Aqra l-Kelma t’Alla u Aqdih fil-Verità
“Urini, Mulej, triqatek, biex nimxi fis-sewwa tiegħek.”—SALM 86:11.
1. Essenzjalment, l-ewwel ħarġa taʼ din ir-rivista x’qalet dwar il-verità?
Jehovah jixħet dawl u verità. (Salm 43:3) Jagħtina wkoll il-kapaċità li naqraw il-Kelma tiegħu, il-Bibbja, u nitgħallmu l-verità. L-ewwel ħarġa taʼ din ir-rivista—Lulju 1879—qalet: “Il-verità, bħal fjura żgħira modesta fix-xagħri tal-ħajja, hija mdawra u kważi maħnuqa bil-kobor abbundanti tal-ħaxix ħażin taʼ qerq. Jekk trid issibha trid dejjem toqgħod attent. Jekk trid tara s-sbuħija tagħha trid tnaqqi l-ħaxix ħażin taʼ qerq u l-għollieq tal-bigottiżmu. Jekk trid tippossediha trid titbaxxa biex iġġibha. Tkunx kuntent bi fjura waħda taʼ verità. Kieku waħda kienet biżżejjed ma kienx ikun hemm iżjed. Ibqaʼ iġbor, fittex għal iżjed.” Li naqraw u nistudjaw il-Kelma t’Alla jgħinna nakkwistaw għarfien eżatt u nimxu fil-verità tiegħu.—Salm 86:11.
2. X’irriżulta meta Esdra u oħrajn qraw il-Liġi t’Alla lil-Lhud f’Ġerusalemm tal-qedem?
2 Wara li l-ħitan taʼ Ġerusalemm inbnew mill-ġdid fis-sena 455 Q.E.K., il-qassis Esdra u oħrajn qraw il-Liġi t’Alla lil-Lhud. Dan kien segwit minn Festa ferrieħa taʼ l-Għerejjex, stqarrija taʼ dnubiet, u għeluq taʼ ‘ftehim taʼ min joqgħod fuqu.’ (Neħemija 8:1–10:1 [Neħemija 8:1–9:38, NW]) Naqraw: “Dawn qraw mill-Ktieb tal-Liġi b’mod li jiftiehem, fissruh, u spjegaw il-qari.” (Neħemija 8:8) Xi wħud jissuġġerixxu li l-Lhud ma kinux jifhmu l-Ebrajk sewwa u għamlu dak il-parafrażi bl-Aramajk. Imma t-test ma jindikax biss kjarifikazzjoni taʼ termini lingwistiċi. Esdra u l-oħrajn spjegaw il-Liġi sabiex in-nies ikunu jistgħu jifhmu sewwa l-prinċipji tagħha u japplikawhom. Pubblikazzjonijiet u laqgħat Kristjani wkoll iservu biex ‘ifissru’ l-Kelma t’Alla. Hekk ukoll jagħmlu anzjani maħturin, li ‘jinqalgħu biex jgħallmu.’—1 Timotju 3:1, 2; 2 Timotju 2:24.
Benefiċċji Dejjiema
3. Liema huma xi benefiċċji miġburin mill-qari tal-Bibbja?
3 Meta familji Kristjani jaqraw il-Bibbja flimkien, x’aktarx li jesperjenzaw benefiċċji dejjiema. Huma jsiru midħla tal-liġijiet t’Alla u jitgħallmu l-verità dwar duttrini, affarijiet profetiċi, u suġġetti oħrajn. Wara li jinqara porzjon mill-Bibbja, il-kap tal-familja jistaʼ jistaqsi: Kif għandu jeffettwana dan? B’liema mod għandu x’jaqsam dan maʼ tagħlim ieħor Bibliku? Kif nistgħu nużaw dawn il-punti fl-ippridkar taʼ l-aħbar tajba? Meta familja taqra l-Bibbja tiggwadanja dehen akbar jekk huma jagħmlu riċerka billi jużaw il-Watch Tower Publications Index jew indiċi oħrajn. Iż-żewġ volumi taʼ Insight on the Scriptures jistgħu jiġu kkonsultati b’benefiċċji.
4. Ġożwè kif kellu japplika l-istruzzjoni mniżżla f’Ġożwè 1:8?
4 Prinċipji meħudin mill-Iskrittura jistgħu jiggwidawna fil-ħajja. Iktar minn hekk, li naqraw u nistudjaw ‘il-Kotba Mqaddsa jistaʼ jagħmilna għorrief għas-salvazzjoni.’ (2 Timotju 3:15) Jekk inħallu l-Kelma t’Alla tiggwidana, aħna se nibqgħu mexjin fil-verità tiegħu u x-xewqat taʼ tjieba tagħna jiġu rrealizzati. (Salm 26:3; 119:130) Madankollu, għandna bżonn infittxu l-fehma, bħalma għamel Ġożwè, is-suċċessur taʼ Mosè. Il-‘ktieb tal-liġi’ ma kellux jitbiegħed minn fommu, u kellu jaqra minnu lejl u nhar. (Ġożwè 1:8) Li ma jħallix il-‘ktieb tal-liġi’ jitbiegħed minn fommu kien ifisser li Ġożwè ma kellux jieqaf milli jgħid lil oħrajn l-affarijiet taʼ tidwil li fih. Li jaqra l-Liġi lejl u nhar kien ifisser li Ġożwè kellu jimmedita fuqha, kellu jistudjaha. L-appostlu Pawlu bl-istess mod ħeġġeġ lil Timotju biex ‘jitfaʼ ħsiebu’—jimmedita fuq—il-kondotta, il-ministeru, u t-tagħlim tiegħu. Bħala anzjan Kristjan, Timotju kellu jkun speċjalment attent li ħajtu kienet eżemplari u li kien jgħallem verità Skritturali.—1 Timotju 4:15.
5. X’inhu meħtieġ jekk irridu nsibu l-verità t’Alla?
5 Il-verità t’Alla hija teżor imprezzabbli. Biex issibha jirrikjedi tħaffir, tiftix persistenti fl-Iskrittura. Huwa biss bħala studenti żgħar taʼ l-Għalliem il-Kbir li se niksbu għerf u naslu biex nifhmu l-biżaʼ reverenzjali taʼ Jehovah. (Proverbji 1:7; Isaija 30:20, 21) M’għandniex xi ngħidu, għandna niksbu prova Skritturali taʼ l-affarijiet. (1 Pietru 2:1, 2) Lhud fil-Berea “kienu nies taʼ qalb kbira aktar minn dawk taʼ Tessalonika; huma laqgħu l-kelma bil-ħeġġa kollha, u kuljum bdew iqallbu l-Iskrittura biex jaraw jekk dak li semgħu [mingħand Pawlu] kienx minnu.” Il-Bereani kienu mfaħħrin mhux imċanfrin talli għamlu dan.—Atti 17:10, 11.
6. Ġesù għala setaʼ jindika li ma kien taʼ ebda ġid għal ċerti Lhud li jfittxu fl-Iskrittura?
6 Ġesù qal lil xi Lhud: “Intom tistudjaw l-Iskrittura, għax tgħidu li fiha hemm il-ħajja taʼ dejjem; hemmhekk issibu x-xhieda fuqi, u madankollu ma tridux tiġu għandi biex ikollkom il-ħajja.” (Ġwann 5:39, 40) Huma fittxew fl-Iskrittura bl-oġġettiv xieraq—biex din tistaʼ tiggwidahom għall-ħajja. Tabilħaqq, l-Iskrittura kien fiha profeziji Messjaniċi li ppontaw lejn Ġesù bħala l-mezz tal-ħajja. Imma l-Lhud warrbuh. Li jfittxu fl-Iskrittura, għalhekk, m’għamlilhom l-ebda ġid.
7. X’inhu meħtieġ biex nikbru fil-fehma tal-Bibbja, u għala?
7 Biex nikbru fil-fehma tagħna tal-Bibbja, neħtieġu l-gwida taʼ l-ispirtu, jew forza attiva, t’Alla. “L-Ispirtu jgħarbel kollox, sa fil-qiegħ taʼ Alla” sabiex joħroġ it-tifsir taʼ l-affarijiet kollha. (1 Korintin 2:10) Kristjani f’Tessalonika kellhom ‘ikunu ċerti mill-affarijiet kollha’ fi kwalunkwe profezija li semgħu. (1 Tessalonikin 5:20, 21) Meta Pawlu kiteb lit-Tessalonkin (madwar is-sena 50 E.K.), l-unika parti taʼ l-Iskrittura Griega miktuba sa dak iż-żmien kien il-Vanġelu taʼ Mattew. Għalhekk it-Tessalonkin u l-Bereani setgħu jkunu ċerti mill-affarijiet kollha, x’aktarx billi jiċċekkjaw il-verżjoni tas-Settwaġinta Griega taʼ l-Iskrittura Ebrajka. Kellhom bżonn jaqraw u jistudjaw l-Iskrittura, u hekk ukoll għandna nagħmlu aħna.
Vitali Għal Kulħadd
8. Anzjani maħturin għala jridu jkunu minn taʼ quddiem fl-għarfien Bibliku?
8 Anzjani maħturin għandhom ikunu minn taʼ quddiem fl-għarfien Bibliku. Iridu jkunu ‘jinqalgħu biex jgħallmu’ u jridu ‘jżommu sħiħ mal-kelma taʼ min jemminha.’ L-indokratur Timotju kellu ‘jxandar bir-reqqa l-kelma tal-verità.’ (1 Timotju 3:2; Titu 1:9; 2 Timotju 2:15) Ommu, Ewnike, u nanntu Lojs kienu għallmuh il-kitbiet sagri mill-infanzja, billi nisslu fih ‘fidi mhux ipokrita,’ għalkemm missieru ma kienx kredent. (2 Timotju 1:5; 3:15) Missirijiet li huma kredenti għandhom itellgħu lil uliedhom “fid-dixxiplina u t-twiddib tal-Mulej,” u speċjalment anzjani li huma missirijiet iridu jkollhom ‘lil uliedhom li jemmnu, bla ma ħadd jistaʼ jixlihom b’imġiba żienja jew bla rażan.’ (Efesin 6:4; Titu 1:6) Minkejja ċ-ċirkostanzi tagħna, allura, għandna nieħdu b’serjetà kbira l-bżonn li naqraw, nistudjaw, u napplikaw il-Kelma t’Alla.
9. Għala għandna nistudjaw il-Bibbja flimkien maʼ Kristjani sħabna?
9 Għandna wkoll nistudjaw il-Bibbja flimkien maʼ kredenti sħabna. Pawlu ried li l-Kristjani Tessalonkin jiddiskutu flimkien il-parir tiegħu. (1 Tessalonikin 4:18) Biex intejbu l-fehma tagħna tal-verità, m’hemm xejn aħjar milli ningħaqdu maʼ studenti devoti oħrajn f’li neżaminaw l-Iskrittura. Minnu l-proverbju: “Kif il-ħadid isinn il-ħadid, hekk jitgħallem wieħed mill-ieħor.” (Proverbji 27:17) Biċċa għodda tal-ħadid tistaʼ ssaddad jekk ma tibqax tintuża u misnuna. Bl-istess mod, għandna bżonn niltaqgħu regolarment u nsinnu lil xulxin billi naqsmu għarfien li ksibna minn qari, studju, u mmeditar fuq il-Kelma t’Alla taʼ verità. (Lhud 10:24, 25) Iktar minn hekk, dan huwa mod wieħed biex inkunu ċerti li nibbenefikaw minn leħħiet taʼ dawl spiritwali.—Salm 97:11; Proverbji 4:18.
10. X’ifisser li nimxu fil-verità?
10 Fl-istudju tagħna taʼ l-Iskrittura, nistgħu b’mod xieraq nitolbu ’l Alla bħalma għamel is-salmista: “Ibgħat id-dawl tiegħek u s-sewwa tiegħek: huma jmexxuni.” (Salm 43:3) Jekk nixtiequ li jkollna l-approvazzjoni t’Alla, għandna nimxu fil-verità tiegħu. (3 Ġwann 3, 4) Dan jinkludi li nimxu mal-ħtiġijiet tiegħu u naqduh bil-fedeltà u s-sinċerità. (Salm 25:4, 5; Ġwann 4:23, 24) Irridu naqdu lil Jehovah fil-verità, bħalma huwa rrivelat fil-Kelma tiegħu u magħmul ċar fil-pubblikazzjonijiet taʼ “l-irsir leali u diskret.” (Mattew 24:45-47, NW) Dan jitlob għal għarfien eżatt taʼ l-Iskrittura. Kif, allura, għandna naqraw u nistudjaw il-Kelma t’Alla? Għandna nibdew naqrawha minn Ġenesi kapitlu 1, vers 1, u nibqgħu sejrin tul is-66 ktieb? Iva, kull Kristjan li għandu l-Bibbja kompleta bil-lingwa tiegħu għandu jaqraha minn Ġenesi s’Apokalissi. U l-oġġettiv tagħna f’li naqraw il-Bibbja u l-pubblikazzjonijiet Kristjani għandu jkun li nżidu l-fehma tagħna tal-ġemgħa kbira taʼ verità Skritturali li Alla għamel disponibbli permezz taʼ “l-irsir leali.”
Aqra L-Kelma T’Alla B’Leħen Għoli
11, 12. Għala huwa taʼ benefiċċju li jkollok il-Bibbja moqrija b’leħen għoli fil-laqgħat?
11 Aħna nistgħu naqraw f’qalbna meta nkunu waħedna. Fi żminijiet tal-qedem, madankollu, qari privat kien isir b’leħen għoli. Waqt li l-ewnuku Etjopjan kien għaddej riekeb fil-karru tiegħu, l-evanġelizzatur Filippu għalhekk semgħu jaqra mill-profezija taʼ Isaija. (Atti 8:27-30) Il-kelma Ebrajka tradotta “jaqra” primarjament tfisser “isejjaħ.” Mela dawk li inizjalment ma jistgħux jaqraw f’qalbhom u jieħdu s-sens tal-qari m’għandhomx ikunu skuraġġiti milli jippronunzjaw kull kelma b’leħen għoli. Il-ħaġa prinċipali hi li titgħallem il-verità billi taqra l-Kelma miktuba t’Alla.
12 Huwa taʼ benefiċċju li jkollok il-Bibbja moqrija b’leħen għoli f’laqgħat Kristjani. L-appostlu Pawlu ħeġġeġ lill-ħaddiem sieħbu Timotju: “Ħu ħsieb il-qari [pubbliku] tal-Kotba Mqaddsa, it-twissijiet u t-tagħlim.” (Korsiv tagħna.) (1 Timotju 4:13) Pawlu qal lill-Kolossin: “Meta tkunu qrajtu din l-ittra, ħudu ħsieb li jaqrawha wkoll fil-Knisja taʼ Laödiċija, u intom taqraw l-ittra taʼ Laödiċija.” (Kolossin 4:16) U Apokalissi 1:3 jgħid: “Hieni dak li jaqra [b’leħen għoli] u dawk li jisimgħu l-kliem taʼ din il-profezija u jħarsu dak li hemm miktub, għax iż-żmien qorob!” Għalhekk, kelliemi pubbliku għandu jaqra testi mill-Bibbja biex jappoġġja dak li qiegħed jgħid lil xi kongregazzjoni.
Metodu Topiku Taʼ Studju
13. Liema huwa l-iktar metodu progressiv biex titgħallem veritajiet Bibliċi, u x’jistaʼ jgħinna nsibu skritturi?
13 Studju topiku huwa l-iktar metodu progressiv biex titgħallem veritajiet Skritturali. Konkordanzi, li jagħtu kliem Bibliċi b’mod alfabetiku fil-kuntest tagħhom skond il-ktieb, il-kapitlu, u l-vers, jagħmluha eħfef biex issib testi relatati maʼ ċertu suġġett. U skritturi bħal dawn jistgħu jinġiebu f’armonija waħda maʼ l-oħra għaliex l-Awtur tal-Bibbja ma jikkontradixxix lilu nnifsu. Bl-ispirtu qaddis, hu ispira madwar 40 raġel biex jiktbu l-Bibbja matul perijodu taʼ 16-il seklu, u li tistudjaha b’mod topiku huwa mod ippruvat biż-żmien taʼ kif wieħed jitgħallem il-verità.
14. Għala għandna nistudjaw l-Iskrittura Ebrajka u dik Kristjana Griega flimkien?
14 L-apprezzament tagħna għall-verità tal-Bibbja għandu jqanqalna biex naqraw u nistudjaw l-Iskrittura Kristjana Griega flimkien maʼ l-Iskrittura Ebrajka. Dan se juri kif l-Iskrittura Griega hija marbuta maʼ l-iskop t’Alla u se jixħet dawl fuq profeziji taʼ l-Iskrittura Ebrajka. (Rumani 16:25-27; Efesin 3:4-6; Kolossin 1:26) T’għajnuna kbira f’dan ir-rigward hemm in-New World Translation of the Holy Scriptures. Din ġiet ippreparata minn qaddejja ddedikati t’Alla li ħadu vantaġġ taʼ l-għarfien miżjud disponibbli rigward it-test oriġinali tal-Bibbja kif ukoll l-isfond u l-espressjonijiet idjomatiċi tagħha. Vitali, ukoll, huma l-għajnuniet taʼ studju tal-Bibbja li Jehovah ipprovda permezz taʼ “l-irsir leali u diskret.”
15. Kif tagħti prova li hu xieraq li tikkwota minn hawn u minn hemm fil-Bibbja?
15 Xi wħud jistgħu jgħidu, ‘Il-pubblikazzjonijiet tagħkom jagħmlu eluf taʼ kwotazzjonijiet mill-Bibbja, iżda għaliex teħduhom minn hawn u minn hemm?’ Billi jikkwotaw minn hawn u minn hemm fis-66 ktieb tal-Bibbja, il-pubblikazzjonijiet jisiltu minn ħafna xhieda ispirati biex jagħtu prova tal-verità taʼ xi tagħlim. Ġesù nnifsu uża dan il-metodu taʼ istruzzjoni. Meta ta l-Priedka tiegħu taʼ fuq il-Muntanja, hu għamel 21 kwotazzjoni mill-Iskrittura Ebrajka. Dik it-taħdita fiha tliet kwotazzjonijiet minn Eżodu, tnejn minn Levitiku, waħda minn Numri, sitta minn Dewteronomju, waħda mit-Tieni Slaten, erbgħa minn Salmi, tlieta minn Isaija, u waħda minn Ġeremija. Billi għamel hekk, kien Ġesù ‘qiegħed jagħti prova taʼ xi ħaġa tkun xi tkun’? Le, għaliex ‘hu għallem bħal wieħed li għandu s-setgħa, u mhux bħall-kittieba.’ Dan kien hekk għaliex Ġesù dejjem appoġġja t-tagħlim tiegħu bl-awtorità tal-Kelma miktuba t’Alla. (Mattew 7:29) Hekk ukoll għamel l-appostlu Pawlu.
16. Pawlu liema kwotazzjonijiet Skritturali għamel f’Rumani 15:7-13?
16 Fil-passaġġ taʼ l-iskrittura li nsibu f’Rumani 15:7-13, Pawlu kkwota minn tliet sezzjonijiet taʼ l-Iskrittura Ebrajka—il-Liġi, il-Profeti, u s-Salmi. Hu wera li Lhud u Ġentili kellhom jigglorifikaw ’l Alla, u l-Kristjani għandhom b’hekk jilqgħu nies mill-ġnus kollha. Pawlu qal: “Ilqgħu lil xulxin bħalma Kristu wkoll laqaʼ lilkom, għall-glorja taʼ Alla. Jiena ngħidilkom li Kristu sar qaddej tal-Lhud ċirkonċiżi minħabba l-fedeltà taʼ Alla, biex iseħħu l-wegħdiet li għamel lill-Patrijarki, u biex il-pagani wkoll ifaħħru lil Alla minħabba l-ħniena tiegħu bħalma huwa miktub [f’Salm 18:50 (Salm 18:49, NW)]: ‘Għalhekk jiena nfaħħrek fost il-ġnus u ngħanni tifħir ismek.’ U ttenni tgħid [f’Dewteronomju 32:43]: ‘Ifirħu, intom ġnus, flimkien mal-poplu tiegħu’; u terġaʼ f’Salm 117:1: ‘Faħħru lill-Mulej, intom ġnus kollha, ħa jfaħħruh il-popli kollha.’ U jerġaʼ jgħid ukoll Isaija 11:1, 10: ‘u joħroġ għerq minn Ġessi; iqum biex jaħkem il-ġnus; u fih il-ġnus iqiegħdu t-tama tagħhom.’ U Alla tat-tama jimliekom ilkoll bil-ferħ u s-sliem permezz tal-fidi tagħkom, sabiex it-tama tagħkom toktor bil-qawwa taʼ l-Ispirtu s-Santu.” B’dan il-metodu topiku, Pawlu wera kif wieħed jikkwota skritturi biex jistabbilixxi veritajiet Bibliċi.
17. Il-Kristjani f’armonija maʼ liema preċedent jikkwotaw minn hawn u minn hemm fil-Bibbja kollha?
17 L-ewwel ittra ispirata taʼ l-appostlu Pietru fiha 34 kwotazzjoni minn għaxar kotba fil-Liġi, fil-Profeti, u fis-Salmi. Fit-tieni ittra tiegħu, Pietru jikkwota sitt darbiet minn tliet kotba. Il-Vanġelu taʼ Mattew għandu 122 kwotazzjoni minn Ġenesi sa Malakija. Fis-27 ktieb taʼ l-Iskrittura Griega, hemm 320 kwotazzjoni diretta minn Ġenesi sa Malakija kif ukoll mijiet taʼ referenzi oħrajn għall-Iskrittura Ebrajka. F’armonija mal-preċedent stabbilit minn Ġesù u segwit mill-appostli tiegħu, meta Kristjani taż-żmien modern jagħmlu studju topiku taʼ suġġett Skritturali, huma jikkwotaw minn hawn u minn hemm fil-Bibbja kollha. Dan hu speċjalment xieraq f’dawn “l-aħħar jiem,” meta l-biċċa l-kbira mill-Iskrittura Ebrajka u dik Griega qiegħda titwettaq. (2 Timotju 3:1) “L-irsir leali” jagħmel użu bħal dan mill-Bibbja fil-pubblikazzjonijiet tiegħu, iżda qatt ma jżid mal-Kelma t’Alla jew inaqqas minnha.—Proverbji 30:5, 6; Apokalissi 22:18, 19.
Imxi Dejjem Fil-Verità
18. Għala għandna ‘nimxu fil-verità’?
18 Qatt m’għandna nnaqqsu xi ħaġa mill-Bibbja, għaliex it-tagħlim Kristjan kollu fil-Kelma t’Alla hu l-“verità” jew “il-verità taʼ l-Evanġelju.” Żamma maʼ din il-verità—‘mixi’ fiha—hija vitali għas-salvazzjoni. (Galatin 2:5; 2 Ġwann 4; 1 Timotju 2:3, 4) Ladarba l-Kristjanità hi “t-triq tal-verità,” billi ngħinu lil oħrajn f’li javanzaw l-interessi tagħha, aħna nsiru ‘ħaddiema mseħbin fil-verità.’—2 Pietru 2:2; 3 Ġwann 8.
19. Kif nistgħu nibqgħu ‘nimxu fil-verità’?
19 Jekk aħna se nibqgħu “mexjin fil-verità,” irridu naqraw il-Bibbja u nieħdu vantaġġ mill-għajnuna spiritwali li Alla jipprovdi permezz taʼ “l-irsir leali.” (3 Ġwann 4) Jalla nagħmlu dan għall-ġid tagħna stess biex b’hekk inkunu f’pożizzjoni li ngħallmu lil oħrajn dwar Alla Jehovah, Ġesù Kristu, u l-iskop divin. U ejjew inkunu grati li l-ispirtu taʼ Jehovah jgħinna nifhmu l-Kelma tiegħu u nirnexxu f’li naqduh fil-verità. (w96 5/15)
X’Inhuma T-Tweġibiet Tiegħek?
◻ Liema huma xi benefiċċji dejjiema taʼ qari tal-Bibbja?
◻ Għala għandna nistudjaw il-Bibbja flimkien maʼ kredenti sħabna?
◻ Għala huwa xieraq li tikkwota minn diversi postijiet mill-Bibbja kollha?
◻ X’ifisser li ‘timxi fil-verità,’ u kif nistgħu nagħmlu hekk?
[Stampa f’paġna 14]
Ġenituri, għallmu l-Iskrittura lil uliedkom
[Stampa f’paġna 16]
Fil-Priedka tiegħu taʼ fuq il-Muntanja, Ġesù kkwota minn diversi partijiet taʼ l-Iskrittura Ebrajka