LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w96 9/1 pp. 22-27
  • Il-Liġi tal-Kristu

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Il-Liġi tal-Kristu
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Il-​Patt Il-​Ġdid
  • Il-​Liġi Li Tappartjeni Lil-​Libertà
  • Ġesù u L-​Fariżej
  • Hija L-​Liġi Tal-​Kristu Permissiva?
  • Il-​Kristjaneżmu Jniġġes Il-​Liġi Tal-​Kristu
  • Nitgħallmu Mill-​Iżbalji Tal-​Kristjaneżmu
  • Il-Liġi Qabel Kristu
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
  • Xi Tfisser Għalik il-Liġi Mosajka
    Magħqudin fil-Qima Taʼ L-Uniku Alla Veru
  • “Il-Liġi tal-Mulej perfetta”
    Ersaq Qrib Lejn Ġeħova
  • Qegħdin Aħna Taħt L-Għaxar Kmandamenti?
    Int Tistaʼ Tgħix Għal Dejjem Fil-Ġenna Fuq L-Art
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
w96 9/1 pp. 22-27

Il-​Liġi tal-​Kristu

“Jien . . . Kristu hu l-​liġi tiegħi.”—1 KORINTIN 9:21.

1, 2. (a) Ħafna mill-​iżbalji taʼ l-​umanità kif setgħu ġew evitati? (b) Il-​Kristjaneżmu x’naqas li jitgħallem mill-​istorja tal-​Ġudaiżmu?

“IL-​POPLI u l-​gvernijiet qatt ma tgħallmu xejn mill-​istorja, jew aġixxew fuq prinċipji meħudin minnha.” Hekk qal filosfu Ġermaniż tas-​seklu 19. Tabilħaqq, il-​korsa taʼ l-​istorja umana ġiet deskritta bħala “avvanz taʼ bluha,” serje taʼ żbalji u kriżijiet terribbli, li ħafna minnhom setgħu jiġu evitati li kieku l-​umanità kienet biss lesta li titgħallem minn żbalji tal-​passat.

2 L-​istess rifjutar li wieħed jitgħallem minn żbalji tal-​passat huwa ppreżentat f’din id-​diskussjoni dwar il-​liġi divina. Alla Jehovah bidel il-​Liġi Mosajka maʼ waħda saħansitra aħjar minnha​—il-​liġi tal-​Kristu. Madankollu, il-​mexxejja tal-​Kristjaneżmu, li jsostnu li jgħallmu u jgħixu fi qbil maʼ din il-​liġi, naqsu li jitgħallmu mill-​bluha terribbli tal-​Fariżej. Għalhekk il-​Kristjaneżmu għawweġ u abbuża mil-​liġi tal-​Kristu sewwa sew bħalma l-​Ġudaiżmu għamel lil-​Liġi taʼ Mosè. Dak kif jistaʼ jkun? L-​ewwel, ejjew niddiskutu din il-​liġi nfisha​—x’inhi, lil min tiggverna u kif, u x’jagħmilha differenti mil-​Liġi Mosajka. Imbagħad se neżaminaw kif il-​Kristjaneżmu abbuża minnha. Jalla b’hekk nitgħallmu mill-​istorja u nibbenefikaw minnha!

Il-​Patt Il-​Ġdid

3. Liema wegħda għamel Jehovah rigward patt ġdid?

3 Min għajr Alla Jehovah setaʼ jtejjeb Liġi perfetta? Il-​patt tal-​Liġi Mosajka kien perfett. (Salm 19:8 [Salm 19:7, NW]) Minkejja dan, Jehovah wiegħed: “Araw, għax jiġi żmien . . . meta jien nagħmel patt ġdid maʼ dar Israel u dar Ġuda; mhux bħal patt li għamilt maʼ missirijiethom.” L-​Għaxar Kmandamenti​—in-​nukleu tal-​Liġi Mosajka​—inkitbu fuq twavel tal-​ġebel. Imma dwar il-​patt il-​ġdid, Jehovah qal: “Inqiegħed il-​liġi tiegħi fihom u niktibha f’qalbhom.”—Ġeremija 31:31-34.

4. (a) Liema Israel huwa involut fil-​patt il-​ġdid? (b) Min iktar minbarra l-​Israeliti spiritwali qiegħed taħt il-​liġi tal-​Kristu?

4 Min kellu jittieħed f’dan il-​patt ġdid? Ċertament li mhux id-​“dar taʼ Israel” litterali, li ċaħdet lill-​Medjatur taʼ dan il-​patt. (Lhud 9:15) Le, dan l-​“Israel” ġdid kellu jkun l-​“Israel taʼ Alla,” ġens taʼ Israeliti spiritwali. (Galatin 6:16; Rumani 2:28, 29) Dan il-​grupp żgħir taʼ Kristjani midlukin bl-​ispirtu kellu iktar tard jiġi akkumpanjat minn “kotra kbira” mill-​ġnus kollha li kellhom ukoll ifittxu li jqimu lil Jehovah. (Apokalissi 7:9, 10; Żakkarija 8:23) Waqt li ma kellhomx ikunu parti mill-​patt il-​ġdid, dawn ukoll kellhom ikunu marbutin bil-​liġi. (Qabbel Levitiku 24:22; Numri 15:15.) Bħala “merħla waħda” taħt “ragħaj wieħed,” ilkoll kellhom ikunu ‘taħt il-​liġi lejn Kristu,’ bħalma kiteb l-​appostlu Pawlu. (Ġwann 10:16; 1 Korintin 9:21) Pawlu sejjaħ lil dan il-​patt ġdid ‘patt aqwa.’ Għala? L-​ewwelnett, huwa bbażat fuq wegħdi mwettqin minflok fuq dellijiet t’affarijiet li għad iridu jiġu.—Lhud 8:6; 9:11-14.

5. X’inhu l-​iskop tal-​patt il-​ġdid, u għala se jkun taʼ suċċess?

5 X’inhu l-​iskop taʼ dan il-​patt? Huwa li jipproduċi ġens taʼ slaten u qassisin biex ibierku lill-​umanità kollha. (Eżodu 19:6; 1 Pietru 2:9; Apokalissi 5:10) Il-​patt tal-​Liġi Mosajka qatt ma pproduċa dan il-​ġens fis-​sens assolut, għax Israel inġenerali rribellaw u tilfu l-​opportunità tagħhom. (Qabbel Rumani 11:17-21.) Il-​patt il-​ġdid, madankollu, ċertament li se jirnexxi, għax huwa assoċjat maʼ tip taʼ liġi differenti ħafna. Differenti f’liema modi?

Il-​Liġi Li Tappartjeni Lil-​Libertà

6, 7. Il-​liġi tal-​Kristu kif toffri libertà akbar minn dik offruta mil-​Liġi Mosajka?

6 Il-​Liġi tal-​Kristu hija assoċjata ripetutament mal-​libertà. (Ġwann 8:31, 32) Hija rreferuta bħala ‘l-​liġi taʼ nies ħelsin’ u “l-​liġi perfetta tal-​ħelsien.” (Ġakbu 1:25; 2:12) M’għandniex xi ngħidu, il-​libertà kollha fost il-​bnedmin hija relattiva. Xorta waħda, din il-​liġi toffri ferm iktar libertà mill-​predeċessura tagħha, il-​Liġi Mosajka. Dan kif?

7 Bħala eżempju wieħed, ħadd ma jitwieled taħt il-​liġi tal-​Kristu. Fatturi bħalma huma r-​razza u l-​post taʼ twelid huma irrelevanti. Kristjani veri jagħżlu liberament fi qlubhom li jaċċettaw il-​madmad t’ubbidjenza għal din il-​liġi. F’li jagħmlu dan, huma jsibu li huwa madmad ħelu, tagħbija ħafifa. (Mattew 11:28-30) Wara kollox, il-​Liġi Mosajka kienet imfassla wkoll biex tgħallem lill-​bniedem li hu midneb u fi bżonn kbir taʼ sagrifiċċju bħala rahan biex jifdih. (Galatin 3:19) Il-​liġi tal-​Kristu tgħallem li l-​Messija ġie, ħallas il-​prezz tal-​fidwa b’ħajtu, u fetħilna t-​triq biex ninħelsu mill-​oppressjoni terribbli tad-​dnub u l-​mewt! (Rumani 5:20, 21) Sabiex nibbenefikaw, jeħtieġ li ‘neżerċitaw fidi’ f’dak is-​sagrifiċċju.—Ġwann 3:16, NW.

8. Il-​liġi tal-​Kristu x’tinkludi, imma li ngħixu fi qbil magħha għala ma jirrikjedix li niftakru bl-​amment mijiet taʼ statuti legali?

8 Li ‘neżerċitaw fidi’ jinvolvi li ngħixu fi qbil mal-​liġi tal-​Kristu. Dak jinkludi li nobdu l-​kmandi kollha taʼ Kristu. Ifisser dan li nitgħallmu bl-​amment mijiet taʼ liġijiet u statuti? Le. Fil-​waqt li Mosè, il-​medjatur tal-​patt il-​qadim, kiteb il-​Liġi Mosajka, Ġesù, il-​Medjatur tal-​patt il-​ġdid, qatt ma kiteb liġi waħda biss. Minflok, hu għex din il-​liġi. Permezz tal-​korsa perfetta taʼ ħajtu, hu fasslilna mudell biex nimxu fuqu. (1 Pietru 2:21) Forsi dak huwa għala l-​qima tal-​Kristjani bikrin kienet irreferuta bħala “t-​Triq” tal-​Mulej. (Atti 9:2; 19:9, 23; 22:4; 24:22) Għalihom, il-​liġi tal-​Kristu kienet eżemplifikata fil-​ħajja tal-​Kristu. Li wieħed jimita lil Ġesù kien ifisser li jobdi din il-​liġi. L-​imħabba intensa tagħhom lejh kienet tfisser li din il-​liġi kienet tabilħaqq miktuba fi qlubhom, bħalma kien ipprofetizzat. (Ġeremija 31:33; 1 Pietru 4:8) U wieħed li huwa ubbidjenti minħabba l-​imħabba qatt ma jħossu maħqur​—raġuni oħra għala l-​liġi tal-​Kristu tistaʼ tiġi msejħa ‘l-​liġi taʼ nies ħelsin.’

9. X’inhi l-​istess essenza tal-​liġi tal-​Kristu, u din il-​liġi b’liema mod tinvolvi kmand ġdid?

9 Jekk l-​imħabba kienet importanti fil-​Liġi Mosajka, din hija l-​istess essenza tal-​liġi Kristjana. Il-​liġi tal-​Kristu b’hekk tinkludi kmand ġdid​—il-​Kristjani jrid ikollhom imħabba li tissagrifika lilha nfisha għal xulxin. Iridu jħobbu bħalma ħabb Ġesù; hu minn jeddu ta ħajtu għal ħbiebu. (Ġwann 13:34, 35; 15:13) Għalhekk jistaʼ jingħad li l-​liġi tal-​Kristu hija espressjoni taʼ teokrazija saħansitra ogħla milli kienet il-​Liġi taʼ Mosè. Bħalma din ir-​rivista diġà indikat: “It-​teokrazija hija ħakma minn Alla; Alla huwa mħabba; għalhekk it-​teokrazija hija ħakma bl-​imħabba.”

Ġesù u L-​Fariżej

10. It-​tagħlim taʼ Ġesù kif kien f’kuntrast maʼ dak tal-​Fariżej?

10 M’huwiex sorprendenti, allura, li Ġesù ġie f’konflitt mal-​mexxejja reliġjużi Lhud taʼ żmienu. “Liġi perfetta tal-​ħelsien” kienet ’il bogħod kemm jistaʼ jkun mill-​imħuħ taʼ l-​iskribi u l-​Fariżej. Huma pprovaw jikkontrollaw lin-​nies permezz taʼ regoli magħmulin mill-​bniedem. It-​tagħlim tagħhom sar oppressiv, taʼ kundanna, negattiv. B’kuntrast qawwi, it-​tagħlim taʼ Ġesù kien jibni u pożittiv b’mod li jispikka! Hu kien prattiku u indirizza l-​bżonnijiet u t-​tħassib reali tan-​nies. Għallem b’sempliċità u b’sentiment ġenwin, billi uża tixbihat mill-​ħajja taʼ kuljum u billi għamel użu mill-​awtorità tal-​Kelma t’Alla. B’hekk, “in-​nies baqgħu mistagħġba bit-​tagħlim tiegħu.” (Mattew 7:28) Iva, it-​tagħlim taʼ Ġesù laħaq lil qlubhom!

11. Ġesù kif wera li l-​Liġi Mosajka suppost li kellha tiġi applikata b’raġonevolezza u bi ħniena?

11 Minflok ma żied iżjed regolamenti mal-​Liġi Mosajka, Ġesù wera kif il-​Lhud suppost li kienu qegħdin japplikaw dik il-​Liġi​—bir-​raġonevolezza u l-​ħniena. Ftakar, per eżempju, fl-​okkażjoni meta ġie avviċinat minn mara li kienet tbati minn nixxiegħa taʼ demm. Skond il-​Liġi Mosajka, lil kull min kienet tmiss kien isir mhux nadif u għalhekk hi ċertament li mhux suppost li tħalltet maʼ folla nies! (Levitiku 15:25-27) Imma tant kienet iddisprata biex tiġi mfejqa li għaddiet minn ġo nofs il-​folla u misset il-​libsa taʼ fuq taʼ Ġesù. Id-​demm waqaf minnufih. Ċanfarha hu talli kisret il-​Liġi? Le; minflok, hu fehem iċ-​ċirkostanza ddisprata tagħha u wera l-​aqwa preċett tal-​Liġi​—l-​imħabba. B’enfasi qalilha: “Binti . . . il-​fidi tiegħek fejqitek; mur bis-​sliema, u kun imfejqa mill-​marda tiegħek.”—Mark 5:25-34.

Hija L-​Liġi Tal-​Kristu Permissiva?

12. (a) Għala m’għandniex nassumu li Kristu hu permissiv? (b) X’juri li l-​ħolqien taʼ ħafna liġijiet iwassal għall-​ħolqien taʼ ħafna modi kif wieħed jiżgiċċa?

12 Għandna aħna nikkonkludu, allura, illi minħabba li l-​liġi tal-​Kristu hija “tal-​ħelsien,” din hija permissiva, fil-​waqt li l-​Fariżej, bit-​tradizzjonijiet orali kollha tagħhom, għall-​inqas żammew il-​kondotta tan-​nies ġewwa limiti stretti? Le. Sistemi legali llum juru li spiss iktar ma jkun hemm liġijiet, iktar in-​nies isibu kif jiżgiċċaw minnhom.a Fi żmien Ġesù l-​moltipliċità taʼ regoli Fariżajċi inkuraġġew it-​tfittxija taʼ modi kif wieħed jistaʼ jiżgiċċa, it-​twettiq apatetiku taʼ xogħlijiet mingħajr imħabba, u l-​ikkultivar taʼ dehra minn barra taʼ tjieba biex taħbi l-​korruzzjoni ġewwinija.—Mattew 23:23, 24.

13. Il-​liġi tal-​Kristu għala tirriżulta f’livell ogħla taʼ kondotta minn kwalunkwe kodiċi miktuba taʼ liġijiet?

13 Il-​Liġi tal-​Kristu, b’kuntrast, ma trawwimx attitudnijiet bħal dawn. Fil-​fatt, li nobdu liġi li hija bbażata fuq l-​imħabba taʼ Jehovah u li tiġi obduta billi nimitaw l-​imħabba taʼ Kristu li tissagrifika lilha nfisha għal oħrajn jirriżulta f’livell taʼ kondotta bil-​wisq ogħla milli li ssegwi kodiċi legali formali. L-​imħabba ma tfittixx kif tiżgiċċa; iżżommna milli nagħmlu affarijiet taʼ ħsara li kodiċi tal-​liġi tistaʼ ma tipprojbixxix speċifikament. (Ara Mattew 5:27, 28.) B’hekk, il-​liġi tal-​Kristu se tmexxina biex nagħmlu affarijiet għal oħrajn​—biex nuru ġenerożità, ospitalità, u mħabba—​ b’modi li l-​ebda liġi formali ma tistaʼ ġġagħalna nagħmlu.—Atti 20:35; 2 Korintin 9:7; Lhud 13:16.

14. L-​għixien fi qbil mal-​liġi tal-​Kristu x’effett kellu fuq il-​kongregazzjoni Kristjana taʼ l-​ewwel seklu?

14 Sal-​punt li l-​membri tagħha għexu fi qbil mal-​liġi tal-​Kristu, il-​kongregazzjoni Kristjana bikrija gawdiet atmosfera kordjali u taʼ mħabba, relattivament meħlusa mill-​attitudnijiet riġidi, taʼ ġudizzju, u ipokriti li tant kienu prevalenti ġewwa s-​sinagogi taʼ dak iż-żmien. Membri taʼ dawn il-​kongregazzjonijiet ġodda bil-​fors li verament ħassew li kienu qegħdin jgħixu fi qbil mal-​‘liġi taʼ nies ħelsin’!

15. X’kienu xi wħud mill-​isforzi bikrin taʼ Satana biex jikkorrompi l-​kongregazzjoni Kristjana?

15 Madankollu, Satana kien ħerqan biex jikkorrompi l-​kongregazzjoni Kristjana minn ġewwa, sewwa sew bħalma kien ikkorrompa l-​ġens taʼ Israel. L-​appostlu Pawlu wissa kontra rġiel bħal ilpup li kellhom “jgħallmu dak li hu kontra s-​sewwa” u jaħqru l-​merħla t’Alla. (Atti 20:29, 30) Hu kellu jħabbat wiċċu maʼ Ġudaisti, li fittxew li jpartu l-​libertà relattiva tal-​liġi tal-​Kristu maʼ skjavitù għal-​liġi Mosajka, li kienet ġiet imwettqa fi Kristu. (Mattew 5:17; Atti 15:1; Rumani 10:4) Wara li mietu l-​aħħar appostli, ma kienx hemm iżjed rażna kontra apostasija bħal din. Għalhekk il-​korruzzjoni infirxet bla rażan.—2 Tessalonikin 2:6, 7.

Il-​Kristjaneżmu Jniġġes Il-​Liġi Tal-​Kristu

16, 17. (a) Il-​korruzzjoni liema forom ħadet fil-​Kristjaneżmu? (b) Il-​liġijiet tal-​Knisja Kattolika kif ippromwovew opinjoni mgħawġa tas-​sess?

16 Bħal fil-​każ tal-​Ġudaiżmu, il-​korruzzjoni ħadet iżjed minn forma waħda fil-​Kristjaneżmu. Dan ukoll safa vittma għal duttrini foloz u morali laxki. U l-​isforzi tiegħu biex jipproteġi l-​merħla tiegħu kontra influwenzi minn barra taʼ spiss urew li kienu taʼ ħsara għal kwalunkwe traċċi li kien baqaʼ tal-​qima vera. Liġijiet riġidi u mhux skritturali kotru bil-​kbir.

17 Il-​Knisja Kattolika kienet u għadha l-​perċimes minn taʼ quddiem f’li toħloq ammonti kbar taʼ liġijiet tal-​knisja. Dawn il-​liġijiet ġew mgħawġin partikolarment fejn jidħlu affarijiet li għandhom x’jaqsmu mas-​sess. Skond il-​ktieb Sexuality and Catholicism (Is-Sesswalità u l-​Kattoliċiżmu), il-​knisja assorbiet il-​filosofija Griega taʼ Stojċiżmu, li kienet tissuspetta kull forma taʼ pjaċir. Il-​knisja bdiet tgħallem li kull pjaċir sesswali, inkluż dak taʼ relazzjonijiet normali fiż-​żwieġ, kien dnub. (Qabbel Proverbji 5:18, 19.) Is-​sess intqal li kien biss biex ikollok it-​tfal, xejn iżjed. B’hekk il-​liġi tal-​knisja kkundannat kwalunkwe forma taʼ kontraċezzjoni bħala dnub serju ħafna, li xi kultant kien jeħtieġ ħafna snin taʼ penitenza. Barra minn hekk, iż-​żwieġ kien ipprojbit fis-​saċerdozju, kmand li wassal għal ħafna sess illeċitu, inkluż l-​abbuż fuq it-​tfal.—1 Timotju 4:1-3.

18. X’irriżulta mill-​ħafna żjieda fil-​liġijiet tal-​knisja?

18 Hekk kif il-​liġijiet tal-​knisja mmoltiplikaw, ġew miġburin f’kotba. Dawn bdew joskuraw u jieħdu post il-​Bibbja. (Qabbel Mattew 15:3, 9.) Bħall-​Ġudaiżmu, il-​Kattoliċiżmu ma kellux fiduċja f’kitba sekulari u qies ħafna minna bħala theddida. Din l-​opinjoni malajr marret ferm lil hinn mit-​twissija sensibbli tal-​Bibbja fuq din il-​kwistjoni. (Koħelet 12:12; Kolossin 2:8) Jerome, kittieb tal-​knisja li kien jgħix fir-​rabaʼ seklu E.K., esklama: “O Mulej, jekk qatt iżjed ikolli kotba dinjin jew naqrahom, jien ċħadtek.” Maż-​żmien, il-​knisja bdiet tiċċensura l-​kotba​—saħansitra dawk fuq suġġetti sekulari. B’hekk l-​astronomu tas-​seklu 17 Galileo ġie ċċensurat talli kiteb li d-​dinja ddur max-​xemx. L-​insistenza tal-​knisja li hi kienet l-​awtorità aħħarija​—saħansitra fuq kwistjonijiet t’astronomija—​eventwalment kellha sservi biex tnawwar il-​fidi fil-​Bibbja.

19. Il-​monasterji kif ippromwovew l-​awtoritarjaniżmu riġidu?

19 It-​tiswir taʼ regoli mill-​knisja ffjorixxa fil-​monasterji, fejn patrijiet isseparaw lilhom infushom minn din id-​dinja biex jgħixu f’ċaħda tagħhom infushom. Il-​biċċa l-​kbira tal-​monasterji Kattoliċi żammew mar-​“Regola taʼ San Benedittu.” Il-​pirjol (terminu meħud mill-​kelma bl-​Aramajk għal “missier”) ħakem b’awtorità assoluta. (Qabbel Mattew 23:9.) Jekk patri kien jirċievi rigal mingħand il-​ġenituri tiegħu, il-​pirjol kien jiddeċiedi jekk kellux jirċevih dak il-​patri jew xi ħadd ieħor. Barra milli kkundannat il-​vulgaritajiet, regola waħda pprojbiet kull paroli vojt u ċajt, billi qalet: “L-​ebda dixxiplu m’għandu jgħid affarijiet bħal dawn.”

20. X’juri li l-​Protestantiżmu wkoll sar espert fl-​awtoritarjaniżmu mhux skritturali?

20 Il-​Protestantiżmu, li fittex li jirriforma l-​eċċessi mhux skritturali tal-​Kattoliċiżmu, malajr sar espert daqshom f’li jagħmel regoli awtoritarji bl-​ebda bażi fil-​liġi tal-​Kristu. Per eżempju, ir-​riformatur ewlieni John Calvin sar magħruf bħala “l-​leġiżlatur tal-​Knisja rrinovata.” Hu ggverna lil Ġinevra b’ħafna regoli stretti inforzati minn “Anzjani” li l-​“kariga” tagħhom, Calvin innota, “għandha tindokra l-​ħajja taʼ kulħadd.” (Qabbel 2 Korintin 1:24.) Il-​knisja kkontrollat il-​lukandi u rregolat liema suġġetti taʼ konversazzjoni kienu ammissibbli. Kien hemm pieni ħorox għal offiżi bħal kant taʼ kanzunetti taʼ żufjett jew żfin.b

Nitgħallmu Mill-​Iżbalji Tal-​Kristjaneżmu

21. Liema kienu l-​effetti inġenerali tat-​tendenza tal-​Kristjaneżmu li jmorru lil hinn “milli hemm miktub”?

21 Ħadmu dawn ir-​regoli u l-​liġijiet kollha biex jipproteġu lill-​Kristjaneżmu mill-​korruzzjoni? Għall-​kuntrarju! Illum il-​Kristjaneżmu nqasam f’mijiet taʼ setet, li jvarjaw minn dawk stretti żżejjed għal dawk permissivi żżejjed. Kollha kemm huma, b’mod jew ieħor, marru lil hinn “milli hemm miktub,” billi ħallew il-​mod taʼ ħsieb uman jiggverna l-​merħla u jindaħal fil-​liġi divina.​—1 Korintin 4:6.

22. It-​tradiment tal-​Kristjaneżmu għala ma kienx ifisser it-​tmiem tal-​liġi tal-​Kristu?

22 Madankollu, l-​istorja tal-​liġi tal-​Kristu m’hijiex xi traġedja. Alla Jehovah qatt ma se jħalli bnedmin sempliċi jeqirdu l-​liġi divina. Il-​liġi Kristjana llum għadha tapplika ħafna fost il-​Kristjani veri, u dawn għandhom il-​privileġġ kbir li jgħixu fi qbil magħha. Imma wara li eżaminajna x’għamlu l-​Ġudaiżmu u l-​Kristjaneżmu bil-​liġi divina, nistgħu sew naħsbu, ‘Kif nistgħu aħna ngħixu fi qbil mal-​liġi tal-​Kristu fil-​waqt li nevitaw in-​nasba li nniġġsu l-​Kelma t’Alla b’raġunar u regoli umani li jnawru l-​istess spirtu tal-​liġi divina? Liema ħarsa bbilanċjata għandha l-​liġi tal-​Kristu tnissel ġewwa fina llum?’ L-​artiklu li jmiss se jiddiskuti dawn il-​mistoqsijiet. (w96 9/1)

[Noti taʼ taħt]

a Il-Fariżej kienu fil-​maġġor parti responsabbli għall-​forma taʼ Ġudaiżmu li teżisti llum u għalhekk m’huwiex sorprendenti li l-​Ġudaiżmu għadu jfittex kif jiżgiċċa mill-​ħafna restrizzjonijiet miżjuda tas-​Sabat. Per eżempju, viżitatur fi sptar Lhudi ortodoss fil-​jum tas-​Sabat għandu mnejn isib li l-​lift jieqaf awtomatikament f’kull sular biex il-​passiġġier jistaʼ jevita li jagħmel ix-​“xogħol” midneb taʼ li jagħfas il-​buttuna tal-​lift. Xi tobba ortodossi jiktbu riċetti b’linka li tisparixxi wara ftit jiem. Għala? Il-​Mixna jikklassifika l-​kitba bħala “xogħol,” imma jiddefinixxi “kitba” bħala li tħalli marka dejjiema.

b Servetus, li argumenta fuq ftit mill-​opinjonijiet teoloġiċi taʼ Calvin, ġie maħruq m’arblu bħala eretiku.

Kif Twieġeb Int?

◻ Liema l-​istess essenza tal-​liġi tal-​Kristu?

◻ L-​istil taʼ tagħlim taʼ Ġesù kif kien differenti minn dak tal-​Fariżej?

◻ Satana kif uża spirtu riġidu taʼ tiswir taʼ regoli biex jikkorrompi lill-​Kristjaneżmu?

◻ Liema huma xi effetti pożittivi taʼ li ngħixu fi qbil mal-​liġi tal-​Kristu?

[Stampa f’paġna 24]

Ġesù applika l-​Liġi Mosajka b’mod raġonevoli u bi ħniena

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja