Nippjanaw bil-Quddiem għall-Maħbubin Tagħna
F’GAZZETTA Afrikana dan l-aħħar dehret l-istorja li taqsamlek qalbek dwar Annie. Ir-raġel taʼ Annie kien negozjant. Hu miet fl-1995, u ħalla 15-il vettura; diversi depożiti bankarji; madwar 4,000 dollaru Amerikan fi flus; ħanut; bar; u dar bi tlett ikmamar tas-sodda. Dak li ma ħalliex warajh kien testment.
Skond ir-rapport, ħaten Annie ħataf il-propjetà u l-flus u ġiegħel lilha u lis-sitt uliedha jitilqu minn darhom. Bla ebda riżorsi, hi u wliedha issa qed jgħixu maʼ ħuha. Erbgħa minn uliedha kellhom iħallu l-iskola, ladarba m’għandhomx flus biex iħallsu l-miżata jew l-uniformijiet taʼ l-iskola.
Annie fetħet kawża fil-qorti, u l-imħallef qatagħha li għandha tingħata lura xi propjetà, inkluża karozza. Imma xejn ma ħadet lura. Hi trid terġaʼ tmur il-qorti biex tikseb mandat li jġiegħel lil ħu r-raġel tagħha jobdi s-sentenza tal-qorti superjuri.
Għala Naħsbu dwar il-Mewt?
L-istorja taʼ Annie turi x’jistaʼ jiġri meta kap taʼ familja jonqos li jippjana għall-possibbiltà tal-mewt tiegħu. Mal-mewt, il-bnedmin kollha ‘jħallu ġidhom lil taʼ warajhom.’ (Salm 49:11 [Salm 49:10, NW]) Barra minn hekk, il-mejtin m’għandhomx kontroll fuq dak li jsir minn ġidhom. (Koħèlet 9:5, 10) Biex ikollu dritt li jgħid x’jiġri mill-affarijiet li jippossiedi, wieħed irid jirranġa l-affarijiet qabel ma jmut.
Għalkemm ilkoll kemm aħna nafu li nistgħu mmutu għal għarrieda, ħafna nies jonqsu li jagħmlu provvedimenti minn qabel għall-maħbubin tagħhom li jibqgħu ħajjin. Fil-waqt li d-diskussjoni tagħna se tiġbed l-attenzjoni lejn ċerti gruppi kulturali fl-Afrika, problemi simili jeżistu f’partijiet oħrajn tad-dinja.
Jekk tagħmilx xi ħaġa dwar kif għandhom jiddisponu mill-propjetà tiegħek f’każ li tmut hija xi ħaġa persunali. (Galatin 6:5) Madankollu, wieħed għandu mnejn jistaqsi, ‘Għala għandu raġel jgħożż u jieħu ħsieb lil martu u lil uliedu waqt li jkun ħaj imma ma jagħmel ebda provvediment għall-bżonnijiet tagħhom f’każ li jmut?’ Raġuni ewlenija hija li l-biċċa l-kbira minna ma niħdux gost naħsbu dwar il-possibbiltà li nistgħu mmutu, aħseb u ara kemm nippjanaw għall-mewt. Fil-fatt, ma nistgħux naraw minn qabel il-jum tal-mewt tagħna, bħalma tgħid il-Bibbja: “Intom ma tafux x’għad isir għada. . . . Intom bħal fwar li jidher għal ftit u mbagħad jgħib.”—Ġakbu 4:14.
Huwa prattiku li nippjanaw għall-possibbiltà tal-mewt. Juri wkoll tħassib bl-imħabba lejn dawk li jibqgħu ħajjin. Jekk ma nirranġawx aħna l-affarijiet tagħna, dan se jagħmluh oħrajn. Jistaʼ jiġri li nies li qatt ma ltqajna magħhom jieħdu deċiżjonijiet huma dwar l-affarijiet li nippossiedu aħna u l-arranġamenti tal-funeral tagħna. Taħt ċirkostanzi bħal dawn f’xi pajjiżi, jiddeċiedi l-gvern dwar min se jieħu flusna u l-propjetà tagħna. F’postijiet oħrajn, jiddeċiedu l-qraba, u taʼ spiss dawn id-deċiżjonijiet jiġu akkumpanjati b’tilwim li jqanqal inkwiet fil-familja. Iktar minn hekk, dak li jiġi deċiż għandu mnejn ikun bil-wisq differenti minn dak li nkunu xtaqna.
Ħtif tal-Propjetà
Hija l-armla li ssofri l-iżjed meta jmut żewġha. Minbarra n-niket tat-telfa tas-sieħeb tagħha, hi taʼ spiss vittma taʼ ħtif tal-propjetà. Dan ġie deskritt qabel fil-każ taʼ Annie. Parti mir-raġuni għala tinħataf il-propjetà għandha x’taqsam maʼ kif inhuma meqjusin in-nisa miżżewġin. F’xi kulturi l-mara miżżewġa ma titqiesx bħala parti mill-familja taʼ żewġha. Għalihom hi waħda barranija li meta trid tistaʼ tirritorna lejn il-familja tagħha jew terġaʼ tiżżewweġ ġo familja oħra. B’kuntrast, jirraġunaw huma, il-ġenituri u ħut ir-raġel qatt ma se jitilquh. Jekk imut, il-familja tiegħu jemmnu li dak li kellu jappartjeni lilhom, u mhux lil martu jew lil uliedu.
Irġiel miżżewġin li lin-nisa tagħhom ma juruhom b’xejn qed jinkuraġġixxu ħsieb bħal dak. Mike iddiskuta l-affarijiet tan-negozju tiegħu maʼ ħutu biss. Huma kienu jafu x’kienu l-assi tiegħu, imma martu ftit li xejn kienet taf. Meta miet, ħutu marru għandha u talbuha pagament li żewġha kien qed jistenna. Hi lanqas kienet taf xejn dwaru. Wara dan, ħatfulha l-photocopiers u t-typewriters li kien xtralha żewġha. Eventwalment, ħutu ħadu d-dar u kull ma kien fiha. Din l-armla u t-tifla żgħira tagħha ġew imġegħlin jitilqu. Ilbieshom biss ħallewhom jieħdu.
“Isiru t-Tnejn Ġisem Wieħed”
L-irġiel Kristjani jħobbu lin-nisa tagħhom u jqisuhom bħala li jixirqilhom fiduċja. Irġiel bħal dawn iniżżlu f’qalbhom il-parir Skritturali: “Hekk għandhom ukoll l-irġiel iħobbu n-nisa tagħhom bħallikieku ġisimhom stess.” Dawn l-irġiel ukoll jaqblu maʼ din l-istqarrija mnebbħa minn Alla: “Għalhekk ir-raġel iħalli lil missieru u ’l ommu u jingħaqad maʼ martu, u jsiru t-tnejn ġisem wieħed.”—Efesin 5:28, 31.
L-irġiel li jibżgħu minn Alla jaqblu wkoll maʼ l-appostlu Kristjan Pawlu li kiteb: “Jekk xi ħadd ma jiħux ħsieb niesu, l-aktar dawk tal-familja tiegħu, dan ċaħad il-fidi u hu agħar minn wieħed li ma jemminx.” (1 Timotju 5:8) Fi qbil maʼ dan il-prinċipju, jekk Kristjan miżżewweġ ikun bi ħsiebu jmur xi vjaġġ twil, hu jaċċerta ruħu li jkun hemm min jieħu ħsieb il-familja tiegħu waqt li hu ma jkunx hemm. B’mod simili, ma jkunx raġonevoli li jagħmel provvediment għal martu u wliedu f’każ li jmut? Hija mhux biss ħaġa prattika imma wkoll taʼ mħabba li nippreparaw għal xi traġedja mhix mistennija.
Drawwiet dwar il-Funeral
Hemm aspett ieħor dwar din il-kwistjoni li l-irġiel miżżewġin Kristjani jridu jikkunsidraw. Xi soċjetajiet ikomplu jżidu man-niket li armla jistaʼ jkollha minħabba t-telfa tas-sieħeb tagħha, taʼ dak li tippossiedi, u possibbilment taʼ saħansitra t-tfal tagħha, billi jisforzawha biex twettaq xi riti tradizzjonali tal-vistu. Il-gazzetta The Guardian tan-Niġerja tilmenta li f’xi nħawi, skond it-tradizzjoni, armla għandha torqod fl-istess kamra mudlama mal-katavru taʼ żewġha. F’postijiet oħrajn, ir-romol ma jitħallewx jitilqu minn djarhom għal perijodu taʼ vistu taʼ madwar sitt xhur. Matul dak iż-żmien, ma jistgħux jinħaslu, u saħansitra li jaħslu jdejhom qabel jew wara l-ikel huwa pprojbit.
Drawwiet bħal dawn iġibu problemi, speċjalment għal romol Kristjani. Ix-xewqa tagħhom biex jogħġbu lil Alla tqanqalhom jevitaw drawwiet li m’humiex f’armonija mat-tagħlim tal-Bibbja. (2 Korintin 6:14, 17) Talli ma taqbilx maʼ dawn id-drawwiet, madankollu, armla għandha mnejn issofri persekuzzjoni. Saħansitra għandha mnejn ikollha taħrab biex issalva ħajjitha.
Nieħdu Miżuri Legali
B’mod għaqli l-Bibbja tgħid: “Min hu bil-għaqal jaħsibha tajjeb u jirnexxilu.” (Proverbji 21:5) Kap taʼ familja xi pjanijiet jistaʼ jagħmel? Fil-biċċa l-kbira tas-soċjetajiet huwa possibbli li tagħmel testment jew tipprepara dokument li jistqarr kif għandha titqassam il-propjetà taʼ dak li jkun f’każ li jmut. Dan jistaʼ jinkludi dettalji dwar l-arranġamenti tal-funeral. Id-dokument jistaʼ wkoll jispeċifika dwar x’għandha (jew x’m’għandhiex) tagħmel il-parti l-oħra fiż-żwieġ f’konnessjoni mad-drawwiet tal-funeral u l-vistu.
Waħda mara li jisimha Leah mitilha żewġha fl-1992. Hi tgħid: “Għandi ħamest itfal—erbat ibniet u tifel. Żewġi dam marid għal xi żmien qabel ma miet. Imma saħansitra qabel ma marad, hu għamel testment li kien jgħid li dak kollu li jippossiedi jrid li jmur għandi u għand uliedna. Dan kien jinkludi flus taʼ l-assigurazzjoni, rabaʼ, bhejjem, u dar. Hu ffirma t-testment u tahuli. . . . Wara l-mewt taʼ żewġi, il-qraba riedu sehem mill-wirt. Jien urejthom li żewġi kien xtara r-rabaʼ bi flusu stess u li ma kellhom dritt jitolbu xejn. Meta raw it-testment bil-miktub, aċċettawh.”
Niddiskutu l-Affarijiet mal-Familja
Jistgħu jqumu xi problemi jekk individwu ma jitkellimx mal-familja tiegħu dwar it-twemmin u x-xewqat tiegħu. Ikkunsidra l-każ taʼ wieħed raġel li qrabatu insistew li d-difna tiegħu kellha ssir fil-villaġġ skond id-drawwa lokali. Meta ħajjithom ġiet mhedda, l-armla tiegħu u wliedha kienu mġegħlin iħallu l-katavru maʼ qrabatu. Hi tilmenta: “Li kieku żewġi qal saħansitra lil wieħed miz-zijiet jew mill-kuġini tiegħu kif ried jindifen, kieku l-familja ma kinitx tinsisti fuq il-prattiċi tradizzjonali tagħhom tal-funeral.”
F’xi soċjetajiet qbil bil-kliem jorbot daqs dokument bil-miktub. Din hi s-sitwazzjoni f’xi partijiet ġo Sważiland, fejn ħafna għandhom twemmin li jinkuraġġixxi funeral u proċeduri tal-vistu tradizzjonali. Billi jaf dan, Kristjan li jismu Isaac ġabar lil qrabatu flimkien, li ma kinux Xhieda taʼ Jehovah, u ddiskuta dwar dak li ried isir minnu wara l-mewt. Qalilhom dwar min kellu jieħu xi affarijiet materjali speċifiċi, u spjega b’mod ċar kif kellu jsir il-funeral tiegħu. Wara li miet, l-affarijiet imxew skond ix-xewqat tiegħu. Lil Isaac għamlulu difna Kristjana, u lil martu ħadu ħsiebha sew.
Ipproteġi l-Familja Tiegħek
Dak li se tagħmel int biex tipproteġi l-familja tiegħek f’każ li int tmut hija xi ħaġa persunali, imma wieħed Kristjan li jismu Edward jgħid: “Għandi polza taʼ l-assigurazzjoni fuq il-ħajja biex jibbenefikaw minnha t-tmien membri tal-familja tiegħi. Marti hija firmatarja fil-kont bankarju tiegħi. Għalhekk, jekk immut, hi tkun tistaʼ tiġbed il-flus mill-kont. . . . Għamilt testment biex tibbenefika l-familja tiegħi. Jekk immut, dak kollu li nħalli warajja se jkun għal marti u għal uliedi. It-testment tiegħi għamiltu ħames snin ilu. Kien miktub minn avukat, u marti u ibni għandhom kopja. Fit-testment tiegħi, speċifikajt li qrabati m’għandhomx jindaħlu fil-funeral tiegħi. Jien nagħmel parti mill-organizzazzjoni taʼ Jehovah. Għalhekk, saħansitra jekk jinzerta jkun hemm biss wieħed jew żewġ Xhieda li lesti jieħdu ħsieb il-funeral tiegħi, dan ikun biżżejjed. Jien dan iddiskutejtu maʼ qrabati.”
F’ċertu sens, tkun qed tagħti għotja lill-familja tiegħek meta tagħmel arranġamenti bħal dawn. M’għandniex xi ngħidu, li tippjana għall-possibbiltà tal-mewt m’huwiex xi kaxxa ċikkulatini jew xi bukkett fjuri. Madankollu, juri l-imħabba tiegħek. Dan jagħti prova li int trid ‘tieħu ħsieb lil dawk tal-familja tiegħek’ saħansitra meta ma tkunx għadek magħhom.
[Kaxxa/Stampa fpaġna 21]
Ġesù Għamel Provvediment għal Ommu
“Kien hemm wieqfa ħdejn is-salib taʼ Ġesù ommu, oħt ommu, Marija taʼ Kleofa, u Marija taʼ Magdala. Mela kif Ġesù lemaħ lil ommu u lid-dixxiplu li kien iħobb wieqaf ħdejha, qal lil ommu: ‘Mara, hawn hu ibnek.’ Mbagħad qal lid-dixxiplu: ‘Hawn hi ommok.’ U minn dak il-ħin id-dixxiplu ħadha għandu.”—Ġwann 19:25-27.
[Stampa f’paġna 22]
Ħafna Kristjani b’attenzjoni jieħdu passi legali biex jipproteġu l-familji tagħhom