Kif Indokraturi li Jivvjaġġaw Jaqdu Bħala Prokuraturi Leali
“Kull wieħed minnkom igħix skond id-don li irċieva u jinqeda bih għall-ġid taʼ l-oħrajn, hekk tkunu amministraturi tajbin [“prokuraturi mill-aħjar,” NW] tal-grazzja taʼ Alla, li hi taʼ ħafna xorta.”—1 PIETRU 4:10.
1, 2. (a) Int kieku kif tispjegaha l-kelma “prokuratur”? (b) Min hu inkluż fost il-prokuraturi wżati minn Alla?
JEHOVAH juża lill-Kristjani leali kollha bħala prokuraturi. Prokuratur taʼ spiss ikun qaddej inkarigat biex jieħu ħsieb lil tad-dar. Għandu mnejn ukoll jamministra n-negozju tas-sid tiegħu. (Luqa 16:1-3; Galatin 4:1, 2) Lill-ġemgħa taʼ wħud leali u midlukin fuq l-art Ġesù sejħilhom “il-prokuratur leali.” Lil dan il-prokuratur fdalu “dak kollu li jippossiedi,” inklużi l-attivitajiet taʼ l-ippridkar tas-Saltna.—Luqa 12:42-44, NW; Mattew 24:14, 45, NW.
2 L-appostlu Pietru qal li l-Kristjani kollha huma prokuraturi tal-qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla espressa b’diversi modi. Kull Kristjan għandu postu f’li jwettaq xogħol leali taʼ prokuratur. (1 Pietru 4:10) Anzjani Kristjani maħturin huma prokuraturi, u fosthom hemm l-indokraturi li jivvjaġġaw. (Titus 1:7, NW) Dawn l-anzjani li jivvjaġġaw kif għandhom jiġu meqjusin? Liema kwalitajiet u objettivi għandu jkollhom? U kif jistgħu jwettqu l-iktar ġid?
Grati Għas-Servizz Tagħhom
3. L-indokraturi li jivvjaġġaw għala jistgħu jissejħu “prokuraturi mill-aħjar”?
3 Koppja Kristjana miżżewġa kitbu lil indokratur li jivvjaġġa u lil mara tiegħu u qalulhom: “Nixtiequ nesprimu l-gratitudni tagħna għall-ħin u l-imħabba kollha li tajtuna. Bħala familja, ibbenefikajna ferm mill-inkuraġġiment u l-pariri kollha tagħkom. Nafu li rridu nkomplu nikbru spiritwalment, imma bil-għajnuna taʼ Jehovah u b’aħwa rġiel u nisa bħalkom, it-taħbit tat-tkabbir jintgħamel iktar faċli.” Espressjonijiet bħal dawn huma spissi minħabba li l-indokraturi li jivvjaġġaw juru interess persunali fi kredenti sħabhom, sewwa sew bħalma prokuratur tajjeb jieħu ħsieb sew tal-ħtiġijiet tan-nies taʼ dar. Xi wħud huma kelliema li jispikkaw. Ħafna jibbrillaw fix-xogħol taʼ l-ippridkar, waqt li oħrajn huma magħrufin għall-kordjalità u l-mogħdrija tagħhom. Billi jikkultivaw u jużaw għotjiet bħal dawn biex jimministraw għal oħrajn, l-indokraturi li jivvjaġġaw jistgħu b’mod xieraq jissejħu “prokuraturi mill-aħjar.”
4. Liema mistoqsija se tiġi kkunsidrata issa?
4 “Dak li huwa mfittex fi prokuraturi huwa li bniedem jinstab li hu leali,” kiteb l-appostlu Pawlu. (1 Korintin 4:2, NW) L-imministrar għal Kristjani sħabhom f’kongregazzjoni differenti għal ġimgħa wara l-oħra huwa privileġġ uniku u taʼ ferħ. Minkejja dan, huwa wkoll responsabbiltà kbira. Indokraturi li jivvjaġġaw kif, allura, jistgħu jwettqu fedelment u b’suċċess ix-xogħol tagħhom taʼ prokuratur?
Iwettqu B’Suċċess Ix-Xogħol Tagħhom Taʼ Prokuratur
5, 6. Serħan fuq Jehovah bit-talb għala huwa daqshekk importanti fil-ħajja taʼ indokratur li jivvjaġġa?
5 Serħan fuq Jehovah bit-talb huwa essenzjali jekk indokraturi li jivvjaġġaw se jkollhom suċċess bħala prokuraturi. Minħabba l-iskeda u l-ħafna responsabbiltajiet tagħhom, jistgħu xi kultant iħossuhom imtaqqlin. (Qabbel it-2 Korintin 5:4.) Għalhekk għandhom bżonn jaġixxu f’armonija maʼ l-għanja tas-Salmista David: “Qiegħed it-tagħbija tiegħek fuq il-Mulej, u hu jgħinek: hu qatt ma jħalli l-ġust jitfixkel.” (Salm 55:22, KŻ) Taʼ faraġ, ukoll, huwa l-kliem taʼ David: “Ikun imbierek Jehovah, li kuljum iġorr it-tagħbija għalina.”—Salm 68:19, NW.
6 Pawlu minfejn ġab is-saħħa biex jieħu ħsieb ir-responsabbiltajiet spiritwali tiegħu? “Għal kollox niflaħ bis-saħħa taʼ dak li jqawwini,” hu kiteb. (Filippin 4:13) Iva, Alla Jehovah kien is-Sors tas-saħħa taʼ Pawlu. B’mod simili, Pietru ta l-parir: “Jekk xi ħadd jimministra, ħalli jimministra bħala dipendenti fuq is-saħħa li Alla jforni; sabiex f’kollox Alla jiġi gglorifikat permezz taʼ Ġesù Kristu.” (1 Pietru 4:11, NW) Wieħed ħu li kien indokratur li jivvjaġġa għal ħafna snin enfasizza l-ħtieġa taʼ li wieħed jistrieħ fuq Alla billi jistqarr: “Dejjem strieħ fuq Jehovah biex jgħinek tkampa mal-problemi, u fittex l-għajnuna taʼ l-organizzazzjoni tiegħu.”
7. Il-bilanċ kif għandu parti fix-xogħol taʼ indokratur li jivvjaġġa?
7 Bilanċ huwa meħtieġ minn indokratur li jivvjaġġa li jirnexxi. Bħal Kristjani oħrajn, hu jistinka biex ‘jistaʼ jagħraf jagħżel l-aħjar.’ (Filippin 1:10)a Meta l-anzjani lokali jkollhom xi mistoqsijiet dwar ċerta kwistjoni, huwa għaqli għalihom li jikkonsultaw maʼ l-indokratur tas-circuit li jkun qiegħed iżurhom. (Proverbji 11:14; 15:22) X’aktarx li l-osservazzjonijiet ibbilanċjati u l-parir Skritturali tiegħu juru kemm huma verament t’għajnuna hekk kif l-anzjani jkomplu jittrattaw il-kwistjoni wara li hu jkun ħalla l-kongregazzjoni. F’linji taʼ ħsieb simili, Pawlu qal lil Timotju: “Kull ma smajt mingħandi quddiem ħafna xiehda, għaddih lil nies taʼ fiduċja, li huma stess ikollhom il-ħila jgħallmuh ukoll lil oħrajn.”—2 Timotju 2:2.
8. L-istudju tal-Bibbja, ir-riċerka, u l-meditazzjoni għala huma essenzjali?
8 Studju Skritturali, riċerka, u meditazzjoni huma rekwiżiti biex wieħed jagħti parir tajjeb. (Proverbji 15:28) Indokratur tad-distrett qal: “Meta niltaqgħu maʼ l-anzjani, m’għandniex nibżgħu nammettu li ma nafux it-tweġiba għal xi mistoqsija partikulari.” Li nagħmlu l-isforz biex niksbu “il-ħsieb taʼ Kristu” fuq kwistjoni jagħmilha possibbli biex nagħtu parir ibbażat fuq il-Bibbja li se jgħin lil oħrajn jikkonformaw mar-rieda t’Alla. (1 Korintin 2:16) Xi kultant indokratur li jivvjaġġa jkollu bżonn jikteb lill-Watch Tower Society għal direzzjoni. Ikun x’ikun il-każ, fidi f’Jehovah u mħabba għall-verità huma bil-wisq iktar importanti minn kemm naqtgħu figura tajba, jew minn elokwenza. Minflok ma ġie “bi kliem kbir jew għaref,” Pawlu beda l-ministeru tiegħu f’Korintu “dgħajjef, imbeżżaʼ u mriegħed.” Għamlu dan mhux effettiv? Għall-kuntrarju, dan għen lill-Korintin biex ikollhom fidi, “mhux fuq il-għerf tal-bniedem, imma fuq il-qawwa taʼ Alla.”—1 Korintin 2:1-5.
Kwalitajiet Vitali Oħrajn
9. L-empatija għala hija meħtieġa minn anzjani li jivvjaġġaw?
9 L-empatija tgħin lill-indokraturi li jivvjaġġaw jiksbu riżultati tajbin. Pietru ħeġġeġ lill-Kristjani kollha biex ‘iħossu għal xulxin,’ jew biex juru “simpatija.” (1 Pietru 3:8) Wieħed indokratur tas-circuit iħoss il-bżonn li ‘jkun interessat f’kulħadd fil-kongregazzjoni u jkun attent b’mod ġenwin.’ Bi spirtu simili Pawlu kiteb: “Ifirħu maʼ min jifraħ, ibku maʼ min jibki.” (Rumani 12:15) Attitudni bħal din tqanqal lill-indokraturi tas-circuit biex jagħmlu sforzi sinċieri ħalli jifhmu l-problemi u ċ-ċirkostanzi taʼ kredenti sħabhom. Imbagħad jistgħu jagħtu pariri Skritturali li jibnu u li jistgħu jwettqu ġid veru jekk jiġu applikati. Indokratur tas-circuit li jibbrilla f’li juri l-empatija rċieva din l-ittra minn kongregazzjoni qrib Turin, l-Italja: “Jekk trid tkun interessanti, uri interess; jekk trid tingħoġob, ogħġob; jekk trid tkun maħbub, ħobb; jekk trid tiġi mgħejjun, kun lest li tgħin. Dan huwa dak li tgħallimna mingħandek!”
10. Indokraturi tas-circuit u distrettwali x’qalu dwar li wieħed ikun umli, u Ġesù liema eżempju stabbilixxa f’dan ir-rigward?
10 Li jkunu umli u li tistaʼ tavviċinahom jgħin lill-indokraturi li jivvjaġġaw jagħmlu ħafna ġid. Indokratur tas-circuit osserva: “Huwa ferm importanti li żżomm attitudni umli.” Hu jwissi lil indokraturi ġodda li jivvjaġġaw: “Tħallux lilkom infuskom tiġu influwenzati żżejjed minn aħwa tat-tajjeb minħabba dak li forsi jagħmlu magħkom, lanqas ma tillimitaw il-ħbiberija tagħkom għal uħud bħal dawn, imma stinkaw dejjem biex tittrattaw m’oħrajn b’mod imparzjali.” (2 Kronaki 19:6, 7) U indokratur li jivvjaġġa li jkun verament umli m’huwiex se jkollu opinjoni esaġerata taʼ l-importanza tiegħu stess bħala rappreżentant tas-Soċjetà. Indokratur distrettwali b’mod xieraq ikkummenta: “Kun umli u lest li tismaʼ lill-aħwa. Dejjem għamilha faċli li javviċinawk.” Bħala l-aqwa bniedem li qatt għex, Ġesù Kristu lin-nies setaʼ ġagħalhom iħossuhom skomdi, imma tant kien umli u li setaʼ jiġi avviċinat li saħansitra t-tfal ħassewhom komdi fil-preżenza tiegħu. (Mattew 18:5; Mark 10:13-16) Indokraturi li jivvjaġġaw iridu li tfal, żgħażagħ u u wħud avanzati—tabilħaqq kwalunkwe wieħed u waħda fil-kongregazzjoni—iħossuhom komdi li javviċinawhom.
11. Meta jkun hemm bżonn t’apoloġija, x’jistaʼ jkun l-effett tagħha?
11 M’għandniex xi ngħidu, “aħna lkoll niżbaljaw, u taʼ sikwit,” u l-ebda indokratur li jivvjaġġa m’hu meħlus milli jagħmel xi żbalji. (Ġakbu 3:2) Meta jiżbaljaw, apoloġija sinċiera tkun eżempju t’umiltà għal anzjani oħrajn. Skond Proverbji 22:4, “min jiċċekken u jibżaʼ [b’mod reverenzjali] mill-Mulej, jieħu bi ħlasu għana, ġieħ u ħajja.” U mhux il-qaddejja t’Alla kollha kemm huma jeħtieġu li ‘jkunu umli fl-imġiba tagħhom maʼ Alla’? (Mikea 6:8) Meta ġie mistoqsi liema parir kien ikollu għal xi anzjan li jivvjaġġa ġdid, wieħed indokratur tas-circuit ikkummenta: “Uri rispett u konsiderazzjoni profondi lejn l-aħwa kollha, u ikkunsidrahom bħala li huma aħjar minnek. Int se titgħallem ferm mill-aħwa. Ibqaʼ umli. Kun naturali. Tagħmilx l-arja.”—Filippin 2:3.
12. Iż-żelu għall-ministeru Kristjan għala huwa tant sinjifikanti?
12 Żelu għall-ministeru Kristjan jagħti iktar tifsir lill-kliem taʼ indokratur li jivvjaġġa. Fil-fatt, meta hu u l-mara tiegħu jagħtu l-eżempju fix-xogħol tax-xandir, l-anzjani, in-nisa tagħhom, u l-bqija tal-kongregazzjoni jiġu inkuraġġiti biex juru żelu fil-ministeru tagħhom. “Kunu żelużi għas-servizz,” ħeġġeġ indokratur tas-circuit. Hu żied: “Jien sibt li, ġeneralment, iktar ma kongregazzjoni tkun żeluża fil-ministeru, inqas se jkollha problemi.” Indokratur tas-circuit ieħor irrimarka: “Nemmen li jekk l-anzjani jaħdmu fl-għalqa maʼ l-aħwa rġiel u nisa u jgħinuhom jieħdu gost fil-ministeru, dan se jirriżulta f’paċi tal-moħħ u fl-aqwa sodisfazzjon taʼ li wieħed jaqdi lil Jehovah.” L-appostlu Pawlu ‘għamel il-qalb, u fost ħafna taħbit xandar l-evanġelju taʼ Alla lit-Tessalonikin.’ Mhux taʼ b’xejn li kellhom memorji sbieħ taż-żjara u l-attività taʼ l-ippridkar tiegħu u kienu ħerqanin biex jerġgħu jarawh!—1 Tessalonikin 2:1, 2; 3:6.
13. Indokratur li jivvjaġġa x’jieħu inkonsiderazzjoni meta jkun qiegħed jaħdem maʼ Kristjani sħabu fis-servizz taʼ l-għalqa?
13 Meta jaħdem flimkien maʼ Kristjani sħabu fil-ministeru taʼ l-għalqa, indokratur li jivvjaġġa jqis iċ-ċirkostanzi u l-limitazzjonijiet tagħhom. Għalkemm is-suġġerimenti tiegħu jistgħu jkunu t’għajnuna, jaf li xi wħud se jħossuhom mifxulin meta jaħdmu m’anzjan taʼ l-esperjenza. F’ċerti każi, għalhekk, inkuraġġiment jistaʼ jkun iktar utli minn parir. Meta jakkumpanja pubblikaturi u pijunieri fuq studju tal-Bibbja, huma għandhom mnejn jippreferu li jikkonduċih hu. Dan x’aktarx li se jagħmilhom familjari maʼ xi modi biex itejbu l-metodi tagħhom taʼ tagħlim.
14. Għala jistaʼ jingħad li indokraturi li jivvjaġġaw żelużi jistimulaw iż-żelu f’oħrajn?
14 Indokraturi li jivvjaġġaw żelużi jistimulaw żelu f’oħrajn. Indokratur tas-circuit fl-Uganda mexa minn ġol-foresta densa għal siegħa sħiħa sabiex jakkumpanja lil ħu fuq studju tal-Bibbja li ma tantx kien qiegħed jagħmel progress. Matul il-mixja tagħhom tant għamlet xita bil-qliel li waslu mxarrbin għasra. Meta l-familja taʼ sitta min-nies saru jafu li l-viżitatur tagħhom kien indokratur li jivvjaġġa huma baqgħu impressjonati ferm. Kienu jafu li l-qassisin tagħhom qatt ma kienu se juru interess bħal dan fil-merħla. Il-Ħadd taʼ wara, attendew il-laqgħa għall-ewwel darba u esprimew ix-xewqa li jsiru Xhieda taʼ Jehovah.
15. Liema esperjenza mill-aħjar gawda indokratur żeluż tas-circuit fil-Messiku?
15 Fl-Istat Messikan taʼ Oaxaca, indokratur tas-circuit għamel sforz li tassew ma kienx mistenni minnu. Hu rranġa li joqgħod f’ċella tal-ħabs għal erbat iljieli sabiex iżur grupp taʼ sebaʼ ħabsin li kienu saru pubblikaturi tas-Saltna. Għal diversi jiem akkumpanja lil dawn il-ħabsin hekk kif taw xiehda minn ċella għal ċella u kkonduċew studji tal-Bibbja. Minħabba l-interess li ntwera, xi wħud minn dawn l-istudji komplew sa tard bil-lejl. “Fi tmiem iż-żjara, il-ħabsin u jien imtlejna bil-ferħ b’riżultat taʼ l-inkuraġġiment reċiproku,” jikteb dan l-indokratur żeluż tas-circuit.
16. Għala huwa tant taʼ benefiċċju meta indokraturi li jivvjaġġaw u n-nisa tagħhom jipprovdu inkuraġġiment?
16 L-indokraturi li jivvjaġġaw jipprovaw ikunu inkuraġġanti. Meta Pawlu żar lill-kongregazzjonijiet fil-Maċedonja, hu ‘ħeġġiġhom b’ħafna kliem.’ (Atti 20:1, 2) Kliem taʼ inkuraġġiment jistaʼ jkun utli ferm f’li jidderieġi kemm liż-żgħażagħ u kemm lix-xjuħ lejn miri spiritwali. F’uffiċċju taʼ waħda mill-fergħat kbar tal-Watch Tower Society, stħarriġ informali rrivela li indokraturi tas-circuit kienu inkuraġġew lil kważi 20 fil-mija tal-volontieri biex jibdew fis-servizz full-time. Bl-eżempju mill-aħjar tagħha bħala proklamatriċi full-time tas-Saltna, il-mara taʼ l-indokratur li jivvjaġġa turi wkoll kemm hi sors kbir taʼ inkuraġġiment.
17. Wieħed indokratur tas-circuit imdaħħal fiż-żmien kif iħossu dwar il-privileġġ tiegħu li jagħti għajnuna lil oħrajn?
17 Uħud ixjeħ u erwieħ dipressi huma partikolarment fi bżonn taʼ inkuraġġiment. Wieħed indokratur tas-circuit imdaħħal fiż-żmien jikteb: “L-aspett tax-xogħol tiegħi li jiġġenera ferħ ġewwieni li ma jistax jitfisser huwa l-privileġġ li nkun t’għajnuna għal uħud ixjeħ li huma inattivi u debboli fost il-merħla t’Alla. Il-kliem taʼ Rumani 1:11, 12 għandu tifsira speċjali għalija, peress li nikseb inkuraġġiment u saħħa immensi waqt li ‘naqsam magħhom id-doni spiritwali biex inwettaqhom.’”
Premjijiet Tax-Xogħol Ferrieħi Tagħhom
18. Indokraturi li jivvjaġġaw liema objettivi Skritturali għandhom?
18 Indokraturi li jivvjaġġaw għandhom għal qalbhom il-ġid taʼ kredenti sħabhom. Huma jridu jsaħħu lill-kongregazzjonijiet u jibnuhom spiritwalment. (Atti 15:41) Wieħed indokratur li jivvjaġġa jaħdem iebes “biex jagħti inkuraġġiment, jipprovdi rifreskar, u jippromwovi xewqa biex wieħed iwettaq il-ministeru u jkompli jgħix il-verità.” (3 Ġwann 3) Ieħor jipprova jissoda lil kredenti sħabu fil-fidi. (Kolossin 2:6, 7) Ftakar li l-indokratur li jivvjaġġa hu “sieħeb ġenwin fil-madmad,” mhux sid fuq il-fidi t’oħrajn. (Filippin 4:3, NW; 2 Korintin 1:24) Iż-żjara tiegħu hija okkażjoni għal inkuraġġiment u attività miżjuda, kif ukoll opportunità għall-ġemgħa taʼ l-anzjani biex jirrevedu l-progress li sar u jikkunsidraw miri futuri. Bil-kliem u bl-eżempju tiegħu, il-pubblikaturi, il-pijunieri, il-qaddejja ministerjali, u l-anzjani tal-kongregazzjoni, jistgħu jistennew li jiġu mibnijin u stimulati għax-xogħol li hemm quddiemhom. (Qabbel 1 Tessalonikin 5:11.) Mela, allura, appoġġja b’qalbek kollha ż-żjajjar taʼ l-indokratur tas-circuit, u ħu vantaġġ sħiħ mis-servizz mogħti mill-indokratur distrettwali.
19, 20. Indokraturi li jivvjaġġaw u n-nisa tagħhom kif ġew ippremjati għas-servizz leali tagħhom?
19 Indokraturi li jivvjaġġaw u n-nisa tagħhom jiġu ppremjati bil-kbir għas-servizz leali tagħhom, u jistgħu jkunu fiduċjużi li Jehovah se jberikhom għall-ġid li jagħmlu. (Proverbji 19:17; Efesin 6:8) Georg u Magdalena huma koppja anzjana li qdew għal ħafna snin fix-xogħol taʼ l-ivvjaġġar. F’konvenzjoni fil-Lussemburgu, Magdalena ġiet avviċinata minn persuna li hi kienet tatha xiehda iktar minn 20 sena qabel. L-interess taʼ din il-mara Lhudija ġie mqanqal mil-letteratura Biblika li Magdalena kienet ħallietilha, u maż-żmien hi tgħammdet. Georg ġie avviċinat minn oħt spiritwali li ftakret fiż-żjara li għamlilha fid-dar tagħha 40 sena ilu. Il-preżentazzjoni entużjażmanti tiegħu taʼ l-aħbar tajba finalment wasslet biex kemm hi u kemm żewġha jaċċettaw il-verità. M’għandniex xi ngħidu, kemm Georg u kemm Magdalena kienu verament ferħanin.
20 Il-ministeru taʼ Pawlu li ħalla tant frott f’Efesu ġablu ferħ u setaʼ qanqlu biex jikkwota l-kliem taʼ Ġesù: “Min jagħti hu aktar hieni minn min jieħu.” (Atti 20:35) Ladarba x-xogħol taʼ l-ivvjaġġar jinvolvi għoti kostanti, dawk li jieħdu sehem fih jesperjenzaw l-hena, speċjalment meta jindunaw bir-riżultati tajbin tax-xogħol tagħhom. Indokratur tas-circuit li għen lil anzjan li kien skuraġġit intqallu f’ittra: “Int kont ‘għajnuna li ssaħħaħ’ kbira fil-ħajja spiritwali tiegħi—lanqas taf kemm. . . .Qatt ma se tkun taf eżatt kemm kont t’għajnuna għal Asaf taʼ żmien modern, li ‘għal ftit ma żelaqx fil-mixi tiegħu.’”—Kolossin 4:11; Salm 73:2.
21. Int għala tgħid li l-1 Korintin 15:58 tapplika għall-attivitajiet taʼ indokraturi li jivvjaġġaw?
21 Kristjan imdaħħal fiż-żmien li kien fix-xogħol tas-circuit għal snin sħaħ jieħu gost jaħseb dwar l-1 Korintin 15:58, fejn Pawlu ħeġġeġ: “Żommu sħiħ, titħarrkux; ħabirku dejjem fil-ħidma tal-Mulej. Kunu afu li l-ħidma tagħkom fil-Mulej m’hijiex għalxejn.” Indokraturi li jivvjaġġaw żgur li għandhom ferm x’jagħmlu fix-xogħol tal-Mulej. U kemm aħna grati li jaqdu b’tant ferħ bħala prokuraturi leali tal-qalb tajba mhix mistħoqqa taʼ Jehovah! (w96 11/15)
[Nota taʼ taħt]
a Ara l-artiklu “Can You Be Happy With Much to Do?” f’The Watchtower, tal-15 taʼ Mejju, 1991, paġni 28-31.
Int Kif Twieġeb?
◻ Indokraturi li jivvjaġġaw għala jistgħu jiġu meqjusin bħala “prokuraturi mill-aħjar”?
◻ Liema huma xi fatturi li jgħinu lil indokraturi tas-circuit u tad-distrett biex iwettqu tant ġid?
◻ L-umiltà u ż-żelu għala huma tant importanti għal dawk involuti fix-xogħol taʼ l-ivvjaġġar?
◻ Indokraturi li jivvjaġġaw liema objettivi mill-aħjar għandhom?
[Stampa f’paġna 14]
Indokraturi li jivvjaġġaw ifittxu li jinkuraġġixxu lil kredenti sħabhom
[Stampi f’paġna 15]
Kemm żgħażagħ u kemm xjuħ jistgħu jibbenefikaw minn sħubija maʼ indokraturi li jivvjaġġaw u man-nisa tagħhom
[Stampa f’paġna 16]
Il-ministeru żeluż taʼ l-indokratur li jivvjaġġa jqanqal żelu f’oħrajn