Segwi l-Mudell Irjali
“Jikteb mill-ġdid din il-liġi fi ktieb . . . U jżommha dejjem għandu u jaqraha l-jiem kollha taʼ ħajtu.”—DEWTERONOMJU 17:18, 19.
1. Kristjan lil min għandu mnejn ikun irid jixbah?
WISQ probabbli ma taħsibx dwarek innifsek bħala li int xi re jew reġina. Liema Kristjan u student tal-Bibbja leali se jimmaġina lilu nnifsu jaġixxi b’awtorità rjali, bħas-slaten tajbin David, Ġosija, Ħeżekija, jew Ġosafat? Madankollu, int tistaʼ u għandek tkun bħalhom minn taʼ l-inqas f’ħaġa waħda speċjali. Din x’inhi? U għala għandek tkun trid tixbahhom f’din il-ħaġa?
2, 3. Jehovah x’ra bil-quddiem f’konnessjoni maʼ sultan uman, u dan is-sultan x’kellu jagħmel?
2 Fi żmien Mosè, Alla ra bil-quddiem li kienet se tinbet ix-xewqa fost il-poplu Tiegħu li jkollu sultan, saħansitra ħafna qabel ma approva li l-Iżraelin ikollhom sultan uman. Għalhekk nebbaħ lil Mosè biex jinkludi istruzzjonijiet rilevanti fil-patt tal-Liġi. Dawn kienu istruzzjonijiet irjali, direzzjonijiet għal sultan.
3 Alla qal: “Meta int tasal fl-art li l-Mulej, Alla tiegħek, se jagħtik . . . u tgħid: ‘Ħa nagħmel sultan fuqi bħall-ġnus taʼ madwari’; int tistaʼ tagħmel sultan fuqek, li jkun ħatru l-Mulej, Alla tiegħek. . . . Meta joqgħod fuq it-tron taʼ saltnatu, jikteb mill-ġdid din il-liġi fi ktieb . . . U jżommha dejjem għandu u jaqraha l-jiem kollha taʼ ħajtu, biex jitgħallem jibżaʼ mill-Mulej, Alla tiegħu, u jħares il-kliem kollu taʼ din il-liġi u dawn l-istatuti, biex iħarishom.”—Dewteronomju 17:14-19.
4. X’kienu jinvolvu d-direzzjonijiet li Alla ta lis-slaten?
4 Iva, is-sultan li Jehovah kien se jagħżel għall-adoraturi tiegħu kellu jagħmel kopja persunali tal-kitbiet li int tistaʼ ssib fil-Bibbja tiegħek. Imbagħad is-sultan kellu jaqra minn dik il-kopja kuljum, darba wara l-oħra. Ma kellux jagħmel dan biex iħarreġ il-memorja. Dan kien studju, u l-iskop kien li jkun taʼ benefiċċju. Is-sultan li kien se jkollu l-approvazzjoni taʼ Jehovah kien jeħtieġ li jwettaq studju bħal dan biex jiżviluppa u jibqaʼ jżomm attitudni xierqa f’qalbu. Kellu bżonn ukoll jistudja dawk il-kitbiet ispirati biex ikun sultan li jirnexxi u jkollu d-dehen.—2 Slaten 22:8-13; Proverbji 1:1-4.
Tgħallem bħal Sultan
5. Liema partijiet mill-Bibbja kellu x’jikkopja u x’jaqra s-Sultan David, u kif ħassu dwar dan?
5 X’taħseb li dan kien se jfisser għal David meta sar sultan fuq Iżrael? Kien se jkollu jagħmel kopja tal-kotba tal-Pentatewku (Ġenesi, Eżodu, Levitiku, Numri, Dewteronomju). Aħseb ftit x’impressjoni żgur li ħalla f’moħħ u qalb David il-fatt li uża għajnejh u idejh stess biex jikteb kopja tal-Liġi. X’aktarx li Mosè kiteb ukoll il-ktieb taʼ Ġob kif ukoll Salm 90 u 91. Kellu David jikkopja lilhom ukoll? Jistaʼ jkun. Barra minn hekk, probabbilment kellu l-kotba taʼ Ġożwè, l-Imħallfin, u Rut. Għalhekk, tistaʼ tara li s-Sultan David kellu parti mhux ħażin mill-Bibbja x’jaqra u x’jitgħallem. U għandek għalxiex temmen li preċiż hekk għamel, għax innota l-kummenti tiegħu dwar il-Liġi t’Alla, li issa nsibuhom f’Salm 19:8-12 (19:7-11, NW).
6. Kif nistgħu nkunu ċerti li Ġesù, bħall-antenat tiegħu David, kellu interess fl-Iskrittura?
6 David Akbar—Ġesù, Bin David—segwa mudell simili. Ġesù kellu d-drawwa li jmur fis-sinagoga lokali kull ġimgħa. Hemmhekk kien jismaʼ l-Iskrittura tinqara u tiġi mfissra. Iktar minn hekk, minn żmien għall-ieħor Ġesù nnifsu kien jaqra pubblikament b’leħen għoli mill-Kelma t’Alla u jispjega kif kienet tapplika. (Luqa 4:16-21) Mhix ħaġa diffiċli biex tinduna kemm kien familjari maʼ l-Iskrittura. Kulma trid tagħmel hu li taqra r-rakkonti taʼ l-Evanġelju, u tinnota kemm-il darba Ġesù qal “hemm miktub” jew irrefera b’modi oħrajn għal siltiet speċifiċi mill-Iskrittura. Per eżempju, fil-Priedka tiegħu taʼ fuq il-Muntanja kif dokumentata minn Mattew, Ġesù kkwota mill-Iskrittura Ebrajka 21 darba.—Mattew 4:4-10; 7:29; 11:10; 21:13; 26:24, 31; Ġwann 6:31, 45; 8:17.
7. Ġesù kif kien differenti mill-mexxejja reliġjużi?
7 Ġesù segwa l-parir f’Salm 1:1-3: “Hieni l-bniedem li ma jimxix fuq il-parir tal-ħżiena, . . . imma fil-liġi tal-Mulej hi l-għaxqa tiegħu, lejl u nhar jaħseb fil-liġi tiegħu. . . . Hu jirnexxi f’kull ma jagħmel.” Kemm kien differenti dan mill-mexxejja reliġjużi taʼ żmienu, li ‘qagħdu fuq il-kattedra taʼ Mosè’ imma li injoraw il-liġi taʼ Jehovah!—Mattew 23:2-4.
8. Il-mexxejja reliġjużi Lhud għala qraw u studjaw il-Bibbja għalxejn?
8 Madankollu, xi wħud jistgħu jitħawdu b’silta partikulari li tistaʼ tiġi interpretata bħallikieku Ġesù kien qed jiskuraġġixxi l-istudju tal-Bibbja. Fi Ġwann 5:39, 40, naqraw dak li Ġesù qal lil xi wħud fi żmienu: “Intom tistudjaw l-Iskrittura, għax taħsbu li fiha hemm il-ħajja taʼ dejjem; din tagħti xhieda għalija; u madankollu ma tridux tiġu għandi biex ikollkom il-ħajja.” B’dan il-kumment Ġesù ma kienx qed jiskuraġġixxi lil-Lhud li kienu qed jisimgħuh milli jistudjaw l-Iskrittura. Minflok, kien qed jikxef in-nuqqas taʼ sinċerità jew konsistenza tagħhom. Huma rrealizzaw li l-Iskrittura setgħet tiggwidahom lejn il-ħajja taʼ dejjem, imma l-istess Skrittura li kienu qed ifittxu fiha suppost kellha twassalhom ukoll għall-Messija, Ġesù. Minkejja dan, ma ridux jaċċettawh. B’hekk huma ma bbenefikaw xejn b’dak li studjaw għax ma kinux sinċieri, u lanqas ma riedu jitgħallmu.—Dewteronomju 18:15; Luqa 11:52; Ġwann 7:47, 48.
9. Liema eżempju mill-aħjar ħallew l-appostli u l-profeti tal-bidu?
9 Kemm kienet differenti s-sitwazzjoni fil-każ tad-dixxipli taʼ Ġesù, inkluż l-appostli! Dawn studjaw “il-Kotba Mqaddsa, li jistgħu [jagħtu lil dak li jkun] l-għerf li jwassal għas-salvazzjoni.” (2 Timotju 3:15) Billi għamlu dan kienu qed jimitaw lill-profeti tal-bidu li “stħarrġu u fittxu sewwa.” Dawk il-profeti ma qisux dan l-istħarriġ bħala xi ħaġa li jagħmluha darba bil-kbir u bil-ħeġġa, għal xi ftit xhur jew sena. L-appostlu Pietru jgħid li baqgħu jfittxu b’mod partikulari dwar il-Kristu u dwar liema glorji kienu involuti fl-irwol tiegħu bħala salvatur taʼ l-umanità. Fl-ewwel ittra tiegħu, Pietru kkwota 34 darba minn għaxar kotba Bibliċi.—1 Pietru 1:10, 11, Karm Żammit.
10. Kull wieħed u waħda minna għala għandu jkun interessat fl-istudju tal-Bibbja?
10 B’mod ċar, allura, studju bir-reqqa tal-Kelma t’Alla kien inkarigu rjali għas-slaten f’Iżrael tal-qedem. Ġesù segwa dan il-mudell. U dawk li kienu se jaħkmu maʼ Kristu bħala slaten fis-sema, ukoll kellhom il-biċċa xogħol li jistudjawha. (Luqa 22:28-30; Rumani 8:17; 2 Timotju 2:12; Apokalissi 5:10; 20:6) Dan il-mudell irjali bl-istess mod huwa neċessarju għal kulmin illum iħares ’il quddiem lejn il-barkiet li se jkun hawn fuq l-art taħt il-ħakma tas-Saltna.—Mattew 25:34, 46.
Biċċa Xogħol għas-Slaten u Għalik
11. (a) Liema periklu konness maʼ l-istudju jeżisti għall-Kristjani? (b) Liema mistoqsijiet nagħmlu tajjeb li nistaqsu lilna nfusna?
11 Nistgħu ngħidu b’enfasi u bl-onestà kollha li kull Kristjan veru suppost qed jeżamina l-Bibbja personalment. Din mhix xi ħaġa li għandek bżonn tagħmilha biss għall-ewwel li tistudja l-Bibbja max-Xhieda taʼ Jehovah. Ilkoll kemm aħna għandna nkunu determinati li ma nkunux bħal xi wħud fi żmien l-appostlu Pawlu li maż-żmien saru traskurati fl-istudju persunali. Huma tgħallmu “l-ewwel elementi tal-kelma taʼ Alla,” bħall-“ewwel elementi tat-tagħlim taʼ Kristu.” Però, ma baqgħux regulari fl-istudju tagħhom, u b’hekk ma ‘mxewx ’il quddiem’ lejn il-maturità. (Lhud 5:12–6:3) Fi qbil maʼ dan nistgħu nistaqsu lilna nfusna: ‘Kif inħossni dwar l-istudju persunali tal-Kelma t’Alla, kemm jekk ili ftit u kemm jekk ili snin sħaħ nassoċja mal-kongregazzjoni Kristjana? Pawlu talab għall-Kristjani fi żmienu biex ikomplu “[jikbru] fl-għarfien taʼ Alla.” Nuri jien li għandi l-istess xewqa?’—Kolossin 1:9, 10.
12. Għala hu importanti li titgħaxxaq kontinwament bil-Kelma t’Alla?
12 Fattur importanti biex ikollok drawwiet tajbin taʼ studju huwa li tiżviluppa għaxqa għall-Kelma t’Alla. Salm 119:14-16 jidderieġi l-attenzjoni lejn il-fatt li jekk tirrifletti regolarment u b’mod sinifikanti fuq il-Kelma t’Alla, tistaʼ ssir titgħaxxaq biha. Għal darb’oħra, dan japplika minkejja kemm ilek Kristjan. Biex nenfasizzaw dan, ftakar fl-eżempju taʼ Timotju. Għalkemm dan l-anzjan Kristjan kien diġà qed jaqdi bħala “suldat tajjeb taʼ Kristu Ġesù,” Pawlu ħeġġu biex jagħmel mill-aħjar tiegħu f’li “jxandar bir-reqqa l-kelma tal-verità.” (2 Timotju 2:3, 15; 1 Timotju 4:15) B’mod ċar, biex tagħmel “mill-aħjar” tiegħek jinvolvi li jkollok drawwiet tajbin taʼ studju.
13. (a) Kif tistaʼ ssib iktar ħin għall-istudju tal-Bibbja? (b) Liema aġġustamenti tistaʼ tagħmel int personalment biex takkwista l-ħin għall-istudju?
13 Pass li trid tieħu biex ikollok drawwiet tajbin taʼ studju huwa li twarrab il-ħin b’mod regulari sabiex tistudja l-Bibbja. Kif int sejjer f’dan ir-rigward? Hi x’inhi r-risposta onesta tiegħek, taħseb li tibbenefika li kieku tqattaʼ iktar ħin fl-istudju persunali? Forsi tistaqsi bejnek u bejn ruħek, ‘Kif nistaʼ nsib ħin għal dan?’ Sewwa, xi wħud żiedu l-ħin effettiv tagħhom taʼ studju tal-Bibbja billi fil-għodu jqumu ftit iktar kmieni. Dawn forsi jagħmlu kwarta jaqraw il-Bibbja jew jaħdmu fuq xi proġett li jkun parti mill-istudju persunali tagħhom. Jew inkella, għax ma tipprovax tagħmel ftit bidliet fl-iskeda tiegħek taʼ kull ġimgħa? Per eżempju, jekk tħobb taqra l-gazzetta kważi kuljum jew tara l-aħbarijiet taʼ fil-għaxija fuq it-televixin, tistaʼ ma tagħmilx dan ġurnata waħda biss fil-ġimgħa? Dak in-nhar tkun tistaʼ tuża l-ħin għal iżjed studju tal-Bibbja. Jekk ġurnata minnhom, flok tara l-aħbarijiet, tiddedika nofs siegħa jew iktar għall-istudju persunali, f’sena takkwista iktar minn 25 siegħa. Immaġina kemm tistaʼ tibbenefika minn 25 siegħa taʼ iktar qari jew studju tal-Bibbja! Idea oħra hi: Matul il-ġimgħa li ġejja, fit-tmiem taʼ kull ġurnata irrifletti dwar x’għamilt. Ara jekk tistax issib xi ħaġa li tistaʼ taqbiżha jew tiddedika inqas ħin għaliha sabiex tħalli l-ħin għal iktar qari jew studju tal-Bibbja.—Efesin 5:15, 16.
14, 15. (a) Il-miri għala huma importanti fejn jidħol l-istudju persunali? (b) Wieħed liema miri jistaʼ jagħmel f’konnessjoni mal-qari tal-Bibbja?
14 L-istudju kif tistaʼ tagħmlu b’mod li jkun eħfef u iktar interessanti għalik? Bil-miri. Liema miri realistiċi tistaʼ tagħmel għall-istudju? Għal ħafna wħud, l-ewwel mira taʼ min jammiraha hi li jaqraw il-Bibbja kollha. Forsi s’issa, qrajt partijiet mill-Bibbja minn żmien għall-ieħor u bbenefikajt minn dan. Tistaʼ issa tkun determinat li taqra l-Bibbja kollha kemm hi? Biex twettaq dan, l-ewwel tistaʼ tagħmel il-mira li taqra l-erbaʼ Evanġelji, u mbagħad tagħmel it-tieni mira, bħal per eżempju li taqra l-bqija taʼ l-Iskrittura Griega Kristjana. Meta tieħu s-sodisfazzjon u l-benefiċċji li jirriżultaw minn dan, il-mira li forsi jkun imissek tagħmel hi li taqra wara xulxin il-kotba taʼ Mosè kif ukoll il-kotba storiċi sa Ester. Meta tkun għamilt dan, se tinduna li ma jkunx diffiċli li tispiċċa l-bqija tal-Bibbja. Waħda mara, li kellha xi 65 sena meta saret Kristjana, kitbet fuq in-naħa taʼ ġewwa tal-qoxra tal-Bibbja d-dati taʼ meta bdiet taqraha u iktar tard meta lestietha. Issa għandha ħames pari dati mniżżlin! (Dewteronomju 32:45-47) U minflok ma qratha minn fuq il-kompjuter jew minn karta stampata, hi kellha l-Bibbja f’idejha.
