LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w96 6/1 pp. 22-27
  • Iż-Żerriegħa tas-Serpent—Kif Mikxufa?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Iż-Żerriegħa tas-Serpent—Kif Mikxufa?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Dak Li Tfisser Il-​Profezija
  • “Mibgħeda Bejnek u Bejn Il-​Mara”
  • Ostilità Lejn Iż-​Żerriegħa Tal-​Mara T’Alla
  • Kxif Fiż-​Żmien Modern Taż-​Żerriegħa Tas-​Serpent
  • L-Armonija Sħiħa tal-Bibbja
    Il-Bibbja—Il-Kelma tʼAlla jew tal-Bniedem?
  • Dak li Xehdu Għalih il-Profeti Kollha
    Qim lill-Uniku Alla Veru
  • Mistoqsijiet mill-Qarrejja
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Il-Wieħed li Għalih il-Profeti Kollha Taw Xiehda
    Magħqudin fil-Qima Taʼ L-Uniku Alla Veru
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
w96 6/1 pp. 22-27

Iż-​Żerriegħa tas-​Serpent—Kif Mikxufa?

“Jien inqajjem mibgħeda bejnek u bejn il-​mara, bejn nislek u nisilha.”—ĠENESI 3:15.

1. (a) Jehovah għala hu dak Alla hieni? (b) X’għamel biex inkunu nistgħu nieħdu sehem fil-​ferħ tiegħu?

JEHOVAH hu dak Alla hieni u bir-​raġun. Hu l-​akbar u l-​aqwa Donatur t’affarijiet li huma tajbin, u m’hemm xejn li jistaʼ jfixkel it-​twettiq taʼ l-​iskopijiet tiegħu. (Isaija 55:10, 11; 1 Timotju 1:11; Ġakbu 1:17) Hu jrid li l-​qaddejja tiegħu jieħdu sehem fil-​ferħ tiegħu, u jipprovdilhom raġunijiet sodi biex jagħmlu dan. B’hekk, f’wieħed mill-​iktar mumenti koroh fl-​istorja umana​—l-​irvell f’Għeden—​hu pprovda l-​bażi għalina biex inħarsu lejn il-futur b’tama.—Rumani 8:19-21.

2. Meta ppronunzja ġudizzju fuq ir-​ribelli f’Għeden, Jehovah kif ipprovda bażi għal tama għan-​nisel t’Adam u Eva?

2 Wieħed mill-​ulied spirti taʼ Jehovah, billi rreżista u kkalunnja lil Alla, kien għadu kif għamel lilu nnifsu Satana x-​Xitan. L-​ewwel bnedmin, Eva u mbagħad Adam, kienu waqgħu taħt l-​influwenza tiegħu u kienu kisru l-​liġi mistqarra b’mod ċar taʼ Jehovah. Huma ġew ġustament issentenzjati għall-​mewt. (Ġenesi 3:1-24) Madankollu, meta ppronunzja ġudizzju fuq dawn ir-​ribelli, Jehovah ipprovda bażi għal tama għan-​nisel t’Adam u Eva. B’liema mod? Bħalma huwa ddokumentat f’Ġenesi 3:15, Jehovah qal: “Jien inqajjem mibgħeda bejnek u bejn il-​mara, bejn nislek u nisilha, u hu jisħaqlek rasek u int tisħaqlu għarqubu.” Dik il-​profezija hija ħjiel biex nifhmu l-​Bibbja kollha kemm hi kif ukoll ġrajjiet tal-​passat u tal-​preżent li jinvolvu kemm lid-​dinja kif ukoll lill-​qaddejja taʼ Jehovah.

Dak Li Tfisser Il-​Profezija

3. Bħalma jirreferi għalihom f’Ġenesi 3:15, identifika (a)  is-Serpent, (b) “il-​mara,” (ċ) iż-​“żerriegħa” tas-​Serpent, (d) iż-​“żerriegħa” tal-​mara.

3 Biex napprezzaw is-​sinjifikat tagħha, ikkunsidra d-​diversi elementi tal-​profezija nfisha. Il-​wieħed indirizzat f’Ġenesi 3:15 huwa s-​Serpent​—mhux is-​sempliċi serp imma l-​wieħed li wżah. (Rivelazzjoni 12:9, NW) “Il-​mara” m’hijiex Eva imma l-​organizzazzjoni tas-​sema taʼ Jehovah, omm il-​qaddejja tiegħu midlukin bl-​ispirtu fuq l-​art. (Galatin 4:26) ‘In-​nisel [“iż-​żerriegħa,” “NW”]’ tas-​Serpent, huwa ż-​żerriegħa taʼ Satana, nislu​—demonji u bnedmin kif ukoll organizzazzjonijiet umani li juru l-​karatteristiċi taʼ Satana u li juru mibgħeda lejn iż-​“żerriegħa” tal-​mara. (Ġwann 15:19; 17:15) “Iż-​żerriegħa” tal-​mara hu primarjament Ġesù Kristu, li ġie midluk bl-​ispirtu qaddis fis-​sena 29 E.K. Il-​mija u erbgħa u erbgħin elf, li ‘jitwieldu mill-​ġdid mill-​ilma u l-​ispirtu’ u li huma werrieta tas-​Saltna tas-​sema maʼ Kristu, huma parti sussidjarja taʼ dik iż-​żerriegħa tal-​wegħda. Dawn bdew jiġu miżjudin maż-​żerriegħa tal-​mara minn Pentekoste tas-​sena 33 E.K. ’l quddiem.—Ġwann 3:3, 5; Galatin 3:16, 29.

4. Ġenesi 3:15 kif inhu relatat maʼ li l-​art issir ġenna, mimlija b’nies ħelsin mid-​dnub u l-​mewt?

4 Is-​serpent litterali f’Għeden ġie wżat bħala strument biex iwassal il-​kliem taʼ dak il-​wieħed li l-​qerq tiegħu wassal biex l-​umanità titlef il-​Ġenna. Ġenesi 3:15 ipponta ’l quddiem lejn iż-​żmien meta dak il-​wieħed li mmanipula lil dak is-​serpent se jiġi mgħaffeġ. Imbagħad it-​triq se tinfetaħ mill-​ġdid għal qaddejja umani t’Alla biex jgħixu fil-​Ġenna, ħelsin mid-​dnub u l-​mewt. Xi żmien mimli ferħ se jkun dak!—Apokalissi 20:1-3; 21:1-5.

5. Liema karatteristiċi jidentifikaw lin-​nisel spiritwali tax-​Xitan?

5 Wara l-​irvell f’Għeden, bdew jidhru individwi u organizzazzjonijiet li wrew karatteristiċi bħal dawk taʼ Satana x-​Xitan​—irvell, gideb, ikkalunnjar, u qtil, flimkien m’oppożizzjoni għar-​rieda taʼ Jehovah u għal dawk li jqimu lil Jehovah. Dawk il-​karatteristiċi identifikaw lin-​nisel, l-​ulied spiritwali, tax-​Xitan. Fost dawn kien hemm Kajjin, li qatel lil Abel meta Jehovah iffavorixxa l-​qima t’Abel minflok dik taʼ Kajjin. (1 Ġwann 3:10-12) Nimrod kien wieħed li l-​istess ismu identifikah bħala ribell u li sar kaċċatur u ħakkiem setgħan f’oppożizzjoni għal Jehovah. (Ġenesi 10:9) Jerġaʼ kien hemm suċċessjoni taʼ saltniet tal-​qedem, inkluża Babilonja, bir-​reliġjonijiet tagħhom sponsorjati mill-​istat u mibnijin fuq il-​gideb, u dawn ħaqru krudelment lil adoraturi taʼ Jehovah.—Ġeremija 50:29.

“Mibgħeda Bejnek u Bejn Il-​Mara”

6. Satana b’liema modi wera mibgħeda lejn il-​mara taʼ Jehovah?

6 Matul dan iż-​żmien kollu, kien hemm mibgħeda bejn is-​Serpent u l-​mara taʼ Jehovah, bejn Satana x-​Xitan u l-​organizzazzjoni tas-​sema taʼ Jehovah taʼ ħlejjaq spirti leali. Il-​mibgħeda taʼ Satana ntweriet meta kasbar lil Jehovah u fittex li jkisser l-​organizzazzjoni tas-​sema taʼ Jehovah, billi jħajjar lil anġli biex jabbandunaw il-​post xieraq fejn jgħammru. (Proverbji 27:11; Ġuda 6) Din intweriet meta Satana uża lid-​demonji tiegħu biex jipprovaw ifixklu lil messaġġiera anġeliċi mibgħutin minn Jehovah. (Danjel 10:13, 14, 20, 21) Kienet evidenti b’mod li jispikka f’dan is-​seklu 20 meta Satana fittex li jeqred lis-​Saltna Messjanika malli din twieldet.—Apokalissi 12:1-4.

7. L-​anġli leali taʼ Jehovah għala ħassew mibgħeda lejn is-​Serpent simboliku, madankollu liema rażna wrew?

7 Kien hemm ukoll mibgħeda min-​naħa tal-​mara taʼ Jehovah, il-​ġemgħa t’anġli leali, lejn is-​Serpent simboliku. Satana kien ikkalunnja l-​isem tajjeb t’Alla; kien qajjem dubju dwar l-​integrità taʼ kull wieħed mill-​ħlejjaq intelliġenti t’Alla, inklużi l-​anġli kollha, u kien qiegħed b’mod attiv jipprova jxejjen il-​lealtà tagħhom lejn Alla. (Apokalissi 12:4a) Anġli, kerubini, u serafini leali ma setgħux ma jħossux stmerrija lejn dak il-​wieħed li għamel lilu nnifsu Satana u Xitan. Madankollu, huma ħallew f’idejn Jehovah biex jittratta l-​affarijiet fiż-​żmien u l-​mod tiegħu stess.—Qabbel Ġuda 9.

Ostilità Lejn Iż-​Żerriegħa Tal-​Mara T’Alla

8. Satana għal min kien għassa?

8 Sadattant, Satana kien għassa dwar min kellu jkun iż-​Żerriegħa mbassar tal-​mara, il-​wieħed li Jehovah qal kellu jbenġel lis-​Serpent fir-​ras. Meta l-​anġlu mis-​sema ħabbar li Ġesù, li kien twieled f’Betlehem, kien is-​“Salvatur, li hu l-​Messija, il-​Mulej,” dan kien konferma qawwija li hu kellu jsir iż-​Żerriegħa mbassra tal-​mara.—Luqa 2:10, 11.

9. Wara t-​twelid taʼ Ġesù, Satana kif wera mibgħeda feroċi?

9 Il-​mibgħeda feroċi taʼ Satana malajr intweriet meta ħajjar lil astroloġi pagani jidħlu għal missjoni li ħadithom l-​ewwel għand is-​Sultan Erodi f’Ġerusalemm u mbagħad lejn id-​dar f’Betlehem fejn sabu lit-​tfajjel Ġesù u lil ommu, Marija. Ftit wara dan is-​Sultan Erodi ordna l-​mewt tas-​subjien kollha minn sentejn ’l isfel, f’Betlehem u madwarha. F’dan, Erodi wera mibgħeda satanika għaż-​Żerriegħa. Erodi evidentement kien jaf tajjeb ħafna li kien qiegħed jipprova jtemm il-​ħajja taʼ dak il-​wieħed li kellu jkun il-​Messija. (Mattew 2:1-6, 16) L-​istorja tixhed li s-​Sultan Erodi kien bla skruplu, makakk, u qattiel​—verament wieħed miż-​żerriegħa tas-​Serpent.

10. (a) Wara l-​magħmudija taʼ Ġesù, Satana kif ipprova personalment ifixkel l-​iskop taʼ Jehovah rigward iż-​Żerriegħa mwiegħed? (b) Satana kif uża lill-​mexxejja reliġjużi Lhud f’li jsegwi l-​miri tiegħu?

10 Wara li Ġesù ġie midluk bl-​ispirtu qaddis fis-​sena 29 E.K. u Jehovah kien tkellem mis-​sema biex jirrikonoxxi lil Ġesù bħala Ibnu, Satana pprova ripetutament iġiegħel lil Ġesù jċedi għal tentazzjoni, billi b’hekk fittex li jħawwad l-​iskop taʼ Jehovah rigward Ibnu. (Mattew 4:1-10) Billi falla f’dak, irrikorra għal iktar użu minn aġenti umani biex jilħaq il-​miri tiegħu. Fost dawk użati f’attentat biex Ġesù jiġi ddubitat kien hemm il-​mexxejja reliġjużi ipokriti. Huma rrikorrew għal gideb u kalunnji, it-​tip taʼ metodi wżati minn Satana nnifsu. Meta Ġesù qal lil wieħed paralitiku, “Agħmel il-​qalb, . . . dnubietek maħfura,” l-​iskribi, mingħajr ma stennew biex jaraw jekk ir-​raġel kienx ġie tabilħaqq imfejjaq, iġġudikaw lil Ġesù bħala midgħi. (Mattew 9:2-7) Meta Ġesù fejjaq lin-​nies f’jum is-​Sabat, il-Fariżej akkużawh bħala li kiser il-​liġi tas-​Sabat u ftiehmu biex jeqirduh. (Mattew 12:9-14; Ġwann 5:1-18) Meta Ġesù keċċa lid-​demonji, il-​Fariżej għamlu l-​akkuża li hu kien ħaġa waħda maʼ “Begħelżebul, il-​Prinċep tax-​xjaten.” (Mattew 12:22-24) Wara li Lażżru ġie mqajjem mill-​mewt, ħafna min-​nies poġġew fidi f’Ġesù, imma l-​qassisin ewlenin u l-​Fariżej mill-​ġdid ftiehmu biex joqtluh.—Ġwann 11:47-53.

11. Tlett ijiem qabel il-​mewt tiegħu, Ġesù lil min identifika bħala parti miż-​żerriegħa tas-​Serpent, u għala?

11 Fil-​11 taʼ Nisan, 33 E.K., Ġesù, għalkemm kien jaf tajjeb x’kienu qegħdin jikkonfoffaw, daħal bla biżaʼ dritt għal ġot-​tempju f’Ġerusalemm u hemmhekk pubblikament ippronunzja ġudizzju fuqhom. Bħala grupp, l-​iskribi u l-​Fariżej kienu wrew konsistentement liema tip taʼ nies kienu; għalhekk Ġesù qal: “Ħażin għalikom, intom il-​kittieba u l-​Fariżej, uċuh b’oħra! Intom tagħalqu s-​Saltna tas-​Smewwiet għall-​bnedmin, u la intom ma tidħlu fiha, u lanqas tħallu lil ħaddieħor li jkun irid jidħol!” Ġesù bla tlaqliq iddikjara li huma kienu parti miż-​żerriegħa tas-​Serpent, billi qal: “Ja sriep u nisel il-​lifgħat, kif se taħarbu mill-​kundanna taʼ l-​infern [“geħenna,” NW]?” (Mattew 23:13, 33) Il-​lingwaġġ tiegħu jfakkarna fil-​profezija f’Ġenesi 3:15.

12, 13. (a) Il-​qassisin ewlenin u l-​iskribi kif taw iżjed evidenza rigward min kien il-​missier spiritwali tagħhom? (b) Min ingħaqad magħhom? (ċ) Bi twettiq taʼ Ġenesi 3:15, iż-​Żerriegħa tal-​mara kif kien imbenġel fl-​għarqub?

12 Meta semgħu l-​kliem taʼ Ġesù, ħassew huma rimors f’qalbhom, biex b’hekk talbu ħniena mingħand Alla? Nidmu huma mill-​ħażen tagħhom? Le! Mark 14:1 jirrapporta li l-​għada stess, f’laqgħa fil-​bitħa tal-​qassis il-​kbir, “[i]l-qassisin il-​kbar u l-​kittieba bdew ifittxu kif jaqbdu lil Ġesù bil-​qerq taʼ moħ[ħ]hom u jagħtuh il-​mewt.” Huma baqgħu juru l-​ispirtu qattiel taʼ Satana, li lilu Ġesù qabel kien iddeskriva bħala li kien qattiel. (Ġwann 8:44) Malajr ngħaqad magħhom Ġuda l-​Iskarjota, li lilu Satana kien ħajjar biex ikun apostata. Ġuda abbanduna liż-​Żerriegħa bla ħtija tal-​mara t’Alla u ngħaqad maż-​żerriegħa tas-​Serpent.

13 Kmieni fl-​għodwa taʼ l-​14 taʼ Nisan, il-​membri tal-​qorti reliġjuża Lhudija ħadu lil Ġesù bħala priġunier għand il-​gvernatur Ruman. Hawnhekk kienu l-​qassisin ewlenin li kienu minn taʼ quddiem f’li jgħajtu biex hu jiġi msammar maʼ zokk. Meta Pilatu staqsa, “Jien se nsallab lis-​sultan tagħkom?” kienu l-​qassisin ewlenin li wieġbu, “Aħna ma għandniex sultan ħlief lil Ċesari!” (Ġwann 19:6, 15) Tabilħaqq, huma taw prova b’kull mod li kienu parti miż-​żerriegħa tas-​Serpent. Imma ċertament li ma kinux waħedhom. Ir-​rakkont ispirat f’Mattew 27:24, 25 jagħti dan ir-​rapport: “[Pilatu] qabad u ħasel idejh fl-​ilma quddiem il-​poplu.” Imbagħad il-​poplu kollu qal: “Demmu fuqna u fuq uliedna!” B’hekk ħafna Lhud taʼ dik il-​ġenerazzjoni identifikaw lilhom infushom bħala parti miż-​żerriegħa tas-​Serpent. Qabel ma spiċċa dak il-​jum, Ġesù kien mejjet. Billi uża liż-​żerriegħa viżibbli tiegħu, Satana kien benġel liż-​Żerriegħa tal-​mara t’Alla fl-​għarqub.

14. It-​tbenġil taʼ l-​għarqub taż-​Żerriegħa tal-​mara għala ma kienx ifisser vittorja għal Satana?

14 Kien rebaħ Satana? Żgur li le! Ġesù Kristu kien ikkonkwista d-​dinja u kien għeleb lill-​ħakkiem tagħha. (Ġwann 14:30, 31; 16:33) Hu kien żamm il-​lealtà tiegħu lejn Jehovah dritt sal-​mewt. Il-​mewt tiegħu bħala bniedem perfett ipprovdiet il-​prezz tar-​rahan meħtieġ biex jitħallsu lura d-​drittijiet tal-​ħajja mitlufin minn Adam. Mela hu fetaħ it-​triq għal ħajja eterna għal dawk li kellhom jeżerċitaw fidi f’dak il-​provvediment u jobdu l-​kmandamenti t’Alla. (Mattew 20:28; Ġwann 3:16) Jehovah qajjem lil Ġesù mill-​imwiet għal ħajja immortali fis-​sema. Fiż-​żmien maħtur taʼ Jehovah, Ġesù se jgħaffeġ lil Satana ’l barra mill-​eżistenza. F’Ġenesi 22:16-18, huwa pprofetizzat li Jehovah se juri favur lill-​familji kollha taʼ l-​art li jieħdu l-​azzjoni meħtieġa biex ibierku lilhom infushom permezz taʼ dak iż-​Żerriegħa leali.

15. (a) Wara l-​mewt taʼ Ġesù, l-​appostli tiegħu kif komplew jikxfu liż-​żerriegħa tas-​Serpent? (b) Liema ostilità oħra ntweriet miż-​żerriegħa tas-​Serpent dritt sa żmienna?

15 Wara l-​mewt taʼ Ġesù, Kristjani midlukin bl-​ispirtu baqgħu jikxfu liż-​żerriegħa tas-​Serpent, bħalma kien għamel il-​Mulej tagħhom. Imqanqal mill-​ispirtu qaddis, l-​appostlu Pawlu wissa kontra l-​“Bniedem tad-​dnub” li l-​preżenza tiegħu kellha tkun “bil-​qawwa tax-xitan.” (2 Tessalonikin 2:3-10) Dan “il-​Bniedem” kollettiv wera li kien il-​kleru tal-​Kristjaneżmu. Iż-​żerriegħa tas-​Serpent, mill-​banda l-​oħra, ippersegwitaw bl-​aħrax lis-​segwaċi taʼ Ġesù Kristu. Fil-​profezija mniżżla f’Apokalissi 12:17, l-​appostlu Ġwanni bassar li Satana kellu jibqaʼ jagħmel gwerra kontra l-​fdal taż-​żerriegħa tal-​mara t’Alla dritt sa żmienna. Dan hu eżatt dak li seħħ. F’għexieren taʼ pajjiżi, ix-​Xhieda taʼ Jehovah ġew ristretti, attakkati minn folol, mitfugħin il-​ħabs, jew f’kampijiet taʼ konċentrament minħabba l-​waqfa soda tagħhom favur is-​Saltna t’Alla u l-​mogħdijiet taʼ tjieba tiegħu.

Kxif Fiż-​Żmien Modern Taż-​Żerriegħa Tas-​Serpent

16. Fi żminijiet moderni, min inkixef bħala li huma parti miż-​żerriegħa tas-​Serpent, u kif?

16 F’imitazzjoni taʼ Ġesù Kristu, Kristjani veri ma waqfux f’li jikxfu bla biżaʼ lis-​Serpent u liż-​żerriegħa tiegħu. Fl-​1917 l-​Istudenti tal-​Bibbja, kif kienu magħrufin dak iż-​żmien ix-​Xhieda taʼ Jehovah, ippubblikaw il-​ktieb The Finished Mystery, li fih kixfu beraħ l-​ipokrezija tal-​kleru tal-​Kristjaneżmu. Dan kien segwit, fl-​1924, minn riżoluzzjoni stampata intitolata Ecclesiastics Indicted. Ħamsin miljun kopja ngħataw distribuzzjoni internazzjonali. Fl-​1937, J. F. Rutherford, li dak iż-​żmien kien president tal-​Watch Tower Society, kixef b’mod qawwi liż-​żerriegħa taʼ Satana f’taħditiet intitolati “Exposed” (“Mikxuf”) u “Religion and Christianity” (“Reliġjon u Kristjanità”). Is-​sena taʼ wara, fil-​waqt li 50 udjenza taʼ konvenzjonijiet f’diversi pajjiżi kienu qegħdin jisimgħu, hu ta t-​taħdita “Face the Facts” (“Iffaċċja l-​Fatti”) permezz taʼ frekwenzi tar-​radju minn Londra, fl-​Ingilterra. Xahar wara, grupp estensiv taʼ stazzjonijiet tar-​radju fl-​Istati Uniti wassal it-​taħdita “Fascism or Freedom” (“Faxxiżmu jew Libertà”). Dawn kienu ssupplimentati minn kxif qawwi f’kotba bħalma huma Enemies u Religion kif ukoll fil-​ktejjeb Uncovered. Fi qbil maʼ dak li ġie ppubblikat mis-​snin għoxrin ’l hawn, il-​ktieb Revelation​—Its Grand Climax At Hand!,a issa stampat f’65 lingwa, jidentifika ħakkiema politiċi korrotti u barunijiet kummerċjali rgħiba u bla prinċipju bħala li huma fost il-​membri minn taʼ quddiemnett taż-​żerriegħa viżibbli tas-​Serpent. Meta mexxejja politiċi ripetutament jirrikorru għal falzità biex iqarrqu bis-​sudditi tagħhom, ma juru ebda stima lejn il-​qdusija tad-​demm, u jaħqru lill-​qaddejja taʼ Jehovah (u b’hekk juru mibgħeda lejn iż-​żerriegħa tal-​mara t’Alla), huma ċertament li jidentifikaw lilhom infushom bħala parti miż-​żerriegħa tas-​Serpent. L-​istess huwa minnu dwar barunijiet kummerċjali li, mingħajr ebda tingiż taʼ kuxjenza, jigdbu għal qligħ finanzjarju u li jimmanifatturaw jew ibigħu prodotti li huma magħrufin li jikkaġunaw mard.

17. Liema opportunità għadha miftuħa għal individwi prominenti li għandhom mnejn joħorġu mis-​sistema dinjija?

17 Mhux kull individwu imċappas b’reliġjon, politika, jew kummerċ dinji se jkun magħdud finalment bħala parti miż-​żerriegħa tas-​Serpent. Xi wħud minn dawn l-​irġiel u nisa jsiru jammiraw lix-​Xhieda taʼ Jehovah. Huma jużaw l-​influwenza tagħhom biex jgħinuhom u maż-​żmien xi wħud saħansitra jħaddnu l-​vera qima. (Qabbel Atti 13:7, 12; 17:32-34.) Lil uħud bħal dawn kollha, ġie estiż dan l-​appell: “Issa, slaten, ifhmu sewwa; twiddbu, intom li taħkmu l-​art. Aqdu lill-​Mulej bil-​biżaʼ, u bir-​rogħda riġlejh busu, li ma jagħdabx u intom tinqerdu, għax malajr tixgħel il-​qilla tiegħu. Hienja dawk kollha li jistkennu fih!” (Salm 2:10-12) Tabilħaqq, huwa vitali għal dawk kollha li jixtiequ l-​favur taʼ Jehovah li jaġixxu issa, qabel ma l-​Imħallef tas-​sema jagħlaq b’sabta l-​bieb t’opportunità!

18. Għalkemm m’humiex parti miż-​żerriegħa tal-​mara, min huma xorta waħda adoraturi taʼ Jehovah?

18 Dawk biss li se jifformaw is-​Saltna tas-​sema huma parti miż-​żerriegħa tal-​mara. Dawn huma ftit fl-​għadd. (Apokalissi 7:4, 9) Madankollu, hemm folla kbira t’oħrajn, iva, miljuni minnhom, li bħala adoraturi taʼ Jehovah iħarsu ’l quddiem lejn ħajja eterna fuq l-​art magħmula ġenna. Kemm bil-​kliem u kemm bil-​għemil, huma jgħidu lill-​uħud midlukin taʼ Jehovah: “Ħa niġi magħkom, għaliex smajna li Alla magħkom!”—Żakkarija 8:23.

19. (a) In-​nies kollha liema għażla jridu jagħmlu? (b) Lil min b’mod partikulari qiegħed isir appell bis-​serjetà biex jaġixxu bil-​għaqal waqt li għad hemm opportunità?

19 Issa huwa ż-​żmien meta l-​bnedmin kollha jridu jagħmlu għażla. Iridu huma jqimu lil Jehovah u jappoġġjaw lis-​sovranità tiegħu, jew se jħallu lil Satana jkun il-​ħakkiem tagħhom billi jagħmlu l-​affarijiet li jogħġbu lilu? Madwar ħames miljun ruħ mill-​ġnus kollha ħadu l-​waqfa tagħhom fuq in-​naħa taʼ Jehovah fi sħubija maʼ l-​uħud li baqaʼ taż-​żerriegħa tal-​mara, il-​werrieta tas-​Saltna. Tmien miljuni oħrajn urew interess f’li jistudjaw il-​Bibbja magħhom jew f’li jattendu għal-​laqgħat tagħhom. Ix-​Xhieda taʼ Jehovah jgħidu lil dawn kollha: Il-​bieb t’opportunità għadu miftuħ. Ħudu l-​waqfa tagħkom b’mod ċar fuq in-​naħa taʼ Jehovah. Irrikonoxxu lil Kristu Ġesù bħala ż-​Żerriegħa mwiegħed. Bil-​ferħ assoċja maʼ l-​organizzazzjoni viżibbli taʼ Jehovah. Jalla tieħdu sehem fil-​barkiet kollha li Hu se jipprovdi permezz tal-​ħakma tas-​Sultan, Kristu Ġesù. (w96 6/1)

[Nota taʼ taħt]

a Ippubblikat mill-​Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.

Tiftakar Int?

◻ Min hu s-​Serpent li saret referenza għalih f’Ġenesi 3:15? U min hi l-​mara?

◻ Liema karatteristiċi jidentifikaw liż-​żerriegħa tas-​Serpent?

◻ Ġesù kif kixef liż-​żerriegħa tas-​Serpent?

◻ Min ġie mikxuf bħala parti miż-​żerriegħa tas-​Serpent fiż-​żmien modern?

◻ Liema azzjoni urġenti hija meħtieġa biex nevitaw li niġu identifikati maż-​żerriegħa tas-​Serpent?

[Stampa f’paġna 23]

Ġesù kixef lill-​mexxejja reliġjużi ipokriti bħala li kienu parti miż-​żerriegħa tas-​Serpent

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja