Indokraturi li Jivvjaġġaw—Għotjiet fi Rġiel
“Meta telaʼ ’l fuq fl-għoli hu ġarr lil hinn irsiera; hu ta għotjiet fi rġiel.”—EFESIN 4:8, New World Translation.
1. Liema xogħol ġdid ġie mħabbar f’dan il-ġurnal fl-1894?
IKTAR minn seklu ilu, il-Watch Tower ħabbar xi ħaġa ġdida. Kienet deskritta bħala “Qasam Ieħor tax-Xogħol.” Din l-attività ġdida x’kienet tinvolvi? Kienet l-inawgurazzjoni li saret fi żmienna tax-xogħol taʼ indokraturi li jivvjaġġaw. Il-ħarġa taʼ l-1 taʼ Settembru, 1894, taʼ dan il-ġurnal spjegat li minn dak in-nhar ’l hawn aħwa rġiel ikkwalifikati kienu se jżuru lil gruppi taʼ Studenti tal-Bibbja ‘bl-iskop li jibnuhom fil-verità.’
2. Indokraturi tas-circuit u tad-distrett għandhom liema dmirijiet?
2 Fl-ewwel seklu E.K., il-kongregazzjonijiet Kristjani kien ikollhom żjajjar minn indokraturi bħal Pawlu u Barnabas. Dawn l-irġiel leali kellhom l-objettiv ‘li jibnu’ l-kongregazzjonijiet. (2 Korintin 10:8) Illum, aħna mberkin b’eluf taʼ rġiel li qegħdin jagħmlu dan b’mod sistematiku. Il-Ġemgħa li Tiggverna tax-Xhieda taʼ Jehovah ħatrithom bħala indokraturi tas-circuit u tad-distrett. Indokratur tas-circuit jaqdi f’madwar 20 kongregazzjoni għal ġimgħa kull waħda, madwar darbtejn fis-sena, billi jeżamina d-dokumenti tal-kongregazzjoni, jagħti taħditiet, u jieħu sehem fil-ministeru taʼ l-għalqa maʼ pubblikaturi tas-Saltna tal-lokal. L-indokratur tad-distrett huwa chairman għal kull waħda mill-assembleat tas-circuit annwali għal numru taʼ circuits, jieħu sehem fil-ministeru taʼ l-għalqa mal-kongregazzjonijiet li jkunu qegħdin jospitawh, u jipprovdi inkuraġġiment f’taħditiet ibbażati fuq il-Bibbja.
L-Ispirtu Tagħhom Taʼ Li Jissagrifikaw Lilhom Infushom
3. Indokraturi li jivvjaġġaw għala għandhom bżonn ikollhom spirtu taʼ li jissagrifikaw lilhom infushom?
3 Indokraturi li jivvjaġġaw qegħdin il-ħin kollu jmorru minn post għall-ieħor. Dan fih innifsu jirrikjedi spirtu taʼ li wieħed jissagrifika lilu nnifsu. Li wieħed jivvjaġġa minn kongregazzjoni għal oħra jistaʼ taʼ spiss ikun diffiċli, imma dawn l-irġiel u n-nisa tagħhom jagħmlu dan b’attitudni ferrieħa. Indokratur li jivvjaġġa qal: “Marti tappoġġjani ferm u ma tgergirx . . . Tant jixirqilha kredtu għall-ispirtu tagħha taʼ li tissagrifika lilha nfisha.” Xi indokraturi tas-circuit jivvjaġġaw iktar minn 600 mil minn kongregazzjoni għall-oħra. Ħafna jmorru bil-karozzi, imma oħrajn imorru minn post għall-ieħor bit-trasport pubbliku, bir-rota, biż-żiemel, jew bil-mixi. Indokratur tas-circuit mill-Afrika saħansitra jkollu jaqsam ix-xmara bil-mara tiegħu fuq spallejh sabiex jasal sa waħda mill-kongregazzjonijiet. Fil-vjaġġi missjunarji tiegħu, l-appostlu Pawlu kellu jkampa maʼ sħana u bard, ġuħ u għatx, iljieli bla rqad, diversi perikli, u persekuzzjoni vjolenti. Hu kellu wkoll “l-anzjetà għall-kongregazzjonijiet kollha”—esperjenza li hija komuni għall-indokraturi li jivvjaġġaw illum.—2 Korintin 11:23-29, NW.
4. Problemi taʼ saħħa liema effett jistaʼ jkollhom fuq il-ħajjiet taʼ l-indokraturi li jivvjaġġaw u n-nisa tagħhom?
4 Bħal Timotju, is-sieħeb taʼ Pawlu, indokraturi li jivvjaġġaw u n-nisa tagħhom xi drabi jkollhom problemi taʼ saħħa. (1 Timotju 5:23) Dan ipoġġi stress żejjed fuqhom. Il-mara taʼ wieħed mill-indokraturi tas-circuit tispjega: “Li dejjem tkun maʼ l-aħwa huwa iebes meta ma tkunx tiflaħ. Mal-bidu tal-menopawsa, sibt li dan kien speċjalment diffiċli. Sempliċement li jkollna nippakkjaw ħwejjiġna kull ġimgħa u mmorru xi mkien ieħor huwa verament sfida. Taʼ spiss, ikolli nieqaf u nitlob lil Jehovah biex jagħtini s-saħħa biex inkompli.”
5. Minkejja diversi provi, liema spirtu ġie muri minn indokraturi li jivvjaġġaw u n-nisa tagħhom?
5 Minkejja problemi taʼ saħħa u provi oħrajn, l-indokraturi li jivvjaġġaw u n-nisa tagħhom isibu ferħ fis-servizz tagħhom u juru mħabba li tissagrifika lilha nfisha. Xi wħud issograw ħajjithom biex jagħtu għajnuna spiritwali fi żminijiet taʼ persekuzzjoni jew gwerra. Meta żaru l-kongregazzjonijiet, huma wrew spirtu simili għal dak taʼ Pawlu, li qal lill-Kristjani Tessalonkin: “Ġibna ruħna magħkom bil-ħlewwa, bħalma omm traddaʼ tħaddan lil uliedha: Aħna għożżejniekom hekk li ridna naqsmu magħkom mhux biss l-Evanġelju imma ħajjitna stess, daqskemm ħabbejniekom.”—1 Tessalonikin 2:7, 8.
6, 7. Indokraturi li jivvjaġġaw ħabrieka liema influwenza pożittiva jipprovdu?
6 Bħall-anzjani l-oħrajn fil-kongregazzjoni Kristjana, l-indokraturi li jivvjaġġaw “jagħmlu x-xogħol [“jaħdmu iebes,” NW] tax-xandir tal-kelma u tat-tagħlim.” L-anzjani kollha bħal dawn ikun “jistħoqqilhom ġieh għal darbtejn.” (1 Timotju 5:17) L-eżempju tagħhom jistaʼ jkun taʼ benefiċċju jekk, wara li ‘nikkontemplaw dwar x’jiġri bil-kondotta tagħhom nimitaw il-fidi tagħhom.’—Lhud 13:7, NW.
7 Ċertu indokraturi li jivvjaġġaw liema effett kellhom fuq oħrajn? “X’influwenza taʼ l-għaġeb kellu Ħuna P—— fuq ħajti!” kiteb wieħed Xhud taʼ Jehovah. “Hu kien indokratur li jivvjaġġa fil-Messiku mill-1960 ’l hawn. Bħala tifel, kont nistenna ż-żjajjar tiegħu b’antiċipazzjoni u ferħ. Meta kelli għaxar snin, qalli, ‘Int ukoll għad tkun indokratur tas-circuit.’ Matul is-snin diffiċli taʼ l-adolexxenza, fittixtu spiss għaliex hu dejjem kellu kliem t’għerf x’joffri. Kien jgħix biex jirgħa l-merħla! Issa li jien indokratur tas-circuit, dejjem nipprova niddedika ħin għaż-żgħażagħ u npoġġi miri teokratiċi quddiemhom bħalma għamel hu miegħi. Saħansitra fl-aħħar snin taʼ ħajtu, minkejja problemi tal-qalb, Ħuna P—— dejjem għamel ħiltu biex joffri kelma taʼ inkuraġġiment. Ġurnata biss qabel ma miet fi Frar taʼ l-1995, hu ġie miegħi għall-jum t’assemblea speċjali u poġġa miri siewja quddiem ħu li huwa perit. Il-ħu immedjatament tefaʼ applikazzjoni biex jaqdi f’Betel.”
Huma Jiġu Apprezzati
8. Min huma l-“għotjiet fi rġiel” deskritti f’Efesin kapitlu 4, u dawn kif jibbenefikaw lill-kongregazzjoni?
8 Indokraturi li jivvjaġġaw u anzjani oħrajn li jingħataw inkarigi taʼ servizz bil-qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla jissejħu “għotjiet fi rġiel.” Bħala r-rappreżentant taʼ Jehovah u Kap tal-kongregazzjoni, Ġesù pprovda dawn l-irġiel spiritwali sabiex inkunu nistgħu niġu mibnijin individwalment u naslu għall-maturità. (Efesin 4:8-15) Kwalunkwe għotja jixirqilha espressjoni t’apprezzament. Speċjalment nistgħu ngħidu dan dwar għotja li ssaħħaħna biex nibqgħu naqdu lil Jehovah. Mela, allura, kif nistgħu nuru l-apprezzament tagħna għax-xogħol taʼ l-indokraturi li jivvjaġġaw? B’liema modi nuru li aħna nkomplu ‘ngħożżuhom nies bħal dawn’?—Filippin 2:29.
9. B’liema modi nistgħu aħna nuru apprezzament lejn l-indokraturi li jivvjaġġaw?
9 Meta tiġi mħabbra ż-żjara taʼ l-indokratur tas-circuit, nistgħu nibdew nagħmlu pjanijiet biex ikollna sehem sħiħ fl-attivitajiet tal-kongregazzjoni għal dik il-ġimgħa. Forsi nkunu nistgħu nwarrbu ħin iżjed biex nappoġġjaw l-arranġamenti tas-servizz taʼ l-għalqa matul din iż-żjara. Għandu mnejn inkunu nistgħu naqdu bħala pijunieri awżiljarji matul dak ix-xahar. Żgur li se nkunu rridu npoġġu fil-prattika s-suġġerimenti taʼ l-indokratur tas-circuit sabiex intejbu l-ministeru tagħna. Spirtu riċettiv bħal dan se jibbenefikana u se jiżgurah li ż-żjara tiegħu hija waħda utli. Iva, l-indokraturi li jivvjaġġaw iżuru l-kongregazzjoni biex jibnuna, imma huma wkoll ikollhom bżonn jinbnew spiritwalment. Kien hemm waqtiet meta Pawlu kellu bżonn l-inkuraġġiment, u taʼ spiss talab lil sħabu l-Kristjani biex jitolbu għalih. (Atti 28:15; Rumani 15:30-32; 2 Korintin 1:11; Kolossin 4:2, 3; 1 Tessalonikin 5:25) Indokraturi li jivvjaġġaw tal-lum għandhom bżonn bl-istess mod it-talb u l-inkuraġġiment tagħna.
10. Kif nistgħu aħna ngħinu biex ix-xogħol taʼ l-indokratur li jivvjaġġa jkun taʼ ferħ?
10 Għednielhom aħna lill-indokratur tas-circuit u lill-mara tiegħu kemm napprezzaw iż-żjajjar tagħhom? Nirringrazzjawh tal-parir siewi li jagħtina? Ngħidulu aħna meta s-suġġerimenti li jagħtina dwar is-servizz taʼ l-għalqa jżidulna l-ferħ fil-ministeru? Jekk nagħmlu hekk, dan se jgħin biex ix-xogħol tiegħu ikun wieħed taʼferħ. (Lhud 13:17) Indokratur tas-circuit fi Spanja kkummenta b’mod partikulari dwar kemm hu u martu jgħożżu l-kartolini taʼ ringrazzjament li kienu jirċievu wara li jżuru l-kongregazzjonijiet. “Inżommu dawn il-kartolini u naqrawhom meta nħossuna xi ftit skuraġġiti,” hu jgħid. “Dawn huma sors taʼ inkuraġġiment veru.”
11. Lin-nisa taʼ l-indokraturi tas-circuit u tad-distrett għala għandna nuruhom li huma maħbubin u apprezzati?
11 Il-mara taʼ l-indokratur li jivvjaġġa ċertament li tibbenefika minn kliem taʼ tifħir. Hi għamlet sagrifiċċji kbar biex tgħin lil żewġha f’dan il-qasam taʼ servizz. Dawn l-aħwa nisa leali jirrinunzjaw ix-xewqa naturali li jkollhom darhom u, f’ħafna każi, dik ukoll taʼ li jkollhom it-tfal. Bint Ġefta kienet waħda mill-qaddejja taʼ Jehovah li minn jeddha ċediet l-opportunità tagħha li jkollha raġel u familja minħabba l-wegħda li kien għamel missierha. (Imħallfin 11:30-39) Is-sagrifiċċju tagħha kif ġie meqjus? Mħallfin 11:40, NW, jistqarr: “Minn sena għal sena l-ulied bniet taʼ Israel kienu jmorru jagħtu l-prosit lil bint Ġefta l-Giljadit, erbat ijiem fis-sena.” Kemm tkun ħaġa sabiħa jekk nagħmluha drawwa li nuru lin-nisa taʼ l-indokraturi tas-circuit u tad-distrett kemm huma maħbubin u apprezzati!
“Tinsewx L-Ospitalità”
12, 13. (a) Liema bażi Skritturali hemm biex inkunu ospitabbli lejn l-indokraturi li jivvjaġġaw u n-nisa tagħhom? (b) Uri kif ospitalità bħal din tistaʼ tkun taʼ benefiċċju għaż-żewġ naħat.
12 Li nuru l-ospitalità huwa mod ieħor kif nesprimu l-imħabba u l-apprezzament lejn dawk fix-xogħol Kristjan taʼ l-ivvjaġġar. (Ebrej 13:2) L-appostlu Ġwanni faħħar lil Gajus talli estenda l-ospitalità lejn dawk li kienu jżuru l-kongregazzjoni bħala missjunarji li jivvjaġġaw. Ġwanni kiteb: “Maħbub, int tagħmel bil-fidi kulma tagħmel għall-aħwa u għall-għorba; Li taw xhieda taʼ l-imħabba tiegħek quddiem il-knisja [“kongregazzjoni,” NW]: u li tagħmel tajjeb jekk tgħinhom, fil-vjaġġ tagħhom, kif jixraq lil Alla. Għax minħabba ismu huma telqu bla ma ħadu xejn mill-Ġentili. Aħna mela għandna nilqgħuhom nies bħal dawn, biex naħdmu magħhom għas-sewwa.” (3 Ġwann 5-8, Karm Żammit) Illum, aħna nistgħu nżidu fl-attività taʼ l-ippridkar tas-Saltna billi nestendu ospitalità simili lejn l-indokraturi li jivvjaġġaw u n-nisa tagħhom. M’għandniex xi ngħidu, l-anzjani lokali għandhom jaċċertaw ruħhom li l-akkomodazzjonijiet huma sodisfaċenti, imma wieħed indokratur tad-distrett qal: “L-involviment tagħna maʼ l-aħwa ma jistax ikun ibbażat fuq min jistaʼ jirreċiproka. Lanqas b’xejn ma rridu li nagħtu dik l-impressjoni. Irridu nkunu lesti li naċċettaw l-ospitalità taʼ kwalunkwe wieħed jew waħda minn ħutna, sew jekk sinjuri u sew jekk fqar.”
13 L-ospitalità tistaʼ tkun taʼ benefiċċju għaż-żewġ naħat. “Fil-familja tiegħi, kellna d-drawwa li nistiednu lill-indokraturi li jivvjaġġaw biex joqogħdu magħna,” jiftakar Jorge, wieħed li qabel kien indokratur tas-circuit u li issa qiegħed jaqdi ġewwa Betel. “Jien inħoss li dawn iż-żjajjar għenuni iktar milli kont nirrealizza f’dak iż-żmien. Matul l-adolexxenza tiegħi, kelli xi problemi spiritwali. Ommi kienet inkwetata dwar dan imma ma kinitx taf eżatt kif tgħinni u għalhekk talbet lill-indokratur tas-circuit biex ikellimni hu. Għall-ewwel kont nevitah, peress li kont nibżaʼ li niġi kkritikat. Imma l-manjiera dħulija tiegħu fl-aħħar ġagħlitni nafdah. Darba nhar taʼ Tnejn, hu stedinni biex immur niekol miegħu, u jien ftaħt qalbi għaliex kont ċert li kien qiegħed jifhimni. Qagħad jismagħni b’attenzjoni. Is-suġġerimenti prattiċi tiegħu tassew irnexxew, u bdejt nagħmel progress spiritwalment.”
14. Għala għandna nuru apprezzament minflok ma nikkritikaw lill-anzjani li jivvjaġġaw?
14 Indokratur li jivvjaġġa jipprova jkun t’għajnuna spiritwali għaż-żgħażagħ daqskemm ikun għax-xjuħ. Żgur, mela, li għandna nuru l-apprezzament tagħna għall-isforzi tiegħu. Madankollu, xi ngħidu li kieku kellna nikkritikawh minħabba d-dgħjufijiet tiegħu jew inqabbluh b’mod mhux favorevoli m’oħrajn li jkunu żaru l-kongregazzjoni? X’aktarx li dan ikun skuraġġanti ferm. Ma kienx inkuraġġanti għal Pawlu li jismaʼ l-kritiki dwar ix-xogħol tiegħu. Milli jidher, xi Kristjani Korintin kienu qegħdin jgħaddu rimarki degradanti dwar l-apparenza u l-abbiltà tiegħu kif jitħaddet. Hu nnifsu kkwota lil dawn il-kritiċi bħala li qalu: “L-ittri [tiegħu] huma iebsa u qawwija; imma meta hu jkun hawn ikun qisu bla ħila u kliemu taʼ min jistmerru.” (2 Korintin 10:10) Ferħanin ngħidu, iżda, li l-indokraturi li jivvjaġġaw ġeneralment jisimgħu kliem t’apprezzament bl-imħabba.
15, 16. Indokraturi li jivvjaġġaw u n-nisa tagħhom kif inhuma effettwati mill-imħabba u ż-żelu li jintwerew minn kredenti sħabhom?
15 Indokratur tas-circuit fl-Amerka Latina jimxi bi tbatija għal jum sħiħ minn mogħdijiet kollha tajn sabiex iżur lil ħutu spiritwali li jgħixu f’żona kkontrollata mill-gwerilli. “Huwa kommoventi li tara l-mod kif l-aħwa juru l-apprezzament tagħhom għaż-żjara,” jikteb hu. “Avolja jkolli nagħmel sforz kbir biex nasal hemmhekk, billi niffaċċja ħafna perikli u tbatijiet, dan kollu jiġi ppremjat mill-imħabba u ż-żelu li juru l-aħwa.”
16 Indokratur tas-circuit fl-Afrika jikteb: “Minħabba l-imħabba li wrewna l-aħwa, tant konna nħobbuh it-territorju tat-Tanzanija! L-aħwa kienu lesti li jitgħallmu minna, u kienu henjin li jżommuna fi djarhom.” Kien hemm relazzjoni hienja u taʼ mħabba bejn l-appostlu Pawlu u Akwila u Priska, koppja miżżewġa Kristjana fl-ewwel seklu. Fil-fatt, Pawlu qal dwarhom: “Selluli għal Priska u Akwila, li ħadmu miegħi fi Kristu Ġesù, għax huma wkoll issugraw ħajjithom għalija biex isalvawni; u mhux jien biss għandi għax nirringrazzjahom iżda wkoll il-knejjes [“kongregazzjonijiet,” NW] tal-ġnus.” (Rumani 16:3, 4) Indokraturi li jivvjaġġaw u n-nisa tagħhom huma grati li għandhom bħala l-ħbieb tagħhom uħud bħal Akwila u Priska taż-żmien modern li joħorġu barra minn triqthom biex juru ospitalità u jipprovdu sħubija.
Isaħħu Lill-Kongregazzjonijiet
17. Għala jistaʼ jingħad li hemm l-għerf wara l-arranġament għal indokraturi li jivvjaġġaw, u minn fejn iġibu l-istruzzjoni tagħhom?
17 Ġesù qal: “L-Għerf taʼ Alla tawh raġun l-opri tiegħu stess.” (Mattew 11:19) L-għerf li hemm wara l-arranġament taʼ l-indokratur li jivvjaġġa huwa evidenti mill-fatt li dan jgħin biex isaħħaħ lill-kongregazzjonijiet tan-nies t’Alla. Matul it-tieni vjaġġ missjunarju taʼ Pawlu, hu u Silas b’suċċess ‘daru s-Sirja u ċ-Ċiliċja kollha, iwettqu l-knejjes [“kongregazzjonijiet,” NW].’ Il-ktieb t’Atti jgħidilna: “Huma u għaddejjin mill-ibliet, bdew igħarrfuhom bid-digrieti taʼ l-appostli u l-presbiteri taʼ Ġerusalemm u jħeġġuhom biex iħarsuhom. Hekk il-Knejjes [“kongregazzjonijiet,” NW] kienu jitwettqu fil-fidi u jiżdiedu fil-għadd kuljum.” (Atti 15:40, 41; 16:4, 5) Indokraturi li jivvjaġġaw tal-lum jirċievu istruzzjoni spiritwali permezz taʼ l-Iskrittura u l-pubblikazzjonijiet taʼ l-“irsir leali u diskret,” kif jagħmlu l-Kristjani l-oħrajn kollha.—Mattew 24:45, NW.
18. Indokraturi li jivvjaġġaw kif isaħħu lill-kongregazzjonijiet?
18 Iva, l-anzjani li jivvjaġġaw iridu jkomplu jieklu mill-mejda spiritwali taʼ Jehovah. Iridu jkunu familjari sew mal-metodi u l-linji taʼ gwida segwiti mill-organizzazzjoni t’Alla. Imbagħad irġiel bħal dawn jistgħu jkunu barka reali għal oħrajn. Permezz taʼ l-eżempju mill-aħjar tagħhom taʼ żelu fis-servizz taʼ l-għalqa, jistgħu jgħinu lil kredenti sħabhom biex jitjiebu fil-ministeru Kristjan. It-taħditiet ibbażati minn fuq il-Bibbja mogħtijin minn dawn l-anzjani li jżuruna jibnu lis-semmiegħa spiritwalment. Billi jgħinu lil oħrajn biex japplikaw il-parir tal-Kelma t’Alla, huma jaqdu f’armonija man-nies taʼ Jehovah mad-dinja kollha, u jpoġġu fil-prattika l-provvedimenti spiritwali mogħtijin minn Alla permezz taʼ l-“irsir leali,” l-indokraturi li jivvjaġġaw isaħħu lill-kongregazzjonijiet li huma jkollhom il-privileġġ li jżuru.
19. Liema mistoqsijiet baqaʼ biex jiġu kkunsidrati?
19 Meta l-organizzazzjoni taʼ Jehovah stabbiliet ix-xogħol taʼ l-anzjani li jivvjaġġaw fost l-Istudenti tal-Bibbja madwar mitt sena ilu, dan il-ġurnal stqarr: “Aħna se noqogħdu għassa għar-riżultati u għal iktar direzzjoni mill-Mulej.” Id-direzzjoni taʼ Jehovah għadha tiġi murija b’mod ċar. Minħabba l-barka tiegħu u taħt is-superviżjoni tal-Ġemgħa li Tiggverna, dan ix-xogħol ġie espandut u rfinut matul is-snin. Bħala riżultat, il-kongregazzjonijiet tax-Xhieda taʼ Jehovah mifruxin maʼ l-art kollha qegħdin jintgħamlu sodi fil-fidi u qegħdin jiżdiedu fin-numru minn jum għal jum. Evidentement, Jehovah qiegħed ibierek l-ispirtu taʼ li jissagrifikaw lilhom infushom taʼ dawn l-għotjiet fi rġiel. Imma l-indokraturi li jivvjaġġaw kif jistgħu jwettqu x-xogħol tagħhom b’suċċess? X’inhuma l-objettivi tagħhom? Kif jistgħu jkunu l-iktar taʼ ġid? (w96 11/15)
Kieku Kif Twieġeb?
◻ Liema huma xi dmirijiet taʼ l-indokraturi tas-circuit u tad-distrett?
◻ Indokraturi li jivvjaġġaw għala jeħtieġ li jkollhom spirtu taʼ li jissagrifikaw lilhom infushom?
◻ Kif jistaʼ jintwera apprezzament lejn ix-xogħol t’anzjani li jivvjaġġaw u n-nisa tagħhom?
◻ L-indokraturi li jivvjaġġaw x’jistgħu jagħmlu biex jagħmlu lill-kongregazzjonijiet sodi fil-fidi?
[Stampa f’paġna 8]
Li l-ħin kollu jmorru minn post għall-ieħor jirrikjedi spirtu taʼ li jissagrifikaw lilhom infushom
[Stampa f’paġna 11]
Urejt int ospitalità maʼ indokraturi li jivvjaġġaw u n-nisa tagħhom?