għall-​attitudni, “Għandek ħafna affarijiet tajbin merfugħin għal ħafna snin; ħudha bil-​mod, kul, ixrob, gawdi.” (Luqa 12:19) Minflok, huma uniti fl-​istess sforz, lesti li jagħmlu sagrifiċċji biex jieħdu sehem sħiħ kemm jistaʼ jkun f’dan ix-​xogħol li qatt ma se jiġi rripetut.—Qabbel Filippin 1:27, 28.

Attenti Minn Argumenti Persważivi

20. Liema huwa aspett ieħor li fih il-​Kristjan jistaʼ jiġi żvijat?

20 Hemm, m’għandniex xi ngħidu, modi oħrajn li bihom Kristjani jistgħu jiġu ‘ngannati b’argumenti persważivi’ jew qerq vojt li jfixkluhom milli ‘jkunu b’mod armonjuż magħqudin fl-​imħabba.’ L-​uffiċċju tal-​Watch Tower Society fil-​Ġermanja kiteb: “Każ wieħed wassal għal kontroversja mifruxa f’ħafna kongregazzjonijiet, billi pubblikaturi u saħansitra anzjani appoġġjaw lil naħat differenti f’argumenti dwar tipi taʼ terapija wżati minn ċertu ħu.” Huma żiedu: “Minħabba l-​varjetà kbira taʼ metodi wżati u l-​għadd kbir taʼ pazjenti, dan huwa qasam li huwa miftuħ għal kontroversja u, jekk xi metodi terapewtiċi jkollhom konnessjonijiet spiritistiċi, jistaʼ jistieden il-​periklu.”—Efesin 6:12.

21. Kristjan kif jistaʼ jitlef l-​iffokar korrett illum?

21 Il-​Kristjani jridu jibqgħu ħajjin u b’saħħithom sabiex ikunu jistgħu jqimu lil Alla. Minkejja dan, f’din is-​sistema aħna suġġetti għax-​xjuħija u l-​mard li jirriżultaw minn imperfezzjoni. Minflok ma nenfasizzaw kwistjonijiet taʼ saħħa, għandna nikkonċentraw fuq is-​soluzzjoni vera, għalina u għal oħrajn. (1 Timotew 4:16) Kristu hu l-​punt ċentrali taʼ dik is-​soluzzjoni, saħansitra bħalma kien iċ-​ċentru tal-​parir taʼ Pawlu lill-​Kolossin. Imma ftakar, Pawlu indika li xi wħud jistgħu jiġu b’“argumenti persważivi” billi jdawru l-​attenzjoni tagħna lil hinn minn Kristu, forsi lejn metodi dijanjostiċi, kuri, jew dieti.—Kolossin 2:2-4.

22. Liema attitudni bbilanċjata għandna jkollna inkwantu għall-​istqarrijiet numerużi dwar metodi taʼ dijanjosi u kura?

22 Nies madwar il-​globu kollu huma bbombardjati minn riklami u testimonjanzi dwar kull xorta taʼ kuri u mezzi taʼ dijanjosi. Xi wħud minn dawk huma wżati ħafna u rikonoxxuti; oħrajn huma kkritikati ħafna jew suġġetti għal suspett.b Kull persuna hi responsabbli biex tiddetermina dak li tagħmel rigward is-​saħħa tagħha. Imma dawk li jaċċettaw il-​parir taʼ Pawlu misjub f’Kolossin 2:4, 8 se jkollhom protezzjoni kontra li jiġu ngannati b’“argumenti persważivi” jew “qerq vojt” li jiżvijaw lil ħafna li, neqsin mit-​tama tas-​Saltna, huma ddisprati għal serħan. Saħansitra jekk Kristjan hu konvint li ċerta kura tidher tajba għalih, m’għandux jippromwovi din fil-​fratellanza Kristjana, għax tistaʼ ssir suġġett taʼ diskussjoni u kontroversja mifruxin. Hu b’hekk jistaʼ juri li jirrispetta ħafna l-​importanza taʼ l-​armonija fil-​kongregazzjoni.

23. Għala b’mod speċjali għandna raġuni għal ferħ?

23 Pawlu saħaq li l-​armonija Kristjana hija bażi għal ferħ veru. Fi żmienu l-​għadd taʼ kongregazzjonijiet kien ċertament iżgħar mil-​lum. Madankollu setaʼ jikteb lill-​Kolossin: “Għalkemm jien assenti fil-​laħam, xorta waħda qiegħed magħkom fl-​ispirtu, nifraħ u nilmaħ l-​ordni tajba tagħkom u s-​sodizza tal-​fidi tagħkom lejn Kristu.” (Kolossin 2:5; ara wkoll Kolossin 3:14.) Kemm hija akbar ir-​raġuni tagħna biex nifirħu! Nistgħu naraw evidenza vera t’armonija, ordni tajba, u sodizza taʼ fidi fil-​kongregazzjoni tagħna stess, li jirriflettu s-​sitwazzjoni ġenerali tan-​nies t’Alla maʼ l-art kollha. Mela fiż-​żmien qasir li baqaʼ fis-​sistema preżenti, ħalli lkoll kemm aħna individwalment inkunu determinati li ‘nkunu b’mod armonjuż magħqudin flimkien fl-​imħabba.’ (w94 12/15)

[Noti taʼ taħt]

a Fil-waqt li l-​possibiltajiet huma kważi bla tmiem, mill-​eżempji li ġejjin, ara x’tistaʼ personalment titgħallem dwar Ġesù li jistaʼ jikkontribwixxi għall-​armonija fil-​kongregazzjoni tiegħek: Mattew 12:1-8; Luqa 2:51, 52; 9:51-55; 10:20; Ebrej 10:5-9.

b Ara The Watchtower tal-​15 taʼ Ġunju, 1982, paġni 22-9.

Innotajt Int?

◻ X’inhuwa t-​test tas-​sena 1995 għax-​Xhieda taʼ Jehovah?

◻ Il-​Kristjani Kolossin għala kellhom bżonn ikunu b’mod armonjuż magħqudin fl-​imħabba, u għala aħna wkoll illum?

◻ Il-​Kristjani liema ħarsa insidjuża dwar il-​ħajja b’mod speċjali għandhom jgħassu kontra tagħha llum?

◻ Il-​Kristjani għala għandhom joqogħdu attenti biex ma jiġux żvijati minn argumenti persważivi dwar saħħa u mezzi taʼ dijanjosi?

[Stampi f’paġna 16]

Il-​pjanijiet tiegħek għall-​futur jiċċentraw fuq il-​preżenza taʼ Ġesù?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja