Meta s-Sofferenza Mhix se Tkun Iżjed
IS-SOFFERENZA ma kinitx parti mill-iskop oriġinali t’Alla għall-familja umana. Hu ma ddisinjahiex, lanqas iridha. ‘Jekk inhu hekk,’ għandek mnejn tistaqsi, ‘kif bdiet, u Alla għala ħallieha tibqaʼ sejra s’issa?’—Qabbel Ġakbu 1:13.
It-tweġiba tinsab fl-iktar rakkont bikri taʼ l-istorja tal-bniedem, il-Bibbja, partikolarment fil-ktieb taʼ Ġenesi. Dan jgħid li l-ewwel ġenituri tagħna, Adam u Eva, segwew lil Satana x-Xitan fir-ribelljoni tiegħu kontra Alla. L-azzjonijiet tagħhom qajmu kwistjonijiet fundamentali li attakkaw lill-istess pedament tal-liġi u l-ordni universali. Meta ppretendew li jkollhom id-dritt li jiddeċiedu għalihom infushom x’kien tajjeb u x’kien ħażin, huma sfidaw is-sovranità t’Alla. Iddubitaw id-dritt tiegħu li jaħkem u li jkun l-uniku mħallef tat-“tajjeb u l-ħażin.”—Ġenesi 2:15-17; 3:1-5.
Għala Ma Nforzax Ir-Rieda Tiegħu Immedjatament?
‘Alla, allura, għala ma nforzax ir-rieda tiegħu immedjatament?’ għandek mnejn tistaqsi. Għal ħafna, il-kwistjoni tidher tant sempliċi. ‘Alla kellu l-qawwa. Kien imissu wżaha biex jeqred lir-ribelli,’ huma jgħidu. (Salm 147:5) Imma staqsi lilek innifsek dan, ‘Jien mill-ewwel napprova lil dawk kollha li jużaw il-qawwa superjuri biex jinforzaw ir-rieda tagħhom? Ma nħossx jien istintivament sens taʼ stmerrija meta xi dittatur juża skwadri armati biex joqtlu sabiex jelimina l-għedewwa tiegħu?’ Il-biċċa l-kbira tan-nies raġonevoli timbottahom ħaġa bħal din.
‘Iva,’ tgħid int, ‘imma kieku Alla uża dik il-qawwa, ħadd ma kien se jiddubita l-azzjonijiet tiegħu.’ Int żgur minn dan? M’huwiex veru li n-nies fil-fatt jiddubitaw il-mod kif Alla jeżerċita l-qawwa? Huma jistaqsu għala m’użahiex f’xi drabi, bħal fit-tolleranza minnu tal-ħażen. U jistaqsu għala użaha fi drabi oħrajn. Saħansitra l-leali Abraham kellu problema mal-mod taʼ kif Alla uża l-qawwa kontra l-għedewwa Tiegħu. Ftakar f’meta Alla ddeċieda li jeqred lil Sodom. Abraham bi żball beżaʼ li nies tajbin kienu se jmutu mal-ħżiena. Hu għajjat: “Ma jkun qatt li inti tagħmel ħaġa bħal din, li toqtol il-bniedem ġust mal-ħażin.” (Ġenesi 18:25) Saħansitra nies li jħobbu s-sewwa bħal Abraham għandhom bżonn l-assiguranza li l-qawwa assoluta m’hijiex se tiġi abbużata.
M’għandniex xi ngħidu, Alla setaʼ qered lil Adam, ’l Eva, u lil Satana dak il-ħin stess. Imma aħseb kif dak setaʼ jeffettwa lill-anġli l-oħrajn jew ħlejjaq futuri, li kellhom mnejn iktar ’il quddiem jindunaw bl-azzjonijiet tiegħu. Setaʼ dan iħallihom b’mistoqsijiet iberrnu ġo moħħhom dwar kemm kienet sewwa l-ħakma t’Alla? Ma kinitx din se tesponi lil Alla għall-akkuża li kien, fil-fatt, xi tip taʼ déspota totalitarjan, bħalma ddeskrivieh Nietzsche, Alla li mingħajr ħniena jelimina lil kull min jopponih?
Għala Ma Jġagħalx Lin-Nies Jagħmlu Dak Li Huwa Sewwa?
‘Ma setax Alla sempliċement iġiegħel lin-nies jagħmlu dak li huwa sewwa?’ xi wħud jistgħu jistaqsu. Tajjeb, ikkunsidra dan ukoll. Matul l-istorja kollha, il-gvernijiet ipprovaw iġagħlu lin-nies jikkonformaw mal-mod taʼ ħsieb tagħhom. Xi gvernijiet jew ħakkiema individwali pprattikaw diversi forom taʼ kontroll fuq il-moħħ, forsi billi wżaw id-drogi jew kirurġija, billi lill-vittmi tagħhom serqulhom ir-rigal taʼ l-għaġeb tal-libertà taʼ l-għażla. Ma ngħożżuhx il-fatt li aħna aġenti morali ħelsin, saħansitra jekk dak ir-rigal huwa suġġett għall-abbuż? Nittolleraw aħna kwalunkwe attentati tal-gvernijiet jew ħakkiema biex jiħduhulna?
Liema alternattiva kien hemm, allura, għall-użu immedjat t’Alla tal-qawwa biex jinforza l-liġi? Alla Jehovah iddetermina li l-aħjar mod kif jittratta mar-ribelljoni kellu jkun billi jħalli perijodu temporanju taʼ indipendenza mill-ħakma tiegħu għal dawk li warrbu l-liġijiet tiegħu. Dan kellu jħalli lill-familja umana, imnissla minn Adam u Eva, żmien limitat li fih setgħu jiggvernaw lilhom infushom mingħajr ma jkunu suġġetti għal-liġi t’Alla. Għala għamel dan? Għaliex kien jaf li, biż-żmien, evidenza li ħadd ma jistaʼ jmeriha kellha takkumula, u b’hekk tagħti prova li l-mod tiegħu taʼ ħakma huwa dejjem sewwa u ġust, saħansitra meta juża l-qawwa bla limiti tiegħu biex jinforza r-rieda tiegħu, u li kwalunkwe ribelljoni kontra tiegħu se tirriżulta, illum jew għada, fi gwaj.—Dewteronomju 32:4; Ġob 34:10-12; Ġeremija 10:23.
Xi Ngħidu Għal Dawk Il-Vittmi Innoċenti Kollha?
‘Sadanittant, xi ngħidu għal dawk il-vittmi innoċenti kollha?’ għandek mnejn tistaqsi. ‘Huwa tabilħaqq vallapena l-uġigħ tagħhom biex jiġi pprovat xi punt tal-liġi?’ Tajjeb, Alla ma ħalliex il-ħażen jeżisti sempliċement biex jagħti prova taʼ xi punt oskur tal-liġi. Għall-kuntrarju, dan kien biex jistabbilixxi darba għal dejjem il-verità fundamentali li hu waħdu hu s-sovran u li ubbidjenza lejn il-liġijiet tiegħu hija essenzjali għall-paċi u l-hena kontinwi tal-ħlejjaq tiegħu kollha.
Ħaġa kruċjali waħda li tajjeb inżommu f’moħħna hi li Alla jaf li hu jistaʼ jneħħi kompletament kwalunkwe ħsara li dan jistaʼ jġib lill-familja umana. Hu jaf li fl-aħħar mill-aħħar, il-perijodu temporanju t’uġigħ u sofferenza se jkollu riżultat benefikanti. Aħseb dwar l-omm li żżomm sew lit-tarbija tagħha sakemm it-tabib jikkaġuna l-uġigħ tat-tilqima biex jagħti protezzjoni kontra xi marda li kieku kienet toqtol lit-tarbija. L-ebda omm ma trid lit-tarbija tagħha tħoss l-uġigħ. L-ebda tabib ma jrid jikkaġuna inkwiet lill-pazjent tiegħu. Għal dak il-mument, it-tarbija ma tapprezzax ir-raġuni għall-uġigħ, imma iktar tard se tifhem għala dan ġie permess.
