Proklamaturi tas-Saltna Jirrapportaw
Is-Sabar Iwassal għall-Barka t’Alla fil-Malawi
ĠUŻEPPI kien qaddej leali taʼ Jehovah. (Lhud 11:22) Kien ukoll bniedem li kellu sabar impressjonanti. Avolja ġie ttradut minn ħutu stess, darbtejn mibjugħ fil-jasar, u iktar tard mitfugħ il-ħabs taħt akkużi foloz, Ġużeppi ma ċediex. Pjuttost, bil-paċenzja hu ssaporta snin taʼ tribulazzjoni, billi bl-umiltà stenna l-barka taʼ Jehovah.—Ġenesi 37:23-28, 36; 39:11-20.
L-istess illum, ix-Xhieda taʼ Jehovah fil-Malawi stennew bil-paċenzja għall-barka t’Alla. Għal 26 sena, dawn ix-Xhieda Kristjani ssaportew projbizzjonijiet mill-gvern, oppożizzjoni ħarxa, u ħafna atroċitajiet. Imma s-sabar tagħhom ta l-frott!
Meta faqqgħet il-persekuzzjoni fil-Malawi lejn it-tmiem taʼ l-1967, kien hemm madwar 18,000 pubblikatur tas-Saltna. Immaġina l-ferħ tax-Xhieda meta saru jafu li s-sena taʼ servizz 1997 bdiet b’quċċata ġdida taʼ 38,393 pubblikatur—iktar mid-doppju taʼ dawk li kien hemm fil-bidu tal-projbizzjoni! Iktar minn hekk, l-attendenza għat-13-il Konvenzjoni Distrettwali intitolata “Messaġġiera Tal-Paċi Divina” li nżammu fil-Malawi telgħet għal iktar minn 117,000. Verament, Jehovah bierek il-fidi u s-sabar tagħhom.
Eżempju taʼ din il-barka hija l-esperjenza taʼ tifel taʼ 14-il sena jismu Machaka. Meta Machaka aċċetta li jistudja l-Bibbja max-Xhieda taʼ Jehovah, il-ġenituri tiegħu ħaduha bi kbira wisq. Huma qalulu: “Jekk trid issir Xhud, ikollok titlaq mid-dar.” Din it-theddida, madankollu, ma skuraġġitux milli jkompli l-istudju tiegħu. Bħala riżultat, il-ġenituri taʼ Machaka ħadulu ħwejġu kollha. L-aħwa aġixxew billi xtrawlu ftit ħwejjeġ oħra. Meta l-ġenituri taʼ Machaka saru jafu b’dan, qalulu: “Jekk ix-Xhieda se jmantnuk, tistaʼ titlaq u tmur tgħix magħhom.” Wara li kkunsidra l-kwistjoni bir-reqqa, Machaka telaq mid-dar, u familja tax-Xhieda fil-kongregazzjoni lokali żammewh magħhom.
Il-ġenituri taʼ Machaka tant kienu urtati li ddeċidew li jmorru joqogħdu x’imkien ieħor sabiex jevitaw kull kuntatt max-Xhieda. M’għandniex xi ngħidu, Machaka, kien imnikket ħafna b’dan, imma sab ħafna faraġ meta l-aħwa ddiskutew miegħu Salm 27:10, li jistqarr: “Għalkemm telquni missieri u ommi, il-Mulej jilqagħni għandu.”
Maż-żmien, il-ġenituri taʼ Machaka ma baqgħux b’dik l-attitudni, u hu ddeċieda li jerġaʼ jmur lura d-dar. Milli jidher id-determinazzjoni taʼ binhom biex jaqdi lil Jehovah għamlet impressjoni qawwija fuqhom għaliex anki huma riedu jistudjaw il-Bibbja max-Xhieda taʼ Jehovah! Huma attendew ukoll it-tlett ijiem kollha tal-Konvenzjoni Distrettwali intitolata “Messaġġiera Tal-Paċi Divina,” fejn wara ġew imqanqlin biex jiddikjaraw: “Verament, din hi l-organizzazzjoni t’Alla.”
Iva, l-oppożizzjoni għandha mnejn tkun taʼ prova, imma l-messaġġiera leali t’Alla ma jaqtgħux qalbhom. Huma b’kuraġġ jibqgħu jistinkaw, billi jafu li “s-sofferenza ġġib is-sabar, is-sabar irawwem il-ħila.” (Rumani 5:3, 4) Ix-Xhieda taʼ Jehovah fil-Malawi jistgħu bir-raġun kollu jixhdu li s-sabar iwassal għall-barka t’Alla.