LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w97 4/1 pp. 8-11
  • Tixxennaq Int Biex Taqdi Iżjed bis-Sħiħ?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Tixxennaq Int Biex Taqdi Iżjed bis-Sħiħ?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • L-​Apprezzament Taʼ Levita
  • Tgħallem Ikkuntenta
  • Tkunux Skuraġġiti
  • Agħmel Miri Li Tistaʼ Tilħaqhom
  • Bilanċ Tajjeb
  • Uża Miri Spiritwali biex Tigglorifika lill-Ħallieq Tiegħek
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • Kif Tagħmel u Tilħaq Miri Spiritwali
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2022
  • Aħna Ngħożżu l-Privileġġi Tagħna!
    Il-Ministeru tas-Saltna—2007
  • Żgħażagħ Qegħdin Timxu ’l Quddiem Spiritwalment?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
w97 4/1 pp. 8-11

Tixxennaq Int Biex Taqdi Iżjed bis-​Sħiħ?

“KONT irrabjata maʼ Jehovah,” tgħid Laura. “Tlabt fuq li tlabt biex jgħinna nsolvu l-​problemi finanzjarji tagħna sabiex inkun nistaʼ nkompli fis-​servizz taʼ pijuniera​—imma kollu taʼ xejn. Fl-​aħħar kelli ninqataʼ mil-​lista tal-​pijunieri. Irrid nammetti wkoll li kont qiegħda ngħir għal dawk li setgħu jkomplu f’dan is-​servizz.”

Ikkunsidra, ukoll, il-​każ taʼ Michael, qaddej ministerjali f’kongregazzjoni tax-​Xhieda taʼ Jehovah. Kien qiegħed jistinka biex isir indokratur. (1 Timotju 3:1) Meta x-​xewqa tiegħu ma seħħitx għal diversi snin, tant kien iddiżappuntat li lanqas ried li jibqaʼ jiġi kkunsidrat għall-​privileġġ. “Ma flaħtx nerġaʼ ngħaddi mill-​uġigħ tad-​diżappunt,” hu jgħid.

Kellek xi esperjenza simili? Kellek tabbanduna xi privileġġ teokratiku li kien għal qalbek? Per eżempju, kellek int tieqaf milli sservi bħala pijunier, proklamatur tas-​Saltna full-time? Jew tixxennaq int għal ċerti responsabbiltajiet fil-​kongregazzjoni li huma fdati lil oħrajn? Saħansitra għandek mnejn li tixtieq ħafna li sservi ġewwa Betel jew bħala missjunarju, imma ċ-​ċirkostanzi tiegħek ma jippermettulekx.

“It-​tama mtawwla tmarrad il-​qalb,” jistqarr il-​ktieb taʼ Proverbji. (Proverbji 13:12) Dan jistaʼ jkun speċjalment veru meta oħrajn jirċievu dawk l-​istess privileġġi li għalihom tkun qiegħed tittama int. Tipprovdi l-​Kelma t’Alla dehen, serħan, u tama għal kulmin jesperjenza diżappunti bħal dawn? Iva, tipprovdi. Fil-​fatt, Salm 84 jesprimi s-​sentimenti taʼ qaddej taʼ Jehovah li kellu xewqat simili li ma ġewx maqtugħin u li jirrigwardjaw is-​servizz taʼ Jehovah.

L-​Apprezzament Taʼ Levita

Il-​kompożituri taʼ Salm 84 kienu wlied Kora, Leviti li qdew fit-​tempju taʼ Jehovah u li kienu jistmaw ferm il-​privileġġi tas-​servizzi tagħhom. “Kemm hi għażiża d-​dar tiegħek, Mulej taʼ l-​eżerċti!” jesklama wieħed minnhom. “Tixxennaq u tinfena ruħi għat-​tempju tal-​Mulej; ngħanni ferħan b’ruħi u ġismi lil Alla l-​ħaj.”—Salm 84:2, 3 [Salm 84:1, 2, New World Translation].

Dan il-​Levita tant kellu xenqa li jaqdi fit-​tempju taʼ Jehovah li saħansitra x-​xenarju ordinarju matul it-​triq lejn Ġerusalemm kien jidher attraenti għalih. “Huma u għaddejja minn wied niexef,” hu jgħid, “ibiddluh f’nixxiegħa taʼ ilma.” (Salm 84:7 [Salm 84:6, NW]) Iva, biċċa art li normalment tkun niexfa kienet bħal reġjun imsoqqi sew.

Minħabba li s-​salmista kien Levita imma mhux qassis, hu setaʼ jaqdi fit-​tempju għal ġimgħa waħda biss kull sitt xhur. (1 Kronaki 24:1-19; 2 Kronaki 23:8; Luqa 1:5, 8, 9) Il-​bqija tal-​ħin tiegħu kien iqattgħu d-​dar f’waħda mill-​ibliet Levitiċi. Hu għalhekk kanta: “Sa l-​għasfur isib fejn jgħammar, u l-​ħuttafa ssib il-​bejta ħdejn l-​artali tiegħek; hemm hi tqiegħed iż-​żgħar tagħha, Mulej taʼ l-​eżerċti, Sultan u Alla tiegħi!” (Salm 84:4 [Salm 84:3, NW]) Kemm kien ikun ferħan il-​Levita kieku kien bħall-​għasafar li kellhom post iżjed permanenti fejn joqogħdu fit-​tempju!

Kien ikun faċli għal-​Levita biex iċedi għad-​diżappunt minħabba li ma setax jaqdi fit-​tempju iżjed spiss. Madankollu, kien kuntent li jaqdi kif setaʼ, u żgur li rrealizza li devozzjoni b’qalbu kollha lejn Jehovah kienet vallapena. X’għen lil dan il-​Levita leali biex jibqaʼ kuntent bil-​privileġġi tas-​servizz tiegħu?

Tgħallem Ikkuntenta

“Jum wieħed fit-​tempju tiegħek aħjar minn elf jum f’post ieħor,” jgħid il-​Levita. “Aħjar noqgħod fuq l-​għatba taʼ dar Alla tiegħi milli ngħammar fit-​tined tal-​ħżiena.” (Salm 84:11 [Salm 84:10, NW]) Hu apprezza illi li tqattaʼ saħansitra jum wieħed fid-​dar taʼ Jehovah huwa privileġġ li ma tistax tkejlu. U l-​Levita kellu ħafna iżjed minn jum wieħed biex jaqdi fit-​tempju. Il-​kuntentizza tiegħu bil-​privileġġi tiegħu ġagħlitu jkanta bil-​ferħ.

Xi ngħidu għalina? Ngħoddu aħna l-​barkiet tagħna, jew għandna t-​tendenza li ninsew dak li diġà għandna fis-​servizz taʼ Jehovah? Minħabba d-​devozzjoni tagħhom lejh, Jehovah fada lill-​poplu tiegħu b’għażla kbira taʼ privileġġi u dmirijiet. Dawn jinkludu r-​responsabbiltajiet itqal taʼ indokrar, għajnuna pastorali, tagħlim, u diversi fatturi tas-​servizz full-time. Imma dawn jinvolvu wkoll affarijiet prezzjużi oħrajn li għandhom x’jaqsmu mal-​qima taʼ Jehovah.

Per eżempju, ikkunsidra l-​ministeru Kristjan. L-​appostlu Pawlu jqabbel il-​privileġġi tagħna taʼ l-​ippridkar taʼ l-​aħbar tajba maʼ ‘teżor li qiegħed għandna f’ġarar tal-​fuħħar.’ (2 Korintin 4:7) Tħares int lejn servizz bħal dan bħala teżor imprezzabbli? Ġesù Kristu, li ta bidu għall-​attività taʼ l-​ippridkar tas-​Saltna, kien iqisu b’dan il-​mod, billi stabbilixxa l-​mudell. (Mattew 4:17) “Ladarba . . . għandna dan il-​ministeru, ma naqtgħux qalbna,” qal Pawlu.—2 Korintin 4:1.

Il-laqgħat Kristjani huma wkoll provvediment sagru li mhux taʼ min jieħdu ħafif ħafif. Fil-​laqgħat tagħna, nirċievu struzzjoni vitali u ngawdu s-​sħubija meħtieġa. Fil-​laqgħat nistgħu wkoll nagħmlu espressjoni pubblika tal-​fidi u t-​tama tagħna billi nikkummentaw regolarment u billi nieħdu sehem fil-​programm b’modi oħrajn. (Lhud 10:23-25) Il-​laqgħat tagħna huma tabilħaqq provvediment taʼ min jgħożżu!

Michael, li ssemma qabel, kellu stima kbira lejn dawn il-​barkiet u apprezzahom profondament. Imma d-​diżappunt tiegħu li ma setax jaqdi bħala anzjan ġagħlu jwarrab fil-​ġenb l-​apprezzament lejhom temporanjament. Billi ffoka mill-​ġdid fuqhom, hu setaʼ jerġaʼ jakkwista l-​bilanċ u bil-​paċenzja jistenna l-​waqt taʼ Jehovah.

Minflok ma nħossuna mdejqin għaliex ma jkollniex ċerti privileġġi, nagħmlu tajjeb li neżaminaw mill-​ġdid il-​modi li Jehovah qiegħed iberikna bihom, bħalma għamel is-​salmista.a Jekk nonqsu li naraw ħafna minnhom, għandna bżonn nerġgħu nħarsu, billi nitolbu lil Jehovah biex jiftħilna għajnejna biex naraw il-​privileġġi tagħna u l-​modi li hu qiegħed iberikna bihom u jużana għat-​tifħir tiegħu.—Proverbji 10:22.

Huwa importanti wkoll li nirrealizzaw li privileġġi speċjali, bħalma hu l-​inkarigu taʼ indokratur, jeħtieġu kwalifiki speċjali. (1 Timotju 3:1-7; Titu 1:5-9) Għalhekk għandna bżonn li neżaminaw lilna nfusna, billi nfittxu xi oqsma fejn hemm bżonn taʼ titjib u mbagħad nagħmlu sforzi serji biex nitjiebu.—1 Timotju 4:12-15.

Tkunux Skuraġġiti

Jekk ma nirċevux xi privileġġ partikulari taʼ servizz, għandna bżonn li ma nikkonkludux li Jehovah għandu iżjed imħabba għal dawk li jgawduh jew li qiegħed iżomm lura l-​ġid minna. Bla dubju, m’għandniex nassumu bl-​għira li dawn l-​oħrajn ħadu privileġġi li ma kienx ħaqqhom jieħdu permezz taʼ favoritiżmu uman minflok b’ħatra teokratika. Li noqogħdu nhewdnu fuq ideat bħal dawn jistaʼ jwassal għall-​għira, ġlied, u saħansitra li nċedu għal kollox.—1 Korintin 3:3; Ġakbu 3:14-16.

Laura, li ssemmiet fil-​bidu, ma qatgħetx qalbha. Eventwalment irnexxielha tegħleb is-​sentimenti tagħha taʼ rabja u għira. Laura talbet ripetutament lil Alla għall-​għajnuna biex tegħleb ir-​reazzjoni negattiva tagħha għax ma setgħetx tkun pijuniera. Hi fittxet ukoll assistenza minn irġiel ikkwalifikati fil-​kongregazzjoni u ħassitha rassigurata mill-​imħabba t’Alla. “Jehovah tani l-​paċi tal-​moħħ,” qalet. “Fil-​waqt li żewġi u jien ma nistgħux inkunu pijunieri issa, aħna ngħożżu l-​ħin taʼ meta stajna nagħmlu hekk u nissaħħu mill-​esperjenzi li kellna. Aħna ngħinu wkoll lit-​tifel tagħna li issa kiber, fix-​xogħol tiegħu taʼ pijunier.” Billi kkuntentat b’hekk, Laura tistaʼ issa ‘tifraħ maʼ min jifraħ’ fis-​servizz taʼ pijunier tagħhom.—Rumani 12:15.

Agħmel Miri Li Tistaʼ Tilħaqhom

Li nkunu kuntenti bil-​privileġġi tas-​servizz li jkollna ma jirrikjedix li nieqfu milli nagħmlu iżjed miri teokratiċi. Meta ddiskuta dwar l-​irxoxt għas-​sema, Pawlu tkellem dwar li ‘jilħaq dak li hemm quddiemu.’ Qal ukoll: “wasalna fejn wasalna, ħa nimxu pass wieħed.” (Filippin 3:13-16) Miri teokratiċi jistgħu jgħinuna biex nimxu ’l quddiem. L-​isfida, madankollu, hija li nżommuhom realistiċi.

Miri realistiċi huma raġonevoli u jistgħu jintlaħqu. (Filippin 4:5) Dan ma jfissirx li mira li teħtieġ diversi snin taʼ xogħol iebes m’hijiex realistika. Mira fuq tul taʼ żmien bħal din tistaʼ tintlaħaq bil-​mod il-​mod billi nagħmlu serje taʼ miri, jew passi, intermedjarji. Dawn jistgħu jservu bħala indikazzjonijiet tal-​progress spiritwali. Li ntemmu b’suċċess kull pass se jipprovdi sens taʼ sodisfazzjon matul it-​triq minflok diżappunt.

Bilanċ Tajjeb

Huwa importanti li nirrikonoxxu, madankollu, li minħabba ċ-​ċirkostanzi u l-​limitazzjonijiet tagħna, xi privileġġi għandhom mnejn ma jkunux jistgħu jinkisbu. Li nagħmluhom bħala miri jwassal biss għal diżappunt u frustrazzjoni. Miri bħal dawn għandhom jiġu mwarrbin, għall-​inqas għalissa. Li nagħmlu hekk m’huwiex se jkun diffiċli jekk nitolbu għall-​kuntentizza li tiġi minn Alla u jekk nagħmlu t-​twettiq tar-​rieda taʼ Jehovah it-​tħassib ewlieni tagħna. Meta nipprovaw nilħqu privileġġi, il-​glorja taʼ Jehovah​—mhux ir-​rikonoxximent taʼ dak li nkunu wettaqna personalment—​hija importanti. (Salm 16:5, 6; Mattew 6:33) Il-​Bibbja b’mod xieraq tgħidilna: “Ħalli f’idejn il-​Mulej il-​ħidma tiegħek, u jseħħu ħsibijietek.”—Proverbji 16:3.

Billi nikkunsidraw Salm 84, nistgħu naraw li s-​salmista wera attitudni bħal din lejn privileġġi taʼ servizz, u Jehovah bierku bil-​kbir. Iktar minn hekk, dan is-​salm ikompli jibbenefika lin-​nies taʼ Jehovah sal-​lum.

Billi tistrieħ fuq Jehovah permezz tat-​talb, int tistaʼ tibbilanċja x-​xenqa tiegħek għal privileġġi addizzjonali maʼ kuntentizza b’dawk li qiegħed tgawdi issa. Qatt tħalli x-​xewqa biex tagħmel iżjed tisraqlek l-​apprezzament għal dak li għandek issa u l-​ferħ li taqdi lil Jehovah għal dejjem. Afda f’Jehovah, għax dan jirriżulta f’hena, bħalma huwa muri fil-​kliem tal-​Levita: “Mulej taʼ l-​eżerċti, hieni l-​bniedem li jittama fik!”—Salm 84:13 [Salm 84:12, NW]. (w97 3/15)

[Nota taʼ taħt]

a Jekk jogħġbok ara l-​artiklu “Tapprezzahom Int l-​Affarijiet Sagri?” fil-​ħarġa taʼ It-​Torri tal-​Għassa tal-​15 taʼ Settembru, 1988.

[Kaxxa f’paġna 11]

Miri li Nistgħu Nistabbilixxu

Naqraw il-​Bibbja kuljum.—Ġożwè 1:8; Mattew 4:4

Intejbu l-​fakultajiet t’osservar tagħna permezz taʼ taħriġ Skritturali.—Lhud 5:14

Niżviluppaw relazzjoni eqreb m’Alla.—Salm 73:28

Nikkultivaw kull waħda mill-​frottiet taʼ l-​ispirtu.—Galatin 5:22, 23

Intejbu l-​kwalità tat-​talb tagħna.—Filippin 4:6, 7

Insiru iktar effettivi fl-​ippridkar u t-​tagħlim.—1 Timotju 4:15, 16

Naqraw u nimmeditaw fuq kull ħarġa tar-​rivisti Torri Taʼ L-​Għassa u Stenbaħ!—Salm 49:3

[Stampi f’paġna 9]

Meta tagħmel miri persunali, poġġi t-​twettiq tar-​rieda t’Alla l-​ewwel

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja