LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w98 2/1 pp. 4-6
  • Bażi Soda Għal Ottimiżmu Llum

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Bażi Soda Għal Ottimiżmu Llum
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • L-​Ottimiżmu t’Abraham Ippremjat
  • Żewġ Spiji Ottimisti
  • L-​Eżitazzjoni taʼ Ġona
  • Ottimiżmu Meta Jiġi l-​Għawġ
  • Il-​Veru Ottimiżmu Jittrijonfa!
  • Tgħallem Lezzjoni Dwar il-Ħniena
    Imita l-Fidi Tagħhom
  • Ġona Jsir Jaf X’Inhi l-Ħniena taʼ Jehovah
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
  • Tgħallem mill-Iżbalji Tiegħu
    Imita l-Fidi Tagħhom
  • Liema Ħarsa Għandu Jkollna Lejn in-Nies Hekk Kif Joqrob il-Jum taʼ Jehovah?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
w98 2/1 pp. 4-6

Bażi Soda Għal Ottimiżmu Llum

IL-​KITTIEB taʼ l-​istorja u soċjologu H.G. Wells, li twieled fl-​1866, kellu influwenza qawwija fuq il-​mod taʼ ħsieb tan-​nies fis-​seklu 20. Permezz tal-​kitbiet tiegħu, hu fisser il-​konvinzjoni tiegħu li l-​millennju kien se jikkorrispondi maʼ l-​avvanz tax-​xjenza. B’hekk, il-​Collier’s Encyclopedia ssemmi “l-​ottimiżmu mingħajr limiti” taʼ Wells hekk kif ħadem bla heda biex juri kemm kien veru dak li kien jemmen hu. Imma din tinnota wkoll li l-​ottimiżmu tiegħu sfaxxa fix-​xejn meta faqqgħet it-​Tieni Gwerra Dinjija.

Hekk kif Wells irrealizza li “x-​xjenza setgħet taħdem favur il-​ħażin kif ukoll favur it-​tajjeb, il-​fidi li kellu sfumat fix-​xejn, u waqaʼ fil-​pessimiżmu,” jistqarr iċ-​Chambers’s Biographical Dictionary. Dan għala ġara?

Il-fidi u l-​ottimiżmu taʼ Wells kienu bbażati biss fuq dak li jirnexxilhom jagħmlu l-​bnedmin. Meta rrealizza li l-​umanità ma kinitx kapaċi twettaq il-​ħolma tiegħu, ma kellux alternattiva oħra. Id-​disperazzjoni malajr inbidlet f’pessimiżmu.

Illum, ħafna nies jgħaddu mill-​istess esperjenza għall-​istess raġuni. Huma jkunu jbaqbqu bl-​ottimiżmu meta jkunu għadhom żgħar imma jsiru pessimisti għall-​aħħar iktar ma jikbru. Hemm saħansitra dawk li jkunu għadhom żgħar u li jaqtgħu qalbhom milli jibqgħu jgħixu l-​ħajja hekk imsejħa normali u jagħtuha għall-​abbuż tad-​drogi, il-​promiskwità, u stili taʼ ħajja distruttivi oħrajn. X’inhi t-​tweġiba? Ikkunsidra dawn l-​eżempji miż-​żminijiet Bibliċi u ara x’bażi hemm għal ottimiżmu​—mill-​passat, fil-​preżent, u fil-​futur.

L-​Ottimiżmu t’Abraham Ippremjat

Fis-​sena 1943 Q.E.K., Abraham telaq minn Ħaran, qasam ix-​Xmara Ewfrat, u daħal fl-​art taʼ Kangħan. Abraham ġie deskritt bħala l-​“missier taʼ dawk kollha li jemmnu,” u x’eżempju mill-​aħjar ħalla!—Rumani 4:11.

Abraham kien akkumpanjat minn Lot, l-​iben orfni taʼ ħu Abraham, u mill-​familja taʼ Lot. Iktar tard, meta f’dik l-​art waqaʼ l-​ġuħ, iż-​żewġ familji marru l-​Eġittu, u maż-​żmien reġgħu lura flimkien. Sa issa kemm Abraham u kemm Lot kienu laħqu akkumulaw ħafna ġid, kif ukoll imrieħel taʼ bhejjem u annimali oħrajn. Meta qam argument bejn ir-​rgħajja tagħhom, Abraham ħa l-​inizjattiva u qal: “Ma għandux ikun hemm ġlied bejni u bejnek, u bejn ir-​rgħajja tiegħi u r-​rgħajja tiegħek, għax aħna aħwa. M’hix l-​art kollha quddiemek? Tbiegħed minni, nitolbok. Jekk tiġbed lejn ix-​xellug, jien immur lejn il-​lemin, u jekk tiġbed lejn il-​lemin, jien immur lejn ix-​xellug.”—Ġenesi 13:8, 9.

Abraham, billi kien l-​akbar minnhom it-​tnejn, setaʼ dawwar il-​kwistjoni kif kien jaqbel lilu, u Lot, b’rispett lejn zijuh, setaʼ ħalla l-​għażla f’idejn Abraham. Minflok, “Lot rafaʼ għajnejh, u ra li l-​inħawi kollha madwar il-​Ġordan kien kollu rabaʼ saqwi​—qabel ma l-​Mulej qered lil Sodoma u ’l Gomorra—​bħall-ġnien tal-​Mulej u bħall-​art taʼ l-​Eġittu sa ħdejn Sogħar. U Lot għażel l-​inħawi kollha madwar il-​Ġordan.” B’għażla bħal din, Lot kellu kull raġuni biex ikun ottimist. Imma xi ngħidu għal Abraham?—Ġenesi 13:10, 11.

Kien Abraham dieħel għal xi ħaġa bla ma jqisha, u b’hekk jissogra l-​benesseri tal-​familja tiegħu? Le. L-​attitudni pożittiva u l-​ispirtu ġeneruż t’Abraham ġabulu barkiet kbar. Jehovah qal lil Abraham: “Arfaʼ għajnejk u ħares mill-​post fejn int qiegħed, lejn it-​tramuntana u n-​nofsinhar, lejn il-​lvant u l-​punent; l-​art kollha li qiegħed tara, lilek nagħtiha u lil nislek għal dejjem.”—Ġenesi 13:14, 15.

L-ottimiżmu t’Abraham kellu bażi soda. Kien imsejjes fuq il-​wegħda t’Alla li kien se jipproduċi ġens kbir minn Abraham sabiex “jitbierku [b’Abraham] it-​tribujiet kollha taʼ l-​art.” (Ġenesi 12:2-4, 7) Aħna wkoll għandna għalfejn inkunu fiduċjużi, billi nafu li “Alla, maʼ dawk li jħobbuh, . . . f’kollox jaħdem id f’id għall-​ġid tagħhom.”—Rumani 8:28.

Żewġ Spiji Ottimisti

Iktar minn 400 sena wara, il-​ġens taʼ Iżrael kien għal-​lest biex jidħol f’Kangħan, “art tnixxi ħalib u għasel.” (Eżodu 3:8; Dewteronomju 6:3) Mosè qabbad 12-il kap biex ‘jitkixxfulhom l-​art, u jgħarrfulhom it-​triq li kellhom jitilgħu minnha, u l-​ibliet li kienu se jmorru fihom.’ (Dewteronomju 1:22; Numri 13:2) It-​tnax-il spija kollha qablu b’mod unanimu fid-​deskrizzjoni tagħhom tal-​prosperità taʼ l-​art, imma 10 minnhom taw rapport pessimist li qanqal il-​biżaʼ fil-​qlub tan-​nies.—Numri 13:31-33.

Ġożwè u Kaleb, mill-​banda l-​oħra, ippreżentaw messaġġ ottimist lill-​poplu, u għamlu dak kollu li setgħu biex jikkalmaw lin-​nies imbeżżgħin. L-​attitudni u r-​rapport tagħhom irriflettew fiduċja sħiħa fl-​abbiltà taʼ Jehovah li jwettaq il-​kelma tiegħu li jreġġagħhom lura lejn l-​Art Imwiegħda​—imma għalxejn. Minflok, “[i]l-ġemgħa kollha wieġbet billi riedet tħaġġarhom.”—Numri 13:30; 14:6-10.

Mosè ħeġġeġ lin-​nies biex jafdaw f’Jehovah, imma huma ma ridux jisimgħu. Minħabba li ppersistew fl-​attitudni pessimista tagħhom, il-​ġens kollu kellu jiġġerra fid-​deżert għal 40 sena. Mit-​tnax-il spija, Ġożwè u Kaleb biss esperjenzaw il-​barkiet taʼ li tkun ottimist. X’kien l-​għerq tal-​problema? Nuqqas taʼ fidi, għax in-​nies straħu fuq l-​għerf tagħhom stess.—Numri 14:26-30; Lhud 3:7-12.

L-​Eżitazzjoni taʼ Ġona

Ġona kien jgħix fid-​disaʼ seklu Q.E.K. Il-​Bibbja tindika li hu kien profeta leali taʼ Jehovah għas-​saltna taʼ l-​għaxar tribujiet taʼ Iżrael, f’xi żmien matul ir-​renju taʼ Ġeroboam II. Madankollu, hu rrifjuta li jaċċetta inkarigu biex imur Ninwè ħalli jagħti twissija lin-​nies. Il-​kittieb taʼ l-​istorja Josefus jgħid li Ġona “ħaseb li kien ikun aħjar jekk iwarrab baxx baxx” u minflok jerħilha lejn Ġoppa. Hemmhekk hu imbarka fuq ġifen li kien sejjer Tarsis, li x’aktarx hija Spanja tal-​lum. (Ġona 1:1-3) Għala Ġona kellu ħarsa daqstant pessimista lejn dan l-​inkarigu huwa spjegat f’Ġona 4:2.

Eventwalment Ġona aċċetta li jwettaq il-​missjoni tiegħu, imma rrabja meta n-​nies taʼ Ninwè nidmu. Għalhekk, Jehovah tah lezzjoni mill-​aħjar fil-​mogħdrija billi ġiegħel lill-​pjanta tar-​riġnu, li kien qed jistkenn taħtha Ġona, tinxef u tmut. (Ġona 4:1-8) Kien ikun iktar xieraq kieku s-​sentimenti taʼ dispjaċir taʼ Ġona, għax mietet il-​pjanta, kienu għall-​120,000 ruħ f’Ninwè li ma kinux jafu “jagħżlu bejn il-​lemin u x-​xellug tagħhom.”—Ġona 4:11.

X’nistgħu nitgħallmu mill-​esperjenza taʼ Ġona? Is-​servizz sagru ma jħalli ebda wisaʼ għal pessimiżmu. Jekk nagħrfu d-​direzzjoni taʼ Jehovah u nsegwuha b’fiduċja sħiħa, se ngawdu suċċess.—Proverbji 3:5, 6.

Ottimiżmu Meta Jiġi l-​Għawġ

“La tagħdabx minħabba l-​ħżiena,” iddikjara s-​Sultan David. “La tgħirx għal dawk li jagħmlu d-​deni.” (Salm 37:1) Dak huwa parir għaqli, tabilħaqq, għax illum ninsabu mdawrin mill-​inġustizzja u l-​qerq.—Koħèlet 8:11.

Madankollu, anki jekk ma ngħirux għal uħud mhux twajbin, huwa faċli li nħossuna frustrati meta naraw nies innoċenti jsofru minħabba nies mill-​agħar jew meta aħna nfusna niġu ttrattati inġustament. Esperjenzi bħal dawn jistgħu anki jġagħluna naqtgħu qalbna jew niżviluppaw attitudni pessimista. Meta nħossuna hekk, x’għandna nagħmlu? L-​ewwelnett, nistgħu nżommu f’moħħna li dawk mill-​agħar ma jistgħux jassumu bla ma jimpurtahom xejn li l-​kastig mistħoqq qatt m’hu se jasal. Salm 37 ikompli jassigurana f’vers 2: “Għax bħall-​ħaxix [dawk mill-​agħar] malajr ji[db]ielu, u bħan-​nibbieta malajr jinxfu.”

Iżjed minn hekk, nistgħu nkomplu nagħmlu dak li hu tajjeb, nibqgħu ottimisti, u nistrieħu fuq Jehovah. “Tbiegħed mill-​ħażen u agħmel it-​tajjeb, biex tibqaʼ tgħammar għal dejjem,” kompla s-​salmista. “Għax il-​Mulej iħobb is-​sewwa, u ma jitlaqx it-​twajbin [“lill-​uħud leali,” New World Translation] tiegħu.”—Salm 37:27, 28.

Il-​Veru Ottimiżmu Jittrijonfa!

Xi ngħidu, allura, għall-​futur tagħna? Il-​ktieb Bibliku t’Apokalissi jgħidilna dwar “dak li għandu jiġri ma jdumx.” Fost dawn l-​affarijiet, żiemel lewn in-​nar, li jiffigura gwerra, huwa rrivelat li se “jeqred il-​paċi minn fuq wiċċ l-​art.”—Apokalissi 1:1; 6:4.

Opinjoni popolari​—u ottimista—​li kellhom in-​nies fil-​Britannja matul l-​Ewwel Gwerra Dinjija kienet li dik kellha tkun l-​aħħar gwerra kbira. Fl-​1916, il-​politiku Britanniku David Lloyd George kien iktar realistiku. Hu qal: “Din il-​gwerra, bħall-​gwerra li jmiss, hija gwerra biex ittemm il-​gwerer.” (Korsiv tagħna.) Kellu raġun. It-​Tieni Gwerra Dinjija serviet biss biex tgħaġġel il-​produzzjoni taʼ metodi iktar kefrin taʼ qerda fuq skala kbira. Iktar minn 50 sena wara, għad m’hemmx ħjiel taʼ tmiem għall-​gwerer.

Fl-istess ktieb t’Apokalissi, naqraw dwar rikkieba oħrajn taż-​żwiemel​—li jissimbolizzaw ġuħ, pestilenza, u mewt. (Apokalissi 6:5-8) Dawn huma aspetti oħrajn tas-​sinjal taż-​żminijiet.—Mattew 24:3-8.

Għandhom dawn iġagħluna nsiru pessimisti? Bl-​ebda mod, għax il-​viżjoni tiddeskrivi wkoll “żiemel abjad, u dak li kien riekeb fuqu kellu qaws, u ngħatatlu kuruna; u ħareġ hu, rebbieħ, biex ikompli jirbaħ.” (Apokalissi 6:2) Hawn naraw lil Ġesù Kristu bħala Sultan fis-​sema jneħħi l-​ħażen kollu, riekeb biex jistabbilixxi l-​paċi u l-​armonija mad-​dinja kollha.a

Bħala s-​Sultan-Innominat, Ġesù Kristu, meta kien fuq l-​art, għallem lid-​dixxipli tiegħu biex jitolbu għal dik is-​Saltna. Forsi int ukoll ġejt mgħallem biex tgħid il-​“Missierna.” Meta ngħiduha nkunu qed nitolbu għas-​Saltna t’Alla biex tiġi, għar-​rieda tiegħu biex tiġi mwettqa hawn fuq l-​art bħalma hi fis-​sema.—Mattew 6:9-13.

Minflok ma jipprova jirranġa minn hawn u minn hemm is-​sistema preżenti t’affarijiet, Jehovah, billi jaġixxi permezz tas-​Sultan Messjaniku tiegħu, Kristu Ġesù, se jneħħiha kompletament. Flokha, jgħid Jehovah, “se noħloq smewwiet ġodda u art ġdida. Ma jitfakkarx iżjed l-​imgħoddi, f’moħħ ħadd aktar ma jiġi.” Taħt il-​gvern tas-​Saltna tas-​sema, l-​art se ssir dar mimlija paċi u hena għall-​umanità, fejn il-​ħajja u x-​xogħol se jkunu sors taʼ ferħ kontinwu. ‘Aqbżu bil-​ferħ għal dejjem minħabba f’dak li għad noħloq jien,’ jgħid Jehovah. ‘Il-​magħżulin tiegħi jistgħallu xogħol idejhom.’ (Isaija 65:17-22) Jekk tibbaża t-​tama tiegħek għall-​futur fuq dik il-​wegħda li ma tfallix, se jkollok kull raġuni biex tkun ottimist​—issa u għal dejjem!

[Nota taʼ taħt]

a Għal diskussjoni dettaljata taʼ din il-​viżjoni, jekk jogħġbok ara kapitlu 16 tal-​ktieb Revelation​—Its Grand Climax At Hand!, ippubblikat mill-​Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.

[Stampa f’paġna 4]

H.G. Wells

[Sors f’paġna 4]

Corbis-Bettmann

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja