Tmiem Għall-Mibgħeda Madwar Id-Dinja
MADWAR elfejn sena ilu, grupp li kien fil-minoranza kien il-vittma tal-mibgħeda. Tertulljanu jispjega l-attitudni prevalenti tar-Rumani lejn il-Kristjani bikrin: “Jekk is-smewwiet ma jagħtux xita, jekk hemm xi terremot, jekk hemm il-ġuħ jew xi mard qerried, mill-ewwel l-għajta hija, ‘Il-Kristjani għall-iljun!’”
Minkejja li kienu oġġetti taʼ mibgħeda, il-Kristjani bikrin irreżistew it-tentazzjoni biex ipattu għall-inġustizzja. Fil-Priedka famuża tiegħu taʼ fuq il-Muntanja, Ġesù Kristu qal: “Smajtu intom li ntqal, ‘Int trid tħobb lil ġarek u tobgħod lill-għadu tiegħek.’ Madankollu, jien ngħidilkom: Komplu ħobbu lill-għedewwa tagħkom u itolbu għal dawk li qegħdin jippersegwitawkom.”—Mattew 5:43, 44.
Kienet it-tradizzjoni orali tal-Lhud li żammet mat-twemmin illi li ‘wieħed jobgħod lil għadu’ kienet il-ħaġa sewwa li tagħmel. Ġesù, madankollu, qal li rridu nħobbu lill-għadu tagħna, mhux biss lill-ħabib tagħna. Dan huwa diffiċli imma m’huwiex impossibbli. Li tħobb lil xi għadu ma jfissirx li tħobb il-mogħdijiet kollha tiegħu jew l-għemejjel tiegħu. Il-kelma Griega misjuba fir-rakkont taʼ Mattew ġejja minn a·gaʹpe, li tiddeskrivi mħabba li taġixxi f’armonija maʼ prinċipju. Il-persuna li turi a·gaʹpe, imħabba bi prinċipju, tagħmel it-tajjeb saħansitra lil xi għadu li jobgħodha jew li jittrattaha ħażin. Għala? Għax dak huwa l-mod kif timita lil Kristu, u dak huwa l-mod kif tikkonkwista l-mibgħeda. Wieħed studjuż tal-Grieg innota: “[A·gaʹpe] tgħinna nikkonkwistaw it-tendenza naturali tagħna għar-rabja u għad-diżappunt.” Imma sejra din tiffunzjona fid-dinja mimlija mibgħeda taʼ llum?
Tabilħaqq, mhux kulmin isostni li hu Kristjan hu ddeterminat li jsegwi l-eżempju taʼ Kristu. L-atroċitajiet riċenti fl-Irwanda ġew imwettqin minn gruppi etniċi, li ħafna mill-membri tagħhom jgħidu li huma Kristjani. Pilar Díez Espelosín, soru Kattolika Rumana li ħadmet fl-Irwanda għal 20 sena, irrakkontat inċident li jolqot il-musmar fuq rasu. Raġel resaq lejn il-knisja tagħha jxejjer lanza li hu ovvjament kien qiegħed juża. Is-soru staqsietu: “X’int tagħmel iddur toqtol in-nies? Ma taħsibx dwar Kristu?” Hu sostna li jaħseb dwaru u kompla jidħol il-knisja, jinżel għarrkobbtejh, u jgħid ir-Rużarju b’mod ferventi. Imma meta spiċċa, reġaʼ mar ikompli joqtol. “Dan juri li m’aħniex ngħallmu l-vanġelu kif jixraq,” ammettiet is-soru. Fallimenti bħal dawn, madankollu, ma jfissrux li l-messaġġ taʼ Ġesù huwa fjakk. Il-mibgħeda tistaʼ tiġi kkonkwistata minn dawk li jipprattikaw il-vera Kristjanità.
Il-Konkwista Fuq Il-Mibgħeda F’Kamp Taʼ Konċentrament
Max Liebster hu Lhudi naturali li esperjenza l-Olokawst u baqaʼ ħaj. Għalkemm kunjomu jfisser “maħbub,” hu ra tant mibgħeda kbira. Jiddeskrivi dak li tgħallem fil-Ġermanja Nażista dwar l-imħabba u l-mibgħeda.
“Jien trabbejt viċin Mannheim, fil-Ġermanja, matul is-snin tletin. Hitler sostna li l-Lhud kollha kienu nies sinjuri u rgħiba li kienu qegħdin jesplojtaw lill-poplu Ġermaniż. Imma l-verità hija li missieri kien biss skarpan umli. Minkejja dan, minħabba l-influwenza tal-propaganda Nażista, il-ġirien bdew iduru kontra tagħna. Meta kont żagħżugħ, wieħed mir-raħal ċappasli d-demm taʼ ħanżir maʼ moħħi bil-forza. Dan l-insult gravi kien biss togħma bil-quddiem taʼ dak li kellu jiġri. Fl-1939 il-Gestapo arrestawni u kkonfiskaw kull ma kelli.
“Minn Jannar taʼ l-1940 sa Mejju taʼ l-1945, tħabatt biex nibqaʼ ħaj f’ħames kampijiet taʼ konċentrament differenti: Sachsenhausen, Neuengamme, Auschwitz, Buna, u Buchenwald. Missieri, li wkoll kien mibgħut Sachsenhausen, miet matul ix-xitwa terribli taʼ l-1940. Jien ġarrejt personalment il-kadavru tiegħu lejn il-krematorju, fejn munzell taʼ iġsma mejtin kienu mitluqin jistennew li jinħarqu. B’kollox, tmienja mill-familja tiegħi mietu fil-kampijiet.
“Il-kapos kienu mibgħudin fost il-priġunieri saħansitra iktar mill-gwardjani taʼ l-SS. Il-kapos kienu priġunieri li kkoperaw maʼ l-SS u għalhekk gawdew ċerti favuri. Kienu jieħdu ħsieb it-tqassim taʼ l-ikel, u kienu wkoll jagħtu s-swat lil priġunieri oħrajn. Spiss aġixxew b’mod inġust u kif dehrilhom huma. Nissoponi li kelli raġun biżżejjed biex nobgħod kemm lill-SS u kemm lill-kapos, imma waqt li kont fil-ħabs, tgħallimt li l-imħabba hija iktar potenti mill-mibgħeda.
“Is-sodizza tal-priġunieri li kienu Xhieda taʼ Jehovah kkonvinċietni li l-fidi tagħhom kienet ibbażata fuq l-Iskrittura—u sirt Xhud jiena stess. Ernst Wauer, Xhud li ltqajt miegħu fil-kamp tal-konċentrament taʼ Neuengamme, ħeġġiġni biex nikkultiva l-attitudni mentali taʼ Kristu. Il-Bibbja tgħid li ‘meta kien qiegħed jiġi nsultat, ma marx jinsulta lura. Meta kien qiegħed isofri, ma marx jhedded, imma baqaʼ jikkommetti ruħu lill-wieħed li jiġġudika bit-tjieba.’ (1 Pietru 2:23) Jiena pprovajt nagħmel l-istess, li nħalli l-vendetta f’idejn Alla, li hu l-Imħallef taʼ kulħadd.
“Is-snin li qattajt fil-kampijiet għallmuni li n-nies spiss jagħmlu affarijiet mill-agħar sforz l-injoranza. Lanqas saħansitra l-gwardjani taʼ l-SS ma kienu kollha ħżiena—kien hemm wieħed li salvali ħajti. Darba tani attakk qawwi taʼ dijarea u kont dgħajjef wisq biex nimxi minn fuq ix-xogħol sal-kamp. Suppost kelli nintbagħat lejn il-kmamar tal-gass taʼ Auschwitz l-għada fil-għodu, imma gwardjan taʼ l-SS, li kien ġej mill-istess reġjun tal-Ġermanja li kont ġej minnu jien, intervjena għan-nom tiegħi. Sabli xogħol fil-kafetterija taʼ l-SS, fejn stajt nieħu xi ftit tal-mistrieħ sakemm fiqt. Darba minnhom stqarr miegħi: ‘Max, inħossni qiegħed fuq ferrovija li tinsab għaddejja b’veloċità kbira u mingħajr kontroll. Jekk naqbżilha, se mmut. Jekk nibqaʼ fuqha, se nitfarrak!’
“Dawn in-nies kellhom bżonn l-imħabba daqs kemm kelli bżonnha jien. Fil-fatt, kienet l-imħabba u l-mogħdrija, flimkien mal-fidi tiegħi f’Alla, li għenitni nkampa mal-kundizzjonijiet imwiegħra u mat-theddida taʼ kuljum t’esekuzzjoni. Ma nistax ngħid li salvajt bla mittiefes, imma l-feriti emozzjonali tiegħi kienu ħfief.”
Il-kordjalità u l-qalb tajba li Max għadu jiġġenera 50 sena wara huma testimonjanza ħajja għall-verità taʼ kliemu. Il-każ taʼ Max m’huwiex wieħed iżolat. Hu kellu raġuni solida biex jegħleb il-mibgħeda—ried jimita lil Kristu. Oħrajn li ħajjiethom ġew iggwidati mill-Iskrittura aġixxew b’mod simili. Simone, waħda mix-Xhieda taʼ Jehovah minn Franza, tispjega kif hi tgħallmet xi tfisser tassew l-imħabba m’hijiex egoista.
“Ommi, Emma, li saret Xhud ftit qabel it-tieni gwerra dinjija, għallmitni li n-nies spiss jagħmlu affarijiet ħżiena għax ma jafux aħjar. Spjegatli li jekk nobogħduhom lura, m’aħniex Kristjani veri, ladarba Ġesù qal li għandna nħobbu lill-għedewwa tagħna u nitolbu għal dawk li jippersegwitawna.—Mattew 5:44.
“Niftakar sitwazzjoni verament diffiċli li poġġiet din il-konvinzjoni taħt prova. Matul l-okkupazzjoni Nażista fi Franza, Ommi sofriet ħafna minħabba ġara fil-blokk tagħna. Hi rrapportat lil Ommi lill-Gestapo, u bħala riżultat, ommi qattgħet sentejn f’kampijiet tal-konċentrament Ġermaniżi, fejn kien għoddha mietet. Wara l-gwerra, il-pulizija Franċiżi riedu li Ommi tiffirma karta li tinkrimina lil din il-mara bħala kollaboratriċi mal-Ġermaniżi. Imma ommi rrifjutat, billi qalet li ‘Alla hu l-Imħallef u Dak li jippremja t-tjubija u l-ħażen.’ Xi ftit tas-snin wara, din l-istess ġara mardet bil-kanċer terminali. Minflok ma tpaxxiet bl-isfortuna tagħha, ommi qattgħet bosta sigħat tagħmlilha l-aħħar xhur taʼ ħajjitha komdi kemm jistaʼ jkun. Qatt ma sejra ninsa dan it-trijonf taʼ l-imħabba fuq il-mibgħeda.”
Dawn iż-żewġ eżempji jagħtu stampa tal-qawwa taʼ l-imħabba bi prinċipju f’konfront maʼ l-inġustizzja. Madankollu, il-Bibbja stess tgħid li hemm “ħin biex tħobb u ħin biex tobgħod.” (Ekkleżjasti 3:1, 8) Dak kif jistaʼ jkun?
Ħin Biex Tobgħod
Alla ma jikkundannax il-mibgħeda kollha. Rigward Ġesù Kristu, il-Bibbja tgħid: “Int ħabbejt it-tjieba, u int bgħadt l-illegalità.” (Ebrej 1:9) Hemm differenza, madankollu, bejn li tobgħod il-ħażen u li tobgħod lill-persuna li tikkommetti l-ħażen.
Ġesù ta eżempju dwar il-bilanċ bejn l-imħabba u l-mibgħeda. Hu bagħad l-ipokrezija, imma pprova jgħin lill-ipokriti jbiddlu l-mod kif jaħsbu. (Mattew 23:27, 28; Luqa 7:36-50) Hu kkundanna l-vjolenza, imma talab għal dawk li qatluh. (Mattew 26:52; Luqa 23:34) U għalkemm id-dinja bagħditu bla ebda raġuni, ta ħajtu stess sabiex jagħti l-ħajja lid-dinja. (Ġwann 6:33, 51; 15:18, 25) Ħallielna eżempju perfett taʼ l-imħabba bi prinċipju u tal-mibgħeda qaddisa.
L-inġustizzja tistaʼ tqajjem għadab bi stmerrija morali ġewwa fina, bħalma qajmet f’Ġesù. (Luqa 19:45, 46) Il-Kristjani, madankollu, m’humiex awtorizzati li jieħdu l-vendetta f’idejhom stess. “Troddu ħażen għal ħażen lil ħadd,” Pawlu ta parir lill-Kristjani f’Ruma. “Jekk inhu possibbli, sakemm jiddependi minnkom, kunu paċifiċi mal-bnedmin kollha. Tivvendikawx erwieħkom . . . Tħallix lilek innifsek tiġi kkonkwistat mill-ħażen, imma ibqaʼ ikkonkwista lill-ħażen bit-tajjeb.” (Rumani 12:17-21) Meta aħna personalment nirrifjutaw li nżommu l-mibgħeda fi qlubna jew li nivvendikaw ruħna għal xi ħażen, l-imħabba tikseb il-vittorja.
Dinja Mingħajr Mibgħeda
Sabiex il-mibgħeda tisparixxi fuq skala dinjija, l-attitudnijiet li daħlu fil-fond f’miljuni taʼ nies iridu jinbidlu. Dan kif jistaʼ jseħħ? Il-professur Ervin Staub jagħmel ir-rakkomandazzjoni li ġejja: “Aħna nnaqqsu l-istima taʼ dawk li nweġġgħu u ngħollu taʼ dawk li ngħinu. Waqt li ngħollu iktar l-istima tan-nies li ngħinu u nesperjenzaw is-sodisfazzjonijiet li ngawdu meta ngħinu, aħna naslu wkoll biex inqisu lilna nfusna bħala li nagħtu iktar kas u iktar kapaċi ngħinu. Waħda mill-miri tagħna għandha tkun li noħolqu soċjetajiet li fihom hemm l-iktar parteċipazzjoni estensiva possibbli f’li naħsbu f’ħaddieħor.”—The Roots of Evil.
Fi kliem ieħor, it-tneħħija tal-mibgħeda tirrikjedi l-ħolqien taʼ soċjetà li fiha n-nies jitgħallmu jħobbu billi jgħinu wieħed lill-ieħor, soċjetà fejn in-nies jinsew l-animożità kkaġunata mill-preġudizzju, in-nazzjonaliżmu, ir-razziżmu, u t-tribaliżmu. Teżisti soċjetà bħal din? Ikkunsidra l-esperjenza taʼ raġel li ffaċċja l-mibgħeda personalment waqt ir-Rivoluzzjoni Kulturali fiċ-Ċina.
“Meta bdiet ir-Rivoluzzjoni Kulturali, aħna konna mgħallmin li ma kienx hemm lok għal kompromess fit-‘taqbida tal-klassi.’ Il-mibgħeda kienet it-tendenza prevalenti. Jien sirt wieħed mill-Gwardja l-Ħamra u bdejt infittex kullimkien għall-‘għedewwa tal-klassi’—saħansitra fost il-familja tiegħi stess. Għalkemm dak iż-żmien kont għadni żagħżugħ, ħadt sehem fi tfittix fid-djar fejn fittixna għal evidenza taʼ ‘xejriet reazzjonarji.’ Mexxejt ukoll laqgħa pubblika kontra dawk li kienu ‘kontro-rivoluzzjonarji.’ Sintendi, dawn l-akkużi kultant kienu bbażati iktar fuq animożità persunali milli fuq kunsiderazzjonijiet politiċi.
“Rajt ħafna nies—żgħar u kbar, maskili u femminili—jingħataw kastigi korporali li saru iktar u iktar ħorox. Wieħed mill-għalliema taʼ l-iskola tiegħi—raġel sewwa—ġie mdawwar mat-toroq bħal li kieku kien xi kriminal. Xahrejn wara għalliem ieħor mill-iskola tiegħi li kien rispettat ferm instab mejjet fix-Xmara Suzhou, u l-għalliem taʼ l-Ingliż tiegħi ġie sfurzat jitgħallaq. Jien ixxokkjajt ruħi u tħawwadt. Dawn kienu nies taʼ qalb tajba. Li tittrattahom b’dan il-mod kien żbaljat! Għalhekk qtajt il-konnessjonijiet kollha li kelli mal-Gwardja l-Ħamra.
“Ma naħsibx li dan il-perijodu taʼ mibgħeda li ħakem għal ftit żmien liċ-Ċina kien xi inċident iżolat. Dan is-seklu tant ra sbroffi taʼ mibgħeda. Jien konvint, madankollu, li l-imħabba tistaʼ tikkonkwista l-mibgħeda. Din hija xi ħaġa li rajt b’għajnejja stess. Meta bdejt nassoċja max-Xhieda taʼ Jehovah, ġejt impressjonat bl-imħabba ġenwina li wrew maʼ nies taʼ razez u ambjenti soċjali differenti. Inħares ’il quddiem lejn iż-żmien meta, bħalma twiegħed il-Bibbja, in-nies kollha se jkunu tgħallmu jħobbu lil xulxin.”
Iva, is-soċjetà internazzjonali tax-Xhieda taʼ Jehovah hija prova ħajja li l-mibgħeda tistaʼ titneħħa. Hu x’inhu l-isfond tagħhom, ix-Xhieda qed jistinkaw biex jibdlu l-preġudizzju maʼ rispett lejn xulxin u biex jeliminaw kull traċċa taʼ tribaliżmu, razziżmu, jew nazzjonaliżmu. Bażi waħda għas-suċċess tagħhom hija d-determinazzjoni tagħhom li jimitaw lil Ġesù Kristu f’li juru mħabba ggwidata minn prinċipju. Bażi oħra hija li huma jistennew is-Saltna t’Alla biex iġġib fi tmiem kull inġustizzja li jistgħu jkunu qegħdin isofru.
Is-Saltna t’Alla hija s-soluzzjoni definittiva biex tinkiseb dinja mingħajr mibgħeda, dinja li fiha lanqas biss ikun hemm ħażen x’tobgħod. Deskritt fil-Bibbja bħala “smewwiet ġodda,” dan il-gvern tas-smewwiet se jiggarantixxi dinja ħielsa mill-inġustizzja. Dan se jaħkem fuq “art ġdida,” jew soċjetà ġdida taʼ nies li se jkunu ġew edukati biex iħobbu wieħed lill-ieħor. (2 Pietru 3:13; Isaija 54:13) Dan l-edukar diġà beda jseħħ, bħalma jixhdu l-esperjenzi taʼ Max, Simone, u ħafna oħrajn. Huwa ħarsa bil-quddiem taʼ programm dinji li se jelimina l-mibgħeda u dak li jikkaġunaha.
Permezz tal-profeta tiegħu Isaija, Jehovah jiddeskrivi r-riżultat: “Ma se jagħmlu ebda ħsara jew jikkaġunaw xi rovina fuq il-muntanja qaddisa kollha tiegħi; għaliex l-art ċertament li se tkun mimlija bil-għarfien taʼ Jehovah bħalma l-ilmijiet qegħdin jiksu lill-istess baħar.” (Isaija 11:9) Alla nnifsu se jkun ipproklama waqfien għall-mibgħeda. Dak se jkun verament żmien biex tħobb. (w95 6/15)
[Stampi f’paġna 5]
In-Nażi għamlu tatù tan-numru tal-ħabs fuq id-driegħ tax-xellug taʼ Max Liebster
[Stampa f’paġna 6]
Il-mibgħeda dalwaqt se tkun ħaġa tal-passat