LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w98 7/15 pp. 20-24
  • Ħarsa Kristjana Lejn id-Drawwiet Funebri

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ħarsa Kristjana Lejn id-Drawwiet Funebri
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Marbutin maʼ Ċertu Twemmin
  • Xi Ngħidu għat-​“Tindif Sesswali”?
  • Ċerimonji taʼ Sahra li Jdumu Lejl Sħiħ
  • Servizzi Funebri Dinjitużi
  • L-​Ilbies tal-​Vistu Huwa Aċċettabbli?
  • Evita li Timita Drawwiet mhux Skritturali
  • Funerali Kristjani—Dinjitużi, Sempliċi, u Jogħġbu lil Alla
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
  • Ix-Xhieda taʼ Ġeħova kif iqisuhom il-funerali?
    Mistoqsijiet Komuni dwar ix-Xhieda taʼ Ġeħova
  • Nippjanaw bil-Quddiem għall-Maħbubin Tagħna
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Oqgħod Attent minn Drawwiet li Ma Jogħġbux lil Alla
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
w98 7/15 pp. 20-24

Ħarsa Kristjana Lejn id-​Drawwiet Funebri

HIJA xi ħaġa tassew traġika meta xi ħadd maħbub imut ħesrem, bla mistenni. Dan jirriżulta f’xokk, segwit minn uġigħ emozzjonali intens. Hija xi ħaġa differenti meta tara lil xi ħadd li tħobb jistrieħ fil-​mewt wara marda twila u taʼ wġigħ, imma n-​niket u s-​sens kbir taʼ telfa jibqgħu.

Huma x’inhuma ċ-​ċirkustanzi tal-​mewt taʼ xi ħadd maħbub, dawk li jġarrbu t-​telfa jeħtieġu l-​appoġġ u l-​faraġ. Wieħed Kristjan li jmutlu xi ħadd għandu mnejn ikollu jiffaċċja wkoll persekuzzjoni mingħand dawk li jinsistu li jiġu osservati xi drawwiet funebri mhux skritturali. Din hi xi ħaġa komuni f’ħafna pajjiżi taʼ l-​Afrika u f’xi partijiet oħrajn taʼ l-​art ukoll.

X’se jgħin lil Kristjan li jmutlu xi ħadd biex jevita drawwiet funebri mhux skritturali? Kif jistgħu adoraturi sħabu jkunu t’għajnuna fi żminijiet taʼ prova bħal dawn? Dawk kollha li jfittxu li jogħġbu ’l Jehovah huma kkonċernati dwar it-​tweġibiet għal dawn il-​mistoqsijiet, għax “quddiem Alla u Missierna t-​tjieba safja u bla tebgħa hija din: iżżur l-​iltiema u r-​romol fl-​hemm tagħhom, u żżomm ruħek bla tinġis ’il bogħod mid-​dinja.”—Ġakbu 1:27.

Marbutin maʼ Ċertu Twemmin

Fattur komuni li jorbot ħafna drawwiet funebri huwa t-​twemmin li l-​mejtin ikomplu jgħixu f’qasam li ma jidhirx taʼ l-​antenati. Sabiex jogħġbuhom, ħafna minn dawk li jkunu qed jibku t-​telfa taʼ xi ħadd iħossuhom obbligati li jagħmlu ċerti ritwali. Jew inkella jibżgħu li l-​ġirien igergru peress li dawn ikunu jemmnu li tistaʼ tiġri xi ħsara fuq il-​komunità jekk ir-​ritwali ma jsirux.

Kristjan veru m’għandux iċedi għax jibżaʼ min-​nies u jipparteċipa fi drawwiet li ma jogħġbux lil Alla. (Proverbji 29:25; Mattew 10:28) Il-​Bibbja turi li l-​mejtin m’humiex konxji, għax hi tgħid: “Il-​ħajjin, għallinqas, jafu li għad imutu, iżda l-​mejtin ma jafu xejn . . . Ma jkunx hemm ħidma jew ħsieb, xjenza jew għerf, f’Art l-​Imwiet fejn inti sejjer.” (Koħèlet 9:5, 10) Għalhekk, Alla Jehovah wissa lin-​nies tiegħu tal-​qedem biex ma jipprovawx jogħġbu lill-​mejtin jew jikkomunikaw magħhom. (Dewteronomju 14:1; 18:10-12; Isaija 8:19, 20) Dawn il-​veritajiet Bibliċi joħolqu konflitt maʼ ħafna drawwiet funebri popolari.

Xi Ngħidu għat-​“Tindif Sesswali”?

F’xi pajjiżi fl-​Afrika ċentrali, is-​sieħeb jew is-​sieħba taʼ min ikun miet huma mistennijin ikollhom relazzjonijiet sesswali maʼ xi qarib tal-​mejjet. Jekk dan ma jsirx, ħafna jemmnu li l-​mejjet se jagħmel xi ħsara lill-​bqija tal-​familja. Dan ir-​ritwal isibuh bħala “tindif sesswali.” Imma l-​Bibbja tiddefinixxi kwalunkwe relazzjoni sesswali barra ż-​żwieġ bħala “żína.” Ladarba l-​Kristjani għandhom ‘jaħarbu miż-​żína,’ huma bil-​kuraġġ jirreżistuha din id-​drawwa mhix skritturali.—1 Korintin 6:18.

Ikkunsidra armla li jisimha Mercy.a Meta miet żewġha fl-​1989, il-​qraba riduha tagħmel it-​tindif sesswali maʼ wieħed qarib. Hi rrifjutat, waqt li spjegatilhom li r-​ritwal kien imur kontra l-​liġi t’Alla. B’qalbhom maqtugħa, il-​qraba telqu wara li xebgħu jgħajruha. Xahar wara daħlulha f’darha u qallbulha kull m’hemm, wara li neħħewlha l-​pjanċi tal-​ħadid minn fuq is-​saqaf tagħha. “Issa tieħu ħsiebek ir-​reliġjon tiegħek,” qalulha.

Il-​membri tal-​kongregazzjoni farrġu lil Mercy u saħansitra bnewlha dar ġdida. Il-​ġirien tant baqgħu impressjonati li xi wħud iddeċidew li jieħdu sehem fil-​proġett, fosthom il-​mara Kattolika tal-​kap tat-​tribù li kienet minn taʼ l-​ewwel biex iġġib il-​ħaxix għas-​saqaf. Il-​kondotta leali taʼ Mercy inkuraġġiet lil uliedha. Minn dakinhar ’l hawn erbgħa minnhom għamlu dedikazzjoni lil Alla Jehovah, u wieħed minnhom dan l-​aħħar attenda l-​Iskola tat-​Taħriġ Ministerjali.

Minħabba d-​drawwa tat-​tindif sesswali, xi Kristjani ħallew lilhom infushom jiġu sforzati fi żwieġ maʼ nies taʼ twemmin differenti. Per eżempju, armel li kien qabeż is-​sebgħin iżżewweġ malajr lil tfajla żagħżugħa li kienet tiġi minn martu l-​mejta. Billi għamel dan, hu setaʼ jgħid li kien għamel it-​tindif sesswali. Madankollu, korsa bħal din toħloq konflitt mal-​parir tal-​Bibbja li l-​Kristjani għandhom jiżżewġu “biss fil-​Mulej.”—1 Korintin 7:39, Karm Żammit.

Ċerimonji taʼ Sahra li Jdumu Lejl Sħiħ

F’ħafna pajjiżi, il-​vistużi jinġabru fid-​dar tal-​mejjet u joqogħdu mqajmin il-​lejl kollu. Din is-​sahra taʼ spiss tinkludi festeġġjar u mużika qawwija. Jaħsbu li dan se jogħġob lill-​mejjet u jipproteġi lill-​bqija tal-​familja mill-​magħmul. Forsi jsiru xi taħditiet kollhom tifħir biex jiksbu l-​approvazzjoni tal-​mejjet. Wara kull taħdita, il-​vistużi x’aktarx li jkantaw għanja reliġjuża qabel ma jqum xi ħaddieħor biex jitkellem. Dawn għandhom mnejn jibqgħu sejrin hekk sa sbieħ il-​jum.b

Kristjan veru ma jiħux sehem f’ċerimonji taʼ sahra bħal dawn li jdumu l-​lejl kollu għax il-​Bibbja turi li l-​mejtin ma jistgħux jgħinu jew iweġġgħu lill-​ħajjin. (Ġenesi 3:19; Salm 146:3, 4; Ġwann 11:11-14) L-​Iskrittura tikkundanna l-​prattika taʼ l-​ispiritiżmu. (Apokalissi 9:21; 22:15) Madankollu, armla Kristjana tistaʼ ssibha diffiċli li żżomm lil nies oħrajn milli jintroduċu prattiċi spiritistiċi. Forsi dawn jinsistu li jagħmlu din is-​sahra għal lejl sħiħ ġewwa darha. X’jistgħu jagħmlu l-​adoraturi sħabha biex jgħinu kemm lilha kif ukoll lil Kristjani li jkun mitilhom xi ħadd u li jiffaċċjaw din it-​tribulazzjoni żejda?

Taʼ spiss l-​anzjani tal-​kongregazzjoni jirnexxilhom jgħinu familja Kristjana li mitilha xi ħadd billi jirraġunaw ftit mal-​qraba u l-​ġirien. Wara raġunar bħal dan, dawn l-​individwi forsi jaqblu li jitilqu mid-​dar bil-​paċi u li jerġgħu jiġu darb’oħra għas-​servizz funebri. Imma xi ngħidu jekk xi wħud ma jkunu jridu jafu b’xejn? Jekk tibqaʼ tipprova tirraġuna magħhom jistgħu jsiru vjolenti. ‘Irsir tal-​Mulej m’għandux bżonn jiġġieled, imma jrid iżomm lilu nnifsu mrażżan taħt il-​ħażen.’ (2 Timotju 2:24, NW) Mela jekk xi qraba li mhux lesti li jikkooperaw jagħmlu taʼ rashom, l-​armla Kristjana u t-​tfal tagħha abbli ma jkunux jistgħu jwaqqfuhom. Imma ma jipparteċipaw fl-​ebda ċerimonja reliġjuża falza li ssir ġewwa darhom, għax huma jobdu l-​kmand tal-​Bibbja: “La tintrabtux mal-​pagani taħt madmad wieħed li ma jiġikomx.”—2 Korintin 6:14.

Dan il-​prinċipju japplika wkoll għad-​difna. Ix-​Xhieda taʼ Jehovah ma jiħdux sehem f’kant, f’talb, u f’ritwali mmexxijin minn ministru taʼ xi reliġjon falza. Jekk xi Kristjani li jkunu membri mill-​qrib tal-​familja jħossu li għandhom jattendu xi servizz bħal dan, huma ma jiħdux sehem.—2 Korintin 6:17; Apokalissi 18:4.

Servizzi Funebri Dinjitużi

Servizzi funebri kondotti mix-​Xhieda taʼ Jehovah ma jinkludux ritwali maħsubin biex jogħġbu lill-​mejjet. Tingħata taħdita Biblika li ssir jew fis-​Sala tas-​Saltna, jew inkella fil-​post fejn jieħdu ħsieb il-​funerali, fid-​dar tal-​mejjet, jew ħdejn il-​qabar. L-​iskop tat-​taħdita huwa biex jitfarrġu dawk li ġarrbu t-​telfa billi jiġi spjegat x’tgħid il-​Bibbja dwar il-​mewt u t-​tama taʼ l-​irxoxt. (Ġwann 11:25; Rumani 5:12; 2 Pietru 3:13) Il-​parteċipanti x’aktarx li jkantaw għanja bbażata fuq il-​Bibbja, u s-​servizz jintemm b’talba taʼ faraġ.

Dan l-​aħħar, sar servizz funebri bħal dan għal waħda mix-​Xhieda taʼ Jehovah li inzertat kienet l-​oħt iż-​żgħira taʼ Nelson Mandela, il-​president taʼ l-​Afrika t’Isfel. Wara s-​servizz, il-​president ta ħajr mill-​qalb lill-​kelliem. Fost dawk li attendew kien hemm ħafna dinjitarji u uffiċjali għoljin. “Dan huwa l-​iktar funeral dinjituż li qatt attendejt,” qalet waħda mill-​ministri tal-​kabinett.

L-​Ilbies tal-​Vistu Huwa Aċċettabbli?

Ix-​Xhieda taʼ Jehovah jitnikktu meta jmutilhom xi ħadd li kienu jħobbuh. Bħal Ġesù, forsi jibku. (Ġwann 11:35, 36) Imma ma jħossux li huwa neċessarju li juru n-​niket tagħhom b’xi simbolu fil-​pubbliku. (Qabbel Mattew 6:16-18.) F’ħafna artijiet, ir-​romol huma mistennijin li jilbsu lbies speċjali tal-​vistu biex jogħġbu lill-​mejjet. Dawn il-​ħwejjeġ iridu jintlibsu għal xhur sħaħ jew saħansitra għal sena minn mindu jseħħ il-​funeral, u meta jneħħuhom tkun okkażjoni għal festa oħra.

Meta wieħed jonqos li juri sinjali taʼ vistu, dan jitqies bħala offiża kontra l-​persuna l-​mejta. Għal din ir-​raġuni, f’xi nħawi taʼ Sważiland, xi kapijiet tribwali keċċew lix-​Xhieda taʼ Jehovah minn djarhom stess u minn artijiethom. Madankollu, Kristjani leali bħal dawn dejjem ħadu ħsiebhom ħuthom spiritwali taʼ xi post ieħor.

Il-Qorti Superjuri taʼ Sważiland qatgħetha favur ix-​Xhieda taʼ Jehovah, billi qalet li dawn għandhom jitħallew imorru lura lejn djarhom u lejn artijiethom. F’każ ieħor, waħda armla Kristjana ħallewha tibqaʼ fil-​propjetà tagħha wara li pproduċiet ittra u tejp irrekordjat fejn ir-​raġel tagħha li kien għadu kif miet kien stqarr biċ-​ċar li martu m’għandhiex tilbes ilbies taʼ vistu. B’hekk, setgħet tagħti prova li hi kienet qiegħda verament turi rispett lejn żewġha.

Hija xi ħaġa imprezzabbli meta wieħed jagħti istruzzjonijiet ċari taʼ kif għandu jindifen qabel ma dan imut, speċjalment f’postijiet fejn il-​prattiċi mhux skritturali huma komuni. Ikkunsidra l-​eżempju taʼ Victor, li joqgħod il-​Kamerun. Hu niżżel bil-​miktub il-​programm li kellu jiġi segwit fil-​funeral tiegħu. Fil-​familja tiegħu kien hemm ħafna nies influwenti li kienu jagħmlu parti minn kultura bi tradizzjonijiet qawwijin rigward il-​mejtin, inkluż il-​qima taʼ l-​irjus tal-​bnedmin. Peress li Victor kien membru rispettat tal-​familja, hu kien jaf li wisq probabbli rasu kienet se tiġi ttrattata b’dan il-​mod. Hu b’hekk ta istruzzjonijiet ċari taʼ kif ix-​Xhieda taʼ Jehovah għandhom jieħdu ħsieb il-​funeral tiegħu. Dan għamilha iktar faċli għall-​armla tiegħu u għal uliedu, u ngħatat xiehda tajba fil-​komunità.

Evita li Timita Drawwiet mhux Skritturali

Xi wħud li għandhom għarfien tal-​Bibbja beżgħu jidhru differenti minn ħaddieħor. Biex jevitaw il-​persekuzzjoni, huma pprovaw jogħġbu lill-​ġirien tagħhom billi għamlu taʼ bir-​ruħhom li qegħdin jagħmlu xi sahra tradizzjonali għall-​mejtin. Fil-​waqt li tkun xi ħaġa tajba li wieħed iżur lil dawk li jġarrbu t-​telfa taʼ xi ħadd sabiex jipprovdilhom faraġ b’mod persunali, dan ma jfissirx li għandu jsir servizz funebri fid-​dar tal-​mejjet kull lejl qabel id-​dfin innifsu. Dan jistaʼ jfixkel lil xi osservaturi, peress li jistaʼ jagħtihom l-​impressjoni li l-​parteċipanti ma jemmnux verament dak li tgħid il-​Bibbja dwar il-​qagħda tal-​mejtin.—1 Korintin 10:32.

Il-Bibbja tħeġġeġ lill-​Kristjani biex ipoġġu l-​ewwel f’ħajjithom il-​qima lejn Alla u li jagħmlu użu għaqli mill-​ħin tagħhom. (Mattew 6:33; Efesin 5:15, 16) F’xi postijiet, madankollu, l-​attività fil-​kongregazzjoni waqfet kompletament għal ġimgħa jew iktar minħabba funeral. Din il-​problema m’hijiex biss fl-​Afrika. Rigward funeral minnhom, rapport mill-​Amerka t’Isfel jgħid: “Kellna attendenza bil-​wisq baxxa għal tliet laqgħat Kristjani. Ħadd ma ħareġ fis-​servizz taʼ l-​għalqa għal madwar għaxart ijiem. Anki nies barra l-​kongregazzjoni u studenti tal-​Bibbja baqgħu sorpriżi u ddiżappuntati li jaraw lil xi wħud minn ħutna rġiel u nisa jipparteċipaw.”

F’xi komunitajiet, familja li jkun mitilha xi ħadd għandha mnejn tistieden lil xi ftit ħbieb tal-​qalb biex jieħdu xi ħaġa żgħira magħhom wara l-​funeral. Imma f’ħafna partijiet taʼ l-​Afrika, il-​mijiet li jattendu l-​funeral ilkoll jerħulha għal għand id-​dar tal-​mejjet u jippretendu li ssir festa, fejn taʼ spiss jiġu ssagrifikati l-​annimali. Xi wħud imseħbin mal-​kongregazzjoni Kristjana imitaw din id-​drawwa, billi taw l-​impressjoni li qegħdin jagħmlu l-​festi tradizzjonali biex jogħġbu lill-​mejjet.

Is-servizzi funebri li jsiru mix-​Xhieda taʼ Jehovah ma jitfgħux piż finanzjarju fuq dawk li jkun mitilhom xi ħadd. Għalhekk, m’għandux ikun neċessarju li jsir arranġament speċjali biex dawk preżenti joħorġu l-​flus ħalli jitħallsu l-​ispejjeż żejda tal-​funeral. Jekk romol foqra ma jkunux jistgħu jlaħħqu maʼ l-​ispejjeż neċessarji, oħrajn fil-​kongregazzjoni żgur li se jkunu lesti li jgħinuhom. Jekk għajnuna bħal din ma tkunx biżżejjed, l-​anzjani jistgħu jagħmlu arranġamenti biex tingħata għajnuna materjali lil uħud li jistħoqqilhom.—1 Timotju 5:3, 4.

Id-drawwiet funebri mhux dejjem joħolqu konflitt maʼ prinċipji tal-​Bibbja. Meta dawn ma jaqblux, il-​Kristjani huma ddeterminati li jaġixxu f’armonija maʼ l-​Iskrittura.c (Atti 5:29) Għalkemm dan jistaʼ jġib iktar tribulazzjoni, ħafna qaddejja t’Alla jistgħu jixhdu li rnexxielhom jiffaċċjaw provi bħal dawn b’suċċess. Huma għamlu dan permezz tal-​qawwa mingħand Jehovah, “Alla taʼ kull faraġ,” u bil-​għajnuna kollha mħabba t’adoraturi sħabhom li farrġuhom fit-​tribulazzjoni tagħhom.—2 Korintin 1:3, 4.

[Noti taʼ taħt]

a F’dan l-​artiklu l-​ismijiet ġew mibdulin.

b F’xi gruppi u kulturi lingwistiċi t-​terminu “sahra” japplika għal żjara qasira biex jiġu mfarrġin dawk li ġarrbu t-​telfa taʼ xi ħadd. Jistaʼ jkun li ma jkun hemm xejn li mhux skritturali involut. Ara l-​Awake! tat-​22 taʼ Mejju, 1979, paġni 27-8.

c Fejn id-​drawwiet funebri x’aktarx li jġibu provi severi fuq Kristjan, l-​anzjani jistgħu jħejju lill-​kandidati għall-​magħmudija għal dak li jistaʼ jinqalaʼ. Meta jsiru l-​laqgħat maʼ dawn il-​ġodda biex jiġu diskussi l-​mistoqsijiet mill-​ktejjeb Tagħlim Elementari tal-​Bibbja, għandha tingħata attenzjoni bir-​reqqa għas-​sezzjonijiet “Ir-​Ruħ, id-​Dnub u l-​Mewt” u “Taħlit taʼ Fidi.” It-​tnejn li huma għandhom mistoqsijiet oħrajn għal diskussjoni. Hawn hu fejn l-​anzjani jistgħu jipprovdu informazzjoni dwar drawwiet funebri mhux skritturali ħalli l-​kandidat għall-​magħmudija jkun jaf x’titlob minnu l-​Kelma t’Alla jekk xi darba jiġi ffaċċjat minn sitwazzjonijiet simili.

[Kaxxa f’paġna 23]

Imberkin għall-​Waqfa Soda Tagħhom

Sibongili hija armla Kristjana kuraġġuża li tgħix fi Sważiland. Wara l-​mewt reċenti taʼ żewġha, hi rrifjutat li timxi mad-​drawwiet li ħafna kienu jaħsbu li jogħġbu lill-​mejjet. Per eżempju, hi ma qaxxritx xagħarha. (Dewteronomju 14:1) Tmien membri tal-​familja rrabjaw meta raw dan u qaxxrulha xagħarha bilfors. Dawn lanqas biss ħallew lix-​Xhieda taʼ Jehovah jżuru lil Sibongili d-​dar biex ifarrġuha. Madankollu, individwi oħrajn interessati fil-​messaġġ tas-​Saltna għoġobhom iżuruha b’ittri taʼ inkuraġġiment miktubin mill-​anzjani. Dak in-​nhar li Sibongili kellha tilbes l-​ilbies tal-​vistu, ġrat xi ħaġa mhux tas-​soltu. Membru influwenti tal-​familja sejjaħ laqgħa biex jiddiskuti għala hi rrifjutat li timxi mad-​drawwiet tradizzjonali tal-​vistu.

Sibongili tirrapporta: “Huma staqsewni jekk it-​twemmin reliġjuż tiegħi kienx iħallini nesprimi n-​niket tiegħi billi nilbes il-​ħwejjeġ suwed tal-​vistu. Wara li spjegajt il-​pożizzjoni tiegħi, qaluli li ma kinux se jisforzawni. B’sorpriża għalija, ilkoll kemm huma talbuni skuża talli kienu ttrattawni bil-​goff u qaxxruli xagħri bla ma ridt. Ilkoll talbuni naħfrilhom.” Iktar tard, oħt Sibongili esprimiet il-​konvinzjoni tagħha li x-​Xhieda taʼ Jehovah għandhom ir-​reliġjon il-​vera, u talbet studju tal-​Bibbja.

Ikkunsidra eżempju ieħor: Raġel mill-​Afrika t’Isfel li jismu Benjamin kellu 29 sena meta sar jaf li missieru kien miet ħabta u sabta. Dakinhar, Benjamin kien l-​uniku Xhud fil-​familja. Matul is-​servizz funebri, kulħadd kien mistenni li jgħaddi minn ħdejn il-​qabar u jitfaʼ ponn ħamrija fuq it-​tebut.d Wara d-​difna, il-​membri immedjati kollha tal-​familja qaxxrulhom xagħarhom. Peress li Benjamin ma ħax sehem f’dawn ir-​ritwali, il-​ġirien u l-​membri tal-​familja bassru li hu kien se jiġi kkastigat mill-​ispirtu taʼ missieru l-​mejjet.

“Peress li fdajt f’Jehovah, ma ġrali xejn,” jgħid Benjamin. Il-​membri tal-​familja raw kif ma ġralu xejn. Maż-​żmien, xi wħud minnhom bdew jistudjaw il-​Bibbja max-​Xhieda taʼ Jehovah u tgħammdu bħala simbolu tad-​dedikazzjoni tagħhom lil Alla. U Benjamin? Hu daħal fix-​xogħol full-time taʼ l-​evanġelizzar. Għal dawn l-​aħħar snin, kellu l-​privileġġ mill-​aqwa li jaqdi f’kongregazzjonijiet tax-​Xhieda taʼ Jehovah bħala indokratur li jivvjaġġa.

[Nota taʼ taħt]

d Xi wħud forsi ma jaraw xejn ħażin f’li jitfgħu l-​fjuri jew ponn ħamrija fuq il-​qabar. Kristjan, madankollu, jevita din id-​drawwa jekk il-​komunità tħares lejn dan bħala mod kif jiġi kkwitat il-​mejjet jew jekk din id-​drawwa tkun parti minn ċerimonja mmexxija minn ministru taʼ reliġjon falza.​—Ara l-​Awake! tat-​22 taʼ Marzu, 1997, paġna 15.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja