“Iftaħ għajnejk u Ara”
X’JARAW uliedek? Gwerer? Kriminalità? Tniġġis? Faqar? Mard? Veru, dawn huma realtajiet li dejjem huma preżenti. Imma għallimthom int biex iħarsu lil hinn minn dawn l-affarijiet lejn il-futur meraviljuż li huwa mwiegħed fil-Bibbja? Il-ġenituri taʼ Joel Pierson li għandu disaʼ snin għamluh dan. B’liema riżultat?
Ikkunsidra dak li kiteb Joel fuq is-suġġett “Iftaħ Għajnejk u Ara.” Dan is-suġġett kien ngħata bħala inkarigu taʼ kitba għal żgħażagħ f’distrett skolastiku ġewwa Virġinja, l-Istati Uniti. Innota kif il-komponiment taʼ Joel, ippubblikat fil-gazzetta The Central Virginian, fit-22 t’Awissu, 1996, jirrivela li t-tama tiegħu hija bbażata fuq dak li tgħallem mill-Kelma t’Alla. Hu kiteb:
“Iftaħ għajnejk u ara, il-ġmiel kollu li suppost kellu jkun hawn.
“Ma jkunx meraviljuż li tqum fil-għodu u tismaʼ li m’hemmx iżjed tniġġis? Minflok aħbarijiet taʼ qtil u kriminalità, il-paċi u l-kuntentizza huma dawk li jkun hemm fil-ħajjiet tan-nies.
“Il-ġirien qegħdin jaħdmu flimkien biex jgħinu ħabib jibni daru. Fil-viċin, naraw oħrajn iħawlu ġnien. Mhux dan biss, imma l-motivi tagħhom huma puri. Kulħadd qiegħed jingħaqad flimkien biex jgħinu lil xulxin. Mhux se jkun hemm iżjed nies foqra, u se jkun hemm ħafna ikel għal kulħadd. Se jkun hemm l-unità u l-paċi madwar id-dinja. Ħadd m’hu se jerġaʼ jkun bil-ġuħ jew marid. Hemm ambjent sabiħ biex jarah kulħadd u ara, hemm tifel għaddej riekeb fuq tigra! Mhux it-tigra biss imma l-annimali kollha huma fil-paċi mal-bnedmin.
“Jien nixtieq ngħix f’post bħal dan. Tixtieq int tgħix hemmhekk miegħi?”
Huwa veru li Alla jwiegħed barkiet bħal dawk li jiddeskrivi dan iż-żagħżugħ Joel hawnhekk? Tabilħaqq li hekk jagħmel! Jekk jogħġbok iftaħ il-Bibbja tiegħek u aqra dwar wegħdi bħal dawk misjubin f’Salm 46:9, 10 [46:8, 9, NW]; 67:7 [67:6, NW]; 72:16; Isaija 2:3, 4; 11:6-9; 33:24; 65:17-25; Mattew 6:9, 10; 2 Pietru 3:13; Apokalissi 21:3, 4.