LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w97 7/1 pp. 15-20
  • Sus Wara L-Paċi t’Alla fil-Ħajja tal-Familja

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Sus Wara L-Paċi t’Alla fil-Ħajja tal-Familja
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Ipperikolata L-​Ħajja Tal-​Familja
  • Għala L-​Kriżi Tal-​Familja?
  • Erbaʼ Prinċipji Vitali
  • Ibqaʼ Sus Wara L-​Paċi T’Alla
  • Assigura Futur Dejjiemi għall-​Familja Tiegħek
    Is-Sigriet taʼ l-Hena fil-Familja
  • Hemm Xi Sigriet għall-​Hena fil-​Familja?
    Is-Sigriet taʼ l-Hena fil-Familja
  • Gawdi l-Ħajja tal-Familja
    Gawdi l-Ħajja tal-Familja
  • Il-Familja—Bżonn Uman!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
w97 7/1 pp. 15-20

Sus Wara L-​Paċi t’Alla fil-​Ħajja tal-​Familja

“Agħtu lill-​Mulej, familji tal-​popli, agħtu lill-​Mulej sebħ u qawwa.”—SALM 96:7.

1. Jehovah liema tip taʼ bidu ta lill-​ħajja tal-​familja?

JEHOVAH ta bidu paċifiku u hieni lill-​ħajja tal-​familja meta għaqqad lill-​ewwel raġel u l-​ewwel mara fiż-​żwieġ. Fil-​fatt, Adam kien tant hieni li esprima l-​ferħ tiegħu fl-​iktar poeżija bikrija li qatt ġiet iddokumentata: “Din id-​darba din hi għadma minn għadmi, u laħam minn laħmi, għalhekk tissejjaħ mara, għax mir-​raġel ittieħdet hi.”—Ġenesi 2:23.

2. Alla x’kellu f’moħħu għaż-​żwieġ minbarra li jġib hena lill-​ulied umani tiegħu?

2 Meta Alla istitwixxa ż-​żwieġ u l-​arranġament tal-​familja, ma kellux biss f’moħħu li jġib hena lill-​ulied umani tiegħu. Riedhom jagħmlu r-​rieda tiegħu. Alla qal lill-​ewwel par: “Nisslu u oktru, u imlew l-​art, u aħkmuha; u saltnu fuq il-​ħut tal-​baħar u t-​tajr taʼ l-​ajru u l-​ħlejjaq kollha li jitkaxkru fuq l-​art.” (Ġenesi 1:28) Inkarigu premjanti, tabilħaqq. Kemm kienu jkunu henjin Adam, Eva, u t-​tfal futuri tagħhom kieku l-​ewwel koppja miżżewġa għamlu b’ubbidjenza r-​rieda taʼ Jehovah!

3. X’inhu meħtieġ biex il-​familji jgħixu b’devozzjoni lejn Alla?

3 Iżda, anki llum, il-​familji jkunu l-​iktar hienja meta jaħdmu flimkien biex jagħmlu r-​rieda t’Alla. U xi prospetti mill-​isbaħ għandhom familji ubbidjenti bħal dawn! L-​appostlu Pawlu kiteb: “[I]t-tjieba tiswa għal kollox billi fiha għandha l-​wegħda tal-​ħajja taʼ issa u taʼ dik li għad trid tiġi.” (1 Timotju 4:8) Familji li jgħixu b’devozzjoni vera lejn Alla jsegwu l-​prinċipji tal-​Kelma taʼ Jehovah u jagħmlu r-​rieda tiegħu. Huma jsusu wara l-​paċi t’Alla u b’hekk isibu hena fil-​“ħajja taʼ issa.”

Ipperikolata L-​Ħajja Tal-​Familja

4, 5. Għala jistaʼ jingħad li l-​ħajja tal-​familja hi fil-​periklu mad-​dinja kollha?

4 M’għandniex xi ngħidu, il-​paċi u l-​hena ma jinstabux f’kull familja. Waqt li tirreferi għal riċerka magħmula minn istitut demografiku msejjaħ il-​Kunsill tal-​Popolazzjoni, The New York Times tistqarr: “F’pajjiżi kemm sinjuri u kemm foqra, l-​istruttura tal-​ħajja tal-​familja għaddejja minn bidliet profondi.” Awtriċi taʼ din ir-​riċerka ġiet ikkwotata li qalet: “L-​idea li l-​familja hija unità stabbli u magħquda li fiha l-​missier jaqdi bħala dak li jipprovdi ekonomikament u l-​omm taqdi bħala dik li tipprovdi emozzjonalment hija ħrafa. Ir-​realtà hi li xejriet bħalma huma ommijiet mhux miżżewġin, numru li dejjem jiżdied taʼ divorzji, [u] familji iżgħar . . . qegħdin iseħħu mad-​dinja kollha.” Minħabba xejriet bħal dawn, miljuni taʼ familji m’għandhomx stabbilità, paċi, u hena, u ħafna qegħdin jitkissru. Fi Spanja r-​rata taʼ divorzji telgħet għal 1 minn kull 8 żwiġijiet sal-​bidu taʼ l-​aħħar għaxar snin tas-​seklu 20​—qabża kbira minn 1 minn kull 100, 25 sena biss qabel. L-​Ingilterra hi rrapportata li għandha waħda mir-​rati l-​iktar għoljin taʼ divorzji fl-​Ewropa​—4 minn kull 10 żwiġijiet ifallu. Dak il-​pajjiż ra wkoll qabża kbira fin-​numru taʼ familji b’ġenitur wieħed.

5 Donnu li xi nies bil-​kemm ikunu jistgħu jistennew biex jieħdu d-​divorzju. Ħafna jmorru bil-​gzuz lejn il-​“Kappella Li Tħoll Ir-​Rabta” qrib Tokjo, il-​Ġappun. Dan it-​tempju Xinto jaċċetta petizzjonijiet għal divorzju u għal waqfien taʼ relazzjonijiet oħrajn mhux mixtiqin. Kull adoratur jikteb it-​talba tiegħu jew tagħha fuq biċċa njama rqiqa, idendilha mal-​ħitan tal-​kappella, u jitlob għal tweġiba. Gazzetta f’Tokjo tgħid li meta l-​kappella ġiet stabbilita madwar seklu ilu, “in-​nisa taʼ negozjanti sinjuri lokali kienu jiktbu talb li fih talbu li żwieġhom jitilqu lill-​maħbubin tagħhom u jiġu lura għandhom.” Illum, madankollu, il-​biċċa l-​kbira tat-​talbiet huma għal divorzju, mhux għal rikonċiljazzjoni. Bla dubju, il-​ħajja tal-​familja qiegħda fil-​periklu madwar id-​dinja kollha. Għandu dan jissorprendihom lill-​Kristjani? Le, għaliex il-​Bibbja tagħtina dehen rigward il-​kriżi preżenti tal-​familja.

Għala L-​Kriżi Tal-​Familja?

6. L-​Ewwel Ġwann 5:19 x’konnessjoni għandu mal-​kriżi tal-​familja llum?

6 Raġuni waħda għall-​kriżi tal-​familja llum hi din: “[I]d-dinja kollha qiegħda taħt idejn il-​Ħażin.” (1 Ġwann 5:19) X’nistgħu nistennew mill-​Ħażin, Satana x-​Xitan? Hu giddieb immorali u mill-​agħar. (Ġwann 8:44) Mhux taʼ b’xejn li d-​dinja tiegħu tinsab mgħaddsa fil-​qerq u fl-​immoralità, li tant huma qerrieda għall-​ħajja tal-​familja! ’Il barra mill-​organizzazzjoni t’Alla, l-​influwenza satanika thedded li teqred l-​istituzzjoni taż-​żwieġ minn Jehovah u ttemm il-​ħajja paċifika tal-​familja.

7. Il-​familji kif jistgħu jiġu effettwati mill-​karatteristiċi li ħafna nies juru f’dawn l-​aħħar jiem?

7 Raġuni oħra għall-​problemi tal-​familja li qegħdin issa jifflaġellaw lill-​bnedmin hi indikata fit-2 Timotju 3:1-5. Il-​kliem profetiku taʼ Pawlu miktub hemmhekk juri li qegħdin ngħixu fl-​“aħħar tad-​dinja.” Il-​familji ma jistgħux ikollhom il-​paċi u l-​hena jekk il-​membri tagħhom “jingħataw għall-​imħabba tagħhom infushom u tal-​flus; faħħarin, suppervi, dgħajja, ma jisimgħux mill-​ġenituri; bla gratitudni, bla tjieba; bla qalb, bla ħniena, lablaba, bla rażan; kiefra, bla mħabba għat-​tajjeb; tradituri, bla ħsieb, minfuħa bihom infushom; iħobbu iktar il-​pjaċiri milli ’l Alla; nies li jiċħdu l-​qawwa tat-​tjieba, minkejja li minn barra jagħmluha taʼ tajbin.” Familja ma tistax tkun kompletament hienja jekk saħansitra wieħed mill-​membri tagħha jkun bla qalb jew bla tjieba. Kemm jistaʼ jkollha paċi l-​ħajja tal-​familja jekk xi ħadd fid-​dar ikun kiefer u bla ħniena? Jerġaʼ agħar minn hekk, kif jistaʼ jkun hemm paċi u hena meta membri taʼ familja jkunu jħobbu iktar il-​pjaċiri milli ’l Alla? Dawn huma l-​karatteristiċi taʼ nies f’din id-​dinja maħkuma minn Satana. Mhux taʼ b’xejn li l-​hena fil-​familja huwa diffiċli f’dawn l-​aħħar jiem!

8, 9. L-​imġiba tat-​tfal x’effett jistaʼ jkollha fuq l-​hena tal-​familja?

8 Jerġaʼ raġuni oħra għala ħafna familji huma neqsin mill-​paċi u l-​hena hija l-​kondotta ħażina taʼ xi tfal. Meta Pawlu bassar il-​kundizzjonijiet fl-​aħħar jiem, hu pprofetizza li ħafna tfal kellhom ikunu diżubbidjenti lejn il-​ġenituri. Jekk int żagħżugħ jew żagħżugħa, tgħin l-​imġiba tiegħek biex il-​familja tiegħek tkun mimlija paċi u hena?

9 Xi tfal m’humiex eżemplari fl-​imġiba. Per eżempju, tifel żgħir kiteb din l-​ittra insolenti lil missieru: “Jekk ma tiħodnix Lixandra la niktiblek ittra, la nkellmek, u lanqas insellimlek qabel titlaq, u jekk int tmur Lixandra m’inix se naqbadlek idek jew qatt nerġaʼ niġi nilqgħek. Hekk se jiġri jekk ma tiħodnix . . . Imma ibgħatli [arpa], nitolbok bil-​ħniena. Jekk ma tibgħathilix, la niekol u lanqas nixrob. Ara x’qed ngħidlek!” Din qisha xi sitwazzjoni fi żmienna, hux tassew? Sewwa, dik l-​ittra mingħand tifel lil missieru kienet miktuba fl-​Eġittu tal-​qedem ’il fuq minn 2,000 sena ilu.

10. Iż-​żgħażagħ kif jistgħu jgħinu lill-​familji tagħhom isusu wara l-​paċi t’Alla?

10 L-​attitudni taʼ dak it-​tfajjel Eġizzjan ma kinitx tippromwovi l-​paċi fil-​familja. M’għandniex xi ngħidu, ħafna iżjed affarijiet serji jseħħu ġewwa l-​familji f’dawn l-​aħħar jiem. Madankollu, intom iż-​żgħażagħ tistgħu tgħinu lill-​familja tagħkom biex issus wara l-​paċi t’Alla. Kif? Billi tobdu dan il-​parir mill-​Bibbja: “Intom, tfal, isimgħu mill-​ġenituri tagħkom f’kollox, għax dan hu li jogħġob lill-​Mulej.”—Kolossin 3:20.

11. Il-​ġenituri kif jistgħu jgħinu lit-​tfal tagħhom isiru qaddejja leali taʼ Jehovah?

11 Xi ngħidu għalikom il-​ġenituri? B’imħabba għinu lit-​tfal tagħkom isiru qaddejja leali taʼ Jehovah. “Ħarreġ tifel jimxi fit-​triq it-​tajba,” jgħid Proverbji 22:6. “Ma joħroġx minnha lanqas meta jixjieħ.” B’tagħlim Skritturali mill-​aħjar u b’eżempji tajbin mill-​ġenituri, ħafna subjien u bniet ma jitilqux mit-​triq it-​tajba meta jikbru. Imma ħafna jiddependi fuq il-​kwalità u l-​ammont taʼ taħriġ Bibliku u fuq il-​qalb taż-​żagħżugħ.

12. Dar Kristjana għala għandha jkollha l-​paċi?

12 Jekk il-​membri kollha tal-​familja tagħna qegħdin jipprovaw jagħmlu r-​rieda taʼ Jehovah, suppost li qegħdin ingawdu l-​paċi t’Alla. Dar Kristjana għandha tkun mimlija b’‘nies li jħobbu s-​sliem.’ Luqa 10:1-6 juri li Ġesù kellu nies bħal dawn f’moħħu meta bagħat 70 dixxiplu bħala ministri u qalilhom: “Fid-​dar fejn tidħlu, l-​ewwel għidu, ‘Is-​sliem lil din id-​dar.’ U jekk fiha jkun hemm min iħobb is-​sliem, jistrieħ is-​sliem tagħkom fuqu.” Hekk kif il-​qaddejja taʼ Jehovah jmorru bil-​paċi minn dar għal dar bl-​‘aħbar tajba tas-​sliem,’ huma jfittxu lil min iħobb il-​paċi. (Atti 10:34-36; Efesin 2:13-18) Ċertament li dar Kristjana fformata minn nies li jħobbu l-​paċi għandha jkollha l-​paċi.

13, 14. (a) Nagħomi xi xtaqitilhom lil Rut u lil Għorfa? (b) Dar Kristjana għandha tkun post għall-​mistrieħ taʼ liema xorta?

13 Dar għandha tkun post taʼ paċi u mistrieħ. L-​armla xwejħa Nagħomi ttamat li Alla jagħti lin-​nisa żgħażagħ u romol taʼ wliedha, Rut u Għorfa, il-​mistrieħ u l-​faraġ li jiġu milli jkollhom raġel li jħobbhom u dar komda. Nagħomi qalet: “[Jalla] jagħtikom il-​Mulej li ssibu l-​mistrieħ, kull waħda f’dar żewġha.” (Rut 1:9) Rigward ix-​xewqa taʼ Nagħomi, wieħed studjuż kiteb li fi djar bħal dawn Rut u Għorfa “kienu se jsibu ħelsien mit-​taqlib u l-​anzjetà. Kienu se jsibu mistrieħ. Din kellha tkun pożizzjoni li fiha setgħu jgħammru, u fejn is-​sentimenti l-​iktar teneri u x-​xewqat l-​iktar onorabbli tagħhom setgħu jsibu sodisfazzjon u rpoż. Il-​qawwa distintiva taʼ l-​Ebrajk . . . hi murija bl-​aħjar mod bin-​natura taʼ l-​espressjonijiet relatati f’[Isaija 32:17, 18].”

14 Jekk jogħġbok innota din ir-​referenza għal Isaija 32:17, 18. Hemm naqraw: “Is-​sliem ikun frott il-​ġustizzja, u l-​ħidma tal-​ġustizzja tkun serħan u tama għal dejjem. U l-​poplu tiegħi f’post tas-​sliem, jgħammar bla biżaʼ, mistrieħ fil-​kwiet.” Dar Kristjana għandha tkun post għall-​mistrieħ taʼ tjieba, kwiet, sigurtà, u paċi t’Alla. Imma xi ngħidu jekk iqumu provi, differenzi, jew xi problemi oħrajn? Allura neħtieġu speċjalment li nkunu nafu s-​sigriet taʼ l-​hena fil-​familja.

Erbaʼ Prinċipji Vitali

15. Kif tiddefinixxi s-​sigriet taʼ l-​hena fil-​familja?

15 Kull familja fuq l-​art taf isimha lil Alla Jehovah, il-​Ħallieq tal-​familji. (Efesin 3:14, 15) Allura dawk li jixtiequ hena fil-​familja għandhom ifittxu l-​gwida tiegħu u jfaħħruh, bħalma għamel is-​salmista: “Agħtu lill-​Mulej, familji tal-​popli, agħtu lill-​Mulej sebħ u qawwa.” (Salm 96:7) Is-​sigriet taʼ l-​hena fil-​familja jinsab fil-​paġni tal-​Kelma t’Alla, il-​Bibbja, u fl-​applikar tal-​prinċipji tagħha. Familja li tapplika dawn il-​prinċipji se tkun hienja u se tgawdi l-​paċi t’Alla. Ejjew għalhekk nagħtu daqqa t’għajn lejn erbgħa minn dawn il-​prinċipji importanti.

16. Il-​kontroll fuqna nfusna liema rwol għandu jkollu fil-​ħajja tal-​familja?

16 Wieħed minn dawn il-​prinċipji jiċċentra fuq dan: Il-​kontroll fuqna nfusna hu vitali għall-​paċi t’Alla fil-​ħajja tal-​familja. Is-​sultan Salamun qal: “Bħal belt miftuħa u bla ħitan, hekk hu l-​bniedem li ma jitrażżanx.” (Proverbji 25:28) Li nrażżnu l-​ispirtu tagħna—li neżerċitaw kontroll fuqna nfusna​—huwa vitali jekk nixtiequ li jkollna familja mimlija paċi u hena. Għalkemm aħna imperfetti jeħtieġ li neżerċitaw il-​kontroll fuqna nfusna, li hu frotta taʼ l-​ispirtu qaddis t’Alla. (Rumani 7:21, 22; Galatin 5:22, 23) L-​ispirtu se jipproduċi fina l-​kontroll fuqna nfusna jekk nitolbu għal din il-​karatteristika, napplikaw il-​pariri tal-​Bibbja dwarha, u nassoċjaw m’oħrajn li juruha. Din il-​korsa se tgħinna ‘naħarbu ż-​żína.’ (1 Korintin 6:18) Il-​kontroll fuqna nfusna se jgħinna wkoll nirrifjutaw il-​vjolenza, nevitaw jew negħlbu l-​alkoħoliżmu u niffaċċjaw sitwazzjonijiet diffiċli iżjed bil-​kalma.

17, 18. (a) L-​Ewwel Korintin 11:3 kif japplika għall-​ħajja tal-​familja Kristjana? (b) Li jiġi rrikonoxxut l-​istat taʼ kap kif jippromwovi l-​paċi t’Alla ġewwa familja?

17 Prinċipju essenzjali ieħor jistaʼ jiġi mistqarr b’dan il-​mod: Li nirrikonoxxu l-​istat taʼ kap se jgħinna nsusu wara l-​paċi t’Alla fil-​familji tagħna. Pawlu kiteb: “Irridkom tkunu tafu li r-​ras taʼ kull raġel huwa Kristu, u ras il-​mara huwa r-​raġel, u ras Kristu hu Alla.” (1 Korintin 11:3) Dan ifisser li raġel jieħu l-​inizjattiva fil-​familja, li martu tappoġġjah lealment, u li t-​tfal ikunu ubbidjenti. (Efesin 5:22-25, 28-33; 6:1-4) Kondotta bħal din se tippromwovi l-​paċi t’Alla fil-​ħajja tal-​familja.

18 Raġel Kristjan miżżewweġ irid jiftakar li l-​istat taʼ kap Skritturali m’huwiex xi dittatorjat. Irid jimita lil Ġesù, il-​Kap tiegħu. Għalkemm Ġesù kien se jkun ‘ir-​Ras taʼ kollox,’ hu “ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi.” (Efesin 1:22; Mattew 20:28) B’mod simili, raġel Kristjan jeżerċita l-​istat taʼ kap b’manjiera taʼ mħabba li tgħinu jieħu ħsieb sewwa taʼ l-​interessi tal-​familja tiegħu. U ċertament li mara Kristjana miżżewġa trid tikkopera maʼ żewġha. Bħala ‘l-​għajnuna li tgħodd għalih,’ hi tissupplixxi karatteristiċi li żewġha m’għandux u b’hekk tagħtih l-​appoġġ meħtieġ. (Ġenesi 2:20; Proverbji 31:10-31) L-​eżerċitar xieraq taʼ l-​istat taʼ kap jgħin lill-​irġiel u n-​nisa miżżewġin biex jistmaw lil xulxin bir-​rispett u jqanqal lit-​tfal biex ikunu ubbidjenti. Iva, li jiġi rrikonoxxut l-​istat taʼ kap jippromwovi l-​paċi t’Alla fil-​ħajja tal-​familja.

19. Komunikazzjoni tajba għala hi essenzjali għall-​paċi u l-​hena fil-​familja?

19 It-​tielet prinċipju importanti jistaʼ jiġi espress f’dan il-​kliem: Komunikazzjoni tajba hija vitali għall-​paċi u l-​hena tal-​familja. Ġakbu 1:19 jgħidilna: “Araw li kull bniedem ikun ħafif biex jismaʼ, tqil biex jitkellem, tqil biex jinkorla.” Membri tal-​familja jeħtieġ li jagħtu widen u jkellmu lil xulxin għaliex il-​komunikazzjoni tal-​familja tirrikjedi dawn iż-​żewġ affarijiet. Saħansitra meta dak li ngħidu hu veru, madankollu, x’aktarx li se jagħmel iżjed ħsara milli ġid jekk jingħad b’manjiera iebsa, kburija, jew insensittiva. Kliemna għandu jkun ħelu, ‘imħawwar bil-​melħ.’ (Kolossin 4:6) Familji li jsegwu prinċipji Skritturali u jikkomunikaw tajjeb bejniethom qegħdin isusu wara l-​paċi t’Alla.

20. Għala tgħid li l-​imħabba hi essenzjali għall-​paċi tal-​familja?

20 Ir-​rabaʼ prinċipju hu dan: L-​imħabba hi essenzjali għall-​paċi u l-​hena tal-​familja. L-​imħabba romantika tistaʼ tilgħab parti importanti fiż-​żwieġ, u tistaʼ tiżviluppa affezzjoni profonda bejn il-​membri taʼ familja. Saħansitra iżjed importanti, iżda, hi l-​imħabba mfissra bil-​kelma Griega a·gaʹpe. Din hi l-​imħabba li aħna nikkultivaw għal Jehovah, għal Ġesù, u għal ġarna. (Mattew 22:37-39) Alla wera din l-​imħabba għall-​umanità billi “ta lil Ibnu l-​waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-​ħajja taʼ dejjem.” (Ġwann 3:16) Kemm hu taʼ l-​għaġeb li aħna nistgħu nuru l-​istess tip taʼ mħabba għall-​membri tal-​familja tagħna! Din l-​imħabba superjuri hi “l-​qofol tal-​perfezzjoni.” (Kolossin 3:14) Din torbot koppja miżżewġa flimkien u tqanqalhom biex jagħmlu dak li hu l-​aħjar għal xulxin u għal uliedhom. Meta jqumu xi diffikultajiet, l-​imħabba tgħinhom jittrattaw magħhom spalla maʼ spalla. Nistgħu nkunu ċerti minn dan għaliex “l-​imħabba . . . ma tfittixx dak li hu tagħha . . . kollox tagħder, kollox temmen, kollox tittama, kollox tissaporti. L-​imħabba ma tintemm qatt.” (1 Korintin 13:4-8) Henjin tassew huma l-​familji li fihom l-​imħabba għal xulxin hija mgħaqqda sew bl-​imħabba għal Jehovah!

Ibqaʼ Sus Wara L-​Paċi T’Alla

21. X’inhu dak li jistaʼ jżid il-​paċi u l-​hena tal-​familja tiegħek?

21 Il-​prinċipji li semmejna u oħrajn mislutin mill-​Bibbja huma enfasizzati f’pubblikazzjonijiet li Jehovah bi ħniena pprovda permezz tal-​“qaddej fidil u għaqli.” (Mattew 24:45) Per eżempju, informazzjoni bħal din tinsab fil-​ktieb taʼ 192 paġna Is-​Sigriet Taʼ L-​Hena Fil-​Familja, li nħareġ fil-​Konvenzjonijiet Distrettwali tax-​Xhieda taʼ Jehovah “Messaġġiera tal-​Paċi Divina” li nżammu madwar id-​dinja kollha fl-​1996/97. Studju persunali u tal-​familja fuq l-​Iskrittura bil-​għajnuna taʼ pubblikazzjoni bħal din jistaʼ jirriżulta f’ħafna barkiet. (Isaija 48:17, 18) Iva, l-​applikar taʼ pariri Skritturali jistaʼ jwassal għal żjieda taʼ paċi u hena fil-​familja tiegħek.

22. Fuq liema ħaġa għandna niċċentraw il-​ħajja tal-​familja tagħna?

22 Jehovah għandu affarijiet taʼ l-​għaġeb maħżunin għall-​familji li jagħmlu r-​rieda tiegħu, u hu jixraqlu t-​tifħir u s-​servizz tagħna. (Apokalissi 21:1-4) Jalla l-​familja tiegħek tiċċentra ħajjitha fuq il-​qima taʼ dak Alla veru. U jalla Jehovah, Missierna tas-​sema kollu mħabba, ibierkek bil-​hena hekk kif issus wara l-​paċi t’Alla fil-​ħajja tal-​familja tiegħek! (w97 6/15)

Kif Twieġeb Int?

◻ X’inhu meħtieġ biex il-​familji jgħixu bid-​devozzjoni lejn Alla?

◻ Għala hemm kriżi fil-​familja llum?

◻ X’inhu s-​sigriet taʼ l-​hena fil-​familja?

◻ Liema huma xi prinċipji li se jgħinuna nippromwovu l-​paċi u l-​hena fil-​ħajja tal-​familja?

[Stampa f’paġna 19]

Komunikazzjoni tajba tgħinna nsusu wara l-​paċi t’Alla fil-​ħajja tal-​familja

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja