Il-Vera Sigurtà—Mira Diffiċli
ARNOLD kien tifel li kien iħobb it-tigra taċ-ċarruta tiegħu. Kull fejn kien imur, kien ikaxkarha miegħu—waqt il-logħob, waqt l-ikel, u fis-sodda. Għalih, it-tigra pprovdiet faraġ, u sigurtà. Jum minnhom, inqalgħet kriżi. It-tigra għosfrot!
Waqt li Arnold beda jibki, ommu, missieru, u tliet ħutu akbar minnu qalgħu d-dar kbira tagħhom kollha biex isibu t-tigra. Wieħed minnhom fl-aħħar sabha f’kexxun. Mid-dehra, Arnold kien poġġieha hemmhekk u malajr nesa fejn kienet. It-tigra ġiet irritornata, u Arnold mesaħ id-dmugħ tiegħu. Ħassu ferħan u fis-sigurtà mill-ġdid.
Kemm ikun sew kieku l-problemi kollha jistgħu jissolvew daqshekk faċilment—sempliċement bħal li kieku ssib tigra tal-logħob f’kexxun! Għall-biċċa l-kbira tan-nies, madankollu, kwistjonijiet taʼ sigurtà huma wisq iktar serji u komplessi minn hekk. Tistaʼ tgħid kullimkien, in-nies jistaqsu, ‘Tgħid se nsir vittma taʼ xi att kriminali jew vjolenti? Qiegħed f’periklu li nitlef l-impjieg tiegħi? Żgur li l-familja tiegħi se jkollha ikel biżżejjed? Sejrin oħrajn jevitawni minħabba r-reliġjon jew l-isfond etniku tiegħi?’
In-numru taʼ nies li jsofru min-nuqqas taʼ sigurtà huwa immens. Skond il-Ġnus Magħquda, kważi tliet biljuni mhux biss m’għandhomx aċċess għall-kura taʼ mard komuni imma lanqas għall-mediċina essenzjali. Iktar minn biljun ruħ jgħixu fl-ifqar kundizzjonijiet. Kważi biljun, għalkemm jifilħu jaħdmu, m’għandhomx impjieg produttiv. In-numru taʼ refuġjati qiegħed jiżdied. Sa l-aħħar taʼ l-1994, madwar 1 minn kull 115-il ruħ fuq l-art kienu mġegħlin jaħarbu minn djarhom. Miljuni taʼ ħajjiet huma moħlijin bħala riżultat tan-negozju internazzjonali fin-narkotiċi li jlaħħaq il-$500 biljun fis-sena, u li jagħti lok għal numru bla għadd t’atti kriminali u vjolenti. Il-gwerra teqred il-ħajja taʼ miljuni sħaħ. Matul l-1993 biss, 42 pajjiż kienu involuti f’konflitti kbar, waqt li 37 oħrajn esperjenzaw vjolenza politika.
Il-gwerra, il-faqar, il-kriminalità, u theddidiet oħrajn għas-sigurtà umana huma marbutin maʼ xulxin, u qegħdin jiżdiedu fin-numru. M’hemmx soluzzjonijiet bħal tat-tigra fil-kexxun għal problemi bħal dawn. Fil-fatt, il-bnedmin m’humiex se jsolvuhom affattu.
“La tittamawx fil-kbarat, għax il-bniedem ma jsalvakomx,” twissi l-Kelma t’Alla, il-Bibbja. F’min, mela, nistgħu nafdaw? Din l-iskrittura tkompli: “Hieni min f’Alla taʼ Ġakobb isib il-għajnuna tiegħu, min għandu t-tama fil-Mulej, Alla tiegħu, li għamel is-sema, l-art, u l-baħar, u kull ma jinsab fihom.”—Salm 146:3-6.
Għala nistgħu nafdaw f’Jehovah biex iġib is-sigurtà fuq din l-art? Huwa possibbli li ngawdu ħajjiet fis-sigurtà u henjin issa? Alla kif se jneħħi l-ostakli għas-sigurtà umana? (w96 5/15)