15 Xi wħud diġà laħqu din il-mira li jaqraw il-Bibbja kollha u ħadu passi oħrajn biex jagħmlu l-istudju regulari tagħhom iktar produttiv u premjanti. Mod wieħed hu li tinkludi materjal magħżul għall-istudju qabel ma tibda taqra kull ktieb tal-Bibbja. Fl-“All Scripture Is Inspired of God and Beneficial” u fl-Insight on the Scriptures, wieħed jistaʼ jsib tagħrif eċċellenti dwar kull ktieb tal-Bibbja—iż-żmien u l-post fejn inkiteb, l-istil tiegħu, u x’benefiċċji wieħed jistaʼ jikseb minnu.a
16. Liema eżempju għandna nevitaw li nsegwu fejn jidħol l-istudju tal-Bibbja?
16 Matul l-istudju tiegħek, evita li tittratta l-Bibbja kif jittrattawha ħafna mill-hekk imsejħa studjużi tal-Bibbja. Dawn jiffokaw iżżejjed fuq li janalizzaw il-versi bħallikieku l-Bibbja ġejja mill-bniedem. Xi wħud minnhom jipprovaw jgħidu li kull ktieb kien indirizzat għal udjenza partikulari. Jew jipprovaw jimmaġinaw x’kien l-iskop u l-ħsieb li setaʼ kellu f’moħħu l-kittieb uman hu u jikteb. L-effett taʼ dan ir-raġunar uman jistaʼ jkun li l-kotba Bibliċi jibdew jitqiesu sempliċement bħala kotba taʼ l-istorja, jew bħala li jirriflettu l-proċess taʼ kif żviluppaw ir-reliġjonijiet. Studjużi oħrajn jintefgħu fuq l-istudju tal-kliem, bħall-filoloġija tal-letteratura Biblika. Dawn jidħlu iktar fl-istudju taʼ l-oriġini tal-kliem u f’li jikkwotaw it-tifsir bl-Ebrajk u l-Grieg milli fis-sinifikat tal-messaġġ t’Alla. Taħseb li jekk wieħed jittratta l-Iskrittura b’dan il-mod se jiżviluppa fidi profonda u li timmotivah?—1 Tessalonikin 2:13.
17. Għala għandna nqisu l-Bibbja bħala li għandha messaġġ għal kulħadd?
17 Jistaʼ jissejjaħ validu dak li jikkonkludu l-istudjużi? Veru li kull ktieb tal-Bibbja għandu biss punt wieħed prinċipali jew huwa mmirat għal udjenza waħda biss? (1 Korintin 1:19-21) Il-fatt hu li l-kotba tal-Kelma t’Alla għandhom valur permanenti għal nies taʼ kull età u trobbija. Anki jekk fil-bidu ċertu ktieb kien indirizzat lil persuna waħda, bħal per eżempju lil Timotju jew Titu, jew lil grupp partikulari, forsi lill-Galatin jew lill-Filippin, ilkoll kemm aħna nistgħu nistudjaw dawn il-kotba u hekk għandna nagħmlu. Dawn huma importanti għal kull wieħed u waħda minna. Xi ktieb partikulari jistaʼ jolqot ħafna temi u jibbenefika lil ħafna udjenzi. Iva, il-messaġġ tal-Bibbja huwa universali, u dan jgħinna nifhmu għala nqalbet fl-ilsna tan-nies madwar id-dinja kollha.—Rumani 15:4.
Benefiċċju Għalik u għal Oħrajn
18. Int u taqra l-Kelma t’Alla, fuqiex għandek tirrifletti?
18 Waqt li tkun qed tistudja, se ssibu taʼ benefiċċju kbir li tfittex li tifhem il-Bibbja, kif ukoll li tipprova tara kif id-dettalji huma konnessi b’mod xieraq maʼ xulxin. (Proverbji 2:3-5; 4-7) Dak li Jehovah kixef permezz taʼ Kelmtu għandu x’jaqsam ferm maʼ l-iskop tiegħu. Għalhekk, int u taqra, għaqqad il-fatti u l-pariri maʼ l-iskop t’Alla. Tistaʼ tirrifletti fuq kif ġrajja, idea, jew profezija hi marbuta maʼ l-iskop taʼ Jehovah. Staqsi lilek innifsek: ‘Dan x’jgħid dwar Jehovah? Kif inhu marbut maʼ l-iskop t’Alla li qed jitwettaq permezz tas-Saltna tiegħu?’ Tistaʼ tirrifletti wkoll: ‘Kif nistaʼ nuża din l-informazzjoni? Nistaʼ ninkludiha meta nkun qed ngħallem jew nagħti parir lil oħrajn minn fuq il-Bibbja?’—Ġożwè 1:8.
19. Min jibbenefika hekk kif titkellem maʼ ħaddieħor dwar l-affarijiet li titgħallem? Spjega.
19 Li taħseb f’ħaddieħor huwa taʼ benefiċċju b’mod ieħor ukoll. Waqt li tkun qed taqra u tistudja l-Bibbja, se titgħallem affarijiet ġodda u tikseb fehma akbar. Ipprova inkludi dan f’konversazzjoni inkuraġġanti mal-membri tal-familja tiegħek jew oħrajn. Jekk tagħmel hekk fil-ħin xieraq u bil-modestja kollha, diskussjonijiet bħal dawn żgur li se jkunu taʼ ġid. Meta titkellem b’mod sinċier u bl-entużjażmu dwar dak li tgħallimt jew dwar l-aspetti li laqtuk, x’aktarx li din l-informazzjoni se tagħmel impressjoni akbar fuq ħaddieħor. Iktar minn hekk, se tibbenefika int stess. Kif? L-esperti nnotaw li persuna tiftakar iktar dak li tkun tgħallmet jew qrat jekk tużah jew tirrepetih waqt li jkun għadu frisk f’moħħha, bħal meta tgħidu lil oħrajn.b
20. Għala huwa taʼ benefiċċju li taqra l-Bibbja kemm-il darba?
20 Kull darba li taqra ktieb tal-Bibbja, żgur li se tislet informazzjoni ġdida. Se jolqtuk siltiet li drabi oħra ma impressjonawkx daqshekk. Se tifhimhom aħjar. Dan għandu jenfasizza li iktar milli sempliċi letteratura tal-bniedem, il-kotba tal-Bibbja huma teżori tajbin sabiex tistudjahom u tibbenefika minnhom kemm-il darba. Tinsiex, sultan, bħal per eżempju David, kellu “jaqra [l-Kelma t’Alla] l-jiem kollha taʼ ħajtu.”
21. Liema premju tistaʼ tistenna jekk iżżid fl-istudju tiegħek tal-Kelma t’Alla?
21 Iva, dawk li jieħdu l-ħin biex jagħmlu studju profond tal-Bibbja jibbenefikaw ferm. Jakkwistaw ġawhar u dehen spiritwali. Ir-relazzjoni tagħhom m’Alla tissaħħaħ, u ssir iktar intima. Huma jsiru wkoll uħud taʼ benefiċċju kbir għall-membri tal-familja, għall-aħwa fil-kongregazzjoni Kristjana, u għal dawk li għad iridu jsiru adoraturi taʼ Jehovah.—Rumani 10:9-14; 1 Timotju 4:16.
[Noti taʼ taħt]
a Dawn il-pubblikazzjonijiet t’għajnuna għall-istudju huma pubblikati mix-Xhieda taʼ Jehovah u huma disponibbli b’ħafna lingwi.
b Ara It-Torri taʼ l-Għassa tal-15 taʼ Novembru, 1993, paġni 9, 10.
Tiftakar Int?
• X’kellhom jagħmlu s-slaten f’Iżrael?
• Ġesù u l-appostli liema eżempju pprovdew fejn jidħol l-istudju tal-Bibbja?
• Liema aġġustamenti tistaʼ tagħmel int biex iżżid il-ħin tiegħek għall-istudju persunali?
• Liema attitudni mentali għandu jkollok meta tkun se tistudja l-Kelma t’Alla?
[Kaxxa f’paġna 15]
“F’Idejna”
“Jekk irridu . . . [indiċi tal-kliem] tal-Bibbja, m’hemmx għodda aħjar mill-Internet. Imma jekk irridu naqraw il-Bibbja, nistudjawha, naħsbu dwarha, u nirriflettu fuqha, trid tkun f’idejna, għax b’dan il-mod biss nistgħu ndaħħluha f’moħħna u f’qalbna.”—Gertrude Himmelfarb, professoressa emeritus magħrufa, City University, New York.