Konsolazzjoni Vera Għal Dawk Li Qegħdin Isofru?
Xi wħud għandhom mnejn iħossu illi li sempliċement ikunu jafu dawn l-affarijiet jistaʼ jkun taʼ ftit konsolazzjoni għal dawk li qegħdin isofru. Hans Küng jistqarr li spjegazzjoni razzjonali għall-eżistenza tas-sofferenza hija “daqstant t’għajnuna għal min qiegħed isofri daqskemm hija taħdita fuq il-kimika li fih l-ikel għal bniedem imġewwaħ.” Hu jistaqsi: “Jistaʼ l-irraġunar meqjus kollu verament iqawwi qalb il-bniedem, li hu kważi mifni mis-sofferenza?” Sewwa, l-“irraġunar meqjus” kollu taʼ bnedmin li jinjoraw il-Kelma t’Alla, il-Bibbja, ma qawwiex qalb dawk li qegħdin isofru. Raġunar uman bħal dan żied biss mal-problema billi ssuġġerixxa li Alla ried li l-bniedem isofri u li d-dinja kienet iddisinjata bħala wied taʼ dmugħ jew lok taʼ prova għal dawk li eventwalment se jiksbu ħajja fis-sema. X’dagħwa dik!
Madankollu, il-Bibbja nfisha tabilħaqq tagħti konsolazzjoni reali. Din mhux biss tipprovdi spjegazzjoni konsistenti għall-eżistenza tas-sofferenza imma wkoll tibni fiduċja fil-wegħda żgura t’Alla li hu se jneħħi kull ħsara li kkaġuna dan il-permess temporanju għas-sofferenza.
“It-Tiġdid Kollu”
Dalwaqt ferm issa Alla se jirrestawra l-affarijiet għall-mod li riedhom ikunu qabel ma l-ewwel ħlejjaq umani tiegħu rribellaw. Iż-żmien maħtur tiegħu għall-ħakma indipendenti tal-bniedem għoddu ntemm. Aħna qegħdin ngħixu fiż-żmien meta se jibgħat lil “Ġesù, li għalissa għandu jibqaʼ fis-sema sa ma jseħħ it-tiġdid kollu [“taʼ kollox,” Karm Żammit] li fl-imgħoddi semma Alla b’fomm il-profeti qaddisa tiegħu.”—Atti 3:20, 21.
Ġesù Kristu x’se jagħmel? Se jeħles lid-dinja mill-għedewwa kollha t’Alla. (2 Tessalonikin 1:6-10) Din m’hijiex se tkun xi esekuzzjoni taʼ kafkaf, bħalma tingħata mid-dittaturi umani. Il-muntanja t’evidenza li tagħti prova tal-konsegwenzi katastrofiċi tal-ħakma ħażina mill-bniedem se turi li Alla hu ġġustifikat għal kollox f’li dalwaqt juża l-qawwa bla qjies tiegħu biex jinforza r-rieda tiegħu. (Apokalissi 11:17, 18) Għall-bidu dan se jfisser “diqa” bħalma d-dinja qatt m’esperjenzat qabel, simili għal imma akbar mid-dilluvju taʼ żmien Noè. (Mattew 24:21, 29-31, 36-39) Dawk li jsalvaw minn dan it-“taħbit il-kbir” se jesperjenzaw “żminijiet taʼ mistrieħ” meta jaraw it-twettiq tal-wegħdi kollha t’Alla mogħtija “b’fomm il-profeti qaddisa tiegħu.” (Atti 3:20 [Atti 3:19, New World Translation]; Apokalissi 7:14-17) Alla x’wiegħed?
Sewwa, il-profeti tal-qedem t’Alla jgħidu li se jkun hemm tmiem għas-sofferenza kkaġunata mill-gwerer u t-tixrid taʼ demm. Per eżempju, Salm 46:10 [Salm 46:9, NW] jgħidilna: “Iwaqqaf il-gwerer sa tarf l-art.” Qatt iżjed vittmi innoċenti u refuġjati traġiċi, dawk stuprati, immankati, u maqtulin fi gwerer krudili! Jgħid il-profeta Isaija: “Ebda ġens ma jerfaʼ x-xabla kontra ġens ieħor, u s-sengħa tal-gwerra ma jitgħallmuhiex iżjed.”—Isaija 2:4.
Il-profeti jbassru wkoll tmiem għas-sofferenza kkaġunata mill-kriminalità u l-inġustizzja. Proverbji 2:21, 22 iwiegħed li “t-tajbin jgħammru fl-art” u li dawk li jikkaġunaw uġigħ u sofferenza “mill-art jitqaċċtu.” Qatt iżjed “bniedem jaħkem fuq ieħor u jagħmillu l-ħsara.” (Koħèlet 8:9) In-nies mill-agħar kollha se jiġu mneħħijin għal dejjem. (Salm 37:10, 38) Kulħadd se jkun jistaʼ jgħix fil-paċi u s-sigurtà, ħieles mis-sofferenza.—Mikea 4:4.
Iktar minn hekk, il-profeti jwiegħdu wkoll li se jkun hemm tmiem għas-sofferenza kkaġunata minn mard fiżiku u emozzjonali. (Isaija 33:24) Isaija jwiegħed li l-għomja, it-torox, l-inkapaċitati, u dawk kollha milqutin mill-mard u l-pesti se jiġu mfejqin. (Isaija 35:5, 6) Alla saħansitra se jreġġaʼ lura l-effetti tal-mewt. Ġesù bassar li “dawk kollha li jkunu fl-oqbra jisimgħu leħnu u joħorġu.” (Ġwann 5:28, 29) Fil-viżjoni tiegħu taʼ “sema ġdida u art ġdida,” l-appostlu Ġwanni ntqallu li “Alla nnifsu . . . jixxuttalhom kull demgħa minn għajnejhom: ma jkunx hemm iżjed mewt, anqas biki jew għajat jew tbatija ma jkun hemm iżjed.” (Apokalissi 21:1-4) Immaġina ftit! L-ebda wġigħ, l-ebda dmugħ, l-ebda agħjat, l-ebda mewt—qatt iżjed sofferenza!
Kwalunkwe traġedji li setgħu seħħew matul din it-tolleranza temporanja tal-ħażen, kollha se jiġu rrimedjati. Saħansitra l-memorji t’uġigħ uman u sofferenza—li qatt ma kienu l-iskop t’Alla—se jitħassru għal kollox. “Ma jitfakkarx iżjed l-imgħoddi, f’moħħ ħadd aktar ma jiġi,” ipprofetizza Isaija. (Isaija 65:16, 17) L-iskop oriġinali t’Alla għal familja umana perfetta li tgħix f’paċi u hena totali fuq art magħmula ġenna se tiġi rrealizzat għal kollox. (Isaija 45:18) Fiduċja fis-sovranità tiegħu se tkun assoluta. Xi privileġġ li tkun tgħix fiż-żmien meta Alla se jtemm kull sofferenza umana, żmien meta juri li hu m’huwiex xi tip taʼ “déspota, impostur, imbroljun, bojja,” bħalma akkuża Nietzsche, imma li hu dejjem mimli mħabba, għaref, u ġust fl-eżerċitar tiegħu tal-qawwa assoluta! (w97 2/15)
[Stampa f’paġna 5]
Xi ħakkiema pprattikaw kontroll fuq il-moħħ, billi serqu lill-vittmi tagħhom mil-libertà taʼ l-għażla
[Sors]
UPI/Bettmann
[Stampa f’paġna 7]
Meta ma jkunx hawn iżjed sofferenza, kulħadd se jgawdi l-ħajja bis-sħiħ